Brussell, 16.7.2021

COM(2021) 388 final

2021/0208(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin f’Materji Ċivili jew Kummerċjali

{SEC(2021) 279 final} - {SWD(2021) 192 final} - {SWD(2021) 193 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Bħalissa, iċ-ċittadini u n-negozji tal-UE li jixtiequ li sentenza mogħtija fl-UE tiġi rikonoxxuta u eżegwita f’pajjiż mhux tal-UE qed iħabbtu wiċċhom ma’ xenarju legali mifrux minħabba n-nuqqas ta’ qafas internazzjonali komprensiv għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin f’materji ċivili u kummerċjali. Dan ifisser li l-kredituri tas-sentenza jridu jinnavigaw f’taħlita ta’ liġijiet nazzjonali ta’ pajjiżi mhux tal-UE dwar l-aċċettazzjoni ta’ sentenzi barranin, kif ukoll fit-trattati bilaterali, reġjonali u multilaterali fis-seħħ. Għalhekk, biex ikollhom l-opportunità li s-sentenza tagħhom tiġi eżegwita, dawk involuti f’litigazzjoni internazzjonali jridu jinvestu riżorsi, ħin u ħafna drabi esperti esterni biex iħejju strateġija robusta ta’ litigazzjoni. Din il-kumplessità, kif ukoll l-ispejjeż assoċjati u l-inċertezza tad-dritt, huma fatturi skoraġġanti li jistgħu jwasslu biex in-negozji u ċ-ċittadini jew jevitaw il-litigazzjoni bil-qorti u jfittxu forom oħra ta’ soluzzjoni għat-tilwim, jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet tagħhom, jew jiddeċiedu li ma jinvolvu ruħhom xejn f’negozjati internazzjonali. Dan, min-naħa tiegħu, jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-rieda tan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet internazzjonali kummerċjali u ta’ investiment. Barra minn hekk, minħabba li l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-UE f’pajjiżi li mhumiex tal-UE huwa inċert, id-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja tan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE huwa mxekkel.

It-tkabbir fil-kummerċ internazzjonali u l-flussi tal-investiment iżidu dawn ir-riskji legali għan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE iżda din is-sitwazzjoni tista’ tiġi indirizzata permezz ta’ sistema prevedibbli ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni transfruntieri ta’ sentenzi ċivili jew kummerċjali. Madankollu, sa ftit ilu, fil-livell internazzjonali, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin f’materji ċivili u kummerċjali ma kinux regolati b’mod komprensiv, minkejja li jeżistu xi ftehimiet bilaterali jew multilaterali b’kamp ta’ applikazzjoni limitat. Din is-sitwazzjoni nbidlet bl-adozzjoni tal-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin f’Materji Ċivili jew Kummerċjali (il-“Konvenzjoni dwar is-Sentenzi”) 1 f’Lulju 2019 .

Il-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi, adottata taħt l-awspiċi tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (“HCCH”), għandha l-potenzjal li ttejjeb is-sistema attwali taċ-ċirkolazzjoni ta’ sentenzi barranin. Il-Konvenzjoni għandha l-għan li tippromwovi aċċess effettiv għall-ġustizzja għal kulħadd u li tiffaċilita l-kummerċ u l-investiment multilaterali bbażati fuq ir-regoli, u l-mobilità, permezz ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja 2 .

L-UE minn dejjem kienet favur il-ħolqien ta’ sistema multilaterali għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili jew kummerċjali u għalhekk kienet involuta b’mod attiv fil-proċess tan-negozjati tal-Konvenzjoni bil-ħsieb tal-adeżjoni possibbli tagħha ma’ din is-sistema internazzjonali futura. Abbażi tal-mandat li l-Kunsill ta lill-Kummissjoni Ewropea f’Mejju 2016 3 , il-Kummissjoni rrappreżentat l-interessi tal-Unjoni matul il-proċess tan-negozjati fl-HCCH.

In-negozjati tal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi ġew konklużi f’Lulju 2019 u l-Konvenzjoni bħalissa hija miftuħa għall-iffirmar, ir-ratifika, jew l-adeżjoni. Jekk l-Unjoni Ewropea taderixxi mal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi kif proposta mill-Kummissjoni, il-Konvenzjoni tkun tapplika għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi deħlin u ħerġin fost l-Istati Membri tal-UE u l-Istati Kontraenti l-oħrajn tal-Konvenzjoni.

