European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1771

25.6.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1771

tat-13 ta’ Marzu 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-ambitu u l-metodi għall-konsolidazzjoni prudenzjali ta’ grupp ta’ ditti tal-investiment

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5), it-tielet subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġu speċifikati d-dettalji tal-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali ta’ grupp ta’ ditti tal-investiment kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/2033, huwa meħtieġ li jiġu ddeterminati, abbażi tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-rabtiet li abbażi tagħhom l-impriżi ta’ servizzi anċillari, l-istituzzjonijiet finanzjarji, id-ditti tal-investiment, u l-aġenti marbuta relatati ma’ ditta tal-investiment, kumpanija azzjonarja ta’ investiment jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta partikolari, jenħtieġ li jiġu inklużi f’dak l-ambitu.

(2)

Sabiex jiġu żgurati l-effettività u n-newtralità tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji għall-awtoritajiet kompetenti biex jiddeterminaw fejn jeżistu rabtiet bejn kumpaniji omm u sussidjarji għall-gruppi ta’ ditti tal-investiment kollha madwar l-Unjoni.

(3)

Sabiex jitqiesu r-rabtiet għas-superviżjoni konsolidata, jenħtieġ li l-impriżi ta’ servizzi anċillari, l-istituzzjonijiet finanzjarji, id-ditti tal-investiment, u l-aġenti marbuta jiġu inklużi fl-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali tal-impriża omm tal-Unjoni fejn ikun stabbilit il-kontroll, tiġi eżerċitata l-influwenza dominanti, jew jiġu identifikati ġestjoni unifikata jew rabtiet orizzontali.

(4)

Sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità, u b’mod partikolari biex titqies id-diversità fid-daqs tal-impriżi u l-iskala tal-operazzjonijiet tagħhom, impriża omm tal-Unjoni jenħtieġ li titħalla teskludi impriżi żgħar mill-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali.

(5)

Skont l-Artikolu 22(2), il-punt (b), tad-Direttiva 2013/34/UE, l-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali ta’ grupp ta’ ditti tal-investiment għandu jinkludi każijiet fejn l-entitajiet tal-grupp ta’ ditti tal-investiment ikunu ġestiti fuq bażi unifikata. Sabiex jiddeterminaw li tali entitajiet ikunu ġestiti fuq bażi unifikata, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom evidenza konkreta li jkun hemm koordinazzjoni effettiva tal-politiki finanzjarji u operattivi ta’ tali entitajiet.

(6)

Skont l-Artikolu 22(7), il-punti (a) u (b), tad-Direttiva 2013/34/UE, l-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali ta’ grupp ta’ ditti tal-investiment irid jinkludi każijiet ta’ rabtiet orizzontali fejn żewġ entitajiet ikunu relatati, fejn entità waħda ma tkunx sussidjarja tal-oħra u għalhekk ikun impossibbli li tiġi ddeterminata impriża omm tal-Unjoni. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti jew, fejn applikabbli, is-superviżur tal-grupp kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (15), tad-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jiddeterminaw l-entità li jenħtieġ li twettaq il-konsolidazzjoni u tassumi r-rwol ta’ impriża omm fl-Unjoni.

(7)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-rekwiżiti prudenzjali fil-livell konsolidat, il-konsolidazzjoni sħiħa tal-entitajiet kollha inklużi fl-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali jenħtieġ li tiġi applikata bħala regola ġenerali. Meta żewġ impriżi jkunu relatati kif imsemmi fl-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2013/34/UE, jenħtieġ li tiġi applikata konsolidazzjoni f’konformità mal-Artikolu 22(8) u (9) tad-Direttiva 2013/34/UE (“il-metodu ta’ aggregazzjoni”).

(8)

Huwa meħtieġ li jiġi evitat l-użu multiplu ta’ elementi eliġibbli għall-kalkolu tal-fondi proprji. L-impriżi omm tal-Unjoni, meta jikkalkulaw ir-rekwiżit ta’ kapital minimu permanenti konsolidat għal grupp ta’ ditti tal-investiment, jenħtieġ li għalhekk iżidu r-rekwiżiti ta’ kapital minimi permanenti individwali għal ditti tal-investiment individwali mal-kapital inizjali ta’ dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji li huma soġġetti għal dak it-tip ta’ rekwiżit ta’ kapital, b’mod partikolari kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi, istituzzjonijiet ta’ pagament, u istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi.

