2015D2290 — MT — 01.01.2016 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
ID-DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2290 tal-5 ta' Ġunju 2015 (ĠU L 323 9.12.2015, p. 22) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/309 tas-26 ta' Novembru 2015 |
L 58 |
50 |
4.3.2016 |
|
Ikkoreġut b'
ID-DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2290
tal-5 ta' Ġunju 2015
dwar l-ekwivalenza proviżorja tar-reġimi tas-solvenza fis-seħħ fl-Awstralja, fil-Brażil, fil-Kanada, fil-Messiku, u fl-Istati Uniti u applikabbli għal impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni b'uffiċċji prinċipali f'dawk il-pajjiżi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) ( 1 ), u b'mod partikolari l-Artikolu 227(5) tiegħu,
Billi:|
(1) |
Id-Direttiva 2009/138/KE tistabbilixxi reġim prudenzjali u superviżorju bbażat fuq ir-riskju mmodernizzat għall-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni fl-Unjoni Ewropea. L-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2009/138/KE għall-assiguraturi u r-riassiguraturi fl-Unjoni ser tibda fl-1 ta' Jannar 2016. Għalkemm id-Direttiva 2009/138/KE se tiġi applikata għalkollox mill-1 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni tista' diġà tadotta din id-Deċiżjoni Delegata permezz tal-Artikolu 311 tad-Direttiva 2009/138/KE. |
|
(2) |
L-Artikolu 227 tad-Direttiva 2009/138/KE jirrigwarda l-ekwivalenza għal assiguraturi ta' pajjiżi terzi li huma parti minn gruppi li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-Unjoni. Determinazzjoni ta' ekwivalenza pożittiva skont l-Artikolu 227 tad-Direttiva 2009/138/KE, permezz ta' att delegat tal-Kummissjoni, tippermeti li tali gruppi, meta t-tnaqqis u l-aggregazzjoni jintużaw bħala l-metodu ta' konsolidazzjoni għar-rapportar tal-grupp tagħhom, jieħdu kont tal-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kapital u tal-kapital disponibbli (fondi proprji) skont ir-regoli tal-ġurisdizzjoni non-UE minflok jiġu kkalkulati fuq il-bażi tad-Direttiva 2009/138/KE, għall-finijiet li jiġu kkalkulati r-rekwiżit ta' solvibbiltà tal-grupp u l-fondi proprji eliġibbli. |
|
(3) |
Il-Paragrafu 5 tal-Artikolu 227 tad-Direttiva 2009/138/KE jipprevedi determinazzjoni ta' ekwivalenza proviżorja ta' durata fissa għal pajjiżi terzi li r-reġimi tas-solvibbiltà tal-assigurazzjoni tagħhom jilħqu ċerti kriterji. Determinazzjoni ta' ekwivalenza proviżorja hija valida għal perjodu ta' 10 snin, bil-possibiltà li tiġġedded. |
|
(4) |
L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol tat pariri skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) lill-Kummissjoni, u b'hekk ikkontribwiet lejn il-valutazzjoni ta' pajjiżi terzi skont l-Artikolu 227(5) tad-Direttiva 2009/138/KE ( 3 ). Fir-rigward tal-Istati Uniti, id-djalogu tal-assigurazzjoni li beda fl-2012 bil-għan li jintlaħaq fehim reċiproku mtejjeb tar-reġimi regolatorji u superviżorji tal-assigurazzjoni kien qafas ewlieni għall-iskambju reċiproku tal-informazzjoni, li wassal għall-konklużjoni ta' din id-Deċiżjoni. |
|
(5) |
