KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ppreżentati fid‑9 ta’ Novembru 2023 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑794/21 P u C‑800/21 P

Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja

vs

Infineon Technologies Dresden GmbH & Co. KG,

Infineon Technologies AG,

Il‑Kummissjoni Ewropea (C‑794/21 P)

u

Infineon Technologies AG,

Infineon Technologies Dresden GmbH & Co. KG

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea (C‑800/21 P)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Il‑Ġermanja – Skema ta’ għajnuna mill-Istat favur ċerti konsumaturi kbar tal-elettriku – Eżenzjoni minn tariffi tan-network fl‑2012 u fl‑2013 – Deċiżjoni li ddikjarat l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u illegali u li ordnat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ għajnuna – Riżorsi tal-Istat – Taxxa parafiskali jew imposti obbligatorji oħra – Kontroll mill-Istat fuq il-fondi”

1.

Dawn il-konklużjonijiet huma mogħtija fil-Kawżi magħquda C‑794/21 P u C‑800/21 P. Dawn għandhom jinqraw flimkien mat-tliet konklużjonijiet l-oħra tiegħi f’appelli paralleli ( 2 ), ippreżentati llum ukoll, li kollha jikkonċernaw l-istess skema ta’ għajnuna mill-Istat. Permezz tal-appell tagħhom fil-Kawża C‑794/21 P, Infineon Technologies Dresden GmbH & Co. KG u Infineon Technologies AG (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji Infineon”), manifatturi ta’ semikondutturi, qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Infineon Technologies Dresden u Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (T‑233/19 u T‑234/19, EU:T:2021:647) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”). Din is-sentenza ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat‑28 ta’ Mejju 2018 dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Ġermanja għall-konsumaturi ta’ karga bażika skont l-Artikolu 19 tad-Digriet StromNEV ( 3 ), għas-snin 2012 u 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑800/21 P, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (għall-finijiet ta’ sempliċità, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ser tissejjaħ bħala il-“Ġermanja”) qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni ppreżentat appell inċidentali fiż-żewġ kawżi msemmija iktar ’il fuq, li permezz tiegħu hija wkoll qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza appellata.

I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2.

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma stabbiliti fil-punti 1 sa 22 tas-sentenza appellata. Peress li l-kuntest huwa identiku għal dak li tajt fil-qosor fil-konklużjonijiet paralleli fil-Kawżi magħquda C‑790/21 P u C‑791/21 P (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet paralleli”), huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punti 3 sa 14 tal-konklużjonijiet paralleli u li jinqraw flimkien il-konklużjonijiet f’dawn il-kawżi paralleli.

II. L‑analiżi legali

3.

Fiż-żewġ appelli inċidentali identiċi tagħha fil-Kawżi C‑794/21 P u C‑800/21 P, il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji. L-ewwel żewġ aggravji tal-appelli inċidentali huma, essenzjalment, identiċi għall-ewwel żewġ aggravji mqajma fil-kuntest tal-appelli inċidentali fil-Kawżi C‑790/21 P u C‑791/21 P. Fil-Kawża C‑794/21 P, il-Ġermanja tinvoka aggravju uniku. Fil-Kawża C‑800/21 P, il-kumpanniji Infineon iqajmu żewġ aggravji. Madankollu, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jindirizzaw biss l-ewwel aggravju tal-appelli inċidentali tal-Kummissjoni (l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament) u l-aggravju uniku tal-Ġermanja, li huwa simili għall-ewwel u għat-tieni aggravju tal-kumpanniji Infineon, sa fejn dawn jikkonċernaw il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ intervent permezz ta’ “riżorsi tal-Istat”.

A. Fuq l‑ewwel aggravju tal‑appelli inċidentali tal‑Kummissjoni: l‑ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament

1.   Argumenti prinċipali tal‑partijiet

4.

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 36 sa 43 tas-sentenza appellata, meta adottat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “pubblikazzjoni” fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fl-ewwel lok, skont il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fiha din tal-aħħar stabbilixxiet paralleliżmu bejn is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 297 TFUE. Skont il-Kummissjoni, huwa ċar minn din il-ġurisprudenza li l-pubblikazzjoni hija l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu stabbilit għall-preżentata ta’ rikors biss jekk din tikkundizzjona d-dħul fis-seħħ tal-miżura inkwistjoni, u jekk hija prevista mit-Trattat innifsu. Fit-tieni lok, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “Il-Ġurnal Uffiċjali”) ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq proċedura ta’ investigazzjoni formali, din ma tikkostitwixxix “pubblikazzjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE. Għaldaqstant, din ma tikkostitwixxix il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu stabbilit għall-preżentata ta’ rikors. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tressaq sensiela ta’ argumenti li, fil-fehma tagħha, isostnu l-interpretazzjoni tagħha tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, bħall-iskema ta’ din id-dispożizzjoni, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet jew in-natura obbligatorja tat-termini għall-preżentata ta’ rikors.

5.

Il-Ġermanja u l-kumpanniji Infineon isostnu, essenzjalment, li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “pubblikazzjoni”, fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi.

2.   Evalwazzjoni

6.

Peress li dawn l-appelli inċidentali huma identiċi, kelma b’kelma, għal dawk li diġà ttrattajt fil-konklużjonijiet paralleli, ser nillimita ruħi li nirreferi għal dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, l-opinjonijiet għandhom jinqraw flimkien.

7.

Il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza appellata, hija d-data li fiha l-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat sar jaf bid-deċiżjoni kontenzjuża li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, u mhux dik tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara r-rikors tal-kumpanniji Infineon inammissibbli, peress li kien tardiv.

8.

Kif nispjega fil-punti 20 sa 30 tal-konklużjonijiet paralleli, nipproponi li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda, peress li din la hija kkorroborata mill-formulazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, la mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

9.

Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 31 tal-konklużjonijiet paralleli, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni jkollha l-effett li tillimita l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-benefiċjarju tal-għajnuna.

10.

Finalment, fil-punti 32 sa 35 tal-konklużjonijiet paralleli, nispjega li l-argument tal-Kummissjoni li, fil-kawża ineżami, il-kumpanniji Infineon – li rċevew id-deċiżjoni kontenzjuża fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali għall-irkupru tal-għajnuna – ippreżentaw ir-rikors għal annullament tagħhom qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża f’Il-Ġurnal Uffiċjali, ma jbiddilx il-konklużjoni tiegħi.

11.

Fil-fehma tiegħi, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza kellha tiġi miċħuda u li l-appelli inċidentali tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

B. L‑aggravju uniku invokat mill‑Ġermanja u l‑ewwel u t‑tieni aggravji tal‑kumpanniji Infineon: il‑ksur tal‑Artikolu 107(1) TFUE fir‑rigward tar‑riżorsi tal‑Istat

12.

L-appelli ppreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Kawżi C‑791/21 P u C‑794/21 P) huma identiċi. Barra minn hekk, parti kbira mill-argumenti mressqa fil-kuntest tal-appell ippreżentat minn Covestro (Kawża C‑790/21 P) huma simili għal dawk imressqa mill-kumpanniji Infineon fil-kuntest ta’ dan l-appell (Kawża C‑800/21 P). Konsegwentement, il-konklużjonijiet f’dawn il-kawżi paralleli għandhom jinqraw flimkien.

13.

L-aggravju uniku tal-Ġermanja (Kawża C‑794/21 P) huwa bbażat fuq tliet argumenti: (i) il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-eżistenza ta’ tariffa obbligatorja għall-konsumaturi jew l-utenti finali u l-kontroll mill-Istat fuq il-fondi jew fuq l-amministraturi ta’ dawn il-fondi kienu kriterji alternattivi; (ii) il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “tariffa obbligatorja għall-konsumaturi jew l-utenti finali”, li r-relazzjoni bejn fornitur tal-elettriku u l-utenti finali tal-elettriku kienet irrilevanti, kif ukoll billi ħadet inkunsiderazzjoni l-obbligu tal-ġbir u mhux l-obbligu legali tal-ħlas tat-tariffi tan-network; u (iii) il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-użu esklużiv tat-tariffi tan-network miġbura ma kienx jeskludi li l-Istat ikun jista’ jiddisponi minn dawn il-fondi.

14.

