Brussell, 4.6.2025

COM(2025) 204 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tad-Danimarka

{SWD(2025) 204 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tad-Danimarka

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta’ governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir u reżiljenza sostenibbli u inklużivi permezz ta’ riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b’mod partikolari, il-formulazzjoni, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tagħha fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru jrid jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, li jkun fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment tiegħu, fuq perjodu ta’ 4 jew 5 snin, skont it-tul tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 2 f’dawn il-pjanijiet għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG kif stabbilit mit-Trattat, fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti f’dak ir-Regolament, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin.

(2)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(3)Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Id-Danimarka żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(4)Fit-30 ta’ April 2021, id-Danimarka ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għad-Danimarka 5 , li ġiet emendata fil-qafas tal-Artikolu 18(2) fid-9 ta’ Novembru 2023 għall-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 6 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li d-Danimarka tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura.

(5)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tad-Danimarka 7 . Il-pjan ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 11 u l-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja fil-forma ta’ rata massima ta’ tkabbir fin-nefqa netta fuq 4 snin.

(6)Fis-26 ta’ Novembru 2024, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-2025, li fih hija ma identifikatx lid-Danimarka bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 8 fit-13 ta’ Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta’ Marzu 2025.

(7)Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-5 snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tan-negozji ġodda permezz ta’ inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. B’ħarsa lejn il-mira ta’ ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ddeskriviet Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa’ kosteffettiva, favur il-kompetittività, b’mod partikolari għal setturi intensivi fl-enerġija, u li tkun mutur għat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tiżgura l-aċċess għal materja prima kritika u sorsi ta’ enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività kif ukoll Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta’ kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(8)Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni tal-pjanijiet emendati għall-irkupru u r-reżiljenza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(9)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019–2024.

(10)Fl-4 ta' Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għad-Danimarka. F’dan ġie vvalutat il-progress tad-Danimarka fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tad-Danimarka. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja d-Danimarka. Ġie vvalutat ukoll il-progress tad-Danimarka fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

Valutazzjoni tar-Rapport ta’ Progress Annwali

(11)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta’ tkabbir li ġejjin fin-nefqa netta għad-Danimarka: 5,0 % fl-2025, 5,7 % fl-2026, 3,8 % fl-2027, u 2,9 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta’ tkabbir kumulattivi massimi kkalkulati b’referenza għall-2023 ta’ 12,6 % fl-2025, 18,9 % fl-2026, 23,5 % fl-2027, u 27,1 % fl-2028. Fit-30 ta’ April 2025, id-Danimarka ippreżentat ir-Rapport ta’ Progress Annwali tagħha 9 , dwar l-aderenza mar-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati fin-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali tal-2025 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tad-Danimarka dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(12)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat li tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod ikkoordinat biex tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Wara t-talba tad-Danimarka fit-30 ta’ April 2025, fi [data], il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tippermetti lid-Danimarka tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati fin-nefqa netta u taqbeż dawn ir-rati 10 .

(13)Abbażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 11 , is-surplus tal-gvern estiż tad-Danimarka żdied minn 3,3 % tal-PDG fl-2023 għal 4,5 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 33,6 % tal-PDG fi tmiem l-2023 għal 31,1 % fi tmiem l-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta’ tkabbir fin-nefqa netta ta’ 3,3 % fl-2024. Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, id-Danimarka tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2024 huwa ta’ 5,1 %. Il-Kummissjoni tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta kien iktar baxx milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali. Id-differenza bejn il-kalkoli tal-Kummissjoni u l-istimi tal-awtoritajiet nazzjonali hija dovuta għal stima ogħla tal-Kummissjoni tal-komponent ċikliku tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Id-differenza hija spjegata minn differenzi metodoloġiċi, peress li d-Danimarka tuża metodu nazzjonali (aktar milli l-metodu maqbul b’mod komuni) li jiddependi fuq data oħra għajr l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 12 , li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, kienet restrittiva, b’0,5 % tal-PDG, fl-2024.

(14)Skont ir-Rapport ta’ Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji mid-Danimarka jistenna tkabbir tal-PDG reali ta’ 2,3 % fl-2025, filwaqt li l-inflazzjoni tal-HICP hija pprojettata għal 2,0 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber bi 3,6 % fl-2025 u bi 2,0 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 1,6 % fl-2025 u 1,5 % fl-2026.

