European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2858

13.11.2024

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2858

tat-12 ta' Novembru 2024

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1871 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-punti ta’ referenza għall-azzjoni għan-nitrofurani u l-metaboliti tagħhom fil-kollaġen

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta’ limiti ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1871 (2) stabbilixxa punti ta’ referenza għall-azzjoni (“RPA”) għal ċerti sustanzi farmakoloġikament attivi mhux permessi preżenti fl-ikel li joriġina mill-annimali, li għalihom ma ġie stabbilit l-ebda limitu massimu ta’ residwi. Għas-semikarbażid (SEM), metabolit tan-nitrofuran nitrofurażon, l-eżenzjoni tal-applikazzjoni tal-RPA tingħata għal ċerti prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali sakemm f’dawk il-prodotti pproċessati ma jinstabux flimkien mas-SEM nitrofurani oħra jew il-metaboliti tagħhom.

(2)

Abbażi tad-data u l-informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet dwar il-parametri u l-fatturi fl-istadji tal-ipproċessar li jirriżultaw fil-formazzjoni ta’ SEM matul l-ipproċessar f’dawk il-prodotti pproċessati pprovduti mill-operaturi tan-negozji tal-ikel u partijiet interessati oħra, jista’ jinstab livell ogħla ta’ SEM ukoll fil-kollaġen bħala konsegwenza tal-ipproċessar u mhux relatat mal-użu illegali tan-nitrofurani. Għalhekk, jenħtieġ li l-kollaġen jiżdied mal-prodotti pproċessati eżentati li joriġinaw mill-annimali fir-rigward tal-infurzar tal-RPA għas-SEM.

(3)

Peress li l-operaturi tan-negozji tal-ikel u partijiet interessati oħra pprovdew id-data u l-informazzjoni mitluba b’mod sodisfaċenti sal-iskadenza msemmija fin-nota 2 f’qiegħ il-paġna fl-Anness tar-Regolament (UE) 2019/1871, dan ir-rekwiżit jenħtieġ li jitħassar.

(4)

Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1871 jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

In-nota 2 f’qiegħ il-paġna taħt it-tabella fl-Anness tar-Regolament (UE) 2019/1871 hija sostitwita b’dan li ġej:

“(2)

Minħabba l-okkorrenza tas-SEM f’livelli ogħla mill-RPA bħala konsegwenza tal-ipproċessar fil-ġelatina, fil-kollaġen, fl-idroliżat tal-kollaġen, fil-prodotti tal-qarquċa idrolizzata, fil-prodotti tad-demm imnixxfa bl-atomizzazzjoni, fil-konċentrati tax-xorrox u tal-proteini tal-ħalib, fil-kaseinati u fit-trab tal-ħalib (minbarra l-formuli tat-trabi u l-formuli ta’ prosegwiment), huma biss livelli tal-AOZ, tal-AMOZ, tal-AHD u tad-DNSH ogħla mill-RPA li juru biċ-ċar li qed jintużaw b’mod illegali n-nitrofurani u l-metaboliti tagħhom. L-RPA ta’ 0,5 μg/kg għas-SEM fil-ġelatina, fil-kollaġen, fl-idroliżat tal-kollaġen, fil-prodotti tal-qarquċa idrolizzata, fil-prodotti tad-demm imnixxfa bl-atomizzazzjoni, fil-konċentrati tax-xorrox u tal-proteini tal-ħalib, fil-kaseinati u fit-trab tal-ħalib (minbarra l-formuli tat-trabi u l-formuli ta’ prosegwiment) għandu jiġi applikat biss meta jkun ġie stabbilit l-użu illegali tan-nitrofurażon jew tas-SEM, jiġifieri jkun ġie identifikat mill-inqas wieħed mill-metaboliti tan-nitrofurani l-oħra.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/470/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1871 tas-7 ta’ Novembru 2019 dwar il-punti ta’ referenza għall-azzjoni b’rabta ma’ sustanzi farmakoloġikament attivi li mhumiex permessi li jinsabu f’ikel li joriġina mill-annimali, u li jħassar id-Deċiżjoni 2005/34/KE (ĠU L 289, 8.11.2019, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1871/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2858/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)