(9)

Iċ-ċifri tan-nefqa kkonsolidata mill-applikazzjoni tal-qafas kontabilistiku rilevanti ma jeżistux f’kull każ. Sabiex jiġi ddeterminat ir-rekwiżit tal-ispejjeż ġenerali fissi konsolidati għall-fini ta’ konsolidazzjoni prudenzjali, jenħtieġ li impriża omm tal-Unjoni għalhekk tikkalkula l-ammont ta’ nefqa meħtieġ mill-grupp ta’ ditti tal-investiment billi tgħodd flimkien in-nefqa tal-impriża omm tal-Unjoni, u tal-entitajiet li huma prudenzjalment konsolidati fil-grupp ta’ ditti tal-investiment u, meta ma jkunux diġà inklużi fil-kostijiet tad-ditti tal-investiment, il-kostijiet tal-aġenti marbuta.

(10)

Bidliet, inklużi bidliet fil-mudelli tan-negozju, jew fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet, jistgħu jirriżultaw f’varjazzjonijiet sinifikanti fl-ispejjeż ġenerali fissi projettati. Għad-determinazzjoni tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji abbażi tal-ispejjeż ġenerali fissi, huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti livelli limitu oġġettivi tal-ispejjeż ġenerali fissi projettati.

(11)

Għall-kalkolu tal-fatturi-K ikkonsolidati, jenħtieġ li jitqiesu wkoll dawk l-attivitajiet u s-servizzi li huma inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jew l-attivitajiet u s-servizzi assoċjati, irrispettivament minn jekk dawk l-attivitajiet u s-servizzi jitwettqux mid-ditti tal-investiment jew minn entitajiet oħra tal-grupp ta’ ditti tal-investiment. Għalhekk huwa meħtieġ li fil-kalkolu tal-fatturi-K ikkonsolidati jiġu inklużi l-attivitajiet u s-servizzi msemmija fl-Artikolu 6(3), il-punti (a), (b)(i), u (b)(ii), tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u fl-Artikolu 6(4), il-punti (a), (b)(i), (b)(ii), u (b)(iii), tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) imwettqa minn kwalunkwe entità tal-grupp ta’ ditti tal-investiment inkluża fil-konsolidazzjoni.

(12)

Skont id-definizzjoni ta’ “sitwazzjoni konsolidata”, stabbilita fl-Artikolu 4(1), il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2019/2033, l-istituzzjonijiet finanzjarji huma parti mill-ambitu tal-konsolidazzjoni ta’ grupp ta’ ditti tal-investiment. Madankollu, mhux l-attivitajiet kollha mwettqa minn istituzzjonijiet finanzjarji differenti jikkontribwixxu għall-kalkolu tar-rekwiżiti konsolidati tal-fattur-K. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi speċifikat liema attivitajiet ta’ dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu rilevanti għal fatturi-K speċifiċi.

(13)

Huwa meħtieġ li jiġi evitat l-għadd doppju ta’ elementi eliġibbli għall-kalkolu tal-fondi proprji. Is-servizzi u t-tranżazzjonijiet intragrupp jenħtieġ għalhekk li jiġu esklużi għall-kalkolu ta’ ċerti rekwiżiti konsolidati tal-fatturi-K, u b’mod aktar partikolari għall-kalkolu tal-fatturi-K “assi salvagwardjati u amministrati” (K-ASA), “ordnijiet tal-klijenti mmaniġġjati” (K-COH), u “fluss kummerċjali ta’ kuljum” (K-DTF).

(14)

Ditta tal-investiment tista’ tiddelega l-ġestjoni tal-assi lil entità oħra li hija parti mill-istess grupp ta’ ditti tal-investiment. Sabiex jiġi evitat l-għadd doppju, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat kif dawk l-assi jenħtieġ li jiġu kontabilizzati fl-ammont totali ta’ assi mmaniġġjati meta jiġi kkalkulat il-fattur-K konsolidat “assi mmaniġġjati” (K-AUM).

(15)

Il-flus tal-klijenti miżmuma minn entitajiet fl-ambitu tal-konsolidazzjoni jistgħu jirriżultaw mis-servizzi u l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE jew minn servizzi u attivitajiet oħra li l-entitajiet fil-grupp ta’ ditti tal-investiment iwettqu legalment. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-kalkolu tal-fattur-K “flus tal-klijenti miżmuma” (client money held, CMH) ma jinkludix flus tal-klijenti derivati minn servizzi u attivitajiet għajr dawk elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva. F’dak l-isfond, “flus tal-klijenti miżmuma” (CMH) tal-grupp ta’ ditti tal-investiment jenħtieġ li tkun is-somma tas-CMH tal-entitajiet kollha tal-grupp inklużi fil-konsolidazzjoni għajr l-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi.

(16)

Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità u jiġi evitat l-għadd doppju, l-attivitajiet u s-servizzi intragrupp ikkunsidrati għall-kalkolu tal-K-AUM ta’ grupp ta’ ditti tal-investiment jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kalkolu tal-K-COH.

