European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3205

13.6.2025

Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — CONS/AD/198/25 — Direttur għal ORG.1

(C/2025/3205)

 

TAGĦRIF ĠENERALI

Dipartiment

ORG.1

Post tax-xogħol

Brussell, il-Bini Justus Lipsius

Titlu tal-pożizzjoni

Direttur

Grupp tal-funzjoni u grad

AD 14

Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa

SECRET UE/EU SECRET

SKADENZA GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET

L-4 ta’ Lulju 2025 – 12:00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell

Min aħna

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE u l-korpi preparatorji tagħhom fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom. Taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali, jipprovdi pariri u sostenn lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill u lill-Presidenti tagħhom fl-oqsma kollha ta’ attività, inkluż pariri politiċi u legali, koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, tfassil ta’ kompromessi u abbozzar, superviżjoni kif ukoll trattament tal-aspetti prattiċi kollha li huma meħtieġa għat-tħejjija u t-tmexxija bla xkiel tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp Organizzattiv u s-Servizzi (DG ORG) huwa responsabbli għall-ġestjoni strateġika globali tal-iżvilupp organizzattiv u s-servizzi fis-SĠK. Id-Direttorat Ġenerali bħalissa hu magħmul minn ħames Direttorati (Riżorsi Umani, Protokoll u Laqgħat, Bini u Loġistika, Finanzi, u Sikurezza u Sigurtà).

Id-Direttorat tar-Riżorsi Umani (ORG.1) huwa tim ta’ aktar minn 200 kollega li jittrattaw il-politika tar-riżorsi umani - ir-reklutaġġ, il-persunal u l-mobbiltà, l-iżvilupp tal-persunal, id-drittijiet u l-obbligi tal-persunal, l-assistenza/l-appoġġ tal-persunal, il-kura tas-saħħa u l-benesseri, il-missjonijiet, il-proġetti tar-riżorsi umani u l-analitika, il-finanzi tar-riżorsi umani u d-diversità u l-inklużjoni.

Id-Direttorat jinsab f’pożizzjoni strateġika biex jikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni tas-SĠK fil-qasam tar-riżorsi umani; qed jaħdem attivament għas-simplifikazzjoni tas-servizzi u l-appoġġ tar-riżorsi umani biex titħaffef u titjieb il-ħajja tal-persunal. Id-Direttorat tar-Riżorsi Umani jinteraġixxi mas-servizzi kollha fis-Segretarjat Ġenerali u huwa l-interlokutur tal-Kumitat tal-Persunal u t-trade unions.

Id-Direttorat hu magħmul minn sitt Unitajiet, kull waħda responsabbli minn qasam speċifiku: il-persunal u l-mobbiltà (A), l-iżvilupp tal-persunal (B), il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-appoġġ tal-persunal (C), il-missjonijiet, il-finanzi u l-IT tar-riżorsi umani (D), il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali (E) u l-pariri legali għall-amministrazzjoni (F). Jinkludi wkoll l-Uffiċċju għad-Diversità u l-Inklużjoni.

Qed noffru

Qed noffru pożizzjoni attraenti u impenjattiva ħafna f’kuntest politikament interessanti u li jinbidel malajr, b’diversi partijiet ikkonċernati u persunal bi kwalifiki għoljin. Ser ikollok rwol ewlieni sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-SĠK, u jiġi attirat, miżmum u żviluppat it-talent meħtieġ biex jappoġġa l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill fl-attivitajiet kollha tagħhom. Ser ikollok responsabbiltajiet amministrattivi, baġitarji u politiċi estensivi biex jitwettqu politika u operazzjonijiet effettivi, li jħarsu ’l quddiem u jkunu legalment sodi fil-qasam tar-riżorsi umani, u li jservu amministrazzjoni pubblika moderna f’dinja tax-xogħol impenjattiva.

Taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali, ser tkun qed timmaniġġja u tikkoordina d-Direttorat tiegħek u r-riżorsi tiegħu, torganizza l-attivitajiet tiegħu u tappoġġa u timmotiva lill-membri tal-persunal. Ser tiddefinixxi l-objettivi li għandhom jintlaħqu mid-Direttorat, tikkontribwixxi għall-kisba tagħhom u tiżgura superviżjoni xierqa tal-implimentazzjoni. Ser tiżgura l-kwalità tas-servizzi u l-prodotti mogħtija mid-Direttorat, kif ukoll il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni effettivi fi ħdan id-Direttorat, fid-Direttorat Ġenerali kollu, ma’ servizzi oħra tas-SĠK, u ma’ partijiet ikkonċernati esterni.

