SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
26 ta’ Marzu 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 98/6/KE – Indikazzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘prezz tal-bejgħ’ – Bejgħ online – Ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa fil-każ ta’ ordni totali ta’ valur inqas minn ammont minimu – Esklużjoni ta’ dan il-ħlas mill-prezz tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat”
Fil-Kawża C‑62/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Jannar 2025, fil-proċedura
Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.
vs
JZ,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra (Relatur) u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V., minn P. Wassermann, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P. Wagner, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Kienapfel u B.-R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 32). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. (l-Unjoni Federali taċ-Ċentri u tal-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“BV”) u JZ, li jopera ħanut online, dwar l-obbligu possibbli li, fil-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija offruta fuq is-sit internet tiegħu, jiġu inkluż ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa dovut fil-każ ta’ ordni ta’ valur inqas minn ammont minimu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 2, 6 u 12 tad-Direttiva 98/6 jipprovdu:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistipula indikazzjoni tal-prezz tal-bejgħ u l-prezz għal kull unità ta’ kejl ta’ prodotti offruti mill-negozjanti lill-konsumaturi sabiex titjieb l-informazzjoni lill-konsumatur u tiffaċilita l-paragun tal-prezzijiet.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva: “Il-prezz tal-bejgħ u l-prezz ta’ unità m’għandhomx ikunu ambigwi, għandhom ikunu identifikabbli faċilment u jinqraw b’mod ċar. […]” |
Id‑dritt Ġermaniż
|
7 |
Il-punt 3 tal-Artikolu 2 tal-Preisangabenverordnung (ir-Regolament dwar l-Indikazzjonijiet tal-Prezzijiet), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“PAngV”), jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: […] 3. ‘prezz totali’: il-prezz, inkluża t-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ u elementi oħra tal-prezz, li għandu jitħallas għal prodott jew servizz.” |
|
8 |
L-Artikolu 3(1) tal-PAngV huwa fformulat kif ġej: “Kull min, bħala imprenditur, joffri lil konsumaturi oġġetti jew servizzi jew, bħala fornitur ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, jirreklama lill-konsumaturi billi jindika l-prezz ta’ dawn l-oġġetti jew servizzi, għandu jindika l-prezz totali tagħhom”. |
|
9 |
Skont l-Artikolu 6(1) u (2) tal-PAngV: “(1) Kull min, bħala imprenditur, joffri lil konsumaturi oġġetti jew servizzi bl-għan li jiġi konkluż kuntratt mill-bogħod għandu, minbarra l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 3(1) u (2) u l-Artikolu 4(1) u (2), jindika
(2) Jekk ikunu dovuti spejjeż ta’ trasport, ta’ kunsinna jew ta’ dispaċċ jew spejjeż addizzjonali oħra, l-ammont tagħhom għandu jiġi indikat sa fejn dawn jistgħu raġonevolment jiġu kkalkolati minn qabel.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
10 |
JZ jikkummerċjalizza, permezz tas-sit internet www.staubsaugerservice.de, oġġetti konsumabbli, aċċessorji u spare parts għall-vacuum cleaners. Fl‑1 ta’ Ġunju 2022, huwa kien jipproponi, fuq dan is-sit, boroż ta’ filtrazzjoni għall-vacuum cleaners bil-prezz ta’ EUR 14.90, filwaqt li kien jinkludi l-kliem “kunsinna b’xejn f’24 siegħa fil-Ġermanja kollha” u “spejjeż tal-ispedizzjoni offruti” fl-intestatura tal-paġna tal-internet. |
|
11 |
Fuq il-lemin tal-indikazzjoni tal-prezz, kien hemm asterisk. Meta wieħed kien iċaqlaq il-vleġġa għal fuq l-asteriks, kien jidher dan li ġej: “VAT inkluża, spejjeż anċillari japplikaw”. L-indikazzjoni tal-prezz bħala tali kienet tibqa’ l-istess. Billi jikklikkja fuq l-asterisk, il-klijent kien jiġi dirett lejn subpaġna tas-sit internet li kienet tinkludi l-informazzjoni li ġejja: “Spejjeż anċillari […] Skont il-valur tal-merkanzija, jista’ jiġi ffatturat ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa mhux rimborsabbli ta’ bejn EUR 3.95 (għal oġġetti bil-valur ta’ EUR 11 jew iktar) u EUR 9 (għal oġġetti bil-valur ta’ inqas minn EUR 11). Minn valur ta’ oġġetti ta’ EUR 29, dan il-ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa ġeneralment ma jibqax dovut.” |
|
12 |
Wara li jkun żied il-prodott magħżul fil-basket tiegħu, il-klijent kien jara, meta kien ikun qiegħed iħares lejn dan il-basket, l-indikazzjoni ta’ prezz ta’ EUR 14.90, kif ukoll ammont ta’ EUR 3.95 flimkien mal-kliem “suppliment/tnaqqis addizzjonali għal kwantità żgħira (mhux applikabbli għal xiri ta’ iktar minn EUR 29)”. |
|
13 |
