22003D0081



Official Journal L 257 , 09/10/2003 P. 0033 - 0036


Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Nru 81/2003

ta' l-20 ta' Ġunju 2003

li temenda l-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim taż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat mill-protokoll ta' aġġustament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim", u b'mod partikolari l-Artikolu Nru 98 tiegħu,

Billi:

(1) L-Anness XIII għall-Ftehim ġie emendat b'Deċiżjoni Nru 53/2003 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tas-16 ta' Mejju 2003 [1].

(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2003 li jistabbilixxi l-Aġenżija Ewropea għas-Sigurtà Marittima [2] għandu l-għanli jiżgura livell għoli uniformi u effettiv ta' sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġiż mill-vapuri fil-Komunità.

(3) L-attivitajiet ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima jistgħu jeffettwaw il-livell ta' sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġiż minn vapuri fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

(4) Ir-Regulament (KE) Nru 1406/2002 għandu għalhekk ikun inkorporat fil-Ftehim sabiex tkun permessa l-parteċipazzjoni sħiħa mill-Istati ta' l-EFTA fl-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness XIII għall-Ftehim għandu jkun emendat kif speċifikat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

It-test tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 bil-lingwa Islandisa u Norveġiża, li għandhom ikunu publikati fis-Suppliment taż-ŻEE tal-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ nhar il-21 ta' Ġunju 2003, basta n-notifiki kollha skond l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ikunu saru lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE [3].

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tkun pubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE ta', u fis-Suppliment taż-ŻEE għal, Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussel, fl-20 ta' Ġunju 2003.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

P. Westerlund

[1] ĠU L 193, tal-31.7.2003, p. 30.

[2] ĠU L 208, tal-5.08.2002, p. 1.

[3] Rekwisiti kostituzzjonali indikati.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

GĦAD-DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 81/2003

Dan li ġej għandu jidħol wara l-punt 56n (Regulament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) fl-Anness XIII (Trasport) għall-Ftehim:

"56o. 32002 R 1406: Regulament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (ĠU L 208, tal-5.8.2002, p. 1).

It-test tar-Regulament għandu, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, jinqara flimkien ma' l-adattamenti li ġejjin:

(a) Sakemm mhux stabbilit xort'oħra aktar 'l isfel, u minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 1 għall-Ftehim, il-kliem "Stat Membru/Stati Membri"fir-Regulament għandhom, b'żieda mat-tifsira tagħhom fir-Regulament, jnftiehem li jinkludi l-Istati Membri fl-EFTA. Il-Paragrafu Nru 11 għandu jgħodd.

(b) Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu Nru 2:

"Rigward l-Istati Membri ta' l-EFTA, l-Aġenzija għandha, kif u meta jkun xieraq, tassisti l-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA jew il-Kumitat Permanenti, skond kif ikun il-każ, fil-qadi tal-kompiti rispettivi tagħhom."

(ċ) Il-paragarafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu Nru 3:

"4. Meta ż-żjara tkun saret fi Stat Membru ta' l-EFTA, l-Aġenzija għandha tibgħat ukoll rapport lill-Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA."

(d) Dan li ġej għandu jiżdied ma' paragrafu 1 ta' l-Artikolu Nru 4:

"Ir-Regulament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' May 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandu, għall-fini ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regulament, jgħodd ukoll għal kull dokument ta' l-Aġenzija rigward l-Istati Membri tal-EFTA."

(e) Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu Nru 6:

"4. Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-EFTA B'mod ta' deroga minn l-Artikolu 12(2)(a) tal-Kondizzjonijiet ta' l-impieg ta' impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, ċittadini ta' l-Istati Membri fl-EFTA li jgawdu d-drittijiet sħaħ ta' ċittadini jistgħu jiġu impjegati mid-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija."

(f) Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu Nru 7:

"Stati Membri fl-EFTA għandhom japplikaw għall-Aġenzija u l-impjegati tagħha, il-Protokoll ta' privileġġi u immunitajiet tal-Kominitajiet Ewropej u regoli oħra applikabbli adottati skond il-Protokoll."

(g) Fl-Artikolu 10(2)(b) il-kliem "Kunsill u l-Kummissjoni" għandhom jinqraw "Kunsill, Kummissjoni u Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea ta' Kummerċ Ħieles".

(h) Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu Nru 11:

"5. L-Istati Membri fl-EFTA għandhom jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-Bord Amministrattiv u fi ħdanu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obligazzjonijiet bħall-Istati Membri tal-UE ħlief għad-dritt għall-vot."

(i) Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu Nru 18:

"7. L-Istati Membri ta' l-EFTA għandhom jipparteċipaw fil-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità li hemm riferenza għaliha fl-ewwel inċiż tal-paragrafu nru 1. Għal dan il-għan, il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 82(1)(a) u fil-Protokoll 32 tal-Ftehim għandhom jgħoddu mutatis mutandis."

(j) Is-sentenza li ġejja għandha tiżdied fit-tarf ta' l-Artikolu Nru 22(3):

"Il-Kummissjoni għandha simultanjament tgħaddi l-evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet ukoll lill-Kumitat Permanenti sabiex jitqassam lill-Istati Membri fl-EFTA.""

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Fil-waqt ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 81/2003, għandu jiġi adottat ukoll dan il-Prospett Konġunt:

Prospett Konġunt li għandu jiddaħħal fil-minuti miftehma tad-Deċiżjoni tal--Kumitat Konġunt taż-ŻEE li jinkorpora r-Regulament (KE) Nru 1406/2002 tal-Ftehim

"Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE u sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ, il-Bord Amministrattiv ta' l-Aġenzija jista' jiddeċiedi li jistieden lir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri ta' l-EFTA biex jattendu għal-laqgħat bħala osservaturi."

--------------------------------------------------