Ser tipprovdi pariri politiċi u proċedurali strateġiċi u ta’ livell għoli lis-Segretarju Ġenerali, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-presidenza tal-Kunsill u lill-korpi preparatorji tiegħu dwar dossiers li jaqgħu taħt il-kompetenza tad-Direttorat. Barra minn hekk, ser tibda u tissorvelja attivitajiet ta’ analiżi tal-politika bil-għan li tagħti pariri għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-oqsma tal-kompetenza tad-Direttorat.

Ser tirrappreżenta wkoll lis-SĠK f’diversi korpi interistituzzjonali ta’ livell għoli, fora pubbliċi u negozjati ma’ istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra tal-UE fl-oqsma tal-kompetenza tad-Direttorat.

Int u l-persunal tiegħek ser tkunu tistgħu tippjanaw u torganizzaw ix-xogħol b’mod flessibbli u tgawdu mill-arranġamenti tax-xogħol tas-SĠK, inkluż it-telexogħol. Ikunu meħtieġa missjonijiet okkażjonali f’pajjiżi oħra, normalment fl-UE.

Qed infittxu

Qed infittxu manager b’ħiliet eċċellenti ta’ koordinazzjoni, komunikazzjoni, ħsieb strateġiku u organizzazzjoni biex inwettqu u niżviluppaw b’suċċess il-politika tar-riżorsi umani tas-SĠK.

Int persuna proattiva, fil-passat irnexxielek tikseb riżultati b’mod effiċjenti u għandek kapaċitajiet eċċezzjonali fl-immaniġġjar ta’ proġetti.

Għandek għarfien tajjeb tal-kuntest legali, baġitarju u amministrattiv tas-SĠK kif ukoll tifhem tajjeb il-funzjonament intern tas-SĠK u ż-żewġ istituzzjonijiet li jaqdi.

Il-managers kollha tas-SĠK huma mistennija jagħtu pariri lill-ġerarkija tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati, jimmaniġġaw il-persunal u r-riżorsi finanzjarji tagħhom, u jirrappreżentaw lis-SĠK. Dawn l-aspettattivi huma mfissra fil-profil orizzontali tal-managers tas-SĠK (1).

Barra minn hekk, il-persuna impjegata jeħtieġ ikollha:

—

il-kapaċità li taħseb u tippjana b’mod strateġiku, li tantiċipa u tidentifika problemi potenzjali u li tipproponi kompromessi u soluzzjonijiet fattibbli;

—

ħila ta’ tmexxija u kapaċità li tippromwovi spirtu ta’ tim qawwi u li tiggwida, timmotiva u tawtonomizza lill-persunal f’ambjent ta’ diversità u multikulturali, b’enfasi qawwija fuq l-iżvilupp tal-persunal;

—

sens ta’ diplomazija, tagħraf meta għandha tkun flessibbli u meta tkun soda waqt li toqgħod attenta għad-dettall mingħajr ma tinsa l-kuntest ġenerali;

—

il-kapaċità li tippromwovi u żżomm relazzjonijiet tax-xogħol tajba ma’ firxa ta’ interlokuturi interni u esterni;

—

il-kapaċità li tilħaq qbil u għanijiet komuni billi tagħti pariri speċifiċi lill-partijiet ikkonċernati u billi tiffaċilita d-diskussjoni b’mod effettiv u kostruttiv;

—

il-kapaċità li torganizza x-xogħol ġenerali tad-Direttorat sabiex jintlaħqu l-iskadenzi kruċjali u li tiżgura t-tqassim ġust tax-xogħol fost il-membri tat-tim u l-ippjanar tas-suċċessjoni;

—

il-kapaċità li timmaniġġa t-tibdil u tappoġġa lill-persunal waqt it-tibdil;

—

ħiliet ta’ komunikazzjoni eċċellenti, inkluż ħiliet ta’ komunikazzjoni interpersonali.

Peress li s-SĠK iħaddan politika ta’ mobbiltà għall-managers tiegħu, li huma mistennija jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom ikunu lesti u kapaċi jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

L-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin fid-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet:

(a)   Kondizzjonijiet ġenerali

—

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

—

igawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

—

ikunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar il-lieva.