L-ewwel aggravju tal-kumpanniji Infineon (Kawża C‑800/21 P) huwa maqsum f’erba’ partijiet: (i) l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat teħtieġ li l-finanzjament tagħha “tiswa l-flus lill-Istat”; (ii) ir-riżorsi tal-Istat jeżistu biss fejn hemm rabta suffiċjentement diretta mal-baġit tal-Istat; (iii) il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward; u (iv) il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li s-sovrataxxa inkwistjoni kkostitwixxiet riżorsi tal-Istat, meta attwalment ikkostitwixxiet riżorsi privati. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi injorat is-sens u l-portata tad-dritt nazzjonali. Jiġi sostnut, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, li: (i) il-BNetzA ma stabbilixxietx l-ammont tas-sovrataxxa inkwistjoni; (ii) il-BNetzA ma imponietx fuq l-operaturi tan-network metodu ddettaljat ta’ kalkolu ta’ din is-sovrataxxa; (iii) it-telf ta’ dħul tal-operaturi tan-network bħala riżultat tal-eżenzjonijiet tan-network ma kienx kompletament iffinanzjat permezz tas-sovrataxxa inkwistjoni; u (iv) l-operaturi tan-network ma kinux obbligati bid-dritt nazzjonali li jiġbru s-sovrataxxa inkwistjoni.

15.

Il-Kummissjoni ssostni li l-uniku aggravju tal-Ġermanja u l-ewwel u t-tieni aggravju tal-kumpanniji Infineon għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

16.

Peress li d-diversi argumenti dwar ir-riżorsi tal-Istat imqajma mill-Ġermanja fl-ewwel aggravju (Kawża C‑794/21 P) u mill-kumpanniji Infineon fl-ewwel u fit-tieni aggravju (Kawża C‑800/21 P) jissovrapponu b’mod sinjifikattiv, huwa xieraq li dawn jiġu indirizzati flimkien u fl-ordni u skont l-istruttura tas-sentenza appellata. Konsegwentement, jeħtieġ li l-ewwel tiġi indirizzata n-natura alternattiva tal-kriterji; imbagħad, il-klassifikazzjoni tas-sovrataxxa inkwistjoni ( 4 ) bħala “taxxa”; u, finalment, l-eżistenza ta’ kontroll mill-Istat fuq ir-riżorsi ġġenerati mis-sovrataxxa inkwistjoni.

1.   L‑ewwel sensiela ta’ argumenti mressqa mill‑Ġermanja u mill‑kumpanniji Infineon (żewġ elementi li flimkien jifformaw alternattiva)

a)   Argumenti prinċipali tal‑partijiet

17.

Il-Ġermanja ssostni, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-eżistenza ta’ taxxa u l-kontroll mill-Istat fuq il-fondi ġġenerati minn din it-taxxa (jew fuq l-amministraturi ta’ dawn il-fondi) kienu “żewġ elementi li jagħmlu parti minn alternattiva”. Is-sempliċi eżistenza ta’ tali taxxa ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-kawża ineżami kienet tinvolvi “riżorsi tal-Istat”. Il-kumpanniji Infineon isostnu, b’mod iktar ġenerali, li l-Qorti Ġenerali applikat kriterji ta’ għajnuna mill-Istat ġuridikament inkorretti meta rrikonoxxiet in-natura statali tar-riżorsi fil-każ ta’ “taxxa”. Il-kumpanniji Infineon isostnu, inter alia, li l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat teżiġi li l-finanzjament tagħha “jiswa l-flus lill-Istat” u li għandu jkun hemm rabta suffiċjentement diretta mal-baġit tal-Istat.

b)   Evalwazzjoni

18.

Il-Qorti Ġenerali eżaminat il-ġurisprudenza dwar il-kriterju ta’ “riżorsi tal-Istat” u qieset li “[e]ssenzjalment, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] hija bbażata fuq żewġ elementi prinċipali sabiex tiġi evalwata n-natura statali tar-riżorsi: minn naħa, l-eżistenza ta’ oneru obbligatorju li jaqa’ fuq il-konsumaturi jew il-klijenti finali, normalment ikklassifikat bħala ‘taxxa’, u b’mod iktar partikolari bħala ‘taxxa parafiskali’, u, min-naħa l-oħra, il-kontroll statali fuq il-ġestjoni tas-sistema, permezz b’mod partikolari tal-kontroll statali fuq il-fondi jew fuq il-ġestjonarji (terzi) ta’ dawn il-fondi. Dawn huma, essenzjalment, żewġ elementi li jagħmlu parti minn alternattiva” (sentenza appellata, punt 63, enfasi miżjuda minni).

19.

Skont il-Qorti Ġenerali, “għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk il-mekkaniżmu [ta’ finanzjament] inkwistjoni jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza rilevanti f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ riżorsi tal-Istat […] u għalhekk jekk is-sovrataxxa inkwistjoni tikkostitwixxix effettivament piż obbligatorju u, għaldaqstant, komparabbli ma’ taxxa parafiskali jew, jekk dan ma huwiex il-każ, jekk l-Istat għandux, mill-inqas, kontroll fuq il-fondi miġbura jew fuq il-korpi inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ dawn il-fondi” (sentenza appellata, punt 77).

20.

Il-Ġermanja ssostni li l-kriterji tat-“taxxa” u l-kontroll mill-Istat huma kumulattivi u huma bbażati fuq is-sentenzi FVE Holýšov I et vs Il‑Kummissjoni ( 5 ), Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni ( 6 ) u PreussenElektra ( 7 ). Madankollu, dawn is-sentenzi u oħrajn (iktar reċenti) tal-Qorti tal-Ġustizzja jimmilitaw pjuttost favur in-natura alternattiva tal-kriterji, skont kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 58 u 63 sa 65 tas-sentenza appellata ( 8 ).

21.

Inqis li l-argumenti mressqa mill-Ġermanja huma infondati sa fejn jistgħu jiġu miċħuda fuq il-bażi tal-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tneħħi kull dubju possibbli dwar in-natura alternattiva jew kumulattiva tal-kriterji.

22.

Fis-sentenza DOBELES HES ( 9 ), l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat żewġ kwistjonijiet rilevanti għal dawn l-appelli: (i) id-definizzjoni tal-kunċett ta’ taxxa u (ii) ir-relazzjoni bejn il-kriterju ta’ taxxa u l-kriterju ta’ kontroll mill-Istat fuq il-mekkaniżmu ta’ finanzjament.

23.

Fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kriterji rilevanti tal-Artikolu 107(1) jifformaw parti minn alternattiva: “il-kriterju msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza [jiġifieri, l-eżistenza ta’ tariffa] ma huwiex l-uniku wieħed li jippermetti li jiġu identifikati ‘riżorsi tal-Istat’, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-fatt li somom jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala ‘riżorsi tal-Istat’”.

24.

Minn dan isegwi li huwa biżżejjed li jiġi ssodisfatt wieħed jew l-ieħor miż-żewġ kriterji, li huwa kkonfermat mill-punt 42 tas-sentenza DOBELES HES, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi direttament għall-eżistenza ta’ “żewġ kriterji alternattivi”.

25.

Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ma wettqitx żball ta’ liġi fis-sentenza appellata meta interpretat l-Artikolu 107(1) TFUE, peress li segwiet il-ġurisprudenza preeżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja meta fil-punt 63 iddikjarat li l-kriterji msemmija iktar ’il fuq “jagħmlu parti minn alternattiva” u dan l-approċċ ġie kkonfermat mill-ġdid fis-sentenza DOBELES HES. Konsegwentement, kien suffiċjenti li l-Qorti Ġenerali tidentifika, fis-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ taxxa jew ta’ kontroll mill-Istat fuq il-mekkaniżmu ta’ finanzjament, filwaqt li kull wieħed minn dawn il-kriterji kien ikun suffiċjenti waħdu sabiex jikkonferma l-involviment ta’ riżorsi tal-Istat. Minn dan isegwi li l-argumenti mressqa mill-Ġermanja li dawn il-kriterji huma kumulattivi għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

26.

Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx dan espressament, iżda jiena tal-fehma li mill-qari tas-sentenza appellata (b’mod partikolari, il-punt 77) huwa ċar li hija eżaminat it-tieni kriterju biss għal finijiet ta’ kompletezza. Peress li n-natura alternattiva tal-kriterji kienet is-suġġett ta’ nuqqas ta’ qbil sinjifikattiv bejn il-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar kienet iggwidata mill-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u eżaminat iż-żewġ elementi tal-alternattiva.