Fl-Awstralja, il-Life and General Insurance Capital Standards (LAGIC) (General Insurance Prudential Standard (GPS) 110: Capital Adequacy, Life Insurance Prudential Standards (LPS) 110: Capital Adequacy) jirrekjedu li l-assiguraturi jikkalkulaw l-allokazzjoni ta' kapital għar-riskju tal-assigurazzjoni, ir-riskju tal-konċentrazzjoni tal-assigurazzjoni, ir-riskju tal-assi, ir-riskju tal-konċentrazzjoni tal-assi, ir-riskju operazzjonali u l-benefiċċju tal-aggregazzjoni. Jitħaddem approċċ ta' karta tal-bilanċ totali. Hemm rekwiżit kapitali minimu (il-Prudential Capital Requirement (PCR)); l-assiguraturi huma wkoll meħtieġa jistabbilixxu ICAAP (Proċess ta' Valutazzjoni Interna dwar l-Adegwatezza tal-Kapital) li jistipula l-azzjonijiet li se jseħħu biex jirrettifikaw kal fil-kapital permezz ta' punti fissi 'il fuq mill-PCR tiegħu. Assiguraturi li ma jagħmlux assigurazzjoni fuq il-ħajja jistgħu jużaw mudelli interni soġġetti għall-approvazzjoni mill-Awtorità Awstraljana tar-Regolazzjoni Prudenzjali (Australian Prudential Regulation Authority, APRA). GPS 220 u LPS 220 (ġestjoni tar-riskju) jirrekjedu qafas ta' ġestjoni tar-riskju, li jrid jinkludi bħala minimu strateġija ta' ġestjoni tar-riskju li tiddeskrivi politiki, proċeduri, responsabbiltajiet maniġerjali u kontrolli interni tal-ġestjoni tar-riskju. L-assiguraturi jridu jirrapportaw lill-APRA is-solvibbiltà, il-pożizzjoni finanzjarja, il-prestazzjoni finanzjarja, l-adegwatezza kapitali, l-investimenti, l-assi u l-konċentrazzjonijiet ta' assi, id-dejta dwar il-primjums u t-talbiet, l-obbligazzjonijiet tal-polza u l-iskoperturi mhux fuq il-karta tal-bilanċ. Skont l-Att dwar il-Korporazzjonijiet tal-2001, il-kumpaniji huma meħtieġa jħejju u jippreżentaw rapport finanzjarju annwali lill-Australian Securities and Investments Commission. Għall-assiguraturi tal-ħajja, l-assiguraturi mhux tal-ħajja u l-gruppi ta' assigurazzjoni hemm obbligi ta' divulgazzjoni addizzjonali rigward il-ġestjoni kapitali u l-adegwatezza kapitali. L-APRA tista' taqsam l-informazzjoni ma' superviżuri finanzjarji oħra; l-awtorità hija firmatarja fil-Memorandum ta' Qbil Multilaterali dwar Konsultazzjoni u Kooperazzjoni u l-Iskambju tal-Informazzjoni tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni (il-MtQM IAIS), u kkonkludiet MtQ ma' superviżuri barranin (inkluż ma' numru ta' superviżuri tal-Unjoni). L-APRA hija independentement responsabbli għar-regolamentazzjoni prudenzjali u s-superviżjoni tal-assiguraturi, u hija biss l-APRA li tista' tawtorizza entità li twettaq negozju tal-assigurazzjoni fl-Awstralja. L-APRA għandha s-setgħa li toħroġ standards prudenzjali li għandhom is-saħħa ta' liġi. L-ebda membru preżenti jew passat tal-persunal tal-APRA ma jista' jiddivulga informazzjoni kunfidenzjali miksuba fil-kors ta' dmirijietu jew fil-kapaċità tiegħu/tagħha, soġġetti għal sanzjonijiet legali. Id-divulgazzjoni ta' informazzjoni lil qorti hija strettament limitata. |
|
(6) |
F'Bermuda, l-Att dwar l-Assigurazzjoni jistipula żewġ rekwiżiti ta' kapital għall-assiguraturi għajr kumpaniji tal-assigurazzjoni captive ( 4 ): Il-Marġni ta' Solvenza Minima (MSM) u r-Rekwiżit ta' Kapital Imtejjeb (Enhanced Capital Requirement — ECR), applikabbli għall-assiguraturi kummerċjali, kemm jekk tal-ħajja kif ukoll mhux. L-ECR huwa determinat mir-Rekwiżit Kapitali ta' Solvenza Bażiku (Basic Solvency Capital Requirement — BSCR) skont formola standard jew il-mudell ta' kapital intern approvat tal-assiguratur, bil-kundizzjoni li l-ECR huwa tal-anqas ugwali għall-MSM tal-assiguratur. Il-BSCR ikopri r-riskji li ġejjin: ir-riskju ta' kreditu, ir-riskju tal-firxa, ir-riskju tal-primjum, ir-riskju tar-riżerva, ir-riskju tal-interessi, ir-riskju