(15)Fir-Rapport ta’ Progress Annwali, is-surplus tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 0,8 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 30.0 % sa tmiem l-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 8,2 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus tal-gvern estiż ta’ 1,5 % tal-PDG għall-2025. It-tnaqqis tas-surplus fl-2025 jirrifletti prinċipalment nefqa primarja netta ogħla ffinanzjata fil-livell nazzjonali, inkluża n-nefqa fid-difiża, u dħul aktar baxx, inkluż id-dħul mit-taxxa fuq ir-rendiment tal-pensjonijiet. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 10,0 % fl-2025. Dawn il-projezzjonijiet ogħla ta’ tkabbir fin-nefqa netta milli fir-Rapport ta’ Progress Annwali huma dovuti għal suppożizzjonijiet differenti li jikkonċernaw il-komponent ċikliku tal-benefiċċji tal-qgħad kif ukoll l-effetti bażi. Id-differenza bejn is-surplus tal-gvern estiż ipprojettat mill-Kummissjoni u mid-Danimarka hija dovuta għal stima aktar baxxa tal-Kummissjoni għan-nefqiet tal-gvern, b’mod partikolari n-nefqiet fid-difiża, fejn il-profil tal-infiq għadu ma ġiex speċifikat bis-sħiħ. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun espansjonarja, bi 2,6 % tal-PDG, fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jonqos għal 29,7 % sa tmiem l-2025.

(16)In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 0,0 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, meta mqabbla ma’ inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tad-Danimarka.

(17)In-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż fid-Danimarka ammontat għal 1,2 % tal-PDG fl-2021, 1,2 % tal-PDG fl-2022 u 1,8 % tal-PDG fl-2023 13 . Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fid-difiża hija pprojettata għal 2,1 % tal-PDG fl-2024 u 3,0 % tal-PDG fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta’ 1,8 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025–2028) jippermetti lid-Danimarka tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa fid-difiża, li tkun ogħla b’mod dejjiemi, ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(18)Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fid-Danimarka hija pprojettata li tikber b’10,0 % fl-2025 u bi 13,6 % b’mod kumulattiv fl-2024 u l-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta tad-Danimarka fl-2025 huwa pprojettat li jkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni 14 ta’ 2,1 % tal-PDG f’termini annwali. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata ta’ tkabbir kumulattiv fin-nefqa netta hija wkoll ipprojettata li tkun ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta’ 0,5 % tal-PDG. Madankollu, id-devjazzjoni pprojettata hija fi ħdan il-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali bbażata fuq il-projezzjonijiet attwali għall-infiq fid-difiża.

(19)Ir-Rapport ta’ Progress Annwali ma jinkludix projezzjonijiet baġitarji wara l-2025. Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus tal-gvern estiż ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2026. It-tnaqqis tas-surplus fl-2026 jirrifletti prinċipalment it-tkabbir fin-nefqiet, inkluż in-nefqiet fid-difiża. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta’ 5,4 % fl-2026. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll dik iffinanzjata mill-UE, hija pprojettata li tkun espansjonarja, b’0,7 % tal-PDG, fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jiżdied għal 29,4 % sa tmiem l-2026.

Sfidi ewlenin tal-politika

(20)F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tad-Danimarka permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ekwità soċjali. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(21)L-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund), u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) aċċellerat fid-Danimarka. Huwa importanti li jitkomplew l-isforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida ta’ dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Id-Danimarka diġà qed tieħu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Madankollu, hemm lok għal aktar titjib fil-forza tax-xogħol u titjib tal-kompetittività reġjonali, filwaqt li jitqiesu wkoll id-disparitajiet bejn iż-żoni urbani u rurali. F’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, id-Danimarka hija meħtieġa – bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni – tirrieżamina kull programm filwaqt li tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta’ April 2025 15 jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ valutazzjoni – għal kull programm – tal-eżitu tar-rieżami ta’ nofs it-terminu lil hinn mill-31 ta’ Marzu 2025. Tipprovdi wkoll flessibilitajiet biex jgħinu jħaffu l-implimentazzjoni tal-programm u inċentivi għall-Istati Membri biex jallokaw riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal ħames oqsma strateġiċi ta’ prijorità tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività fit-teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija.

(22)Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform) tipprovdi l-opportunità li jsir investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP hija ffinanzjata permezz ta’ 11-il fond eżistenti tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-programm InvestEU li jappoġġa investimenti f’oqsma ta’ prijorità. Id-Danimarka tista’ tuża dawn l-inizjattivi biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, inklużi teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(23)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, id-Danimarka qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mal-innovazzjoni u t-tkabbir, id-dekarbonizzazzjoni u s-sostenibbiltà tal-ekonomija, in-nuqqas ta’ ħiliet u l-ispariġġ fil-ħiliet, u l-akkomodazzjoni.

