European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2975

29.11.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2975

tal-25 ta’ Settembru 2024

li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) 2021/1698 u (UE) 2021/2306 fir-rigward tal-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti organiċi u fil-fażi ta’ konverżjoni ta’ riskju għoli

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 46(7), il-punt (b)(ii), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1698 (2) jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kontrolli fuq l-operaturi u fuq il-gruppi ta’ operaturi f’pajjiżi terzi mwettqin mill-awtoritajiet ta’ kontroll u mill-korpi ta’ kontroll li huma rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 u jistabbilixxi r-regoli dwar il-verifika tal-kunsinni ta’ prodotti organiċi u fil-fażi ta’ konverżjoni maħsubin għall-importazzjoni fl-Unjoni li għandhom jitwettqu minn dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2306 (3) jistabbilixxi regoli dwar il-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera u fil-punti ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fir-rigward ta’ kunsinni ta’ prodotti organiċi u ta’ prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni maħsubin għall-importazzjoni fl-Unjoni.

(3)

Kemm ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1698 kif ukoll (UE) 2021/2306 jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-kontrolli fir-rigward ta’ kunsinni ta’ prodotti ta’ riskju għoli maħsubin għall-importazzjoni fl-Unjoni bħala prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698, prodotti ta’ riskju għoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi għandhom jiġu elenkati f’att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 46(8) tar-Regolament (UE) 2018/848 fuq il-bażi ta’ għażla li ssir wara każijiet maġġuri, kritiċi jew ripetittivi ta’ nuqqas ta’ konformità li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew il-produzzjoni tagħhom.

(5)

Skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698, bħala parti minn rekwiżiti ta’ kontroll oħrajn għandhom jitwettqu kontrolli fiżiċi sistematiċi u tal-anqas kampjun rappreżentattiv wieħed għal kull kunsinna ta’ prodotti organiċi ta’ riskju għoli li jkunu se jiġu importati fl-Unjoni.

(6)

L-esperjenza bil-kontrolli fuq importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti minn pajjiżi terzi involuti b’mod sostanzjali f’notifiki li nfetħu mill-Istati Membri fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Biedja Organika (OFIS) minħabba suspetti ta’ nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni organika tal-Unjoni, inklużi notifiki ta’ kontaminazzjonijiet bi prodotti u b’sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika, turi li l-konformità mal-kundizzjonijiet u mal-miżuri għall-importazzjoni ta’ prodotti organiċi u ta’ prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni fl-Unjoni tista’ tiġi żgurata billi sehem mill-kunsinni ta’ anqas minn 100 % jiġu soġġettati għal kontrolli tal-identità u fiżiċi u għal kampjunar. Li l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll f’pajjiżi terzi, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jissoġġettaw ishma differenti ta’ kunsinni għal kontrolli tal-identità u fiżiċi u għal kampjunar, ma jaffettwax l-effiċjenza tal-kontrolli.

(7)

It-tnaqqis fil-kontrolli tal-identità u fiżiċi u fil-kampjunar fuq kunsinni ta’ prodotti ta’ riskju għoli jippermetti kostijiet tal-kontrolli aktar baxxi għall-operaturi, għall-awtoritajiet ta’ kontroll u għall-korpi ta’ kontroll li joperaw f’pajjiżi terzi u għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li jista’ jkollhom effett ta’ traħħis fuq il-prezzijiet finali tal-prodotti organiċi fl-Unjoni għall-konsumatur, minħabba li l-perċezzjoni li l-prezzijiet finali tal-prodotti organiċi għall-konsumatur huma għaljin tikkostitwixxi wieħed mill-ostakli ewlenin għaż-żieda fid-domanda għall-prodotti organiċi fl-Unjoni.

(8)

Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-kontrolli tal-identità u fiżiċi u fil-kampjunar fuq kunsinni ta’ prodotti ta’ riskju għoli jevitaw tnaqqis bla bżonn fil-volumi u fil-valuri tal-kummerċ bejn il-pajjiż terz li minnu joriġinaw il-prodotti ta’ riskju għoli u l-Unjoni.