(17)

In-negozjar akkont proprju u l-forniment ta’ servizzi ta’ sottoskrizzjoni jew ta’ kollokament jippreżentaw l-istess riskju meta jitwettqu minn entitajiet ta’ grupp ta’ ditti tal-investiment inklużi fil-konsolidazzjoni, irrispettivament minn jekk dawk l-entitajiet ikunux ditti tal-investiment jew istituzzjonijiet finanzjarji. Għal dik ir-raġuni, meta jikkalkulaw ir-“riskju ta’ pożizzjonijiet netti” (K-NPR) konsolidat, jenħtieġ li l-impriżi omm tal-Unjoni jqisu dawn l-attivitajiet u s-servizzi kollha, filwaqt li jqisu wkoll l-Artikolu 325b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li f’konformità miegħu l-użu ta’ pożizzjonijiet f’entità waħda tal-grupp biex jiġu kkumpensati pożizzjonijiet f’entità oħra ta’ dak il-grupp huwa permess biss meta l-impriża omm tal-Unjoni tkun kisbet il-permess tal-awtorità kompetenti rilevanti.

(18)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(19)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Impriża omm tal-Unjoni” tfisser ditta tal-investiment omm tal-Unjoni, kumpanija azzjonarja ta’ investiment omm tal-Unjoni, jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta omm tal-Unjoni, li tkun responsabbli għall-konsolidazzjoni prudenzjali tal-grupp ta’ ditti tal-investiment skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033;

(2)

“entità rilevanti” tfisser impriża ta’ servizz anċillari, istituzzjoni finanzjarja, ditta tal-investiment, jew aġent marbut;

(3)

“rabtiet ta’ kapital” tfisser is-sjieda, diretta jew indiretta, tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital ta’ impriża, inkluża parteċipazzjoni kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva 2013/34/UE.

Artikolu 2

Ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu fl-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali ta’ impriża omm tal-Unjoni l-entitajiet rilevanti li ġejjin:

(a)

entità rilevanti li fiha l-impriża omm tal-Unjoni jew entità rilevanti oħra li tappartjeni għall-istess grupp ta’ ditti tal-investiment ikollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri;

(b)

entità rilevanti li fiha l-impriża omm tal-Unjoni jew entità rilevanti oħra li tappartjeni għall-istess grupp ta’ ditti tal-investiment ikollha:

(i)

kemm id-dritt li taħtar jew tneħħi maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-entità rilevanti;

(ii)

kif ukoll tkun azzjonista fiha, jew membru tagħha;

(c)

entità rilevanti li fuqha l-impriża omm tal-Unjoni jew entità rilevanti oħra li tappartjeni għall-istess grupp ta’ ditti tal-investiment ikollha d-dritt li teżerċita influwenza dominanti skont:

(i)

kuntratt konkluż ma’ dik l-entità rilevanti:

(ii)

dispożizzjoni fil-memorandum jew fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-entità rilevanti, irrispettivament minn jekk l-impriża omm tal-Unjoni jew entità rilevanti oħra li tappartjeni għall-istess grupp ta’ ditti tal-investiment tkunx azzjonist f’dik l-entità rilevanti jew membru tagħha;

(d)

entità rilevanti, li fiha l-impriża omm tal-Unjoni jew entità rilevanti oħra li tappartjeni għall-istess grupp ta’ ditti tal-investiment tkun azzjonista, jew tkun membru ta’ dik l-entità rilevanti, dment li tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ dik l-entità rilevanti li kellhom kariga matul is-sena finanzjarja kurrenti, matul is-sena finanzjarja preċedenti u saż-żmien meta tfasslu r-rapporti finanzjarji konsolidati, ikunu nħatru biss bħala riżultat tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonist jew tal-membru;

(ii)

l-impriża omm tal-Unjoni jew entità rilevanti oħra tal-grupp ta’ ditti tal-investiment tkun tikkontrolla waħedha, skont ftehim ma’ azzjonisti oħra f’dik l-entità rilevanti jew membri ta’ dik l-entità rilevanti, maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’dik l-entità rilevanti.

L-issodisfar tal-kundizzjoni stabbilita fil-punt (d)(i) ma għandux ikun meħtieġ meta impriża barra mill-grupp ta’ ditti tal-investiment ikollha d-drittijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (c) fir-rigward ta’ dik l-entità rilevanti.