Din il-proposta hija konformi mal-objettivi tal-Kummissjoni stabbiliti fil-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea (2019-2024) 4 , b’mod partikolari relatati mal-prijorità “Spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea” 5 . Hija konformi mal-impenn tal-Unjoni għall-multilateraliżmu fir-relazzjonijiet internazzjonali u x’aktarx tinkoraġġixxi lil pajjiżi oħrajn u lis-sħab kummerċjali tal-UE biex jingħaqdu mal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi. L-adeżjoni tal-UE ma’ konvenzjoni multilaterali dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali tkun ukoll konformi mal-politika tal-Unjoni mmirata lejn iż-żieda tat-tkabbir fil-kummerċ internazzjonali u l-investiment barrani u l-mobbiltà taċ-ċittadini madwar id-dinja.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-UE għandha sistema żviluppata sew 6 ta’ rikonoxximent reċiproku u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali fost l-Istati Membri li ġiet stabbilita bħala komplement neċessarju għas-suq uniku tagħha. Madankollu, ir-Regolament Brussell Ia 7 ma japplikax għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija f’pajjiżi li mhumiex tal-UE.

Fil-livell internazzjonali, l-UE kkonkludiet konvenzjoni internazzjonali mal-Istati taż-ŻEE u l-Iżvizzera (il-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-2007 8 ). Barra minn hekk, l-ewwel tentattiv biex jiġi stabbilit qafas multilaterali għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi rriżulta fil-konklużjoni tal-Konvenzjoni tal-2005 dwar l-Għażla tal-Qorti 9 . Din il-konvenzjoni tiżgura r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’każijiet fejn il-partijiet ikunu qablu dwar il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni esklużiva biex tisma’ t-tilwima tagħhom. L-Unjoni rratifikat din il-Konvenzjoni fl-2015, li jfisser li issa hija parti mill-acquis tal-Unjoni.

Lil hinn mill-Konvenzjoni dwar l-Għażla tal-Qorti tal-2005, li għandha kamp ta’ applikazzjoni limitat biss, ma jeżisti l-ebda qafas multilaterali globali għaċ-ċirkolazzjoni tas-sentenzi.

Il-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi għalhekk tikkomplementa l-qafas legali eżistenti fl-Unjoni, filwaqt li tiżgura ċ-ċirkolazzjoni ta’ sentenzi barranin lil hinn mis-sistema eżistenti applikabbli fost l-Istati tal-UE u taż-ŻEE u l-Iżvizzera.

L-acquis intern tal-UE ma jkunx alterat mill-Konvenzjoni fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni minħabba li ż-żewġ strumenti japplikaw f’kuntesti differenti 10 . Dan għaliex ir-Regolament Brussell Ia japplika għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi intra-UE, filwaqt li l-Konvenzjoni tapplika għal sentenzi li joriġinaw f’pajjiżi mhux tal-UE. Madankollu, hija meħtieġa dikjarazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-kisba tal-objettivi tal-politika tar-Regolament Brussell Ia ma tiġix affettwata mill-adeżjoni mal-Konvenzjoni. B’mod aktar speċifiku, f’każijiet li jinvolvu kirjiet kummerċjali, ir-Regolament Brussell Ia jagħti ġuriżdizzjoni esklużiva lill-qrati fl-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli. Il-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi ma tinkludix tali regoli ta’ ġuriżdizzjoni esklużiva għall-kirjiet kummerċjali. Għalhekk, skont il-Konvenzjoni, l-Istati Membri jkunu obbligati jirrikonoxxu u jeżegwixxu sentenzi ta’ pajjiżi terzi dwar kirjiet kummerċjali ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fit-territorju tagħhom. Dan jikkontradixxi l-għan tal-politika wara r-Regolament Brussell Ia li tiġi attribwita ġuriżdizzjoni esklużiva lill-qrati fl-UE għal tilwim relatat ma’ proprjetà immobbli li tinsab fl-UE.

Għalhekk, jenħtieġ li mal-adeżjoni ssir dikjarazzjoni mmirata li teskludi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi dwar kirjiet kummerċjali ta’ proprjetà immobbli li tinsab fl-UE. Din id-dikjarazzjoni limitata tiggarantixxi l-koerenza tal-Konvenzjoni mal-acquis tal-UE mingħajr ma tfixkel il-kisba sħiħa tal-objettivi ta’ politika kollha ta’ din il-proposta.

•Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Il-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi hija r-riżultat ta’ proċess gradwali li jiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni ta’ sentenzi madwar id-dinja. Hija tibni fuq il-Konvenzjoni dwar l-Għażla tal-Qorti tal-2005, li għandha l-għan li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sentenzi li jistgħu jiċċirkolaw fost l-Istati. Il-Konvenzjonijiet adottati taħt l-awspiċi tal-Konferenza tal-Aja għandhom l-għan li dan jagħmluh mingħajr ma jinterferixxu ma’ konvenzjonijiet speċjalizzati li jista’ jkun li jeżistu f’oqsma partikolari bħal kwistjonijiet marittimi u tat-trasport u lanqas ma jinterferixxu ma’ konvenzjonijiet bilaterali eżistenti.