(9)

Għalhekk, huwa neċessarju li ssir enfasi fuq il-kontroll ta’ prodotti ta’ riskju għoli li joriġinaw minn ċerti pajjiżi terzi u li jiġi previst li l-lista ta’ prodotti ta’ riskju għoli jkun fiha l-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawk il-prodotti kif ukoll l-ammont neċessarju ta’ kontrolli tal-identità u ta’ kontrolli fiżiċi u l-perċentwali tal-kampjunar għall-kunsinni ta’ dawk il-prodotti.

(10)

Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306, kull kunsinna ta’ prodotti ta’ riskju għoli li għandhom jiġu importati fl-Unjoni tkun soġġetta għal kontrolli sistematiċi tal-identità u fiżiċi u għal kampjunar rappreżentattiv fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera u fil-punti tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera. Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti għall-frekwenza tal-kontrolli fuq il-kunsinni ta’ prodotti organiċi u fil-fażi ta’ konverżjoni ta’ riskju għoli, jenħtieġ li dan ir-rekwiżit ikun allinjat mal-approċċ li għandu jittieħed skont ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1698.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti Delegati (UE) 2021/1698 u (UE) 2021/2306 jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698

Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1698 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 8 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Lista ta’ pajjiżi terzi ta’ riskju għoli u ta’ prodotti ta’ riskju għoli

Il-prodotti ta’ riskju għoli u l-pajjiżi terzi li joriġinaw minnhom għandhom jiġu elenkati flimkien mal-ishma tal-kunsinni ta’ dawk il-prodotti li għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli tal-identità u kontrolli fiżiċi u għal kampjunar mill-awtoritajiet ta’ kontroll u mill-korpi ta’ kontroll f’pajjiżi terzi, u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif xieraq, f’att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 46(8) tar-Regolament (UE) 2018/848 fuq il-bażi ta’ għażla magħmula wara nuqqasijiet ta’ konformità maġġuri, kritiċi jew ripetittivi li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti jew ta’ produzzjoni organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni.

L-ishma msemmijin fl-ewwel subparagrafu jistgħu jkunu anqas minn 100 % u, għall-istess prodott, jistgħu jkunu differenti għall-kontrolli mill-awtoritajiet ta’ kontroll u mill-korpi ta’ kontroll f’pajjiżi terzi u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rispettivament.”

;

(2)

l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16, il-paragrafu (6), hija ssostitwita b’dan li ġej:

“Għall-kunsinni ta’ prodotti ta’ riskju għoli msemmijin fl-Artikolu 8, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll rilevanti għandhom iwettqu kontrolli fiżiċi u jieħdu tal-anqas kampjun rappreżentattiv wieħed f’konformità mal-perċentwal applikabbli stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8.”.

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6, il-paragrafu (2), tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 hija ssostitwita b’dan li ġej:

“Għal kunsinni ta’ prodotti ta’ riskju għoli msemmijin fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698, l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tivverifika d-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(6) ta’ dak ir-Regolament u twettaq kontrolli tal-identità u fiżiċi u tieħu tal-anqas kampjun rappreżentattiv wieħed ta’ kunsinni f’konformità mal-perċentwal applikabbli stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data meta jsir applikabbli l-att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 46(8) tar-Regolament (UE) 2018/848.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1., ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/848/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1698 tat-13 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bir-rekwiżiti proċedurali għar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll li huma kompetenti biex iwettqu l-kontrolli fuq operaturi u gruppi ta’ operaturi ċċertifikati organiċi u fuq il-prodotti organiċi f’pajjiżi terzi u bir-regoli dwar is-superviżjoni u l-kontrolli tagħhom u azzjonijiet oħra li għandhom jitwettqu minn dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll (ĠU L 336, 23.9.2021, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1698/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2306 tal-21 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar il-kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-konsenji ta’ prodotti organiċi u prodotti fil-fażi tal-konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni u dwar iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni (ĠU L 461, 27.12.2021, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/2306/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2975/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)