|
28.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 250/17 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1662
tas-26 ta’ Settembru 2022
li tawtorizza lill-Portugall japplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt tal-gass u l-petrol bla ċomb użati bħala fjuwils tal-magni, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Permezz ta’ ittra datata t-2 ta’ Mejju 2022, il-Portugall talab awtorizzazzjoni biex japplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt tal-gass u l-petrol bla ċomb użati bħala fjuwils tal-magni skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, li jistgħu jaqgħu taħt il-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva. Aktar informazzjoni u kjarifiki b’appoġġ għat-talba ġew ipprovduti mill-awtoritajiet Portugiżi fil-11 u fit-23 ta’ Mejju 2022, kif ukoll fit-8 ta’ Ġunju 2022. Intalabli l-awtorizzazzjoni tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2022. |
|
(2) |
Skont l-awtoritajiet Portugiżi, l-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa mnaqqsa għandha l-għan li timmitiga l-impatti soċjali u ekonomiċi tl- prezzijiet bl-imnut għoljin tal-fjuwils li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ġeopolitika, u li jaffettwaw direttament kemm lill-unitajiet domestiċi kif ukoll lill-kumpaniji. Dik il-miżura għandha l-għan li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ kuljum assoċjati mal-konsum tal-fjuwils tal-magni billi tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impatt taż-żieda fil-prezzijiet bl-imnut. |
|
(3) |
L-awtorizzazzjoni mitluba x’aktarx li ma xxekkilx il-kompetizzjoni jew tfixkel il-funzjonament xieraq tas-suq intern. Minħabba d-durata qasira tagħha u ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali relatati mas-sitwazzjoni ġeopolitika flimkien ma’ prezzijiet tas-suq eċċezzjonalment għoljin taż-żejt mhux maħdum, l-awtorizzazzjoni mitluba titqies bħala adegwata u proporzjonata. L-awtorizzazzjoni ssib bilanċ bejn l-objettivi ta’ politika speċifiċi msemmija fl-Artikolu 19(1), it-tielet paragrafu, tad-Direttiva 2003/96/KE, b’mod partikolari l-politika ambjentali tal-Unjoni, u l-emerġenza imperattiva li tiġi żgurata l-affordabbiltà tal-enerġija għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi. It-tnaqqis fit-taxxa jikkumpensa parzjalment iż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija u mhuwiex kumulattiv ma’ xi tip ieħor ta’ tnaqqis fit-taxxa. |
|
(4) |
Il-Portugall jenħtieġ li għalhekk jiġi awtorizzat japplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt tal-gass u l-petrol bla ċomb użati bħala fjuwils tal-magni, kif mitlub. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dik id-dispożizzjoni għandu jkollha żmien strettament limitat. Madankollu, biex ma jiddgħajfux l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li jiġi stabbilit li, f’każ li l-Kunsill, li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li għalihom ma tiġix adattata din l-awtorizzazzjoni, jenħtieġ li din l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali modifikata ssir applikabbli. |
|
(6) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Portugall huwa awtorizzat japplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt tal-gass u l-petrol bla ċomb użati bħala fjuwils tal-magni, taħt il-livelli minimi rilevanti ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96/KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2022.
Madankollu, f’każ li l-Kunsill, li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li għalihom l-awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni ma tiġix adattata, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali modifikata ssir. applikabbli.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Portugall.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
Z. NEKULA