27.

Imbagħad, insostenn tal-argument tagħha li l-kriterji ta’ “taxxa” u ta’ kontroll mill-Istat għandhom ikunu kumulattivi, il-Ġermanja ssostni wkoll li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE fis-sentenza appellata (li hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja) hija, fi kwalunkwe każ, kuntrarja għall-iskema tat-Trattati u tirriżulta f’“konsegwenzi li ma humiex previsti fit-Trattati”. Hija ssostni li kull taxxa jew tariffa addizzjonali imposti mill-Istat neċessarjament jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat”, li jmur kontra s-sovranità fiskali tal-Istati Membri. Hija ssostni wkoll li l-projbizzjoni tal-għajnuna illegali mill-Istat hija intiża biex tipproteġi kontra l-ksur tal-kompetizzjoni libera mill-Istat, li jimplika li huwa biss il-ksur tal-kompetizzjoni b’rabta mal-baġit tal-Istat jew li jinvolvi riżorsi suġġetti għas-setgħa ta’ dispożizzjoni tal-Istat li huwa kkonċernat. Argument simili tressaq mill-kumpanniji Infineon.

28.

Madankollu, kif irrilevat il-Kummissjoni, dawn l-argumenti huma bbażati fuq qari żbaljat tat-Trattati ( 10 ) kif ukoll fuq amalgamazzjoni ta’, minn naħa, il-ġurisprudenza dwar l-Artikoli 30 u 110 TFUE u, min-naħa l-oħra, dik dwar l-Artikolu 34 TFUE. Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni skont l-ewwel żewġ artikoli msemmija hija spjegata mill-fatt li kemm id-dazji doganali kif ukoll it-taxxi huma, min-natura tagħhom, fiskali (jikkostitwixxu taxxi użati mill-Istat sabiex jilħaq għanijiet politiċi). Barra minn hekk, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-fattur determinanti prinċipali fir-rigward tar-riżorsi tal-Istat huwa li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni hija x-xogħol tal-Istat (u mhux ta’ impriża). Madankollu, b’mod sinjifikanti, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li qiegħda tissuġġerixxi l-Ġermanja (punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-iskema tat-Trattati ma tinkludi l-ebda indikazzjoni li hija biss l-għajnuna “ffinanzjata mill-baġit tal-Istat” li għandha titqies bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dejjem ippreċiżat li s-sempliċi fatt li l-fluss ta’ riżorsi jgħaddi esklużivament minn entitajiet irregolati mid-dritt privat ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata l-eżistenza tal-kontroll effettiv mill-Istat fis-sens tal-kunċett ta’ għajnuna ( 11 ).

29.

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ġermanja, id-differenza sistematika ta’ pożizzjoni li teżisti fit-Trattat FUE bejn l-Artikoli 30 u 110 u l-Artikolu 107 ma għandhiex impatt materjali għall-finijiet tal-kawżi ineżami. Għall-kuntrarju, dawn it-tliet dispożizzjonijiet għandhom xi ħaġa komuni, jiġifieri, il-fatt li dawn jikkonċernaw l-azzjoni fiskali tal-Istat. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat, fir-rigward taż-żewġ kategoriji ta’ dispożizzjonijiet, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontroll mill-Istat”, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li r-regoli li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet jiġu evitati ( 12 ).

30.

Barra minn hekk, huwa skorrett li jiġi allegat li “kull [trasferiment] ta’ assi bejn [persuni ġuridiċi] privati, ordnat mil-liġi, [jiġi assimilat] ma’ użu ta’ riżorsi tal-Istat”. Pereżempju, prezz minimu stabbilit bil-liġi ma huwiex taxxa. Huwa biżżejjed li jsir riferiment għas-sentenzi PreussenElektra u EEG 2012. Is-sentenza PreussenElektra kkonċernat prezz minimu legali applikat bejn żewġ entitajiet irregolati mid-dritt privat. L-entità rregolata mid-dritt privat li kienet obbligata tapplika l-prezz minimu ma setgħetx tittrasferixxi l-ispejjeż fuq il-klijenti tagħha. Għaldaqstant, ma kienx hemm taxxa.

31.

Fis-sentenza EEG 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-sempliċi possibbiltà ta’ impatt fuq il-klijenti ma kinitx suffiċjenti sabiex jitqies li r-riżorsi użati kienu riżorsi tal-Istat. L-użu ta’ riżorsi tal-Istat – fil-forma ta’ taxxa – jista’ jiġi preżunt biss jekk l-entità rregolata mid-dritt privat li fuqha jaqa’ l-obbligu jkollha wkoll l-obbligu li tittrasferixxi l-ispiża addizzjonali fuq terz billi tiġbor taxxa mingħandu.

32.

Fil-fehma tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset li dawn il-kriterji jifformaw parti minn alternattiva. Għaldaqstant, is-sentenza appellata ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward u l-ewwel sensiela ta’ argumenti mressqa mill-Ġermanja u mill-kumpanniji Infineon għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2.   It‑tieni sensiela ta’ argumenti mressqa mill‑Ġermanja u mill‑kumpanniji Infineon (klassifikazzjoni tas‑sovrataxxa inkwistjoni bħala “taxxa”)

33.

Il-Ġermanja u l-kumpanniji Infineon jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ewwel wieħed mill-kriterji alternattivi diskussi iktar ’il fuq, sa fejn hija kklassifikat b’mod żbaljat is-sovrataxxa inkwistjoni bħala “taxxa”. Huma jsostnu li din il-klassifikazzjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “taxxa” u fuq żnaturament tad-dritt nazzjonali.

a)   L‑ewwel grupp ta’ argumenti (debitur finali tas‑sovrataxxa inkwistjoni)

34.

Fl-ewwel grupp ta’ argumenti, il-Ġermanja u l-kumpanniji Infineon isostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “konsumatur finali”, fis-sens tad-dritt nazzjonali, peress li la d-dritt nazzjonali u lanqas l-awtoritajiet nazzjonali Ġermaniżi ma jimponu obbligu ta’ ħlas fuq il-konsumaturi jew fuq l-operaturi tas-sistema. Il-kumpanniji Infineon isostnu, inter alia, li, anki jekk, fil-prattika, il-fornituri tal-elettriku kienu dejjem jittrasferixxu s-sovrataxxa fuq il-konsumaturi finali tal-elettriku, dan ma huwiex biżżejjed, skont il-ġurisprudenza EEG 2012, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tariffa obbligatorja imposta mill-Istat.

35.

Inqis li huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-kwistjoni dwar min kienu d-debituri finali tas-sovrataxxa inkwistjoni hijiex kunsiderazzjoni determinanti.

36.

Il-kumpanniji Infineon sostnew fl-ewwel istanza li s-sovrataxxa kienet tinġabar biss mingħand l-utenti tan-network u li din ma kinitx neċessarjament ittrasferita fuq il-konsumaturi finali tal-elettriku, b’tali mod li kellha tinftiehem bħala miżata tan-network u mhux bħala taxxa. Madankollu, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan l-argument kien irrilevanti, fid-dawl tal-fatt li d-debituri finali ta’ din is-sovrataxxa kienu utenti tan-network (il-fornituri nnifishom u l-konsumaturi finali direttament konnessi man-network), u mhux konsumaturi finali oħra.

37.

Barra minn hekk, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża identifikat obbligu ta’ ġbir u ta’ trasferiment tas-sovrataxxa inkwistjoni fuq il-“konsumaturi finali”. Fil-fehma tiegħi, huwa rilevanti li din l-interpretazzjoni ġiet ikkorroborata mill-punt 20 tas-sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tas‑6 ta’ Ottubru 2015, li tiċħad l-argument imressaq fl-ewwel istanza li jgħid li s-sovrataxxa kontenzjuża kienet tariffa ta’ network. Din il-qorti kkonfermat li s-sovrataxxa ma kinitx kumpens kuntrattwali, iżda ġbir estern tat-tariffi, li kien impost fuq l-operaturi.