(b)   Kondizzjonijiet speċifiċi

—

ikollhom lawrja universitarja (2);

—

ikollhom mill-inqas ħmistax-il sena esperjenza professjonali rilevanti li minnhom ikunu effettivament wettqu mill-inqas tliet snin f’responsabbiltajiet maniġerjali u organizzattivi. Tliet snin esperjenza f’pożizzjoni b’responsabbiltajiet sinifikanti ta’ koordinazzjoni jkunu ekwivalenti għall-esperjenza maniġerjali meħtieġa;

—

peress li l-Ingliż u l-Franċiż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni fis-SĠK u ma’ istituzzjonijiet oħra, huwa meħtieġ għarfien eċċellenti ta’ waħda miż-żewġ lingwi u għarfien tajjeb tal-oħra. L-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-UE jkun ta’ vantaġġ.

NB:

(1)

Din il-pożizzjoni tirrikjedi approvazzjoni tas-sigurtà li tippermetti l-aċċess għal informazzjoni klassifikata (livell SECRET UE/EU SECRET). Il-kandidati li japplikaw għall-pożizzjoni jridu jkunu lesti jgħaddu minn investigazzjoni ta’ sigurtà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3). Il-ħatra għal din il-pożizzjoni ssir effettiva biss bil-kundizzjoni li l-kandidat magħżul ikun kiseb ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà. Kandidati mingħajr l-approvazzjoni tas-sigurtà jiġu offruti kuntratt temporanju sakemm jinkiseb ir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sigurtà.

(2)

Il-kandidat li jintgħażel għandu jew għandha tkun lesta ssegwi l-programm ta’ taħriġ fil-ġestjoni tas-SĠK.

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

Fl-għażla tal-kandidati, l-Awtorità tal-Ħatra ser tkun megħjuna minn kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni. Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jkollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ evalwazzjoni, immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għall-istess tip ta’ pożizzjoni ma jibqgħux validi wara sentejn mid-data li fiha saru l-eżerċizzji rilevanti jew mat-tmiem tal-kuntratt qafas bejn is-SĠK u ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni inkwistjoni - skont liema data tiġi l-ewwel.

Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni l-ewwel jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni komparattiva, il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jagħmel lista ristretta tal-kandidati li, fl-opinjoni tiegħu, huma l-aktar adatti sabiex jiġu mistiedna għall-ewwel intervista. Peress li din l-ewwel għażla hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti għal dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jiggarantix stedina għall-ewwel intervista. Minn fost il-kandidati intervistati, il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jagħżel il-kandidati li għandhom jattendu ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, kif ukoll għat-tieni intervista mal-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni.

L-ippjanar proviżorju għall-proċedura ta’ selezzjoni huwa kif ġej:

—

huwa mistenni li l-kandidati magħżula għall-intervisti jiġu infurmati fl-ewwel nofs ta’ Lulju 2025;

—

l-ewwel intervisti huma previsti li jsiru madwar nofs Lulju 2025;

—

iċ-ċentru ta’ evalwazzjoni mistenni jsir fit-tieni nofs ta’ Lulju 2025;

—

it-tieni ċiklu ta’ intervisti huwa previst għall-ewwel nofs ta’ Settembru 2025.

NB:

L-iskeda mogħtija hawn fuq hija purament indikattiva u tista’ tinbidel.

BAŻI LEGALI

Din il-pożizzjoni hija ppubblikata fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u barra mill-istituzzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 29, il-paragrafi 1 u 2, tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4).

KIF TAPPLIKA

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-4 ta’ Lulju 2025 f’12:00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell.

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu biss bil-posta elettronika u jridu jintbagħtu lil applications.management@consilium.europa.eu  (5) sa mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-għeluq. Applikazzjonijiet li jaslu tard mhumiex ser jitqiesu.

Għandu jintuża l-indirizz elettroniku indikat hawn fuq għal kwalunkwe korrispondenza dwar il-proċedura tal-għażla (fil-linja tas-suġġett għandha titniżżel ir-referenza li ġejja: CONS/AD/198/25 ORG.1).

Qabel ma jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti mniżżla hawn fuq, taħt “Politika ta’ Reklutaġġ”, biex b’hekk jevitaw l-esklużjoni awtomatika mill-proċedura tal-għażla.