2.   Minbarra l-entitajiet rilevanti msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw jekk l-entitajiet rilevanti li ġejjin jistgħux jiġu inklużi fl-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali ta’ impriża omm fl-Unjoni:

(a)

entità rilevanti li fuqha l-impriża omm tal-Unjoni jew entità rilevanti oħra tal-grupp ta’ ditti tal-investiment ikollha s-setgħa li teżerċita, jew fil-fatt tkun teżerċita, influwenza jew kontroll dominanti, irrispettivament minn jekk teżistix xi rabta ta’ kapital bejn dawk l-entitajiet rilevanti;

(b)

entità rilevanti li magħha l-impriża omm tal-Unjoni jew entità rilevanti oħra tal-grupp ta’ ditti tal-investiment tkun ġestita fuq bażi unifikata kif imsemmi fl-Artikolu 4, irrispettivament minn jekk ikunux jeżistu rabtiet ta’ kapital bejn l-entitajiet rilevanti.

3.   Minbarra l-entitajiet rilevanti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, awtorità kompetenti għandha tiddetermina jekk l-entitajiet rilevanti li ġejjin jistgħux jiġu inklużi fl-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali:

(a)

entità rilevanti, għajr entità rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, li magħha tkun ġestita entità rilevanti oħra tal-grupp ta’ ditti tal-investiment fuq bażi unifikata f’konformità ma’ waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

kuntratt bejn dawk l-entitajiet rilevanti;

(ii)

il-memorandum jew l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-entitajiet rilevanti kkonċernati;

(b)

entità rilevanti, għajr entità rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2 jew fil-paragrafu 3(a), li l-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ entità rilevanti, tkun, abbażi tar-rapporti finanzjarji l-aktar reċenti tagħha, magħmula mill-istess persuni li huma wkoll membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża omm tal-Unjoni jew ta’ entità rilevanti oħra tal-grupp ta’ ditti tal-investiment.

Artikolu 3

Eżenzjonijiet mill-konsolidazzjoni prudenzjali

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżentaw impriża omm tal-Unjoni milli tikkonsolida b’mod prudenzjali entità rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 2 meta s-somma tal-assi totali tagħha u tal-elementi li ma jidhrux fil-karta bilanċjali tagħha, esklużi l-assi taħt ġestjoni jew salvagwardja, tkun inqas mill-iżgħar mil-livelli limitu li ġejjin:

(a)

EUR 10 miljun;

(b)

1 % tal-ammont totali ta’ assi konsolidati u entrati konsolidati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali tal-impriża omm tal-Unjoni, esklużi l-assi mmaniġġjati u l-assi u l-entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali tal-entità rilevanti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jeżentaw lill-impriża omm tal-Unjoni mill-konsolidazzjoni prudenzjali ta’ entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 meta s-somma tal-assi totali u tal-elementi li ma jidhrux fil-karta bilanċjali, esklużi l-assi mmaniġġjati ta’ dawn l-entitajiet taqbeż kwalunkwe wieħed mil-livelli limitu msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) jew (b).

3.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżentaw impriża omm tal-Unjoni mill-konsolidazzjoni prudenzjali ta’ entità rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 2 meta tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-entità rilevanti tkun tinsab f’pajjiż terz fejn ikun hemm impedimenti legali għat-trasferiment tal-informazzjoni meħtieġa għall-konsolidazzjoni prudenzjali;

(b)

l-entità rilevanti tkun ta’ interess negliġibbli biss fir-rigward tal-objettivi tas-superviżjoni tal-grupp ta’ ditti tal-investiment;

(c)

il-konsolidazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-entità rilevanti ma tkunx xierqa jew tqarraq f’dak li għandu x’jaqsam mal-objettivi tas-superviżjoni tal-grupp ta’ ditti tal-investiment.

Artikolu 4

Ġestjoni fuq bażi unifikata

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 2(2), il-punt (b), awtorità kompetenti għandha tiddetermina li żewġ entitajiet rilevanti jew aktar ikunu ġestiti fuq bażi unifikata meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-politiki finanzjarji u operattivi tal-entitajiet rilevanti kkonċernati jkunu kkoordinati b’mod effettiv;

(b)

l-entitajiet rilevanti ma jkunux relatati kif imsemmi fl-Artikolu 22(1), l-Artikolu 22(2), il-punt (a), u l-Artikolu 22(7), il-punt (b), tad-Direttiva 2013/34/UE.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (a), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, b’mod partikolari, iqisu l-elementi li ġejjin:

(a)

jekk l-entitajiet rilevanti kkonċernati jkunux ikkontrollati, direttament jew indirettament, mill-istess persuna jew persuni fiżiċi, jew mill-istess impriża jew impriżi;

(b)

jekk il-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, minn naħa waħda, ta’ dawk l-entitajiet rilevanti u, min-naħa l-oħra, tal-impriża omm tal-Unjoni, jew ta’ impriża omm oħra, ikunux maħtura mill-istess persuna jew persuni fiżiċi jew mill-istess impriża jew impriżi, anki meta dawk il-membri ma jkunux l-istess persuni.