ta' katastrofi u r-riskju operazzjonali. Livell ta' Kapital ta' Mira ta' 120 % jintuża bħala livell limitu ta' solvenza għat-twissija bikrija. Regoli ta' kapitali kwalifikanti jvarjaw għal kategoriji differenti ta' assiguraturi. L-Att dwar l-Assigurazzjoni jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-obbligi ta' rapportar tal-impriżi fir-rigward tal-pożizzjonijiet ta' solvenza tagħhom. Il-Bermudan Monetary Authority (BMA) hija r-regolatur u superviżur indipendenti. Il-maġġoranza tal-assiguraturi Bermudjani huma obbligati jħejju rapporti finanzjarji addizzjonali skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju, inkella l-assiguraturi jistgħu jużaw kwalunkwe prinċipju ta' kontabbiltà ġeneralment aċċettat mill-BMA. L-assiguraturi għandhom jippubblikaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom, li jkun fihom tagħrif kwantitattiv u kwalitattiv. Il-BMA tista' tidħol fi ftehimiet u tiskambja tagħrif ma' awtoritajiet superviżorji barranin, u hija firmatarja tal-MtQM IAIS. Il-BMA hija marbuta bil-liġi tal-kunfidenzjalità, li titlob li kwalunkwe tagħrif rigward in-negozju jew l-affarijiet ta' istituzzjonijiet finanzjarji taħt superviżjoni, jew rigward persuni li qed jittrattaw magħhom, li jkun inkiseb mill-persunal tal-BMA, jiġi ttrattat b'mod kunfidenzjali. |
|
(7) |
Fil-Brażil, id-Digriet Amministrattiv dwar l-Assigurazzjoni Nru 73/1966 jiddetermina li l-assiguraturi, sabiex jiggarantixxu l-obbligi kollha tagħhom, jistabbilixxu provvedimenti tekniċi, fondi u provvedimenti speċjali skont il-kriterji stabbiliti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Assigurazzjoni Privata (CNSP). Skont ir-Riżoluzzjoni CNSP 316, il-Kapital Minimu Meħtieġ (CMR) huwa l-ogħla bejn il-Kapital ta' Bażi u l-Kapital tar-Riskju. Il-Kapital ta' Bażi huwa ammont fiss marbut mat-tip ta' entità u r-reġjuni li fihom ġiet awtorizzata li topera, kif ukoll il-Kapital ta' Riskju, li huwa s-somma tar-rekwiżiti ta' kapital għar-riskji tas-suq u operazzjonali, is-sottoskrizzjoni, u l-kreditu. Għall-maġġoranza tal-assiguraturi, il-Kapital ta' Riskju huwa ogħla mill-Kapital ta' Bażi, u b'hekk ikun jikkostitwixxi s-CMR. Ir-Riżoluzzjoni CNSP 3162/2014 tistabbilixxi r-regoli għall-użu ta' mudell intern bħala alternattiva għal formula standard biex jinħadem is-CMR. Hemm rekwiżiti minimi ta' governanza korporattiva applikabbli. L-assiguraturi jrid ikollhom kontrolli interni fuq l-attivitajiet, is-sistemi ta' informazzjoni u l-konformità mar-rekwiżiti legali tagħhom. Is-Superintendência de Seguros Privados (SUSEP) hija responsabbli għas-superviżjoni tal-industrija tal-assigurazzjoni Brażiljana. Is-SUSEP topera taħt il-Ministeru tal-Finanzi bħala l-organu eżekuttiv tar-regolamenti stabbiliti mis-CNSP. Il-kunsill maniġerjali tiegħu għandu l-awtorità indipendenti li jistabbilixxi il-politiki ġenerali tas-SUSEP għar-regolazzjoni u l-konformità mar-riżoluzzjonijiet tas-CNSP fil-qasam ta' kompetenza tiegħu. L-assiguraturi huma meħtieġa jibgħatu informazzjoni dwar il-kapital, l-assi, l-obbligazzjonijiet, l-introjtu u n-nefqa lis-SUSEP kull xahar, kif ukoll dettalji dwar l-operazzjonijiet, il-karta tal-bilanċ, u rapport tal-introjtu kull tliet xhur; l-assiguraturi jridu jippubblikaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom, li jkun fihom tagħrif kwantitattiv u kwalitattiv. Is-SUSEP tista' tidħol fi ftehimiet u tiskambja tagħrif ma' awtoritajiet superviżorji barranin, u hija firmatarja għall-MtQM IAIS. It-tagħrif jista' jintuża biss għal għanijiet superviżjori fil-kamp ta' applikazzjoni tal-funzjonijiet superviżorji tas-SUSEP. Informazzjoni ulterjuri miksuba minn awtorità oħra tintuża biss għall-finijiet ta' dik it-talba. Il-liġi torbot lill-persunal preżenti u passat tas-SUSEP bil-kunfidenzjalità. |