Biex ikun validu, il-fajl tal-applikazzjoni jrid jinkludi d-dokumenti li ġejjin f’format pdf (NB: dokumenti maqfula, protetti bil-password jew b’firma elettronika ma jiġux aċċettati):

(a)

il-formola tal-applikazzjoni mimlija u datata kif suppost (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) - Application form.pdf”); biex tniżżel il-formola tal-applikazzjoni elettronika (EN jew FR) agħfas fuq il-ħolqa t-tajba hawn taħt jew ikkopjaha u ppejstjaha fil-browser tiegħek (6):

https://www.consilium.europa.eu/media/68640/gsc-application_form_senior_management_en.docx

https://www.consilium.europa.eu/media/68641/gsc-application_form_senior_management_fr.docx

(b)

curriculum vitae dettaljat bl-Ingliż jew bil-Franċiż (mingħajr ritratti inklużi), preferibbilment fil-format Europass (https://europa.eu/europass/en/create-europass-cv; https://europa.eu/europass/fr/create-your-europass-cv), li jkopri l-karriera kollha tal-applikant, li jelenka, fost l-oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tal-applikant (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) - CV.pdf”);

(c)

ittra ta’ motivazzjoni, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) - Motivation letter.pdf”).

Jekk ma jiġux inklużi dawn id-dokumenti l-applikazzjoni tkun invalida.

NB:

Ser jintalbu l-kopji ta’ diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u l-kopji ta’ dokumenti u ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali mingħand il-kandidati preselezzjonati mistiedna għall-ewwel ċiklu ta’ intervisti. Id-dokumenti ta’ sostenn iridu jkunu nħarġu minn parti terza.

Id-dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu nnumerati (Anness 1, 2, eċċ.) u għandhom jinġabru flimkien f’dokument pdf wieħed (fajl li għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) - Supporting documents.pdf”). Dan għandu jinkludi indiċi.

In-nuqqas ta’ sottomissjoni tad-dokumenti ta’ sostenn kollha sa mhux aktar tard mill-jum ta’ qabel l-ewwel intervista, jista’ jitqies bħala bażi għal skwalifika.

Applikazzjonijiet li jaslu bil-posta jew permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin ta’ data bbażati fi cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni ta’ fajls ma jiġux ikkunsidrati.

Il-persuna magħżula minn fost il-kandidati tintalab tipprovdi d-dokumenti oriġinali msemmija hawn fuq.

Il-kandidati jirċievu email li tinfurmahom li l-applikazzjoni tagħhom tkun waslet. Madankollu, jistgħu jinqalgħu diffikultajiet tekniċi li minħabba fihom l-emails ma jaslux. Għalhekk, il-kandidati li ma jirċevux email li tikkonferma l-wasla tal-applikazzjoni huma mitluba jikkuntattjaw lil applications.management@consilium.europa.eu. Peress li l-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni ser jibda l-ħidma tiegħu ftit wara d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, kull korrispondenza dwar il-wasla tal-applikazzjoni għandha ssir fil-ġimgħa ta’ wara dik id-data.

DIVERSITÀ U INKLUŻJONI

Is-SĠK huwa impenjat favur id-diversità u l-inklużjoni. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara d-dikjarazzjoni rilevanti: https://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/diversity-and-inclusion/.

RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Għal informazzjoni dwar il-proċeduri marbuta mat-talbiet għal ilmenti, appelli u riferimenti lill-Ombudsman Ewropew tista’ tikkonsulta lil: https://www.consilium.europa.eu/media/56647/complaint-mt.pdf.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Ir-regoli li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali b’rabta ma’ din il-proċedura ta’ selezzjoni jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ privatezza: https://www.consilium.europa.eu/media/4brojk4o/jobs-data-protection-083r02-mt.pdf


(1)   https://www.consilium.europa.eu/media/53266/gsc-manager-profile-mt.pdf

(2)  L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:

(i)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja hu ta’ erba’ snin jew iżjed, jew

(ii)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena, fejn it-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja hu ta’ mill-inqas tliet snin.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1), test konsolidat disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20250513

(5)  Dan l-indirizz elettroniku jappartjeni għal kaxxa postali funzjonali u jista’ jipproċessa biss messaġġi bil-kunfidenzjalità speċifikata bħala “Normali”; emails b’livell ta’ kunfidenzjalità differenti (eż. “Personal”, “Private”, “Confidential” jew posta kriptata) ma jistgħux jiġu pproċessati. Għaldaqstant, jekk jogħġbok agħżel il-livell ta’ kunfidenzjalità “Normal”. L-email ma tridx tkun akbar minn 25MB. Jekk id-daqs tal-email tiegħek bl-hemżiet magħha jkun ikbar minn dan, jekk jogħġbok qassam l-hemżiet fuq għadd ta’ emails.

(6)  Jekk teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: applications.management@consilium.europa.eu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3205/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)