Artikolu 5

Modalità tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(3)

1.   Meta tkun meħtieġa konsolidazzjoni skont l-Artikolu 2(3), l-entità li ġejja għandha tkun responsabbli għall-konsolidazzjoni tal-entitajiet rilevanti kollha fil-grupp ta’ ditti tal-investiment u għall-applikazzjoni tal-Artikoli 8 sa 11:

(a)

meta jkun hemm ditta tal-investiment waħda biss fost l-entitajiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 2(3), dik id-ditta tal-investiment;

(b)

meta jkun hemm aktar minn ditta tal-investiment waħda fost l-entitajiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 2(3), id-ditta tal-investiment bl-akbar ammont ta’ assi totali.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (b), id-ditta tal-investiment għandha tikkalkula l-ammont tal-assi totali abbażi tal-aħħar rapporti finanzjarji awditjati jew, meta r-rapporti finanzjarji konsolidati ma jkunux meħtieġa jitħejjew f’konformità mal-qafas kontabilistiku applikabbli, l-aħħar rapport finanzjarju individwali awditjat tad-ditta tal-investiment.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jew, fejn applikabbli, is-superviżur tal-grupp, jistgħu jaħtru bħala responsabbli għall-konsolidazzjoni prudenzjali tal-entitajiet rilevanti kollha fil-grupp ta’ ditti tal-investiment u għall-applikazzjoni tal-Artikoli 8 sa 11, ditta tal-investiment jew istituzzjoni finanzjarja fil-grupp jekk dik l-entità rilevanti diġà jkollha d-dmir li tħejji r-rapporti finanzjarji konsolidati għall-grupp ta’ ditti tal-investiment.

Artikolu 6

Metodu għal konsolidazzjoni prudenzjali

1.   L-impriża omm tal-Unjoni, jew l-entità rilevanti maħtura f’konformità mal-Artikolu 5, għandhom jikkonsolidaw l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) f’konformità mal-Artikolu 22(6) tad-Direttiva 2013/34/UE (konsolidazzjoni sħiħa), u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(3) f’konformità mal-Artikolu 22(8) u (9) ta’ dik id-Direttiva (metodu ta’ aggregazzjoni).

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, is-superviżur tal-grupp jista’, fir-rigward tal-entitajiet rilevanti li jissodisfaw il-kriterji fl-Artikolu 2(3), jippermetti l-applikazzjoni għal waħda jew aktar minn dawk l-entitajiet rilevanti tal-metodu ta’ konsolidazzjoni stabbilit fl-Artikolu 22(8) u (9) tad-Direttiva 2013/34/UE.

Artikolu 7

Metodi u dettalji meħtieġa għar-rikonoxximent f’fondi proprji konsolidati ta’ interess minoritarju u strumenti addizzjonali tal-Grad 1 u tal-Grad 2

1.   L-istituzzjonijiet għandhom jittrattaw l-interessi minoritarji u l-istrumenti addizzjonali tal-Grad 1 u tal-Grad 2 f’konformità mat-Tieni Parti, it-Titolu II, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 34a tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 (9).

2.   Meta l-metodu ta’ konsolidazzjoni jkun dak previst fl-Artikolu 6(2), l-interessi minoritarji u l-istrumenti addizzjonali tal-Grad 1 u tal-Grad 2 li jinħarġu minn entitajiet li jkunu inklużi fl-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali f’konformità mal-Artikolu 2 jistgħu jiġu inklużi f’dik il-konsolidazzjoni dment li dawk l-interessi minoritarji u l-istrumenti addizzjonali tal-Grad 1 u tal-Grad 2 ikunu jkopru t-telf tal-entitajiet rilevanti kollha inklużi fl-ambitu prudenzjali tal-konsolidazzjoni.

3.   Meta l-metodu ta’ konsolidazzjoni jkun dak previst fl-Artikolu 6(2), l-interessi minoritarji u l-istrumenti addizzjonali tal-Grad 1 u tal-Grad 2 li jinħarġu minn entitajiet li jkunu inklużi fl-ambitu tal-konsolidazzjoni f’konformità mal-Artikolu 2, u li jkunu proprjetà ta’ persuni għajr l-entitajiet inklużi fl-ambitu tal-konsolidazzjoni li jimmaniġġjaw l-entitajiet skont l-Artikolu 2(3), għandhom jitqiesu li huma disponibbli biex ikopru t-telf tal-entitajiet kollha inklużi fl-ambitu prudenzjali tal-konsolidazzjoni.