|
(8) |
Fil-Kanada, l-Att dwar il-Kumpaniji ta' Assigurazzjoni jirrekjedi li l-assiguraturi jkollhom kapital adegwat. Il-linji gwida ppubblikati mill-Uffiċċju tas-Supretendent tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji (OSFI) jistipulaw l-istandards dettaljati. Ir-rekwiżiti ta' kapital applikabbli għall-assiguraturi huma r-rekwiżit ta' ta' kapital minimu permanenti u surplus (Linji Gwida MCCSR) għall-assiguraturi tal-ħajja u t-test tal-kapital minimu (Linja Gwida MCT) għal assiguraturi mhux tal-ħajja. Kemm l-MCCSR u l-MCT jindirizzaw riskji marbuta kemm mal-assi u l-obbligazzjonijiet fuq u mhux fuq il-karta tal-bilanċ. Assiguraturi mhux tal-ħajja huma meħtieġa li jżommu kapital li 'l fuq minn 100 % tal-MCT, filwaqt li l-assiguraturi tal-ħajja huma meħtieġa li jkollhom kapital li 'l fuq minn120 % tal-MCCSR. L-assiguraturi ma jitħallewx joperaw 'l isfel minn dawn il-livelli. Barra minn dawn ir-rekwiżiti, hemm livell kapitali superviżorju mixtieq ta' 150 % tal-MCT għal assiguraturi mhux tal-ħajja, u tal-MCCSR għall-assiguraturi tal-ħajja, rispettivament. Ir-rekwiżiti ta' kapital huma kkalkulati skont formula standard, u l-użu ta' mudelli interni huwa biss permess f'każi limitati ħafna. L-assiguraturi huma wkoll meħtieġa jistabbilixxu proporzjon kapitali tal-mira intern ibbażat fuq Valutazzjoni Proprja tar-Riskju u s-Solvenza (ORSA), inkluż testijiet tal-istress mhux preskritti li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-assiguratur. L-Uffiċċju tas-Supretendent tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji (OSFI), is-superviżur tal-assigurazzjoni Kanadiż, huwa aġenzija federali indipendenti u li tiffinanzja lilha nfisha. Kull assiguratur regolat huwa meħtieġ jibgħat kontijiet annwali awditjati u tagħrif supplementari lill-OFSI, flimkien ma' Rapport tal-Awditur, Rapport tal-Attwarju Appuntat, Rapport tal-Ittestjar Dinamiku tal-Adegwatezza tal-Kapital li jinkludi fil-qosor ir-riżultati ta' diversi testijiet tal-istress, u rapporti ta' kull tliet xhur dwar il-pożizzjoni kapitali. L-assiguraturi huma wkoll meħtieġa jħejju u jagħmlu disponibbli fuq talba, ORSA annwali li tistipula Mira tal-Kapital Interna. L-OFSI tista' tidħol fi ftehimiet u tiskambja tagħrif ma' awtoritajiet superviżorji barranin; hija adeixxiet mal-MtQM IAIS f'Lulju 2012. L-OFSI hija marbuta bil-liġi tal-kunfidenzjalità, li titlob li kwalunkwe tagħrif rigward in-negozju jew l-affarijiet ta' istituzzjonijiet finanzjarji taħt superviżjoni, jew rigward persuni li qed jittrattaw magħhom, li jkun inkiseb mill-persunal tal-OFSI, jiġi ttrattat b'mod kunfidenzjali. |
|
(9) |
