Brussell, 3.5.2021

COM(2021) 232 final

2021/0119(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Komunikazzjoni “Triq komuni lejn ftuħ mill-ġdid sikur u sostenibbli” (COM(2021)129) iddeskriviet l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tirrieżamina l-approċċ stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2020/912 dwar it-tneħħija tar-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE sabiex tadattah għall-kuntest li qed jevolvi.

Bħalissa, l-iżviluppi fis-sitwazzjoni epidemjoloġika f’pajjiżi terzi huma eteroġeni.

Minn naħa waħda, it-tfaċċar u t-tixrid ta’ varjanti ta’ interess u ta’ varjanti ta’ tħassib f’xi reġjuni u pajjiżi terzi għadhom kawża ta’ tħassib. Miżuri b’saħħithom jibqgħu essenzjali biex innaqqsu l-importazzjoni u t-tixrid ta’ dawn il-varjanti minn żoni ta’ riskju għoli fiż-żona UE+ 1 , b’ivvjaġġar imnaqqas għall-minimu u bis-salvagwardji kollha possibbli. Minħabba l-volatilità tas-sitwazzjoni, huwa essenzjali wkoll li jkun hemm rispons rapidu għar-riskji, u din il-proposta tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ “brejk ta’ emerġenza” li jgħin lill-Istati Membri jiddeċiedu dwar l-aħjar miżuri biex jevitaw jew jillimitaw it-tixrid ta’ dawn il-varjanti u jipprovdu għal approċċ koordinat.

Min-naħa l-oħra, it-tnedija tal-kampanji tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 f’pajjiżi terzi, u l-effett pożittiv sussegwenti fil-limitazzjoni tat-tixrid tal-virus, jindikaw li hemm lok biex jitnaqqsu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, b’mod partikolari għal dawk li diġà tlaqqmu. F’dan is-sens, din il-proposta għandha l-għan li treġġa’ lura għan-normal progressivament l-ivvjaġġar minn pajjiżi terzi b’mod sikur, li tniedi mill-ġdid it-turiżmu, speċjalment fid-dawl tal-istaġun tas-sajf, u l-ivvjaġġar fuq xogħol, u b’hekk trawwem l-irkupru tal-ekonomija tal-Ewropa. L-adozzjoni tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali 2 tipprovdi l-bażi, permezz ta’ att tal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni, sabiex iċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni ta’ pajjiżi terzi jiġu ttrattati bħala Ċertifikati Ħodor Diġitali, jew biex jinħarġu dawn iċ-ċertifikati lil persuni li jkunu tlaqqmu f’pajjiżi terzi.

Dawn iż-żewġ aspetti tal-proposta huma komplementari u konsistenti b’mod reċiproku fil-kisba tal-ftuħ sikur tal-UE kull meta jkun possibbli filwaqt li, fl-istess ħin, jiżguraw azzjoni rapida kontra varjanti eżistenti u dawk possibbilment ġodda.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta għal rakkomandazzjoni sservi biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika, jiġifieri t-twettiq ta’ kontrolli fuq persuni u l-monitoraġġ effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din ir-rakkomandazzjoni hija konformi ma’ politiki oħra tal-Unjoni, fosthom dawk dwar ir-relazzjonijiet esterni u s-saħħa pubblika.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-punti (b) u (e) tal-Artikolu 77(2) u l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 292, tiegħu.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-Artikolu 292 tat-TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet. Skont l-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet, u skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni fil-każijiet kollha fejn it-Trattati jistipulaw li għandu jadotta atti fuq proposta tal-Kummissjoni.

Dan japplika fis-sitwazzjoni attwali, peress li approċċ konsistenti fil-fruntiera esterna jeħtieġ soluzzjoni komuni. L-Artikolu 77(2)(b) tat-TFUE jipprevedi miżuri dwar kontrolli fuq persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni, filwaqt li l-Artikolu 77(2)(e) tat-TFUE jipprevedi n-nuqqas ta’ kwalunkwe kontroll fuq persuni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni. Il-miżuri fuq il-bażi tal-Artikolu 77(2) tat-TFUE jridu jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Skont l-Artikolu 289(1) tat-TFUE, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja ssir bi proposta tal-Kummissjoni.

•Proporzjonalità

Din il-proposta tqis is-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi u l-evidenza rilevanti kollha disponibbli. L-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen jibqgħu responsabbli għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta. Għalhekk, il-proposta hija xierqa biex jintlaħaq l-objettiv maħsub u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat.