Artikolu 8

Konsolidazzjoni tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji

1.   Il-fondi proprji ta’ impriża omm tal-Unjoni, jew ta’ entità rilevanti maħtura bħala responsabbli għall-konsolidazzjoni prudenzjali f’konformità mal-Artikolu 5, għandhom, fuq bażi konsolidata, jammontaw għal mill-inqas l-ogħla minn kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-ammont tar-rekwiżit ta’ kapital minimu permanenti konsolidat ikkalkulat skont l-Artikolu 9;

(b)

l-ammont tar-rekwiżit tal-ispejjeż ġenerali fissi kkalkulat skont l-Artikolu 10;

(c)

l-ammont tar-rekwiżit tal-fatturi-K ikkalkulat skont l-Artikolu 11.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-fondi proprji ta’ impriża omm tal-Unjoni, jew ta’ entità rilevanti maħtura bħala responsabbli għall-konsolidazzjoni prudenzjali f’konformità mal-Artikolu 5, li tissodisfa, fuq bażi konsolidata, il-kundizzjonijiet għall-kwalifika bħala ditta tal-investiment żgħira u mhux interkonnessa kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033, għandhom, fuq bażi konsolidata, jammontaw għal mill-inqas l-ogħla mill-ammonti msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b).

3.   L-impriża omm tal-Unjoni, jew l-entità rilevanti maħtura bħala responsabbli għall-konsolidazzjoni prudenzjali f’konformità mal-Artikolu 5, għandha tinnotifika lis-superviżur tal-grupp, malli ssir taf b’dan, li ma għadhiex tikkonforma jew mhux se tibqa’ tikkonforma mal-paragrafu 1 jew 2, kif applikabbli.

Artikolu 9

Rekwiżit ta’ kapital minimu permanenti konsolidat

1.   Ir-rekwiżit ta’ kapital minimu permanenti konsolidat għandu jammonta għas-somma ta’ dawn li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżit ta’ kapital minimu permanenti tad-ditta tal-investiment omm tal-Unjoni fil-livell individwali;

(b)

ir-rekwiżit ta’ kapital minimu permanenti fil-livell individwali tad-ditti tal-investiment li jaqgħu fl-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali;

(c)

il-kapital inizjali tal-kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi li jaqgħu fl-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali;

(d)

il-kapital inizjali tal-istituzzjonijiet ta’ pagament li jaqgħu fl-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali;

(e)

il-kapital inizjali tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jaqgħu fl-ambitu tal-konsolidazzjoni prudenzjali.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ir-rekwiżiti ta’ kapital minimu permanenti individwali tal-entitajiet rilevanti stabbiliti f’pajjiżi terzi għandhom ikunu r-rekwiżiti ta’ kapital minimu permanenti li jkunu japplikaw li kieku dawk l-entitajiet rilevanti kienu awtorizzati fl-Unjoni.

Artikolu 10

Rekwiżit tal-ispejjeż ġenerali fissi konsolidati

1.   Impriża omm tal-Unjoni, jew entità rilevanti maħtura bħala responsabbli għall-konsolidazzjoni prudenzjali f’konformità mal-Artikolu 5, għandha tikkalkula l-ispejjeż ġenerali fissi konsolidati tagħha fuq il-bażi taċ-ċifri tan-nefqa konsolidata tagħha li jirriżultaw mill-qafas kontabilistiku applikabbli fuq bażi konsolidata.

2.   Meta ċ-ċifri tan-nefqa konsolidata ma jkunux disponibbli skont il-qafas kontabilistiku applikabbli, l-ispejjeż ġenerali fissi konsolidati għandhom jammontaw għas-somma ta’ dawn li ġejjin:

(a)

in-nefqiet tad-ditta tal-investiment omm tal-Unjoni, jew tal-entità maħtura bħala responsabbli għall-konsolidazzjoni prudenzjali f’konformità mal-Artikolu 5, fil-livell individwali;

(b)

in-nefqiet tal-entitajiet rilevanti, fil-livell individwali, li huma kkonsolidati f’konformità mal-Artikolu 6.

3.   L-impriża omm tal-Unjoni, jew l-entità rilevanti maħtura bħala responsabbli għall-konsolidazzjoni prudenzjali f’konformità mal-Artikolu 5, għandha tinkludi fiċ-ċifri tan-nefqa kkonsolidata tal-grupp ta’ ditti tal-investiment dak l-infiq ta’ aġenti marbuta konsolidati li jkun għadu ma ġiex inkluż f’dawk iċ-ċifri tan-nefqa konsolidata.