Peress li qieset li din kienet indikazzjoni ta’ prezz żleali, il-BV ippreżentat rikors quddiem il-Landgericht Hannover (il-Qorti Reġjonali ta’ Hannover, il-Ġermanja), intiż b’mod partikolari sabiex JZ jiġi kkundannat jieqaf joffri oġġetti fuq l-internet b’indikazzjoni tal-prezzijiet li fihom il-ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa ma humiex inklużi. Din il-qorti laqgħet dan ir-rikors. |
|
14 |
Fuq appell ippreżentat minn JZ, l-Oberlandesgericht Celle (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Celle, il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors ta’ BV, billi ddeċidiet li l-ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa, meħtieġ biss meta l-valur totali tal-ordni, li jinkludi l-prodott ikkonċernat u possibbilment prodotti oħra, ikun inqas minn ċertu ammont, għandhom jiġu indikati separatament, peress li ma jikkostitwixxux element tal-prezz totali tal-prodott ikkonċernat. |
|
15 |
Il-BV ippreżentat appell għal reviżjoni minn dik is-sentenza quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Skont din il-qorti, ir-risposta għad-domanda dwar jekk ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa, li l-klijent ikun eżentat minnu biss jekk il-valur tal-ordni tiegħu jaqbeż ċertu ammont, għandux jiġi inkluż fil-prezz tal-bejgħ ta’ unità ta’ prodott, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6, ma tirriżultax b’mod ċar mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tiddefinixxi l-prezz tal-bejgħ bħala l-“prezz finali għal unità tal-prodott”, iżda wkoll għal “kwantità mogħtija [partikolari] tal-prodott”. |
|
16 |
Filwaqt li tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-prezz tal-bejgħ ta’ prodott għandu neċessarjament jinkludi l-elementi inevitabbli u prevedibbli tal-prezz, li huma obbligatorjament imposti fuq il-konsumatur u jikkostitwixxu l-korrispettiv pekunjarju għall-akkwist ta’ dan il-prodott, l-imsemmija qorti tistaqsi, b’mod iktar preċiż, dwar in-natura inevitabbli u prevedibbli għall-konsumatur tal-ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa inkwistjoni. Hija għandha tendenza tqis li dan il-ħlas ma għandux jiġi inkluż fil-prezz tal-bejgħ, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6. Fil-fehma tagħha, l-aħjar mod sabiex jiġi evitat li l-konsumatur jiġi mqarraq huwa, minn naħa, li jiġi indikat il-prezz tal-bejgħ, mingħajr il-ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa, u, min-naħa l-oħra, li l-konsumatur jiġi avżat li dan il-ħlas ikun dovut għal ordni taħt ċertu livell ta’ valur filwaqt li jiġi indikat l-ammont ta’ tali ħlas. |
|
17 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Fil-prezz tal-bejgħ li għandu jiġi indikat għal unità ta’ prodott, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva [98/6], għandu jiġi inkluż ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa li ma jkunx dovut biss jekk il-valur totali tal-ordni jaqbeż ammont minimu?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
18 |
Permezz tad-domanda unika tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “prezz tal-bejgħ” għandu jinkludi ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa li, minn naħa, ivarja skont l-ammont totali tal-ordni magħmula mix-xerrej tal-prodott ikkonċernat kif ukoll, jekk ikun il-każ, ta’ prodotti oħra, u li, min-naħa l-oħra, ikun dovut biss jekk il-valur totali ta’ din l-ordni jkun inqas minn ammont minimu. |
|
19 |
Il-prezz tal-bejgħ huwa ddefinit, skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6, bħala l-prezz finali għal unità tal-prodott jew kwantità partikolari tal-prodott, inklużi l-VAT u t-taxxi anċillari kollha. |
|
20 |
Bħala prezz finali, il-prezz tal-bejgħ għandu jinkludi neċessarjament l-elementi inevitabbli u prevedibbli ta’ dan il-prezz, li huma obbligatorjament imħallsa mill-konsumatur u li jikkostitwixxu l-korrispettiv pekunjarju għall-akkwist tal-prodott ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Verband Sozialer Wettbewerb (Kontenituri li fuqhom huwa impost depożitu), C‑543/21, EU:C:2023:527, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
21 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta, minn naħa, li l-ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa huwa applikat biss fil-każ fejn l-ammont totali tal-prodotti mixtrija jkun inqas minn valur minimu. Min-naħa l-oħra, meta dan il-ħlas b’rata fissa jkun dovut, l-ammont tiegħu jvarja skont l-ammont totali tal-prodotti mixtrija. |
|
22 |
Għalkemm l-imsemmi ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa huwa inkluż fil-korrispettiv pekunjarju marbut mal-akkwist tal-prodott ikkonċernat, dan ma jistax madankollu jitqies li huwa “obbligatorjament” imħallas mill-konsumatur. Fil-fatt, dan tal-aħħar jista’ jevita dan il-ħlas, billi jixtri diversi prodotti, anki differenti, b’mod li jilħaq il-valur minimu meħtieġ. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk din il-possibbiltà li jiġi evitat il-ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa hijiex reali, fid-dawl b’mod partikolari tal-ammont ta’ dan il-valur minimu. |