Fil-Messiku, l-att li jistipula qafas prudenzjali tal-assigurazzjoni rivedut, il-Ley de Instituciones de Seguros y de Fianzas (LISF), daħal fis-seħħ fl-4 ta' April 2015. Skont il-LISF, japplika r-Rekwiżit ta' Kapital ta' Solvenza (SCR), li jkopri riskji tas-sottoskrizzjoni u riskji finanzjarji u tal-kontroparti. Is-simulazzjoni ta' kriżi ssir tal-anqas darba fis-sena (test dinamiku tas-solvenza). Ir-reġim Messikan jippermetti l-użu jew ta' formola standard jew ta' mudell intern għall-kalkolu tas-SCR. Il-Comisión Nacional de Seguros y Fianzas (CNSF) hija responsabbli għas-superviżjoni tal-assiguraturi tal-ħajja u mhux tal-ħajja fil-Messiku; hija għandha s-setgħa indipendenti li tagħti jew tirrevoka l-liċenzja ta' impriża tal-assigurazzjoni, u teżegwixxi testijiet tal-istress tal-anqas darba fis-sena. L-assiguraturi jridu jirraportaw l-informazzjoni dwar l-organizzazzjoni, l-operazzjonijiet, l-investiment u l-kapital tagħhom lis-CNSF tal-anqas kull tliet xhur; huma jridu wkoll jiddivulgaw l-objettivi, il-politiki u l-prattiki tagħhom fir-ritensjoni tar-riskju, it-trasferiment jew il-mitigazzjoni, u jridu jippubblikaw tagħrif kwantitattiv u kwalitattiv dwar l-operazzjonijiet, is-sitwazzjoni finanzjajra u teknika u r-riskji tagħhom. Is-CNSF tista' tikkoopera u tiskambja tagħrif ma' superviżuri barranin jekk hemm ftehim dwar l-iskambju tat-tagħrif; jeżisti diġà għadd ta' ftehimiet simili, u s-CNSF applikat biex tingħaqad mal-MtQM IAIS fl-2010. Fejn jeżisti ftehim ta' skambju tat-tagħrif bejn is-CNSF u superviżur barrani, is-CNSF trid titlob il-kunsens lis-superviżur barrani qabel ma tiżvela tagħrif li dan ikun ipprovda. L-ebda persuna li hija jew kienet membru tal-persunal tas-CNSF mhi permessa li tiddivulga informazzjoni kunfidenzjali; ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali huma stabbiliti fil-liġi nazzjonali u kwalunkwe ksur tas-segretezza professjonali jwassal għal sanzjonijiet. |
|
(10) |
Fl-Istati Uniti, ir-regolazzjoni u s-superviżjoni tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni huma f'idejn l-istat. L-assiguraturi jridu jkunu konformi mal-liġijiet relevanti ta' kull stat li fih huma jiktbu poloz, u s-superviżjoni tal-assigurazzjoni hija f'idejn is-superviżuri indipendenti statali taħt kummissarji tal-assigurazzjoni. Ir-rekwiżiti statali tal-adegwatezza kapitali huma bbażati fuq il-Liġi Mudell tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Kummissarji tal-Assigurazzjoni (NAIC) dwar il-Kapital Ibbażat fuq ir-Riskju (RBC), li ġiet adottata mill-istati kollha. Il-formola RBC standard tkopri l-iktar riskji materjali għal kull tip primarju ta' assigurazzjoni (il-ħajja, il-proprjetà u d-diżgrazzji, u s-saħħa), li tippermetti l-użu ta' mudelli interni għal prodotti speċifiċi u moduli tar-riskju. L-RBC huwa kkalkulat billi jiġu applikati fatturi lil diversi unitajiet ta' riżerva, assi, primjums, pretensjonijiet u spiża. Hemm erba' livelli ta' rekwiżit ta' kapital kwantitattivi, b'interventi superviżorji differenti f'kull każ: Livell ta' Azzjoni ta' Kumpanija, Livell ta' Azzjoni Regolatorju, Livell ta' Kontroll Awtorizzat, u l-Livell ta' Kontroll Mandatorju. Ir-reġim tal-Istati Uniti għandu ORSA għall-assiguraturi komparabbli għal dak skont Solvibbiltà II. Rigward ir-rapportar u t-trasparenza, hemm rekwiżiti ta' rapportar standardizzati, li prinċipalment ikopru: in-negozju u l-prestazzjoni, il-profil tar-riskju, il-metodu ta' valwazzjoni u l-assunzjonijiet użati, ir-rekwiżiti tal-kapital u l-ġestjoni. Ir-rapporti finanzjarji, inkluża l-opinjoni attwarja u l-istqarrija tal-awditur, huma divulgati pubblikament. Kummissarji tal-assigurazzjoni statali jistgħu jaqsmu informazzjoni kunfidenzjali ma' superviżuri barranin, bil-kundizzjoni