4.   Awtorità kompetenti għandha tikkunsidra żieda jew tnaqqis tal-attività kummerċjali ta’ entità rilevanti waħda jew aktar fl-ambitu tal-konsolidazzjoni fil-grupp ta’ ditti tal-investiment bħala bidla materjali kif imsemmi fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) 2019/2033 meta tali żieda jew tnaqqis jirriżulta f’bidla ta’ 30 % jew aktar fl-ispejjeż ġenerali fissi konsolidati projettati tas-sena kurrenti.

Artikolu 11

Rekwiżit konsolidat tal-fatturi-K

1.   Impriża omm tal-Unjoni, jew entità maħtura bħala responsabbli għall-konsolidazzjoni prudenzjali f’konformità mal-Artikolu 5, għandha tikkalkula r-rekwiżit tal-fatturi-K konsolidat abbażi tas-sitwazzjoni konsolidata tagħha billi tapplika l-passi li ġejjin fl-ordni li ġejja:

(a)

għandha tikkalkula l-ammonti differenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 billi tuża l-metodoloġija stabbilita f’dawk il-paragrafi;

(b)

għandha timmultiplika l-ammonti msemmija fil-punt (a) bil-koeffiċjenti korrispondenti għal kull fattur-K, kif stabbilit fit-Tabella 1 fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/2033;

(c)

għandha żżid ir-riżultati tal-kalkolu msemmi fil-punt (b).

2.   Impriża omm tal-Unjoni, jew entità maħtura bħala responsabbli għall-konsolidazzjoni prudenzjali f’konformità mal-Artikolu 5, għandha tikkalkula l-ammonti li ġejjin tal-grupp ta’ ditti tal-investiment kif ġej:

(a)

l-assi mmaniġġjati (assets under management, AUM) tal-grupp ta’ ditti tal-investiment għandhom ikunu ugwali għas-somma tal-ammonti li ġejjin:

(i)

AUM tad-ditti tal-investiment li għandhom jiġu kkonsolidati, inkluż ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi li kienu jkunu ditti tal-investiment li kieku ġew awtorizzati fl-Unjoni;

(ii)

dawk l-AUM ta’ kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi li għandhom jiġu kkonsolidati, inkluż ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi li kienu jkunu kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi li kieku kienu awtorizzati fl-Unjoni, relatati ma’:

(1)

il-forniment tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 6(3), il-punti (a) u (b)(i), tad-Direttiva 2009/65/KE;

(2)

il-forniment tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 6(4), il-punti (a) u (b)(i), tad-Direttiva 2011/61/UE;

(b)

il-flus tal-klijenti miżmuma (client money held, CMH) tal-grupp ta’ ditti tal-investiment għandhom ikunu s-somma tas-CMH ta’ kull entità rilevanti li għandha tiġi konsolidata, inklużi l-istituzzjonijiet finanzjarji għajr l-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi;

(c)

l-assi salvagwardjati u amministrati (assets safeguarded and administered, ASA) tal-grupp ta’ ditti tal-investiment għandhom ikunu s-somma ta’:

(i)

l-ammont ta’ ASA li jikkorrispondi għall-ASA tad-ditti tal-investiment li jridu jiġu kkonsolidati;

(ii)

l-ammonti ta’ dawk l-ASA ta’ kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi li jridu jiġu kkonsolidati relatati ma’:

(1)

il-forniment ta’ salvagwardja u amministrazzjoni tal-assi fir-rigward ta’ unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv ipprovduti f’konformità mal-Artikolu 6(3), il-punt (b)(ii), tad-Direttiva 2009/65/KE;

(2)

il-forniment ta’ salvagwardja u amministrazzjoni tal-assi fir-rigward ta’ ishma jew unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv ipprovduti f’konformità mal-Artikolu 6(4), il-punt (b)(ii), tad-Direttiva 2011/61/UE;

(d)

l-ordnijiet tal-klijenti mmaniġġjati (client orders handled, COH) tal-grupp ta’ ditti tal-investiment għandhom ikunu s-somma tas-COH ta’ kull entità rilevanti li trid tiġi kkonsolidata, inkluż il-forniment tas-servizz imsemmi fl-Artikolu 6(4), il-punt (b)(iii), tad-Direttiva 2011/61/UE, iżda bl-esklużjoni tat-tranżazzjonijiet intragrupp;

(e)

ir-riskju ta’ pożizzjoni netta (net position risk, NPR) tal-grupp ta’ ditti tal-investiment kif ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/2033, inkluż ir-riskju tal-pożizzjoni netta tad-ditti tal-investiment u l-istituzzjonijiet finanzjarji li jinnegozjaw f’isimhom stess, li jipprovdu sottoskrizzjoni ta’ strumenti finanzjarji, jew li jqiegħdu strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn sod, għandu jiġi kkalkolat fuq bażi konsolidata;