(24)Il-livelli ta’ produttività fid-Danimarka huma fost l-ogħla fl-UE. Madankollu, hemm diskrepanza dejjem tikber fil-produttività bejn kumpaniji kbar u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises). Dan jindika dgħufijiet fir-rata ta’ diffużjoni tal-avvanzi teknoloġiċi. Barra minn hekk, l-investimenti fir-R&Ż huma kkonċentrati fi ftit kumpaniji kbar. L-iffaċilitar tad-diffużjoni tat-teknoloġiji u ż-żieda fil-kooperazzjoni bejn ditti kbar u żgħar u istituzzjonijiet tar-riċerka, b’mod partikolari f’setturi b’potenzjal emerġenti bħall-computing kwantistiku, it-teknoloġiji tal-ispazju u d-difiża, għandhom il-potenzjal li jinvolvu aktar kumpaniji f’attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni u jżidu l-produttività fost il-kumpaniji ta’ kull daqs. Minkejja l-progress reċenti, it-titjib tal-aċċess għall-kapital ta’ riskju u l-ekwità privata, flimkien mat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-offerti pubbliċi inizjali, jistgħu jgħinu biex tingħata spinta lill-investiment f’kumpaniji innovattivi u jappoġġaw l-espansjoni tal-attivitajiet.

(25)Id-Danimarka impenjat ruħha li tilħaq miri ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija. Il-pajjiż huwa minn ta’ quddiem fl-adozzjoni u l-produzzjoni ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, b’mod partikolari l-enerġija mir-riħ u t-teknoloġiji tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju. Id-Danimarka għandha rata ta’ penetrazzjoni eċċezzjonali ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tagħha: fl-2024, 88 % tal-elettriku tad-Danimarka kien iġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bir-riħ jammonta għal 58 %. Minkejja dawn il-kisbiet, żewġ sejħiet għall-offerti reċenti għal kapaċità addizzjonali kkombinata ta’ 6 gigawatt tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta naqsu milli jattiraw interess mill-iżviluppaturi. Dan jenfasizza l-ħtieġa għal ambjent ta’ appoġġ għall-kumpaniji fis-settur u tfassil mill-ġdid potenzjali tat-termini tal-offerti. F’dan il-kuntest, fid-19 ta’ Mejju 2025 tħabbar ftehim politiku dwar “oqfsa tal-offerti għal tliet parks eoliċi lil hinn mill-kosta”, li jipprevedi sejħiet għall-offerti futuri għall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta għal mill-inqas 3 GW ta’ kapaċità addizzjonali biex jikkwalifikaw għall-appoġġ mill-Istat. Barra minn hekk, id-Danimarka tibbenefika minn azzjoni rapida fuq ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mit-Tim Nazzjonali għall-Kriżi tal-Enerġija (NEKST, National Energy Crisis Team) biex tissimplifika u tħaffef il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi u l-proċeduri amministrattivi għall-użu tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx fuq l-art.

(26)L-elettriku ammonta għal madwar għoxrin fil-mija tal-konsum finali tal-enerġija tal-pajjiż fl-2023, sehem li baqa’ relattivament stabbli matul l-aħħar 10 snin. Il-proporzjon għoli ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tad-Danimarka jfisser li hemm potenzjal sinifikanti għal aktar elettrifikazzjoni fis-setturi kollha biex jgħin fit-tnaqqis ġenerali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u jippermetti lill-konsumaturi jaħsdu l-benefiċċji ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli affordabbli. Domanda domestika ogħla għall-elettriku ssaħħaħ ukoll l-argument għall-vijabbiltà fit-tul għall-iżviluppaturi biex jespandu l-kapaċità tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u b’hekk jixprunaw aktar investiment u tkabbir fis-settur tal-enerġija nadifa. Sabiex jinkisbu rati ogħla ta’ elettrifikazzjoni u ta’ penetrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, huwa meħtieġ li tiġi aġġornata l-grilja elettrika u li jiġu promossi soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà nadifa kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista, bħall-ħżin, il-ġenerazzjoni rinnovabbli distribwita, u r-rispons għad-domanda. F’Diċembru 2024, grupp ta’ ħidma tematiku NEKST ħareġ rakkomandazzjonijiet biex jaċċellera l-espansjoni tal-grilja elettrika. Intlaħaq qbil politiku dwar xi wħud minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet li jidentifikaw tliet oqsma fejn il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għall-infrastruttura tal-elettriku jistgħu jiġu ssimplifikati. Filwaqt li l-impenji li jinsabu fil-ftehim huma pass pożittiv ’il quddiem, l-implimentazzjoni rapida ta’ sett usa’ ta’ rakkomandazzjonijiet tan-NEKST tibqa’ kruċjali biex jiġi żgurat li l-ġestjoni tal-grilja tkun tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet futuri b’kapaċità tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli installata ogħla u b’domanda ogħla għall-elettriku. F’termini ta’ flessibbiltà, id-Danimarka tista’ tippromwovi aktar il-ħżin tal-enerġija li jkun proprjetà tal-konsumaturi finali u l-parteċipazzjoni fis-suq fir-riżorsi tal-enerġija distribwiti u fis-servizzi ta’ bbilanċjar u flessibbiltà.

