DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

31 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Risposta li tista’ tiġi dedotta kjarament mill-ġurisprudenza – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 108 TFUE – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tordna l-irkupru tal-għajnuna illegali – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 16(3) – Artikolu 17(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu ta’ dekadenza inferjuri għat-terminu ta’ preskrizzjoni previst mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑24/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Funchal (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Funchal, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Jannar 2025, fil-proċedura

Mission – Trading, Gestão e Serviços, Unipessoal, Lda (Zona Franca da Madeira)

vs

Autoridade Tributária e Assuntos Fiscais da Região Autónoma da Madeira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Schalin, President tal-Awla, M. Gavalec u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), u tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1414 tal‑4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex 2018/NN) implimentata mill-Portugall għal Zona Franca da Madeira (ZFM) – Reġim III (ĠU 2022, L 217, p. 49).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Mission – Trading, Gestão e Serviços, Unipessoal, Lda (Zona Franca da Madeira) (iktar ’il quddiem “Mission – Trading”) u l-Autoridade Tributária e Assuntos Fiscais da Região Autónoma da Madeira (l-Awtorità tat-Taxxa u tal-Affarijiet Fiskali tar-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira, il-Portugall, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni tat-taxxa”) dwar proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa mibdija minn din tal-aħħar kontra Mission – Trading, bl-għan li tiġi rkuprata l-għajnuna mill-Istat li kienet ingħatat illegalment lil Mission – Trading.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament 2015/1589

3

L-Artikolu 16 tar-Regolament 2015/1589, intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni skont l-Artikolu 278 [TFUE], irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ssir b’mod immedjat u effettiv. Għal dan il-għan u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri provviżorji, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni.”

4

L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Perjodu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru tal-għajnuna”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-setgħat tal-Kummissjoni biex tirkupra l-għajnuna għandhom ikunu suġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin.”

Id-Deċiżjoni 2022/1414

5

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2022/1414 huwa fformulat kif ġej:

“L-iskema ta’ għajnuna ‘Zona Franca da Madeira (ZFM) – Reġim III’, sal-punt li ġiet implimentata mill-Portugall bi ksur tad-[Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)3037 final, tas‑27 ta’ Ġunju 2007, fil-Każ N 421/2006] u tad-[Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013)4043 final, tat‑2 ta’ Lulju 2013, fil-Każ SA.34160 (2011/N)] ġiet implimentata illegalment mill-Portugall bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE] u hija inkompatibbli mas-suq intern.”

6

L-Artikolu 4(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

“Il-Portugall għandu jirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji.”

7

Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni:

“1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Portugall għandu jiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien tmien xhur wara d-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.”

Id-dritt Portugiż

Il-Kodiċi tal-Proċedura u tal-Kontenzjuż Fiskali

8

Il-Código de Procedimento e de Processo Tributário (il-Kodiċi tal-Proċedura u tal-Kontenzjuż Fiskali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jinkludi Artikolu 204 intitolat “Raġunijiet għall-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni” u li l-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“L-oppożizzjoni tista’ tkun ibbażata biss fuq waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

[…]

(d)

il-preskrizzjoni tad-dejn li huwa s-suġġett tal-eżekuzzjoni;

[…]

Il-Liġi tat-Taxxa Ġenerali

9

Il-Lei Geral Tributária (il-Liġi tat-Taxxa Ġenerali), adottata mid-Decreto-Lei Nru 398/98 (id-Digriet-Liġi Nru 398/98), tas‑17 ta’ Diċembru 1998 (Diário da República, I, serje-A, Nru 290, tas‑17 ta’ Diċembru 1998), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, tinkludi Artikolu 45 intitolat “Dekadenza tad-dritt għal stralċ” u fformulat kif ġej:

“1.   Id-dritt għal stralċ [jintemm] jekk l-istralċ ma jkunx ġie nnotifikat b’mod validu lill-persuna taxxabbli f’terminu ta’ erba’ snin, meta l-liġi ma tistabbilixxix terminu ieħor.