•Għażla tal-istrument

Din il-proposta għandha l-għan li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2020/912. Dan l-għan jeħtieġ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill oħra.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta tqis id-diskussjonijiet mal-Istati Membri minn mindu ġew implimentati l-ewwel restrizzjonijiet temporanji fuq vjaġġar mhux essenzjali. Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt għalkemm il-proposta tqis is-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi u l-evidenza rilevanti kollha disponibbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-ebda.

2021/0119 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(b) u (e) u l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 292, tiegħu,

Billi:

(1)Fit-30 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni 3 .

(2)Fit-2 ta’ Frar 2021, il-Kunsill emenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni 4 sabiex jaġġorna l-kriterji użati biex jiġi vvalutat jekk huwiex sikur l-ivvjaġġar mhux essenzjali minn pajjiżi terzi u jekk dan jenħtieġ li jiġi permess.

(3)L-istess emenda introduċiet mekkaniżmi biex jitrażżan it-tixrid tal-varjanti ta’ tħassib tal-virus SARS-CoV-2 fiż-żona UE+ 5 .

(4)Minn dak iż-żmien, ġew imnedija kampanji tal-vaċċinazzjoni tal-massa kontra l-virus SARS-COV-2 fiż-żona tal-UE+, kif ukoll f’ħafna reġjuni u pajjiżi terzi oħra.

(5)Fis-17 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni pproponiet żewġ Regolamenti 6 biex jinħolqu “Ċertifikati Ħodor Diġitali” sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu fl-UE matul il-pandemija tal-COVID-19. Iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali se jkun prova li persuna tkun tlaqqmet kontra l-COVID-19, tkun irċeviet riżultat negattiv tat-test jew tkun irkuprat mill-COVID-19. L-Istati Membri jibqgħu responsabbli biex jiddeċiedu liema restrizzjonijiet tas-saħħa pubblika jistgħu jitneħħew għall-vjaġġaturi iżda jenħtieġ li huma japplikaw dawn l-eżenzjonijiet b’mod nondiskriminatorju għall-vjaġġaturi fil-pussess ta’ Ċertifikat Aħdar Diġitali.

(6)Il-parir xjentifiku u l-evidenza empirika dwar l-effetti tal-vaċċinazzjoni qed isiru dejjem aktar disponibbli u konklużivi b’mod konsistenti dwar il-fatt li l-vaċċinazzjoni jgħin biex tinkiser il-katina tat-trażmissjoni.

(7)Din l-evidenza tissuġġerixxi li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jistgħu jitneħħew b’mod sikur f’ċerti każijiet għal persuni li jistgħu juru li ħadu l-aħħar doża rakkomandata tal-vaċċin kontra l-COVID-19 awtorizzat fl-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 7 u li tali eżenzjonijiet jistgħu jiġu ġġustifikati wkoll sal-punt li persuna tkun tlaqqmet b’vaċċin kontra l-COVID-19 li jkun għadda mill-proċess ta’ elenkar mid-WHO għall-użu f’emerġenza.

(8)Jenħtieġ li t-tfal li, minħabba l-età tagħhom, huma esklużi mill-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, ikunu jistgħu jivvjaġġaw mal-ġenituri mlaqqma tagħhom bil-kundizzjoni li jkunu rriżultaw negattivi għal test PCR tal-COVID-19, li jkun sar mhux qabel 72 siegħa qabel ma jaqsmu l-fruntiera taż-żona tal-UE+. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu ttestjar addizzjonali wara l-wasla.

(9)Madankollu, hemm biss ftit studji disponibbli jew l-ebda dwar jekk il-varjanti ta’ tħassib jaħarbux mir-reazzjoni immuni kkawżat minn diversi vaċċini kontra l-COVID-19. Għalhekk, f’konformità mal-approċċ prekawzjonarju, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ “brejk ta’ emerġenza” sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadottaw, b’mod koordinat, miżuri urġenti għal żmien limitat biex jirrispondu malajr għat-tfaċċar ta’ varjant f’pajjiż terz partikolari li jkun ġie taħt skrutinju speċifiku, u b’mod partikolari fejn ikun ġie deżinjat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) bħala varjant ta’ interess. Jenħtieġ li dan il-brejk ta’ emerġenza jippermetti li jittieħdu miżuri xierqa, inklużi limitazzjonijiet ta’ dħul, bil-għan li jiġu evitati l-importazzjoni u t-tixrid tiegħu fiż-żona tal-UE+. Jenħtieġ li dawn il-miżuri jkunu soġġetti għal koordinazzjoni rapida fil-Kunsill biex ikun hemm approċċ komuni.

(10)Jenħtieġ li jittieħed kont tal-progress li l-popolazzjoni ta’ pajjiż terz tlaqqam kontra l-virus meta tiġi vvalutata s-sitwazzjoni epidemjoloġika ta’ dak il-pajjiż.