38.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex miżura tikkostitwixxi “tariffa” fis-sens tal-Artikoli 30 u 110 TFUE, huwa biżżejjed li din il-miżura tkun ġiet imposta fuq prodotti jew servizzi intermedji, mingħajr ma tkun neċessarjament ittrasferita fuq il-konsumaturi finali tal-prodotti jew tas-servizzi downstream. Ma hemm l-ebda sostenn, fl-istess ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 13 ), għall-fehma li taxxa timplika l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat biss jekk din it-taxxa tiġi applikata fuq il-konsumaturi finali. Fil-fatt, inqis li l-kunċett ta’ taxxa, imsemmi fl-Artikoli 30 u 110 TFUE, għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni teleoloġika.

39.

Il-Qorti Ġenerali ġustament ibbażat ruħha fuq din l-istess ġurisprudenza fil-punt 86 tas-sentenza appellata.

40.

Inqis li l-Qorti Ġenerali ġustament ibbażat l-approċċ tagħha fuq il-kwistjoni dwar jekk il-korpi privati jew pubbliċi, li huma inkarigati mill-implimentazzjoni tal-iskema, għandhomx jassumu l-ispejjeż permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess (sitwazzjoni li ma tinvolvix għajnuna mill-Istat) jew jekk jistgħux jiġbru dawn ir-riżorsi mingħand terzi (sitwazzjoni li fiha hemm għajnuna mill-Istat). Ftit jimporta jekk dawn it-terzi humiex konsumaturi finali jew jikkostitwixxux ħolqa intermedja fil-katina tal-valur. Fil-fatt, l-uniku element determinanti huwa l-effett ridistributtiv tat-taxxa, jiġifieri li Stat jew entità rregolata mid-dritt privat jiġbru din it-taxxa mingħand l-impriżi u jużawha sabiex jiffinanzjaw vantaġġ mogħti lil kategorija oħra ta’ impriżi.

41.

Minn interpretazzjoni teleoloġika u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “taxxa”, fis-sens tal-Artikoli 30 u 110 TFUE jirriżulta li l-identità tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa f’kull każ hija irrilevanti. Il-fattur determinanti huwa jekk it-taxxa hijiex relatata mal-prodott ikkonċernat jew ma’ attività neċessarja fir-rigward ta’ dan il-prodott ( 14 ).

42.

Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li l-ewwel grupp ta’ argumenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

b)   It‑tieni grupp ta’ argumenti (it‑taxxa inkwistjoni ma kinitx obbligatorja)

1) Id-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011 ġiet iddikjarata illegali mill-qrati nazzjonali

43.

Il-kumpanniji Infineon isostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq id-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011, filwaqt li din id-deċiżjoni ġiet iddikjarata illegali, retroattivament, mill-qrati Ġermaniżi.

44.

Tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx tikkonkludi li s-sovrataxxa inkwistjoni kienet ta’ natura obbligatorja billi bbażat ruħha fuq din id-deċiżjoni tal-BNetzA, minkejja l-fatt li din ġiet sussegwentement annullata u ddikjarata nulla mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) u, fl-appell, mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja).

45.

Infakkar li mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity ( 15 ) u mis-sentenza Heiser ( 16 ) jirriżulta, li l-eventwali illegalità ta’ skema nazzjonali ma tistax tneħħi n-natura tagħha ta’ għajnuna mill-Istat.

46.

Skont is-sentenza Heiser, “anki kieku kellu jiġi preżunt li l-leġiżlazzjoni li tipprevedi l-aġġustament tat-tnaqqis […] hija illegali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din il-leġiżlazzjoni tista’ tipproduċi l-effetti tagħha matul il-perijodu kollu li fih mhijiex abrogata jew, minn ta’ lanqas, sakemm l-illegalità tagħha mhijiex ikkonstatata” (enfasi miżjuda minni).

47.

Bl-istess mod, skont is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, “il-fatt li miżura fiskali tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni oħrajn minbarra l-Artikoli 107 u 108 TFUE ma jippermettix li jeskludi l-kwalifika ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ l-eżenzjoni ta’ din il-miżura li minnha jibbenefikaw ċerti kontribwenti, sakemm il-miżura inkwistjoni tipproduċi effetti fir-rigward tal-kontribwenti l-oħra u ma ġietx la abrogata u lanqas iddikjarata illegali u, għaldaqstant mhux applikabbli” (enfasi miżjuda minni).

48.

Kif ippreċiżat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-leġiżlatur Ġermaniż ittratta s-sitwazzjoni b’mod li jiżgura li l-ġbir tas-sovrataxxa inkwistjoni, wara l-annullament ordnat mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), jiġi rrettifikat retroattivament u jkompli jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, iżomm l-obbligu tas-sovrataxxa inkwistjoni.

49.

Fil-fehma tiegħi, fid-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, miżura għandha tiġi kkunsidrata mill-perspettiva tal-effetti tagħha.

50.

Fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet (fil-punti 75 u 90 tas-sentenza appellata) li għall-finijiet tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, il-fatt li d-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011 ġiet attwalment applikata u pproduċiet effetti legali matul il-perijodu rilevanti kien fattur determinanti.

51.

Din id-deċiżjoni kienet legalment vinkolanti matul il-perijodu rilevanti u obbligat lill-operaturi tan-network jiġbru s-sovrataxxa inkwistjoni mingħand l-utenti tan-network.

52.

Il-formulazzjoni tal-paragrafu 3 tad-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011 kienet timponi l-obbligu li tinġabar is-sovrataxxa inkwistjoni mingħand l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, li għalhekk kienu obbligati jiġbru din is-sovrataxxa mingħand il-klijenti tagħhom. Peress li din id-deċiżjoni kienet tifforma parti mill-iskema fis-seħħ matul il-perijodu rilevanti u kienet tipproduċi effetti vinkolanti – a fortiori peress li dawn l-effetti fir-realtà ma ġewx irtirati wara l-annullament ordnat mill-qrati nazzjonali (permezz ta’ dispożizzjonijiet li suċċessivament ħassru l-imsemmija skema) – il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-iskema bbażata fuq is-sovrataxxa inkwistjoni kienet tipproduċi effetti legali vinkolanti (sentenza appellata, punt 90).

53.

L-evalwazzjoni tiegħi f’dawn il-konklużjonijiet hija kkonfermata wkoll mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni ( 17 ), li fiha ġie deċiż li deċiżjoni annullata xorta tista’ tipproduċi effetti legali. Peress li r-rikors għal annullament f’din il-kawża ġie ppreżentat qabel ma l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża (u għalhekk eskludietha retroattivament mill-ordinament ġuridiku), l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors kellha tiġi evalwata b’riferiment għall-mument tal-preżentata tiegħu, peress li d-deċiżjoni negattiva tal‑2002 kienet għadha fis-seħħ u baqgħet tifforma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea.

54.

Finalment, għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li l-produzzjoni ta’ effetti ġuridiċi kienet, barra minn hekk, l-għan iddikjarat tal-leġiżlatur Ġermaniż ( 18 ).

55.

Fil-fehma tiegħi, l-argumenti intiżi li jinvokaw il-fatt li d-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011 ġiet iddikjarata illegali mill-qrati nazzjonali għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala infondati.

2) Artikoli 30 u 110 TFUE (kunċett ta’ “taxxa”) u l-ġurisprudenza Essent Netwerk Noord (natura obbligatorja tat-tariffa)

i) Artikoli 30 u 110 TFUE (kunċett ta’ “taxxa”)

56.

Il-Ġermanja u l-kumpanniji Infineon isostnu, essenzjalment, li, b’mod partikolari fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “taxxa”, fis-sens tal-Artikoli 30 u 110 TFUE, sabiex tikkonkludi li s-sovrataxxa inkwistjoni kienet tikkorrispondi għal dan il-kunċett. Huwa minnu li sabiex tiġġustifika l-fatt li obbligu li tiġi imposta sovrataxxa marbuta mal-użu tan-network jista’ wkoll ikun taxxa, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-kunċett ta’ taxxa għall-finijiet tal-Artikoli 30 u 110 TFUE.

57.

Kif ġie spjegat fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kunċett ta’ taxxa, imsemmi fl-Artikoli 30 u 110 TFUE, għandu jinftiehem f’sens wiesa’.

58.