2.   Fil-każ ta’ żball manifest fid-dikjarazzjoni tal-persuna taxxabbli, it-terminu ta’ dekadenza msemmi fil-paragrafu preċedenti huwa ta’ tliet snin.

3.   Fil-każ ta’ tnaqqis jew ta’ kreditu ta’ taxxa, it-terminu ta’ dekadenza huwa dak tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

4.   It-terminu ta’ dekadenza jibda jiddekorri, għat-taxxi perijodiċi, mit-tmiem tas-sena tat-twettiq tal-fatt taxxabbli u, għat-taxxi b’pagament uniku, mid-data tat-twettiq tal-fatt taxxabbli, ħlief għat-taxxa fuq il-valur miżjud u t-taxxa fuq id-dħul meta t-taxxa titwettaq permezz ta’ taxxa f’ras l-għajn b’mod definittiv, f’liema każ il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu huwa stabbilit fil-bidu tas-sena kalendarja ta’ wara s-sena li matulha t-taxxa tkun saret eżiġibbli jew il-fatt taxxabbli jkun seħħ.

[…]

7.   It-terminu msemmi fil-paragrafu 1 huwa ta’ tnax-il sena meta d-dritt għal stralċ jirrigwarda fatti tat-taxxa marbuta ma’:

(a)

pajjiż, territorju jew reġjun suġġett għal sistema tat-taxxa nettament iktar favorevoli, li tinsab f’lista approvata permezz ta’ digriet tal-Ministru tal-Finanzi, li għandha tiġi ddikjarata lill-amministrazzjoni tat-taxxa iżda li ma hijiex; jew

(b)

kontijiet ta’ depożitu jew ta’ titoli miftuħa ma’ istituzzjonijiet finanzjarji li ma humiex residenti fi Stati Membri tal-Unjoni jew ma’ fergħat ta’ istituzzjonijiet finanzjarji residenti li jinsabu barra mill-Unjoni, li l-eżistenza u l-identifikazzjoni tagħhom ma humiex imsemmija mill-persuni taxxabbli għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi fid-dikjarazzjoni tad-dħul korrispondenti tas-sena li matulha jseħħu l-fatti taxxabbli.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Wara d-Deċiżjoni 2022/1414, l-amministrazzjoni tat-taxxa bdiet proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa fir-rigward ta’ Mission – Trading, bl-għan tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat li kienet ingħatat lil din il-kumpannija fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna “Zona Franca da Madeira (ZFM) – Reġim III” fil-forma ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji għas-sena fiskali 2015.

11

Mission – Trading adixxiet lit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Funchal (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Funchal, il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju, b’oppożizzjoni għal din il-proċedura, fejn talbet l-għeluq tagħha.

12

Insostenn għall-oppożizzjoni tagħha, Mission – Trading issostni b’mod partikolari li l-amministrazzjoni tat-taxxa ma hijiex fondata li titlobha l-ħlas tad-dejn tat-taxxa li huwa s-suġġett tal-imsemmija proċedura minħabba li l-istralċ ta’ din it-taxxa ma ġietx innotifikata lilha fit-terminu ta’ dekadenza previst fl-Artikolu 45 tal-Liġi tat-Taxxa Ġenerali.

13

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ dan l-Artikolu 45 mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament 2015/1589 u mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2022/1414.

