European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3096

6.12.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/3096

tal-5 ta’ Diċembru 2024

li temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/389/PESK (1), li stabbiliet Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR).

(2)

Fit-12 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2240 (2), li emendat il-mandat tal-Missjoni biex jagħmilha ffukata fuq il-bini tal-kapaċità fis-Somalja u biddel isimha għal EUCAP Somalia.

(3)

Fit-12 ta' Diċembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2445 (3), li emendat id-Deċiżjoni 2012/389/PESK u estendiet il-EUCAP Somalia sal-31 ta' Diċembru 2024.

(4)

Fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku Olistiku u Koordinat tal-involviment tal-PSDK fis-Somalja u fil-Qarn tal-Afrika, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) qabel li l-EUCAP Somalia jenħtieġ li jiġi estiż sat-28 ta' Frar 2027. Barra minn hekk, il-KPS qabel li l-EUCAP Somalia jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-għoti ta' pariri, taħriġ u tagħmir tal-Forza tal-Pulizija Federali tas-Somalja biex tikkontribwixxi għall-istabbiliment gradwali tal-istat tad-dritt fis-Somalja, u, barra minn hekk, tassisti lis-Somalja fit-tisħiħ tal-kapaċità tas-sigurtà marittima tagħha sabiex tkun tista' tinforza b'mod aktar effettiv il-liġi marittima.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/389/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/389/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikoli 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Dikjarazzjoni tal-Missjoni

1.   L-EUCAP Somalia għandha tikkontribwixxi għall-għoti ta' pariri, taħriġ u tagħmir lill-Forza tal-Pulizija Federali tas-Somalja biex tikkontribwixxi għall-istabbiliment gradwali tal-istat tad-dritt fis-Somalja.

2.   Barra minn hekk, l-EUCAP Somalia għandha tassisti lis-Somalja fit-tisħiħ tal-kapaċità tas-sigurtà marittima tagħha sabiex din tkun tista' tinforza b'mod aktar effettiv il-liġi marittima.

Artikolu 3

Kompiti

1.   Sabiex titwettaq id-Dikjarazzjoni tal-Missjoni stipulata fl-Artikolu 2, l-EUCAP Somalia għandha:

(a)

tagħti pariri, tħarreġ u tgħammar lill-Forza tal-Pulizija Federali tas-Somalja, b'mod partikolari lid-Darwish Federali;

(b)

tagħti pariri lill-Ministeru għas-Sigurtà Interna dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-qafas legali meħtieġ għall-arkitettura tas-sigurtà interna u l-Pulizija Federali tas-Somalja;

(c)

tagħti pariri lill-awtoritajiet Somali dwar il-funzjonijiet tal-pulizija u s-sinerġiji bejn il-fergħat tal-pulizija tal-art u dawk marittimi u atturi oħra fis-settur tas-sigurtà;

(d)

tipprovdi monitoraġġ lill-Forza tal-Pulizija Marittima ta' Somaliland u lill-Forza tal-Pulizija Marittima ta' Puntland;

(e)

tittrasferixxi b'mod gradwali lill-EUTM Somalia, u kompletament sal-31 ta' Diċembru 2025, ir-responsabbiltà tal-għoti ta' pariri lill-Forza Navali Somali dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, filwaqt li jibqgħu disponibbli konsulenti marittimi dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta ċivili u dawk relatati mal-pulizija.

2.   Barra minn hekk, fuq stedina mir-Repubblika tal-Djibouti, EUCAP Somalia għandha, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, tipprovdi taħriġ fiċ-Ċentru Reġjonali tat-Taħriġ tal-Djibouti, b'mod partikolari biex tappoġġa l-isforzi ta’ bini tal-kapaċitajiet tal-Gwardja tal-Kosta tal-Djibouti.”

;

(2)

fl-Artikolu 13(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP Somalia għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2025 sat-28 ta' Frar 2027 għandu jkun ta' EUR 110 240 125,06.”

;

(3)

fl-Artikolu 16, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għandha tapplika sat-28 ta' Frar 2027.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

CSEPREGHY N.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK tas-16 ta' Lulju 2012 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 40).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/2240/PESK tat-12 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR) (ĠU L 337, 13.12.2016, p. 18).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2445 tat-12 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) (ĠU L 319, 13.12.2022, p. 91).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3096/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)