Fis-sentenza Essent Netwerk Noord (punt 40), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikoli [30 u 110 TFUE] […] għandhom l-għan, b’mod komplementari, li jipprojbixxu kull dispożizzjoni fiskali nazzjonali li tista’ tiddiskrimina kontra l-prodotti li ġejjin minn jew b’destinazzjoni għal Stati Membri oħrajn u b’hekk jostakolaw il-moviment liberu fi ħdan [l-Unjoni] f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni” (enfasi miżjuda minni).

59.

Kif ġie rrilevat fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mill-kunċett ta’ “taxxa”, fis-sens tal-Artikoli 30 u 110 TFUE, jirriżulta li l-identità tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa f’kull każ hija irrilevanti. L-element determinanti huwa jekk tali taxxa hijiex relatata mal-prodott ikkonċernat jew ma’ attività neċessarja fir-rigward ta’ dan il-prodott.

60.

Fil-kawża ineżami, is-sovrataxxa inkwistjoni tinġabar għall-użu tan-network. Fl-evalwazzjoni korretta tal-Qorti Ġenerali, il-fatt li s-sovrataxxa ma tikkostitwixxix il-korrispettiv għall-użu tan-network, iżda tariffa obbligatorja, huwa determinanti għall-klassifikazzjoni tagħha bħala taxxa.

61.

L-użu tan-network għandu jiġi jitqies bħala prodott intermedju jew, b’mod iktar preċiż, bħala servizz intermedju għall-finijiet tal-Artikoli 30 u 110 TFUE, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diskussa iktar ’il fuq. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta bbażat ruħha fuq l-Artikoli 30 u 110 TFUE sabiex tiddefinixxi t-taxxa bħala tariffa fuq prodott jew servizz ipprovdut.

ii)  Is-sentenza Essent Netwerk Noord u l-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (natura obbligatorja tat-tariffa)

62.

Barra minn hekk, ir-riżoluzzjoni tal-kwistjoni dwar in-natura obbligatorja tat-tariffa bħala kundizzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat tista’ tiġi dedotta mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn il-kawżi ineżami huma simili għas-sitwazzjoni fattwali li tat lok għas-sentenza Essent Netwerk Noord.

63.

Is-sentenza Essent Netwerk Noord kienet tikkonċerna taxxa fil-Pajjiżi l-Baxxi. Operatur ta’ network (kompletament ikkontrollat minn awtoritajiet pubbliċi) ġabar mingħand xerrejja domestiċi tal-elettriku taxxa (sovrataxxa) fuq l-użu tan-network tal-elettriku tiegħu. Bħal dawn il-kawżi, fis-sentenza Essent Netwerk Noord, din it-taxxa kienet prevista mid-dritt nazzjonali u l-operatur tan-network kien jiġbor flus mingħand il-konsumaturi u b’hekk kien jiffinanzja l-għajnuna mill-Istat.

64.

Il-Qorti Ġenerali ġustament irreferiet għal din is-sentenza u rrilevat, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li “l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li sovrataxxa fuq elettriku trażmess, stabbilita skont kriterji oġġettivi, imposta mil-leġiżlazzjoni fuq il-konsumaturi tal-elettriku u miġbura mill-operaturi tas-sistema, kienet tikkostitwixxi “tariffa” li s-sors tagħha kien riżorsa tal-Istat”.

65.

Fis-sentenza Essent Netwerk Noord, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet diversi osservazzjonijiet importanti għall-finijiet tal-appelli ineżami.

66.

L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li ftit jimporta jekk it-taxxa taffettwax il-prodott bħala tali, pereżempju, l-elettriku, jew jekk it-taxxa taffettwax attività neċessarja fir-rigward tal-prodott, pereżempju, it-trasport tal-elettriku (sentenza Essent Netwerk Noord, punt 44). Fil-kawżi ineżami, it-taxxa taffettwa t-trasport tal-elettriku.

67.

It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-fatt li s-sovrataxxa hija piż impost unilateralment huwa determinanti għall-eżistenza ta’ taxxa (sentenza Essent Netwerk Noord, punt 45). Fil-kawżi ineżami, id-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011 kienet timponi fuq l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, b’mod legalment vinkolanti, l-obbligu li jiġbru s-sovrataxxa inkwistjoni mingħand l-utenti tan-network (punt 97 tas-sentenza appellata).

68.

It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ma tantx huwa rilevanti l-fatt li l-piż finanzjarju ma jiġix miġbur mill-Istat” (sentenza Essent Netwerk Noord, punt 46). Fil-kawżi ineżami, l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni kienu responsabbli għall-ġbir tas-sovrataxxa inkwistjoni.

69.

Finalment, fil-kawżi ineżami, bħas-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza Essent Netwerk Noord, is-sovrataxxa inkwistjoni kienet intiża biex tkopri l-ispejjeż tal-użu tan-network li l-konsumaturi Ġermaniżi ta’ karga bażika kien ikollhom normalment iħallsu huma stess.

70.

L-eżenzjoni mit-tariffi tan-network għall-konsumaturi ta’ karga bażika għalhekk tejbet il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom. Minħabba l-istatus fiskali tas-sovrataxxa inkwistjoni fil-kawżi ineżami, ikun xieraq li dawn ir-riżorsi jiġu rrikonoxxuti bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Barra minn hekk, dan huwa konformi mal-ġurisprudenza li tgħid li l-finanzjament ta’ vantaġġ permezz tar-rikavat minn taxxa jimplika li dan il-vantaġġ ġej minn riżorsa tal-Istat ( 19 ).

71.

Inqis li mhux biss is-sentenza Essent Netwerk Noord, iżda wkoll dik fil-kawża FVE Holýšov I, huma partikolarment rilevanti. Dawn iż-żewġ kawżi għandhom kuntest fattwali simili għal dak tal-kawżi ineżami u juru li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, diġà indirizzat il-mistoqsijiet imqajma fl-appelli ineżami.

72.

Fis-sentenza FVE Holýšov I (punt 46), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma huwiex rilevanti jekk il-mekkaniżmu ta’ finanzjament inkwistjoni huwiex ikklassifikat, fid-dritt nazzjonali, bħala taxxa jew taxxa parafiskali. Id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jikkonċerna biss l-għarfien li tali tariffa hija imposta, u li din it-tariffa hija ordnata unilateralment u permezz ta’ att tal-Istat.

73.

F’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li dan huwa obbligu li l-flus jinġabru b’mod unilaterali u li għalhekk dawn huma riżorsi tal-Istat. Din il-kwistjoni twassalna għas-sentenza reċenti DOBELES HES (punt 34), li tkompli tiċċara s-sentenza Essent Netwerk Noord. Inqis li dan huwa importanti għall-finijiet tal-eżitu tal-appelli ineżami.

74.

Fil-punt 34, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li “[f]ir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni li l-vantaġġ jingħata ‘permezz ta’ riżorsi tal-Istat’, li dwarha tistaqsi preċiżament il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ammonti li jirriżultaw mis-suppliment fil-prezz impost mill-Istat fuq ix-xerrejja ta’ elettriku huma simili għal taxxa imposta fuq l-elettriku u joriġinaw minn ‘riżorsi tal-Istat’, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE” ( 20 ).

75.

Nirrileva li s-sentenza DOBELES HES, fil-punti 36 u 37 tagħha, tiċċara ġurisprudenza oħra eżistenti flimkien ma’ dik tas-sentenza Essent Netwerk Noord (b’mod partikolari, is-sentenza EEG 2012, punti 70 u 71).

76.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza d-differenzi bejn is-sentenzi EEG 2012 u DOBELES HES. Hija tispjega li, fl-ewwel każ, ma kienx hemm kontribuzzjoni obbligatorja, peress li l-ġbir tat-tariffa EEG ma kienx legalment vinkolanti u kien biss fuq bażi volontarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża għalhekk li hija n-natura obbligatorja li hija deċiżiva sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tariffa inkwistjoni hijiex kontribuzzjoni obbligatorja. Is-sempliċi fatt li l-flus jiġu ttrasferiti jew jistgħu jiġu ttrasferiti ma huwiex biżżejjed minnu nnifsu. Madankollu, fil-kawżi ineżami, kien jeżisti preċiżament obbligu li tinġabar it-taxxa (jew it-tariffa), filwaqt li s-sentenza EEG 2012 ma kinitx tirrigwarda taxxa.

77.

Għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni f’EEG 2012, il-ġbir tas-sovrataxxa inkwistjoni fil-kawżi ineżami ma huwiex deċiżjoni kummerċjali tal-operaturi tan-network, iżda pjuttost isir fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet legali (b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-BNetzA).