14

Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li d-dritt Portugiż ma jipprevedi ebda sistema speċifika li tikkonċerna t-terminu ta’ dekadenza fil-każ ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat. Fl-assenza ta’ regola tad-dritt nazzjonali li teskludi l-applikazzjoni tat-termini ġenerali, l-Artikolu 45 tal-Liġi tat-Taxxa Ġenerali jkun applikabbli. Min-naħa l-oħra, hija tirrileva li, f’dan il-każ, id-Deċiżjoni 2022/1414 ġiet adottata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza previst mid-dritt nazzjonali.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi it-Tribunal Administrativo e Fiscal do Funchal (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Funchal) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-espressjoni ‘[l]-irkupru […] għandu jkun immedjat u effettiv’, li tinsab fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni [2022/1414], kif ukoll l-espressjoni ‘irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ssir b’mod immedjat u effettiv’, li tinsab fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament [2015/1589], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali (b’mod partikolari l-Artikolu 45 tal-[Liġi tat-Taxxa Ġenerali]) li jipprevedu d-dekadenza tad-dritt għall-istralċ mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fih għal dan l-għan?”

Fuq id-domanda preliminari

16

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat meta r-risposta għal domanda preliminari magħmula tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza.

17

Għandu jitfakkar ukoll li l-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex is-setgħa li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, iżda biss li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 201 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, konformement mal-punt 11 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali dwar it-tressiq ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU C, C/2024/6008), huma l-qrati nazzjonali li għandhom jisiltu fil-kawża pendenti quddiemhom il-konsegwenzi konkreti tal-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Roche Lietuva, C‑413/17, EU:C:2018:865, punt 43).

18

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mis-sentenzi tat‑30 ta’ April 2020, Nelson Antunes da Cunha (C‑627/18, EU:C:2020:321) u tal‑14 ta’ Diċembru 2023, I (Rimbors ta’ kontribuzzjonijiet) (C‑655/22, EU:C:2023:993). Għaldaqstant hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura f’din il-kawża.

19

Kif jirriżulta mill-punt 17 ta’ dan id-digriet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi konkreti, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, tal-elementi ta’ interpretazzjoni li jirriżultaw minn dik il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

20

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(3) tar-Regolament 2015/1589, sa fejn jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ dekadenza nazzjonali għall-irkupru ta’ għajnuna meta dan it-terminu jkun skada saħansitra qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din l-għajnuna illegali u li tordna l-irkupru tagħha.

21

Fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali ta’ preskrizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari, fil-punti 41, 44 u 46 tas-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Nelson Antunes da Cunha (C‑627/18, EU:C:2020:321):

“41

[…] [G]ħalkemm ir-regoli nazzjonali dwar il-preskrizzjoni huma, bħala prinċipju, applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna mogħtija illegalment, dawn ir-regoli għandhom, madankollu, jiġu applikati b’mod li ma jirrendux prattikament impossibbli l-irkupru meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni u billi jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-interess tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑404/00, EU:C:2003:373, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

[…]

44

[…] [M]inn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-termini ta’ preskrizzjoni jissodisfaw, b’mod ġenerali, il-funzjoni li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali (sentenza tal‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo,C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

[…]

46

[…] [H]ija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, fid-dawl tan-natura mandatorja tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat imwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE, minn naħa, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi li l-għajnuna hija regolari biss jekk din tkun ingħatat skont il-proċedura prevista f’dan l-artikolu u, min-naħa l-oħra, operatur ekonomiku u diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li din il-proċedura ġiet osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi eżegwita mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li din tkun illegali skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dan il-mument, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti ta’ din tal-aħħar (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar,C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). […] [L]-istess japplika kemm fil-każ ta’ għajnuna individwali kif ukoll f’dak ta’ għajnuna mogħtija taħt skema ta’ għajnuna.”

22

Fir-rigward tat-termini ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza kif ukoll fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, iddeċidiet, fil-punt 44 tas-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, I (Rimbors ta’ kontribuzzjonijiet) (C‑655/22, EU:C:2023:993):

“F’dak li jirrigwarda […] l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-iffissar ta’ termini raġonevoli ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza jissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżit ta’ effettività, inkwantu jikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali li jipproteġi kemm lill-persuna kkonċernata kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata, anki jekk l-iskadenza ta’ tali termini tista’, min-natura tagħha, tipprekludi lill-persuni kkonċernati milli jinvokaw id-drittijiet tagħhom kompletament jew parzjalment (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Cargill Deutschland,C‑360/18, EU:C:2019:1124, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).”