(27)Is-settur agrikolu Daniż huwa wieħed mis-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-pajjiż koperti mir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi 16 . Il-prattiki agrikoli intensivi qed jikkawżaw ukoll lixxivjazzjoni eċċessiva ta’ nutrijenti u ilma tax-xeba’ mill-għelieqi, b’riperkussjonijiet serji fuq is-saħħa tal-ħamrija u fuq l-ekosistemi akkwatiċi u tal-baħar. Għalhekk, huwa essenzjali li s-settur agroalimentari jsir aktar sostenibbli biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi, kif ukoll biex jiġu restawrati l-bijodiversità u l-ekosistemi degradati. Fit-18 ta’ Novembru 2024, il-gvern laħaq ftehim politiku wiesa’ dwar “Danimarka Ekoloġika” mal-biċċa l-kbira tal-partiti tal-oppożizzjoni. Il-miżuri deskritti fil-ftehim, ikkomplementati minn inizjattivi oħra skont il-pjan strateġiku tal-politika agrikola komuni tad-Danimarka u l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, għandhom l-għan li jtejbu l-użu u l-ġestjoni sostenibbli tal-art fil-pajjiż. L-implimentazzjoni rapida u l-promulgazzjoni tal-miżuri maqbula issa huma kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u ambjentali ambizzjużi stabbiliti fil-ftehim, kif ukoll biex jiġu żgurati l-kompetittività u l-ekwità soċjali.

(28)Minkejja l-isforzi reċenti, id-Danimarka għadha qed tiffaċċja sfidi fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari aktar b’saħħitha u fit-tisħiħ tal-politiki tagħha dwar il-ġestjoni tal-iskart. Skont l-aħħar data disponibbli tal-Eurostat, il-pajjiż għandu t-tieni l-ogħla volum għal kull persuna ta’ ikel u skart muniċipali ġġenerat fl-UE, u r-rata tal-użu ċirkolari tal-materjal u r-rata tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali tiegħu għadhom taħt il-medja tal-UE, mingħajr sinjal ċar ta’ xejra ’l fuq. Il-pass biex tiddaħħal sistema ta’ ġbir separat għall-flussi kollha tal-iskart fil-biċċa l-kbira tal-muniċipalitajiet fid-Danimarka u biex jiġu infurzati regoli aktar stretti dwar il-ġestjoni tal-iskart kummerċjali minn Jannar 2025 huma passi pożittivi ’l quddiem. Barra minn hekk, il-pjan ta’ azzjoni tad-Danimarka għall-2021 għal ekonomija ċirkolari jinkludi firxa ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ġestjoni tal-iskart tul il-katina tal-valur ċirkolari kollha. Madankollu, hija meħtieġa azzjoni addizzjonali, speċjalment biex jitnaqqsu l-produzzjoni u l-inċinerazzjoni tal-iskart, biex l-inċinerazzjoni tal-iskart tiġi sostitwita b’sorsi ta’ ġenerazzjoni tas-sħana aktar ekoloġiċi fis-sistemi nazzjonali tat-tisħin distrettwali, u biex tingħata spinta lir-rata tal-ġbir u tar-riċiklaġġ tal-iskart elettroniku.

(29)Is-suq tax-xogħol Daniż huwa ristrett u marbut ma’ xi nuqqas ta’ ħiliet u spariġġi fil-ħiliet, u potenzjalment iżomm lura l-impjiegi u t-tkabbir. In-nuqqas ta’ ħiliet huwa partikolarment mifrux f’ċerti professjonijiet tal-kura tas-saħħa, fost l-ispeċjalisti tal-ICT, il-ħaddiema tas-sengħa fil-kostruzzjoni u f’setturi oħra, inklużi s-setturi marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika. Biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet, id-Danimarka bbenefikat minn influss ta’ ħaddiema barranin matul dawn l-aħħar snin. Jista’ jsir aktar progress fl-indirizzar ta’ dawn in-nuqqasijiet ta’ ħiliet billi jiġu indirizzati b’mod effettiv l-inugwaljanzi fil-kisbiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Is-sehem ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola ilu jiżdied f’dawn l-aħħar snin u issa huwa ogħla mill-medja tal-UE; it-treġġigħ lura ta’ din ix-xejra jista’ jgħin biex tingħata spinta lill-provvista tax-xogħol u potenzjalment jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet.