78.

Għaldaqstant, huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn il-mekkaniżmu ta’ finanzjament inkwistjoni fil-kawżi ineżami u l-mekkaniżmu kkonċernat f’EEG 2012. Fil-kawżi ineżami, l-eżistenza tas-sovrataxxa bħala tali hija suffiċjenti sabiex tiġi kklassifikata bħala riżorsi tal-Istat.

79.

Fir-rigward tat-tieni kriterju tas-sentenza EEG 2012 – jiġifieri, il-kontroll mill-Istat (setgħa ta’ dispożizzjoni) fuq il-fondi stess jew fuq l-entità li tamministra dawn il-fondi – kif rajna iktar ’il fuq, iż-żewġ kriterji huma alternattivi u mhux kumulattivi.

80.

Li kieku kien hemm sovrataxxa obbligatorja f’EEG 2012, ma kienx ikun neċessarju li l-Qorti Ġenerali tibda d-diskussjoni fil-punt 72 ta’ din is-sentenza.

81.

Fil-fatt, huwa preċiżament minħabba li l-kundizzjonijiet fil-punt 71 ma kinux issodisfatti li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset neċessarju li tipproċedi għall-punt 72.

82.

Fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l]-fatt, ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali […] li, ‘fil-prattika’, il-piż finanzjarju li jirriżulta mis-soprataxxa-EEG kien jiġi mgħoddi fuq il-klijenti finali u, konsegwentement, kien ‘jixbah, mill-perspettiva tal-effetti tiegħu, lil taxxa fuq il-konsum tal-elettriku fil-Ġermanja’, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li s-soprataxxa-EEG kellha l-istess karatteristiċi bħas-suppliment fil-prezz tal-elettriku eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza [Essent Netwerk Noord]”.

83.

Il-Qorti Ġenerali għalhekk tibda l-punt 72 bil-kelma “konsegwentement”: “Konsegwentement, hemm lok jiġi vverifikat jekk iż-żewġ elementi l-oħrajn […] imsemmija […] fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, kinux jippermettulha madankollu li tikkonkludi li l-fondi ġġenerati mis-soprataxxa-EEG kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat, peress li dawn kienu jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku u għaldaqstant fid-dispożizzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi […] F’din l-ipoteżi, ftit li xejn huwa rilevanti li s-soprataxxa-EEG tista’ tiġi kklassifikata bħala ‘taxxa’ jew le”.

84.

Fi kliem ieħor, is-sitwazzjoni fis-sentenza EEG 2012 kienet totalment differenti minn dik fil-kawżi ineżami.

85.

Fis-sentenza EEG 2012, il-leġiżlatur Ġermaniż ippermetta lill-impriżi tal-elettriku jiġbru ċerti kontribuzzjonijiet, iżda din hija biss possibbiltà u mhux obbligu. L-Istat ta lill-operaturi għażla: jekk jagħmlu użu minn din il-possibbiltà, il-flus miġbura kellhom jiġu allokati għal użu speċifiku ddeterminat mill-Istat (jiġifieri, kienu maħsuba bħala kumpens għal spejjeż addizzjonali relatati mal-enerġija rinnovabbli). Għaldaqstant, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li, peress li ma kien hemm ebda obbligu li jinġabru dawn il-kontribuzzjonijiet, l-Istat ma kienx jikkontrolla dawn il-fondi.

86.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti u mill-ġurisprudenza preċedenti jirriżulta li s-sovrataxxa inkwistjoni kienet, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, ġbir obbligatorju ta’ taxxa, kif ġie kkonstatat ukoll mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li, kif ġie kkonfermat reċentement fis-sentenza DOBELES HES, hija biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat l-involviment tar-riżorsi tal-Istat.

87.

Għaldaqstant jiena tal-fehma li s-sentenza appellata ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

88.

Fil-fehma tiegħi, l-argumenti bbażati fuq l-Artikoli 30 u 110 TFUE (kunċett ta’ “taxxa”) kif ukoll fuq Essent Netwerk Noord u l-ġurisprudenza segwenti (in-natura obbligatorja tat-tariffa) għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

3) Żnaturament tad-dritt nazzjonali u assenza ta’ obbligu li tinġabar jew titħallas is-sovrataxxa inkwistjoni

89.

Il-kumpanniji Infineon u l-Ġermanja jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-dritt nazzjonali sa fejn ma kien jeżisti ebda obbligu li tinġabar is-sovrataxxa inkwistjoni.

90.

L-ewwel, il-Ġermanja ma tistax tikkontesta din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar id-dritt nazzjonali, li hija konstatazzjoni ta’ fatt, fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u dan l-Istat Membru fil-fatt naqas milli jagħmel dan direttament.

91.

It-tieni, inqis li l-klassifikazzjoni tas-sovrataxxa inkwistjoni bħala taxxa ma hijiex ibbażata fuq żnaturament tad-dritt nazzjonali. Il-kumpanniji Infineon jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali. Filwaqt li jsostnu li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u fehmet ħażin il-kontenut u l-portata tad-dritt nazzjonali, fl-aħħar mill-aħħar din hija evalwazzjoni ġdida tal-fatti, imwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħmel dan fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell ( 21 ).

92.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[f]’dak li jirrigwarda l-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-konstatazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali għamlet fir-rigward [tal-]leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex teżamina, l-ewwel nett, jekk il-Qorti Ġenerali, abbażi tad-dokumenti u tal-atti l-oħra li ġew ippreżentati quddiema, żnaturatx il-kliem tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jew il-ġurisprudenza nazzjonali relatata magħhom […] it-tieni nett, jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, konstatazzjonijiet li jmorru manifestament kontra l-kontenut tagħhom, u, fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tal-elementi kollha, tatx lil wieħed minn dawn l-elementi, sabiex tikkonstata l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, portata li ma tixraqlux meta mqabbel mal-elementi l-oħra, sa fejn dan jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess” ( 22 ).

93.

Fil-fehma tiegħi, l-argumenti mressqa mill-kumpanniji Infineon manifestament ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, ma huwiex suffiċjenti għall-appellanti li jillimitaw ruħhom li jirriproduċu skematikament il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali u li jqabbluhom mal-fehmiet tagħhom stess dwar dak li jemmnu li għandha tkun l-interpretazzjoni korretta tad-dritt nazzjonali. Huma ma jindikawx liema parti tal-evidenza b’mod partikolari ġiet allegatament żnaturata mill-Qorti Ġenerali, u ma jispjegawx kif dan l-iżnaturament huwa manifestament apparenti mid-dokumenti fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

94.

Fil-punti 85 u 87 sa 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali (b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011), li t-tariffa inkwistjoni kienet imposta fuq il-konsumaturi finali. Għalhekk, fir-rigward tal-argument imressaq mill-kumpanniji Infineon u l-Ġermanja – li hemm “tariffa”, kif iddefinita fis-sentenza Essent Netwerk Noord, biss meta l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-tariffa tkun il-konsumatur finali – huwa ineffettiv.

95.

Kif spjegat fil-punti 36 sa 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta, fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza li l-identità tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa f’kull każ hija irrilevanti. Għall-kuntrarju, il-fattur determinanti huwa jekk it-taxxa hijiex relatata mal-prodott ikkonċernat jew ma’ attività neċessarja fir-rigward ta’ dan il-prodott.

96.

Barra minn hekk, naqbel mal-Kummissjoni li l-obbligu ta’ ġbir u l-obbligu ta’ ħlas huma żewġ naħat tal-istess munita ( 23 ), bir-riżultat li kwalunkwe determinazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ ħlas impost fuq l-utenti tan-network kienx jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew mid-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011 hija wkoll irrilevanti.

97.

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-kumpanniji Infineon, il-fatt li d-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011 ma kinitx tipprevedi sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ ġbir tas-sovrataxxa inkwistjoni ma huwiex determinanti. Il-BNetzA kienet teżerċita setgħat ta’ sorveljanza normali fuq l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, u setgħet tindirizza deċiżjonijiet vinkolanti lil dawn l-operaturi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tagħhom ( 24 ).

98.