23

Fil-każ fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni, previst mid-dritt nazzjonali u applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna mħallsa indebitament, ikun skada saħansitra qabel l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni li tiddikjara għajnuna inkompatibbli u li teżiġi l-irkupru tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament, kif jirriżulta mill-punti 46, 50 sa 52, 60 u 61 tas-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Nelson Antunes da Cunha (C‑627/18, EU:C:2020:321), li:

“46

Jeħtieġ jitfakkar ukoll li hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, fid-dawl tan-natura mandatorja tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat imwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE, minn naħa, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi li l-għajnuna hija regolari biss jekk din tkun ingħatat skont il-proċedura prevista f’dan l-artikolu u, min-naħa l-oħra, operatur ekonomiku u diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li din il-proċedura ġiet osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi eżegwita mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li din tkun illegali skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dan il-mument, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti ta’ din tal-aħħar (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar,C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). […] [L]-istess japplika kemm fil-każ ta’ għajnuna individwali kif ukoll f’dak ta’ għajnuna mogħtija taħt skema ta’ għajnuna.

[…]

50

[…] [I]l-Kummissjoni tista’ dejjem, fit-terminu ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589, titlob l-irkupru ta’ għajnuna illegali, u dan minkejja l-iskadenza eventwali tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikat fil-proċedura nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar,C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 114).

51

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, Nelson Antunes da Cunha ma tistax f’dan il-każ validament tinvoka aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna inkwistjoni, peress li din ġiet implementata mir-Repubblika Portugiża mingħajr notifika minn qabel ta’ din lill-Kummissjoni.

52

Terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali, applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata, li skada anki qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni, għandu għalhekk jitħalla mhux applikat mill-qorti tar-rinviju.

[…]

60

F’tali ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li t-termini ta’ preskrizzjoni huma intiżi li jiggarantixxu, ma jistax jostakola l-irkupru ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern […]

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(2) tar-Regolament 2015/1589, li jipprovdi li l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata tinkludi interessi, u l-prinċipju ta’ effettività, imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni nazzjonali għall-irkupru ta’ għajnuna meta dan it-terminu jkun skada qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din l-għajnuna illegali u li tordna l-irkupru tagħha […]”

24

F’dan il-każ, mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2022/1414 jirriżulta li l-iskema ta’ għajnuna “Zona Franca da Madeira (ZFM) – Reġim III”, sal-punt li ġiet implimentata mill-Portugall bi ksur tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)3037 final, tas‑27 ta’ Ġunju 2007, fil-Każ N 421/2006 u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013)4043 final, tat‑2 ta’ Lulju 2013, fil-Każ SA.34160 (2011/N), ġiet implimentata illegalment mill-Portugall bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

25

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li t-terminu ta’ dekadenza nazzjonali, li japplika għall-proċedura ta’ rkupru tas-somom li tħallsu illegalment lil Mission – Trading abbażi ta’ din l-iskema ta’ għajnuna, skada qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2022/1414.

26

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif imfakkra f’dan id-digriet, jirriżulta li, minkejja l-iskadenza ta’ tali terminu ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza previst mid-dritt nazzjonali, il-Kummissjoni tista’ dejjem, fit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589, titlob l-irkupru ta’ għajnuna illegali.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 16(3) tar-Regolament 2015/1589, sa fejn jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ dekadenza nazzjonali għall-irkupru ta’ għajnuna meta dan it-terminu jkun skada saħansitra qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din l-għajnuna illegali u li tordna l-irkupru tagħha.

Fuq l-ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE], sa fejn jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ dekadenza nazzjonali għall-irkupru ta’ għajnuna meta dan it-terminu skada anki qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din l-għajnuna illegali u li tordna l-irkupru tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.