|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/4223 |
30.7.2025 |
Sommarju ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tat-23 ta’ April 2025
dwar deċiżjoni skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2022/1925
(Case DMA.100044 — Meta – online intermediation services – marketplace)
(notifikata permezz tad-dokument numru C(2025)2547)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(C/2025/4223)
Fit-23 ta’ April 2025, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 2022/1925. (1) F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2022/1925, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.
1. INTRODUZZJONI
|
(1) |
Din id-deċiżjoni (“id-Deċiżjoni”) temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023)6105 final tal-5 ta’ Settembru 2023 (“id-Deċiżjoni tad-Deżinjazzjoni ta’ Meta”) u tneħħi lil Marketplace mil-lista tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma ddeżinjati skont l-Artikolu 3(9) tar-Regolament (UE) 2022/1925. Meta wriet li Marketplace ma għadux jospita għadd sinifikanti ta’ utenti kummerċjali, u għalhekk ma għadux gateway importanti li tgħaqqad lin-negozji u lill-utenti finali. |
2. PROĊEDURA
|
(2) |
Fil-5 ta’ Marzu 2024, Meta ressqet “Talba għal kunsiderazzjoni mill-ġdid”, ibbażata fuq l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/1925. |
|
(3) |
Fit-talba għal kunsiderazzjoni mill-ġdid tagħha, Meta argumentat, l-ewwel nett, li implimentat miżuri addizzjonali importanti biex tissalvagwardja l-użu minn konsumatur għal konsumatur (“C2C”) ta’ Marketplace u biex tneħħi lill-utenti kummerċjali minn Marketplace. It-tieni, Meta pprovdiet evidenza ekonomika ġdida li skont Meta turi li Marketplace mhuwiex “gateway importanti” sabiex in-negozji jilħqu lill-utenti finali. |
|
(4) |
Bejn April 2024 u Jannar 2025, il-Kummissjoni bagħtet tliet talbiet għall-informazzjoni (RFIs - requests for information) lil Meta biex tikseb aktar dettalji dwar il-bidliet implimentati f’Marketplace u l-impatt li dawn il-bidliet kellhom fuq għadd ta’ utenti kummerċjali tal-Marketplace. |
3. QAFAS LEGALI
|
(5) |
Ir-Regolament (UE) 2022/1925 jistabbilixxi sett ta’ kriterji oġġettivi definiti b’mod ristrett biex pjattaforma online kbira tiġi kkwalifikata bħala gwardjan. Id-deżinjazzjoni għandha ssir b’rabta ma’ servizz ewlieni tal-pjattaforma (CPSs - core platform services) wieħed jew aktar ipprovduti mill-impriża li huma gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (UE) 2022/1925. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2022/1925, il-Kummissjoni tista’, meta tintalab jew b’inizjattiva tagħha stess, tikkunsidra mill-ġdid, temenda jew tħassar fi kwalunkwe mument deċiżjoni tad-deżinjazzjoni jekk tkun saret bidla sostanzjali fi kwalunkwe wieħed mill-fatti li fuqhom issejset id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni, jew jekk id-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa. Din l-emenda se tkun meħtieġa biss jekk il-bidla fil-fatti twassal ukoll għal bidla fil-valutazzjoni. Dan jeħtieġ valutazzjoni każ b’każ tal-fatti u taċ-ċirkostanzi. |
4. VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
|
(7) |
Il-miżuri addizzjonali ta’ Meta biex jissalvagwardjaw l-użu minn konsumatur għal konsumatur (“C2C”) ta’ Marketplace u biex ineħħu lill-utenti kummerċjali minn Marketplace, jinkludu kemm kriterji kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi li Meta tuża b’mod attiv biex tneħħi lill-utenti. Meta [timmonitorja u tivverifika regolarment] wkoll l-effettività tal-politika ta’ infurzar tagħha. |
|
(8) |
Barra minn hekk, fil-proċess tal-ħolqien tal-elenkar tal-prodotti, Meta għamlitha aktar ċara li Marketplace ma għandux jintuża għal skopijiet kummerċjali, u neħħiet il-lingwaġġ ambigwu li seta’ ssuġġerixxa li l-utenti kummerċjali jistgħu jippubblikaw avviżi fuq Marketplace permezz tal-profil personali tagħhom. |
|
(9) |
Filwaqt li fil-prattika xi utenti kummerċjali xorta jkunu jistgħu jelenkaw il-prodotti f’Marketplace minkejja l-miżuri ta’ infurzar u l-monitoraġġ addizzjonali ta’ Meta, id-data pprovduta minn Meta turi li, matul l-2024, kien hemm inqas minn 10 000 utent kummerċjali attiv fis-sena f’Marketplace. |
|
(10) |
Għalhekk, Meta wriet bidla fil-fatti li kapaċi jwasslu għal bidla fil-valutazzjoni fid-Deċiżjoni ta’ Deżinjazzjoni, li tkun tiġġustifika t-tneħħija ta’ Marketplace mil-lista ta’ servizzi ewlenin tal-pjattaforma pprovduti minn Meta. |
|
(11) |
Dan ta’ hawn fuq huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid jew temenda din id-Deċiżjoni, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2022/1925, jekk ikun hemm kwalunkwe bidla sostanzjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom din tissejjes, jew jekk din id-Deċiżjoni ssejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa. |
5. KONKLUŻJONI
|
(12) |
Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, is-servizz tal-intermedjazzjoni online Marketplace ta’ Meta ma għadux servizz ewlieni tal-pjattaforma li jissodisfa r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (UE) 2022/1925 mit-23 ta’ April 2025. |
|
(13) |
L-Artikolu 2(f) tad-Deċiżjoni ta’ Deżinjazzjoni ta’ Meta jitħassar biex jirrifletti din il-konklużjoni. |
(1) Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4223/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)