Minn dan isegwi li l-argumenti bbażati fuq l-iżnaturament tad-dritt nazzjonali u l-assenza ta’ obbligu li tinġabar is-sovrataxxa inkwistjoni u l-assenza ta’ obbligu li titħallas għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu miċħuda bħala infondati.

4) Assenza ta’ kumpens sħiħ għat-telf ta’ dħul u spejjeż

99.

Il-kumpanniji Infineon isostnu, essenzjalment, li – kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali fil-punti 99 sa 106 et seq. tas-sentenza appellata – l-awtoritajiet nazzjonali ma taw lill-operaturi tan-network ebda kumpens sħiħ għat-telf tad-dħul u l-ispejjeż iġġenerati mill-eżenzjoni tat-tariffi tan-network.

100.

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-kumpanniji Infineon, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li s-sovrataxxa kontenzjuża għamlitha possibbli li jseħħ kumpens sħiħ għat-telf sostnut mill-operaturi tan-network minħabba l-eżenzjonijiet mit-tariffi tan-network. Dan irriżulta mis-sitt u s-seba’ sentenza tal-punt 19(2) ta’ StromNEV 2011 ( 25 ) u d-deċiżjoni tal-BNetzA tal‑2011. Dak li kien importanti għall-evalwazzjoni tas-sovrataxxa fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat kien il-fatt li l-eżenzjoni mit-tariffi tan-network għall-konsumaturi ta’ karga bażika u l-vantaġġ riżultanti kienu kompletament iffinanzjati mis-sovrataxxa ( 26 ).

101.

Madankollu, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet l-argument li ma kienx hemm mekkaniżmu legali li jippermetti li jiġi żgurat il-kumpens sħiħ għad-dannu sostnut (b’mod partikolari minħabba l-impossibbiltà li jiġu ttrasferiti l-ispejjeż tas-sovrataxxa inkwistjoni fil-każ ta’ djun irrekuperabbli). Fil-fatt, il-klassifikazzjoni tas-sovrataxxa inkwistjoni bħala taxxa parafiskali hija suffiċjenti sabiex id-dħul minn din it-taxxa jitqies li huwa riżorsa tal-Istat, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Istat jimpenja ruħu li jikkumpensa t-telf iġġenerat min-nuqqas ta’ ħlas ta’ din is-sovrataxxa, b’mod partikolari fil-każ ta’ djun irrekuperabbli.

102.

Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-argumenti bbażati fuq l-assenza ta’ rimbors sħiħ tat-telf ta’ dħul u spejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

103.

Fil-fehma tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni sensiela ta’ argumenti mressqa mill-Ġermanja u l-kumpanniji Infineon għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi jew infondati.

3.   It‑tielet sensiela ta’ argumenti mressqa mill‑Ġermanja u mill‑kumpanniji Infineon (l‑eżistenza ta’ kontroll mill‑Istat fuq ir‑riżorsi ġġenerati mis‑sovrataxxa inkwistjoni)

a)   Argumenti prinċipali tal‑partijiet

104.

Il-Ġermanja ssostni, essenzjalment, li l-punti 63 sa 65 u 77 tas-sentenza appellata jikkontradixxu l-punti 99 sa 100 ta’ din is-sentenza. Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fattur determinanti huwa l-kontroll u s-setgħa ta’ dispożizzjoni fuq il-fondi kkonċernati. Hija ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li r-relazzjoni ta’ bejn il-fornitur u l-konsumatur finali tal-elettriku ma kinitx determinanti sabiex jiġi konkluż in casu li kien hemm tariffa obbligatorja, minħabba li s-sovrataxxa inkwistjoni ma hijiex imposta fuq il-konsum tal-elettriku iżda fuq l-użu tan-network.

105.

Il-kumpanniji Infineon isostnu, essenzjalment, li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li jeżisti kontroll mill-Istat fuq il-fondi ġġenerati mis-sovrataxxa inkwistjoni. L-appellanti jsostnu li l-Istat ma kellu ebda setgħa diretta jew indiretta li jiddisponi mill-ammonti rċevuti, iżda llimita ruħu li jissorvelja l-użu tajjeb ta’ din is-sovrataxxa. Billi ddeċidiet, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-kriterju ta’ “riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE kien issodisfatt, il-Qorti Ġenerali injorat il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

b)   Evalwazzjoni

106.

Fid-dawl tan-natura alternattiva taż-żewġ kriterji msemmija fl-evalwazzjoni tiegħi iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ taxxa hija diġà suffiċjenti sabiex tiġi rrikonoxxuta n-natura Statali tar-riżorsi. Peress li l-kriterju ta’ “taxxa” huwa ssodisfatt fil-kawża ineżami u peress li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward hija korretta, it-tielet sensiela ta’ argumenti fl-appelli ineżami hija ineffettiva u ma għadux neċessarju li tiġi eżaminata.

107.

Għaldaqstant, huwa biss għal finijiet ta’ kompletezza li ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

108.

Minkejja l-fatt li l-kriterju ta’ “taxxa” huwa ssodisfatt u li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali – u issa fl-appell, dik tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieqaf f’dan l-istadju – jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kriterju tal-“kontroll mill-Istat” għandha wkoll tiġi kkonfermata fil-kawża ineżami.

109.

L-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-eżenzjoni tat-tariffi tan-network għal ċerti konsumaturi ġew ittrasferiti fuq il-konsumaturi finali, skont id-dispożizzjonijiet vinkolanti tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat ( 27 ). Barra minn hekk, il-mekkaniżmu tas-sovrataxxa inkwistjoni kien jiżgura li l-operaturi tan-network jiġu kkumpensati kompletament għat-telf ta’ dħul, peress li l-ammont ta’ din is-sovrataxxa kien adattat għal dak tar-riżorsi meħtieġa minħabba l-eżenzjoni inkwistjoni ( 28 ).

110.

Fir-rigward tal-argument tal-kumpanniji Infineon li l-ammont ta’ din is-sovrataxxa ma kienx stabbilit mill-Istat, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku ma kellhom ebda marġni ta’ manuvra sabiex jiddeterminaw din it-tariffa u li, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 99 tas-sentenza appellata, kien jeżisti kontroll mill-Istat fuq il-fondi, jiġifieri, fuq il-mekkaniżmu kollu ta’ ġbir u ta’ tqassim tas-sovrataxxa inkwistjoni.

111.

Il-Ġermanja u l-kumpanniji Infineon, li jfittxu li jinvokaw is-sentenza EEG 2012, isostnu li t-tqassim esklużiv tar-riżorsi ġġenerati mis-sovrataxxa inkwistjoni jipprekludi l-kontroll mill-Istat. Madankollu, kif tispjega ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 109 u 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza ma qalbitx il-ġurisprudenza stabbilita tagħha – li barra minn hekk, ġiet ikkonfermata minn ġurisprudenza iktar reċenti ( 29 ) – iżda sempliċement illimitat ruħha li tiddikjara li, fl-assenza ta’ fatturi oħra, dan il-fattur ma kienx minnu nnifsu determinanti sabiex tintwera l-eżistenza ta’ tali kontroll. Fil-fatt, fil-kawżi ineżami, il-Qorti Ġenerali identifikat fattur ieħor ta’ dan it-tip: l-eżistenza ta’ taxxa.

112.

L-argument li ma hemm l-ebda kontroll mill-Istat fuq il-mekkaniżmu komplet ta’ ġbir tas-sovrataxxa inkwistjoni huwa kontradett mill-fatt li teżisti rabta kawżali vinkolanti bejn, minn naħa, is-sovrataxxa inkwistjoni (bħala taxxa parafiskali) u, min-naħa l-oħra, l-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ eżenzjoni mit-tariffi tan-network. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkun hemm rabta bħal din bejn il-miżura ta’ għajnuna u l-finanzjament tagħha, jirriżulta awtomatikament mill-eżistenza ta’ taxxa, li sservi biex tiffinanzja l-għajnuna f’proporzjon definit b’mod xieraq, li l-għajnuna tingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat (jiġifieri, ir-rikavat tat-taxxa) ( 30 ).

113.

Finalment, nirrileva li r-regoli li jirregolaw is-sovrataxxa inkwistjoni fil-kawżi ineżami jidhru li huma iktar stretti mill-imposta inkwistjoni fis-sentenza EEG 2012, peress li din is-sovrataxxa hija bbażata fuq dispożizzjonijiet legali vinkolanti b’kuntrast ma’ deċiżjoni kummerċjali/volontarja tal-operaturi tan-network f’din il-kawża.