li r-riċevitur jaqbel li l-informazzjoni jżommha kunfidenzjali. Dawn jistgħu wkoll jidħlu fi ftehimiet li jirregolaw il-qsim u l-użu ta' informazzjoni kunfidenzjali. Għadd ta' Memoranda ta' Qbil dwar l-iskambju ta' informazzjoni ġew iffirmati bejn superviżuri tal-Unjoni u d-dipartimenti tal-assigurazzjoni ta' stati; għadd ta' dipartimenti tal-assigurazzjoni statali huma firmatarji tal-MtQM IAIS, u bosta oħrajn applikaw reċentement. Ir-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità, inkorporati fil-leġiżlazzjoni statali abbażi tal-liġijiet mudell NAIC, jiddisponu li informazzjoni miksuba minn superviżuri statali hija kunfidenzjali u li dawn iżommu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni riċevuta minn superviżuri barranin. Il-persunal tal-awtoritajiet superviżorji statali huwa kopert mill-obbligi tas-segretezza professjonali skont il-leġiżlazzjoni fuq livell ta' stat. |
|
(11) |
Wara dawn il-valutazzjonijiet, ir-reġimi tas-solvenza tal-pajjiżi terzi koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom jiġu meqjusa li jilħqu l-kriterji għall-ekwivalenza proviżorja stipulata fl-Artikolu 227(5) tad-Direttiva 2009/138/KE, ħlief ir-regoli dwar il-captives f'Bermuda, li huma soġġetti għal reġim regolatorju differenti. |
|
(12) |
Il-perjodu inizjali tal-ekwivalenza proviżorja determinat minn din id-Deċiżjoni għandu jkun għaxar snin. Il-Kummissjoni tista' madankollu tagħmel rieżami speċifiku b'rabta ma' pajjiż terz jew territorju individwali fi kwalunkwe żmien barra r-rieżami ġenerali, meta żviluppi rilevanti jagħmluh neċessarju li l-Kummissjoni tirrivaluta l-ekwivalenza determinata minn din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għalhekk għandha tkompli timmonitorja, bl-assistenza teknika tal-EIOPA, l-evoluzzjoni tar-reġimi fis-seħħ fil-pajjiżi terzi koperti minn din id-Deċiżjoni u l-issodisfar tal-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom din id-Deċiżjoni ġiet adottata. |
|
(13) |
Id-Direttiva 2009/138/KE tapplika mill-1 ta' Jannar 2016. Din id-Deċiżjoni għalhekk għandha wkoll tagħti ekwivalenza proviżorja minn dik id-data, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-reġimi tas-solvenza fis-seħħ fl-Awstralja, fil-Brażil, fil-Kanada, fil-Messiku u fl-Istati Uniti u applikabbli għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni b'uffiċċji prinċipali f'dawk il-pajjiżi jitqiesu bħala proviżorjament ekwivalenti għar-reġim stipulat fil-Kapitolu VI tat-Titolu I tad-Direttiva 2009/138/KE.
Artikolu 2
L-ekwivalenza proviżorja tingħata għal perjodu ta' 10 snin mill-1 ta' Jannar 2016.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
( 1 ) ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.
( 2 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
( 3 ) L-analiżi ta' ekwivalenza EIOPA tal-Brażil, 10 ta' Marzu 2015
L-analiżi ta' ekwivalenza EIOPA ta' Bermuda, 9 ta' Marzu 2015
L-analiżi ta' ekwivalenza EIOPA tal-Kanada, 28 ta' Jannar 2015
L-analiżi ta' ekwivalenza EIOPA tal-Awstralja, 16 ta' Lulju 2013
L-analiżi ta' ekwivalenza EIOPA tal-Messiku, 16 ta' Lulju 2013
( 4 ) L-Att dwar l-Assigurazzjoni jistabbilixxi kategoriji differenti ta' assiguraturi li huma soġġetti għal settijiet ta' regoli differenti. L-assiguraturi captive huma kategorija speċifika ta' assiguraturi, li ma ġietx inkluża fil-valutazzjoni tal-EIOPA u mhijiex koperta minn dan l-att.