|
23 |
L-inklużjoni ta’ dan il-ħlas fil-prezz tal-bejgħ, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6 tista’ għalhekk tikkomprometti n-natura definittiva ta’ dan il-prezz, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 20 tas-sentenza preżenti. Għaldaqstant, dan il-ħlas ma għandux jiġi inkluż f’dan il-kunċett ta’ “prezz tal-bejgħ”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
24 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 98/6, stabbiliti fl-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessa 6 ta’ din id-direttiva, jiġifieri t-titjib tal-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi u li jiġi ffaċilitat il-paragun tal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ prodotti offruti minn kummerċjanti lill-konsumaturi bil-għan li dawn ikunu jistgħu jagħmlu għażliet informati. F’dan ir-rigward, il-premessa 12 tal-imsemmija direttiva tippreċiża li din tal-aħħar hija intiża li tiżgura informazzjoni tal-istess xorta u trasparenti li tibbenefika lill-konsumaturi kollha fil-kuntest tas-suq intern. |
|
25 |
Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 2 tagħha, il-prezz tal-bejgħ tal-prodotti offruti lill-konsumaturi għandu jkun inekwivoku, faċilment identifikabbli u li jinqara faċilment, sabiex l-informazzjoni tal-konsumaturi tkun preċiża, ċara u mhux ambigwa. |
|
26 |
Fil-każ ineżami, minn naħa, huwa biss ċertu xiri tal-prodott ikkonċernat li huwa suġġetti għal ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa, jiġifieri meta l-ammont totali tal-ordni jkun inqas minn ammont minimu. Min-naħa l-oħra, ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa differenti jista’ jiġi applikat skont l-ammont totali tax-xiri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-inklużjoni tal-ammont ta’ dan il-ħlas fil-prezz tal-bejgħ tal-prodott, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6, tesponi lill-konsumaturi għar-riskju li jagħmlu paraguni ineżatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Verband Sozialer Wettbewerb (Kontenituri li fuqhom huwa impost depożitu), C‑543/21, EU:C:2023:527, punt 26). |
|
27 |
Mill-banda l-oħra, hekk kif tirrileva ġustament il-qorti tar-rinviju, l-indikazzjoni ċara tal-ammont tal-ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa possibbilment applikabbli, separatament u flimkien mal-prezz tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, tippermetti lill-konsumaturi jevalwaw u jqabblu l-prezzijiet ta’ tali prodott u jagħmlu għażliet informati abbażi ta’ paraguni sempliċi, konformement mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 98/6, imfakkra fil-punt 24 tas-sentenza preżenti, kif ukoll mar-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ assenza ta’ kwalunkwe ambigwità ta’ dawn il-prezzijiet, stabbilit fil-premessa 2 ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Verband Sozialer Wettbewerb (Kontenituri li fuqhom huwa impost depożitu), C‑543/21, EU:C:2023:527, punt 27). |
|
28 |
F’dan il-kuntest, konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, ikun f’pożizzjoni li jżid il-prezz tal-prodott mal-ammont tal-ħlas b’rata fissa possibbli sabiex jiddetermina l-ammont totali li huwa jkollu jħallas fid-data tax-xiri (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Verband Sozialer Wettbewerb (Kontenituri li fuqhom huwa impost depożitu), C‑543/21, EU:C:2023:527, punt 28). |
|
29 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “prezz tal-bejgħ” ma għandux jinkludi ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa li, minn naħa, ivarja skont l-ammont totali tal-ordni magħmula mix-xerrej tal-prodott ikkonċernat kif ukoll, jekk ikun il-każ, ta’ prodotti oħra, u li, min-naħa l-oħra, ikun dovut biss jekk il-valur totali ta’ din l-ordni jkun inqas minn ammont minimu stabbilit mill-bejjiegħ, sakemm dan il-ħlas ikun indikat b’mod ċar u sakemm dan l-ammont ma jkunx iffissat b’tali mod li fil-prattika jirrendi dan il-ħlas inevitabbli. |
Fuq l-ispejjeż
|
30 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
il-kunċett ta’ “prezz tal-bejgħ” ma għandux jinkludi ħlas ta’ pproċessar b’rata fissa li, minn naħa, ivarja skont l-ammont totali tal-ordni magħmula mix-xerrej tal-prodott ikkonċernat kif ukoll, jekk ikun il-każ, ta’ prodotti oħra, u li, min-naħa l-oħra, ikun dovut biss jekk il-valur totali ta’ din l-ordni jkun inqas minn ammont minimu stabbilit mill-bejjiegħ, sakemm dan il-ħlas ikun indikat b’mod ċar u sakemm dan l-ammont ma jkunx iffissat b’tali mod li fil-prattika jirrendi dan il-ħlas inevitabbli. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.