114.

Minn dan isegwi li t-tielet sensiela ta’ argumenti mressqa mill-Ġermanja u l-kumpanniji Infineon għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda bħala ineffettiva u, fi kwalunkwe każ, infondata.

115.

Għaldaqstant, l-aggravju uniku mqajjem mill-Ġermanja u l-ewwel u t-tieni aggravju tal-kumpanniji Infineon, sa fejn jikkonċernaw il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

III. Konklużjoni

116.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha: (i) tiċħad l-ewwel aggravju tal-appelli inċidentali tal-Kummissjoni Ewropea; u (ii) tiċħad l-aggravju uniku mqajjem mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-ewwel u t-tieni aggravju tal-kumpanniji Infineon, sa fejn dawn jikkonċernaw il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Dawn huma t-tliet ġabriet segwenti ta’ Kawżi magħquda: (i) C‑790/21 P u C‑791/21 P, (ii) C‑792/21 P u C‑793/21 P, u (iii) C‑795/21 P u C‑796/21 P. Fil-fatt, sa 37 konsumatur tal-elettriku, bħal dawk inkwistjoni fl-appelli ineżami, ippreżentaw rikorsi simili quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Il-kawżi li taw lok għall-erba’ sentenzi appellati tal-Qorti Ġenerali fil-kawżi paralleli ġew indikati bħala “kawżi piloti” mill-Qorti Ġenerali.

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/56 tat‑28 ta’ Mejju 2018 dwar skema ta’ għajnuna SA.34045 (2013/c) (ex 2012/NN) (notifikata bid-dokument C(2018) 3166) (ĠU 2019, L 14, p. 1). “StromNEV” fl-isem ta’ din id-deċiżjoni jirreferi għal Stromnetzentgeltverordnung (id-Digriet Federali dwar it-Tariffi tan-Network tal-Elettriku).

( 4 ) Ara l-punti 8 sa 12 tal-konklużjonijiet paralleli. Essenzjalment, l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni kienu jiġbru mingħand il-konsumaturi finali sovrataxxa, li l-ammont tagħha ġie trażmess għal fuq l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni sabiex jiġu kkumpensati għat-telf ta’ dħul ikkawżat mill-eżenzjoni. Din l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħlas tat-tariffi tan-network kienet tapplika għall-konsumaturi ta’ karga bażika (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni inkwistjoni”).

( 5 ) Sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021 (C‑850/19 P, EU:C:2021:740, iktar ’il quddiem is-“sentenza FVE Holýšov I”).

( 6 ) Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019 (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, iktar ’il quddiem is-“sentenza EEG 2012”).

( 7 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001 (C‑379/98, EU:C:2001:160, iktar ’il quddiem is-“sentenza PreussenElektra”)

( 8 ) Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenzi EEG 2012, punt 72; tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punti 64 sa 66); tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413, iktar ’il quddiem is-“sentenza Essent Netwerk Noord”, punt 66); tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 30 (il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel kriterju, l-eżistenza ta’ taxxa, iżda tipproċedi għal eżami tat-tieni kriterju, il-ġestjoni mill-Istat tal-użu tal-fondi (punt 31) u t-tielet kriterju, il-kontroll mill-Istat fuq l-entitajiet li jamministraw il-fondi (punti 34 u 35); u FVE Holýšov I (punt 46).

( 9 ) Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, iktar ’il quddiem is-“sentenza DOBELES HES”).

( 10 ) Il-Ġermanja tinjora l-iskema preċiża tat-Trattati. L-Artikolu 30 TFUE huwa stabbilit taħt il-Kapitolu 1 tat-Titolu II, u huwa intitolat “Unjoni Doganali”; l-Artikolu 110 TFUE huwa stabbilit taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu VII, u huwa intitolat “Dispożizzjonijiet Fiskali”. Dawn jinkludu projbizzjoni assoluta ta’ diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward huma differenti mill-Artikolu 34 TFUE, li jinsab taħt il-Kapitolu 3 tat-Titolu II, intitolat “Projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi bejn Stati Membri”, li jirregola l-moviment liberu tal-merkanzija u li, b’differenza mill-Artikoli 30 u 110 TFUE, jipprevedi fl-istess ħin il-possibbiltà li restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija jkunu ġġustifikati.

( 11 ) Ara d-digriet tat‑22 ta’ Ottubru 2014, Elcogás (C‑275/13, EU:C:2014:2314, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs TV2/Danmark (C‑656/15 P, EU:C:2017:836, punt 48).

( 12 ) Ara l-punt 28 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) B’mod partikolari, is-sentenza Essent Netwerk Noord (punt 49).

( 14 ) Ibid.

( 15 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 69)

( 16 ) Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2005 (C‑172/03, EU:C:2005:130, punt 38).

( 17 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013 (C‑77/12 P, EU:C:2013:695, punti 65 u 66)

( 18 ) Skont id-Dokument tal-Bundestag (il-Parlament Federali Ġermaniż) 18/8915 tat‑22 ta’ Ġunju 2016, p. 39, “id-dispożizzjonijiet tal-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 il-ġdid u l-punt 5 tat-tieni sentenza tal-EnWG għandhom jidħlu fis-seħħ retroattivament mill‑1 ta’ Jannar 2012 skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9 il-ġdid tal-EnWG. Għaldaqstant l-emendi japplikaw ukoll, retroattivament, għal fait accompli u li jappartjenu għall-passat, jiġifieri l-ġabra tas-sovrataxxa [inkwistjoni] fir-rigward tal-konsum finali tal-elettriku. […] L-effett retroattiv previst fl-Artikolu 9 il-ġdid huwa neċessarju wkoll sabiex tiġi ċċarata sitwazzjoni legalment ambigwa. […] L-annullament jirriżulta wkoll f’kumpensazzjonijiet ta’ ħlas reċiproċi kumplessi, mingħajr aspettattiva leġittima min-naħa tad-debituri preċedenti tas-sovrataxxa”.

( 19 ) Sentenza Essent Netwerk Noord (punt 66).

( 20 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċita, f’dan is-sens, is-sentenza Essent Netwerk Noord (punti 47 u 66).

( 21 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, QuaMa Quality Management vs EUIPO, C‑139/17 P, EU:C:2018:608, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 22 ) Sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs OHIM (C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 53).

( 23 ) Meta l-awtorità regolatorja tobbliga entità suġġetta għar-regolament sabiex tiġbor taxxa, din simultanjament tobbliga lid-debitur tat-taxxa sabiex iħallasha. Inkella, din l-entità ma tkunx tista’ tissodisfa l-obbligu tagħha impost mill-awtorità.

( 24 ) L-Artikoli 29 u 54 tal-Energiewirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Provvista tal-Enerġija), kif emendata mill-Gesetz zur Neuregelung energiewirtschaftlicher Vorschriften (il-Liġi dwar ir-Reviżjoni tar-Regolamenti dwar l-Industrija tal-Enerġija), tas‑26 ta’ Lulju 2011, BGBl. 2011 I, p. 1554. Ara d-deċiżjoni kontenzjuża (premessa 123).

( 25 ) Ir-Regolament StromNEV, Stromnetzentgeltverordnung (ir-Regolament Federali dwar it-Tariffi tan-Network tal-Elettriku), tal‑25 ta’ Lulju 2005, kif emendat bl-Energiewirtschaftsgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Provvista tal-Enerġija), kif emendata bil-Gesetz zur Neuregelung energiewirtschaftlicher Vorschriften (il-Liġi dwar ir-Reviżjoni tar-Regolamenti dwar l-Industrija tal-Enerġija), tas‑26 ta’ Lulju 2011, BGBl. 2011 I, p. 1554.

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 91 sa 97 tas-sentenza appellata.

( 27 ) Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 87 sa 90 tas-sentenza appellata.

( 28 ) Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 91 sa 92 tas-sentenza appellata.

( 29 ) Ara s-sentenzi Essent Netwerk Noord (punt 69); tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 66); u EEG 2012 (punt 76). Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑251/11 (EU:T:2014:1060, punt 70).

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest (C‑174/02, EU:C:2005:10, punt 26); tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et (C‑266/04 sa C‑270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, EU:C:2005:657, punt 40); u Essent Netwerk Noord (punt 90).