(f)

il-marġni tal-ikklerjar mogħti (clearing margin given, CMG) tal-grupp ta’ ditti tal-investiment għandu jkun is-somma tas-CMG ta’ kull entità rilevanti individwali li għandha tiġi kkonsolidata li titħalla tuża l-K-CMG;

(g)

l-inadempjenza tal-kontroparti tan-negozjar (trading counterparty default, TCD) tal-grupp ta’ ditti tal-investiment kif ikkalkulata f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2019/2033, inkluża l-inadempjenza tal-kontroparti tan-negozjar ta’ ditti tal-investiment u istituzzjonijiet finanzjarji li jinnegozjaw f’isimhom stess, li jipprovdu sottoskrizzjoni ta’ strumenti finanzjarji, jew li jqiegħdu strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn sod, għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi konsolidata;

(h)

il-fluss tan-negozjar ta’ kuljum (daily trading flow, DTF) tal-grupp ta’ ditti tal-investiment għandu jkun is-somma tad-DTF ta’ kull ditta tal-investiment u kull istituzzjoni finanzjarja li teżegwixxi tranżazzjonijiet f’isimha stess, għaliha nnifisha jew f’isem klijent, li tipprovdi sottoskrizzjoni ta’ strumenti finanzjarji, jew li tqiegħed strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn sod wara li jiġu esklużi tranżazzjonijiet intragrupp;

(i)

ir-riskju ta’ konċentrazzjoni (concentration risk, CON) tal-grupp ta’ ditti tal-investiment għandu jkun il-valur tal-iskopertura tal-grupp ta’ ditti tal-investiment ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament 2019/2033, fejn il-limitu tal-grupp ta’ ditti tal-investiment fir-rigward tas-CON u l-eċċess tal-valur tal-iskopertura tal-grupp ta’ ditti tal-investiment għandhom jinkisbu bl-użu tal-metodi stabbiliti fl-Artikolu 37(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament, rispettivament.

Għall-finijiet tal-punti (a)(ii)(1) u (a)(ii)(2), l-AUM għandha tinkludi biss dawk l-assi li għalihom dawk il-kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi jipprovdu pariri dwar l-investiment dwar l-istrumenti finanzjarji kif imsemmi fl-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE lill-entitajiet rilevanti kkonsolidati fl-istess grupp ta’ ditti tal-investiment.

Meta sseħħ delega bejn żewġ entitajiet rilevanti fil-grupp ta’ ditti tal-investiment, għandhom japplikaw ir-regoli fir-rigward tal-kalkolu tal-AUM stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2019/2033.

Għall-finijiet tal-punt (c), l-ASA għandha teskludi l-ammont individwali ta’ ASA tal-entitajiet rilevanti li jipprovdu servizzi intragrupp lill-istituzzjonijiet finanzjarji konsolidati, kif ukoll l-ammont ta’ ASA ta’ kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi relatata mal-forniment ta’ salvagwardja u amministrazzjoni tal-assi fir-rigward tal-ammont ta’ ishma ta’ ekwità privata ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFs).

Għall-finijiet tal-punt (d), meta grupp jinkludi ditta tal-investiment li tikkalkula K-AUM u jkun hemm ditta tal-investiment oħra fil-grupp li tittratta l-ordnijiet għad-ditta tal-investiment preċedenti fil-forma ta’ riċeviment, trażmissjoni u eżekuzzjoni tal-ordnijiet, l-impriża omm tal-Unjoni jew l-entità maħtura f’konformità mal-Artikolu 5 ma għandhiex tikkalkula K-COH li tikkorrispondi ma’ dawk l-ordnijiet mgħoddija mid-ditta tal-investiment preċedenti u trattati mid-ditta tal-investiment tal-aħħar.

3.   Impriża omm tal-Unjoni jew entità maħtura bħala responsabbli għall-konsolidazzjoni prudenzjali f’konformità mal-Artikolu 5 għandha tikkalkula r-rekwiżiti tal-fatturi-K konsolidati tal-grupp ta’ ditti tal-investiment, inklużi l-ammonti li jikkorrispondu għall-attivitajiet tal-aġenti marbuta, meta, u sal-punt li, dawk l-attivitajiet ma jkunux diġà inklużi fir-rekwiżiti tal-fatturi-K konsolidati tal-grupp ta’ ditti tal-investiment.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2033/oj.

(2)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE u 2014/65/UE (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/2034/oj).

(4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/65/oj).

(5)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/65/oj).

(6)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/61/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).

(9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 tas-7 ta’ Jannar 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għar-Rekwiżiti tal-Fondi Proprji għall-istituzzjonijiet (ĠU L 74, 14.3.2014, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/241/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1771/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)