|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1499 |
21.7.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/1499
tat-18 ta’ Lulju 2025
dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Togoliżi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
|
(2) |
It-Togo bħalissa qed jiffaċċa attakki minn gruppi militanti Iżlamisti mir-reġjun tas-Saħel, b’mod partikolari fil-partijiet tat-Tramuntana tal-pajjiż. Fis-17 ta’ Lulju 2023, it-Togo stieden lill-Unjoni timplimenta inizjattiva għas-sigurtà u d-difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea. Fit-3 ta’ Awwissu 2023, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1599 (2) stabbilixxa tali inizjattiva fil-Benin u l-Ghana, u fil-25 ta’ Settembru 2023, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2066 (3) estendiet din l-inizjattiva lill-Kosta tal-Avorju u t-Togo. Għadu ma ntbagħat fit-Togo l-ebda konsulent taħt l-inizjattiva. |
|
(3) |
Fit-18 ta’ Marzu 2025, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà irċieviet talba mit-Togo biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati Togoliżi fl-akkwist ta’ tagħmir ewlieni biex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom. |
|
(4) |
Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (4), u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF. |
|
(5) |
Il-Kunsill jirriafferma d-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tat-Togo (il-“benefiċjarju”), li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”).
2. L-objettivi tal-miżura ta’ assistenza huma dawn li ġejjin:
|
(a) |
li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u t-Togo fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; |
|
(b) |
li jissaħħu l-kapaċitajiet militari u ta’ difiża tal-Forzi Armati Togoliżi; |
|
(c) |
li jingħata appoġġ lill-Forzi Armati Togoliżi fl-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-integrità territorjali u s-sovranità tal-pajjiż, u fl-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili tat-Togo kontra aggressjoni interna u esterna. |
3. Biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li ġejjin mhux imfassla biex jipprovdu forza letali:
|
(a) |
tagħmir li jappoġġa l-iskjerament u l-organizzazzjoni tal-Forzi Armati Togoliżi fil-qasam; |
|
(b) |
tagħmir ta’ protezzjoni individwali u ta’ appoġġ għall-ħajja ta’ kuljum; |
|
(c) |
tagħmir kontra l-isplussivi. |
Il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja wkoll provvisti u servizzi relatati, inkluż taħriġ marbut mat-tagħmir ikkonsenjat, fejn ikun meħtieġ.
4. Il-miżura ta’ assistenza għandha ddum 30 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 10 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ skont il-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati Togoliżi appoġġati skont il-miżura ta’ assistenza mal-liġi internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali; |
|
(b) |
l-użu xieraq u effiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovdut skont il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
|
(c) |
il-manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovdut skont il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-użabbiltà u d-disponibbiltà operazzjonali tiegħu matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu; |
|
(d) |
li ebda assi pprovdut skont il-miżura ta’ assistenza ma jintilef jew jiġi ttrasferit lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ skont il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF u skont il-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-Deċiżjoni għandha titwettaq mill-Amministratur għall-miżuri ta’ assistenza.
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati Togoliżi appoġġati skont il-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF iridu jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent finali mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju jrid jirrapporta kull sena dwar l-inventarju ta’ oġġetti deżinjati sakemm dan ir-rappurtar ma jibqax jitqies neċessarju mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan, il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rappurtar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapport kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-subkuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BJERRE
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1599 tat-3 ta’ Awwissu 2023 dwar Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea (ĠU L 196, 4.8.2023, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1599/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2066 tal-25 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1599 dwar Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea (ĠU L 238, 27.9.2023, p. 141, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2066/oj).
(4) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1499/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)