(30)F’dawn l-aħħar snin, il-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ ma laħqitx il-pjanijiet. Il-kostijiet għoljin tal-kostruzzjoni, il-prezzijiet għoljin għall-akkomodazzjoni okkupata mis-sid, is-swieq tal-kiri regolati ħafna u l-ħinijiet twal ta’ stennija għal akkomodazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ wasslu għal nuqqasijiet persistenti f’akkomodazzjoni affordabbli f’żoni urbani ewlenin. Parzjalment b’riżultat ta’ dan, proporzjon sinifikanti ta’ unitajiet domestiċi, inklużi ħafna żgħażagħ li jgħixu waħedhom, jiffaċċjaw piż eċċessiv tal-kost tal-akkomodazzjoni. Il-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ tista’ tiżdied jekk il-limitu massimu għall-kostijiet tal-kostruzzjoni jkun allinjat aktar mill-qrib mal-prezzijiet tas-suq.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li d-Danimarka tieħu azzjoni fl-2025 u fl-2026 biex:

1.Issaħħaħ in-nefqiet u l-istat ta’ tħejjija ġenerali fid-difiża f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta’ tkabbir fin-nefqa netta rakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta’ Jannar 2025, filwaqt li tagħmel użu mill-allowance skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għal nefqa ogħla għad-difiża.

2.Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f’waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni (il-FEŻR, il-JTF u l-FSE+), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu. Tagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni pprovdut mill-InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex titjieb il-kompetittività.

3.Tindirizza d-diskrepanza fil-produttività bejn kumpaniji kbar u żgħar billi tappoġġa lill-SMEs biex jinnovaw u jadottaw teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari f’setturi b’potenzjal emerġenti. Tagħti spinta lin-negozji innovattivi billi ttejjeb l-aċċess għall-kapital ta’ riskju u l-ekwità privata u l-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-offerti pubbliċi inizjali.

4.Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi tappoġġa l-produzzjoni u l-użu tal-enerġija nadifa u effiċjenti, u billi taċċellera l-elettrifikazzjoni fis-setturi kollha. Tindirizza l-ħtiġijiet dejjem akbar tad-domanda u tal-flessibbiltà billi tipprovdi inċentivi biex isiru l-aġġornamenti tan-network tal-elettriku meħtieġa fil-livell tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, u billi tippromwovi r-rispons għad-domanda, il-ħżin tal-enerġija u soluzzjonijiet oħra ta’ flessibbiltà nadifa. F’konformità mal-miżuri ppjanati, tnaqqas l-intensità tal-attivitajiet agrikoli u tal-biedja. Issaħħaħ il-politiki tal-ekonomija ċirkolari u tal-ġestjoni tal-iskart billi tippromwovi l-prevenzjoni tal-iskart u l-użu mill-ġdid tal-iskart muniċipali u skart ieħor, iżżid ir-rati ta’ riċiklaġġ, tnaqqas il-ħela tal-ikel u titbiegħed mill-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali għall-ġenerazzjoni tas-sħana għall-użu ta’ sorsi aktar nodfa.

5.Tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet biex tissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, inkluż billi żżid l-azzjoni biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fil-kisbiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ u biex jiġu żgurati l-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Timplimenta miżuri biex ittejjeb l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax; (ii) miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni; (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(4)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa. eu/eli/reg/2023/435/oj).
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għad-Danimarka (10154/2021).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Novembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għad-Danimarka (14473/2023).
(7)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tad-Danimarka, ĠU C/2025/654, 10.2.2025.
(8)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI: http:// data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj ).
(9)    Ir-Rapporti ta’ Progress Annwali tal-2025 huma disponibbli fuq: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_mt  
(10)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tippermetti lid-Danimarka tiddevja minn, u taqbeż, il-perkors tan-nefqa netta rakkomandat (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali), ĠU C/2025/xxx, x.x.2025.
(11)    Il-Eurostat, indikaturi tal-euro, 22.4.2025.
(12)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(13)    Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG, classification of functions of government).
(14)    Mill-2026 dawn iċ-ċifri se jidhru fil-kont ta’ kontroll li huwa stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(15)    Il-Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu - COM (2025) 123 final.
(16)    Ir-Regolament (UE) 2023/857 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u r-Regolament (UE) 2018/1999 (ĠU L 111, 26.4.2023, p. 1–14), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/857/oj .