European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1247

30.4.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1247

tad-29 ta’ April 2024

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869 dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869 (1), li stabbilixxiet il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq).

(2)

Fit-13 ta’ April 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/635 (2), li emendat il-mandat tal-EUAM Iraq u estendietu sat-30 ta’ April 2024.

(3)

Wara r-rieżami strateġiku tal-EUAM Iraq„ il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà rrakkomanda li l-mandat tal-EUAM Iraq jiġi emendat u estiż sat-30 ta’ April 2026.

(4)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869 tiġi emendata skont dan.

(5)

L-EUAM Iraq ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Objettivi

L-objettivi strateġiċi tal-EUAM Iraq għandhom ikunu li:

(1)

tikkontribwixxi għall-aspetti ċivili tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq, inkluż l-Istrateġija ta’ Sigurtà Nazzjonali, strateġiji nazzjonali assoċjati u prijoritajiet oħra ta’ sigurtà nazzjonali, permezz ta’ pariri u assistenza strateġiċi;

(2)

tiżgura l-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni b’appoġġ għall-isforzi biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà ċivili billi tidentifika, tanalizza u tivvaluta opportunitajiet ulterjuri fil-livelli nazzjonali, reġjonali u provinċjali u, flimkien mad-Delegazzjoni tal-Unjoni, tinforma u tiffaċilita l-appoġġ tal-Unjoni u tal-Istati Membri.”;

(2)

fl-Artikolu 14(1), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara r-raba’ subparagrafu:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Iraq għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2024 sat-30 ta’ April 2026 għandu jkun ta’ EUR 65 902 359,21.”;

(3)

fl-Artikolu 17, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandha tapplika sat-30 ta’ April 2026.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-29 ta’ April 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

D. CLARINVAL


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1869 tas-16 ta’ Ottubru 2017 dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq) (ĠU L 266, 17.10.2017, p. 12).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/635 tal-13 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869 dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq) (ĠU L 117, 19.4.2022, p. 32).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1247/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)