(11)Ladarba adottat, ir-Regolament 2021/XXX dwar iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali 8 jipprovdi l-bażi, permezz ta’ att tal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni, sabiex iċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni ta’ pajjiżi terzi jiġu ttrattati bħala Ċertifikati Ħodor Diġitali, jew biex jinħarġu dawn iċ-ċertifikati lil persuni li jkunu tlaqqmu f’pajjiżi terzi. Jenħtieġ li jittieħdu passi biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex jiġi żgurat approċċ koordinat tal-Istati Membri u biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar tal-vjaġġaturi minn pajjiżi terzi fiż-żona UE+. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jqisu li jistabbilixxu portal fejn persuni li jirrisjedu barra miż-żona tal-UE+ jistgħu jitolbu r-rikonoxximent taċ-ċertifikat tal-vaċċinazzjoni tagħhom maħruġ minn pajjiż terz bħala prova affidabbli tal-vaċċinazzjoni u/jew għall-ħruġ ta’ Ċertifikat Aħdar Diġitali.

(12)Meta l-Istati Membri jaċċettaw prova tal-vaċċinazzjoni sabiex ineħħu r-restrizzjonijiet stabbiliti f’konformità mad-dritt tal-Unjoni biex jillimitaw it-tixrid tal-COVID-19, bħar-rekwiżiti li jagħmlu kwarantina/awtoiżolament jew jiġu ttestjati għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, jenħtieġ li huma jeżentaw ukoll dawn ir-rekwiżiti għal vjaġġaturi residenti f’pajjiż terz li, sa mhux aktar tard minn 14-il jum qabel ma jidħlu fiż-żona UE+, ħadu l-aħħar doża rakkomandata tal-vaċċin kontra l-COVID-19, li jkun ġie awtorizzat fl-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004, jew ta’ vaċċin ieħor kontra l-COVID-19 li jkun għadda mill-proċess ta’ elenkar mid-WHO għall-użu f’emerġenza, jekk ikunu jistgħu jippreżentaw prova valida li tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali. Jenħtieġ li dan ma japplikax jekk Stat Membru jkun għamel użu minn brejk ta’ emerġenza. Sakemm jiġi adottat u jsir applikabbli r-Regolament dwar iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali Aħdar, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċettaw ċertifikati ta’ pajjiżi terzi bbażati fuq il-liġi nazzjonali, filwaqt li jqisu l-kapaċità li jivverifikaw l-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikat u jekk fihx id-data rilevanti kollha.

(13)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, għandha tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din ir-Rakkomandazzjoni jekk hijiex se timplimentaha.

(14)Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 9 ; Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(15)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 10 .

(16)Fir-rigward tal-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE 11 moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE 12 .

(17)Fir-rigward tal-Liechtenstein, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A tad-Deċiżjoni 1999/437/KE 13 , moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/350/UE 14 .

(18)L-istatus legali ta’ din ir-rakkomandazzjoni kif imfakkar fil-premessi 13 sa 17 huwa mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li l-Istati Membri kollha, fl-interess tal-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen, jiddeċiedu dwar it-tneħħija tar-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’mod ikkoordinat,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 hija emendata kif ġej:

1.Il-ħames inċiż tal-Punt 2, l-ewwel paragrafu, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ – in-natura tal-virus preżenti f’pajjiż, b’mod partikolari jekk instabux varjanti ta’ interess jew varjanti ta’ tħassib tal-virus. Il-varjanti ta’ interess u ta’ tħassib huma vvalutati bħala tali miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) abbażi ta’ elementi ewlenin tal-virus bħat-trażmissjoni, is-severità u l-kapaċità li jaħrab mir-reazzjoni immuni.”

2. Fit-tieni paragrafu tal-Punt 2, il-figura “25” hija sostitwita bi “100”.

3.Il-Punt il-ġdid li ġej 2a jiddaħħal wara l-Punt 2:

“2a. Jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu wkoll ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz għajr dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Punt 6 (hawn ’il quddiem “vjaġġaturi minn reġjuni u pajjiżi terzi oħra”) li jkunu ħadu l-aħħar doża rakkomandata ta’ wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 awtorizzati fl-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 15 , mhux aktar tard minn 14-il jum qabel ma jidħlu fiż-żona UE+.

L-Istati Membri jistgħu wkoll ineħħu r-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fir-rigward ta’ vjaġġaturi minn reġjuni u pajjiżi terzi oħra li jkunu ħadu l-aħħar doża rakkomandata ta’ wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 li jkunu għaddew mill-proċess ta’ elenkar mid-WHO għall-użu f’emerġenza, mhux aktar tard minn 14-il jum qabel ma jidħlu fiż-żona UE+.

Jenħtieġ li ċittadin ta’ pajjiż terz li mhuwiex kopert mill-ewwel paragrafu tal-Punt 6 u li jixtieq imur fuq vjaġġ mhux essenzjali lejn Stat Membru, ikollu fil-pussess tiegħu prova valida ta’ vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jittrattaw iċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni ta’ pajjiż terz koperti minn att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottat skont ir-Regolament 2021/XXX bħala ċertifikati tal-vaċċinazzjoni maħruġa f’konformità ma’ dak ir-Regolament, jew jistgħu joħorġu ċertifikati tal-vaċċinazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2021/XXX bħala persuni li jkunu tlaqqmu f’pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 6(5) ta’ dak ir-Regolament. Sakemm jiġi adottat u jsir applikabbli dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw ċertifikati tal-vaċċinazzjoni ta’ pajjiżi terzi f’konformità mal-liġi nazzjonali, filwaqt li jqisu l-ħtieġa li jkunu jistgħu jivverifikaw l-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikat u jekk fihx id-data rilevanti kollha.”

4. Il-Punt 6 huwa emendat kif ġej:

(a)Wara l-ewwel paragrafu, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ivvjaġġar essenzjali jkun permess għall-kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali msemmija fl-Anness II.”

(b)Il-paragrafi l-ġodda li ġejjin jiddaħħlu wara l-ewwel paragrafu:

“Mingħajr preġudizzju għall-ewwel paragrafu tal-Punt 6, fejn is-sitwazzjoni epidemjoloġika ta’ pajjiż terz jew reġjun tmur għall-agħar f’daqqa u, b’mod partikolari fejn ikun instab varjant ta’ tħassib jew varjant ta’ interess, l-Istati Membri jistgħu jadottaw restrizzjoni urġenti u temporanja fuq l-ivvjaġġar kollu lejn l-UE għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza f’dak il-pajjiż terz. Jenħtieġ li din ir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar ma tapplikax għall-vjaġġaturi elenkati fil-punt i. u l-punti iv. sa ix. tal-Anness II. Madankollu, jenħtieġ li dawn il-vjaġġaturi jkunu soġġetti għal ittestjar xieraq u regolari u jagħmlu awtoiżolament/kwarantina anke jekk ikunu ħadu l-aħħar doża rakkomandata ta’ wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 awtorizzati fl-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 16 jew wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 li jkunu għaddew mill-proċess ta’ elenkar mid-WHO għall-użu f’emerġenza, mhux aktar tard minn 14-il jum qabel ma jidħlu fiż-żona UE+.

Meta Stat Membru japplika tali restrizzjonijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri li jiltaqgħu fl-istrutturi tal-Kunsill b’mod koordinat u f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni jirrieżaminaw is-sitwazzjoni b’mod koordinat. Jenħtieġ li dawn ir-restrizzjonijiet jiġu rieżaminati mill-inqas kull ġimagħtejn, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika.”

(c)(c)Il-paragrafu 3 l-antik isir il-paragrafu 5 il-ġdid u jitħassar.

7.Ir-raba’ u l-ħames paragrafi tal-Punt 7 isiru l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Punt il-ġdid 7a.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Iż-“żona UE+” tinkludi l-Istati Membri kollha ta’ Schengen (inklużi l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), kif ukoll l-erba’ Stati Assoċjati ma’ Schengen. Din tinkludi wkoll l-Irlanda jekk tiddeċiedi li tallinja.
(2)

   Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas    għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru    għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Diġitali Aħdar) -    COM/2021/130 final.

(3)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 tat-30 ta’ Ġunju 2020 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (ĠU LI 208, 1.7.2020, p. 1).
(4)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/132 tat-2 ta’ Frar 2021 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni (ĠU L 41, 4.2.2021, p. 1).
(5)    Iż-“żona UE+” tinkludi l-Istati Membri kollha ta’ Schengen (inklużi l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), kif ukoll l-erba’ Stati Assoċjati ma’ Schengen. Din tinkludi wkoll l-Irlanda jekk tiddeċiedi li tallinja.
(6)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Diġitali Aħdar), COM/2021/130 final, u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Aħdar Diġitali), COM/2021/140 final.
(7)    Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, 30.04.2004, p. 1).
(8)

   Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas    għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar il-vaċċinazzjoni, l-ittestjar u l-irkupru    għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Diġitali Aħdar) -    COM/2021/130 final.

(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(10)    ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(11)    ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(12)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(13)    ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(14)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(15)    Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, 30.04.2004, p. 1).
(16)    Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, 30.04.2004, p. 1).