Minħabba ż-żieda fiċ-ċertezza tad-dritt u t-tnaqqis fl-ispejjeż u t-tul tal-proċedimenti f’litigazzjoni internazzjonali, il-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi għandha l-potenzjal li tħeġġeġ lin-negozji u liċ-ċittadini tal-UE jinvolvu ruħhom f’negozjati internazzjonali, u b’hekk jiżdiedu l-volumi tal-kummerċ u l-investiment transfruntieri.

Fl-aħħar nett, l-adeżjoni mal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi hija konformi mal-impenn tal-Unjoni għall-multilateraliżmu u għal ordni globali bbażat fuq ir-regoli.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Il-kompetenza tal-Unjoni li tirregola kwistjonijiet ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin f’materji ċivili u kummerċjali hija bbażata fuq l-Artikolu 81(2), punt (a) TFUE.

F’konformità mal-Artikolu 3(2) TFUE l-Unjoni għandha l-kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni tal-UE jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. B’riżultat tal-adozzjoni tar-Regolament Brussell I, l-Unjoni kisbet tali kompetenza esterna esklużiva biex tirregola kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ pajjiżi terzi f’materji ċivili u kummerċjali 11 .

Il-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin b’hekk hija koperta minn din il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. L-Unjoni tista’ taderixxi magħha abbażi tal-Artikoli 81(2), punt (a) u 218(6), punt (a) TFUE.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux applikabbli

•Proporzjonalità

L-objettivi ta’ din il-proposta huma li jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja għall-partijiet tal-UE billi jiġu ffaċilitati r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija minn qrati fl-UE kull fejn ikollu beni d-debitur, tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt għan-negozji u ċ-ċittadini involuti f’negozjati internazzjonali u jitnaqqsu l-ispejjeż u t-tul tal-proċedimenti f’litigazzjonijiet ġudizzjarji transfruntieri. Fl-istess ħin, din il-proposta għandha l-għan li tippermetti r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ pajjiżi terzi fl-UE biss meta l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-UE jiġu rrispettati u l-acquis intern ma jiġix affettwat.

Dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu biss billi tinżamm sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni reċiproċi ta’ sentenzi fost l-Istati, bħal dik adottata fil-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi. Il-possibbiltà li jiġu nnegozjati konvenzjonijiet multilaterali jew bilaterali dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ma għadhiex disponibbli għall-Istati Membri minħabba li l-kompetenza esterna f’materji ta’ ġuriżdizzjoni internazzjonali u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali hija esklużivament tal-Unjoni Ewropea.

Azzjoni unilaterali fil-livell tal-UE ma tiksibx l-objettivi stabbiliti hawn fuq minħabba li ma tiffaċilitax ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi tal-UE f’pajjiżi li mhumiex tal-UE.

Fl-aħħar nett, l-adeżjoni ma’ qafas multilaterali eżistenti li l-UE għenet fin-negozjar tiegħu tkun aktar effiċjenti milli tidħol f’negozjati ma’ Stati mhux tal-UE f’livell bilaterali. Dan jiżgura qafas legali komuni biex jiġu ttrattati sentenzi ta’ pajjiżi terzi, jiġu minn fejn jiġu, skont kemm-il Stat jaderixxi mal-Konvenzjoni. Dan jiżgura wkoll qafas legali komuni wieħed għan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE li jixtiequ rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija mill-qrati fl-UE, f’pajjiżi li mhumiex tal-UE 12 .

•Għażla tal-istrument

Mhux applikabbli

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fil-qafas tal-valutazzjoni tal-alternattivi ta’ politika differenti relatati mal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi, il-Kummissjoni talbet l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati permezz ta’ konsultazzjoni pubblika miftuħa u workshop mal-Istati Membri 13 . Barra minn hekk, sar studju minn kuntrattur estern li wettaq ukoll għadd ta’ attivitajiet ta’ konsultazzjoni, bħal stħarriġ online, intervisti mmirati mal-partijiet ikkonċernati kif ukoll kwestjonarju mqassam lill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Dawn l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni wrew li l-adeżjoni mal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi kienet appoġġata kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-maġġoranza kbira tal-partijiet ikkonċernati (pereżempju l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja, in-negozji, l-organizzazzjonijiet professjonali tal-avukati u tal-uffiċjali ġudizzjarji, l-akkademiċi). Dwar il-possibbiltà li jsiru dikjarazzjonijiet 14 , l-Istati Membri opponew dikjarazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni u ma esprimewx fehmiet ċari dwar id-dikjarazzjonijiet skont l-Artikolu 18. Għadd żgħir biss ta’ partijiet ikkonċernati ffavorew l-adeżjoni b’dikjarazzjoni skont l-Artikolu 19 filwaqt li ma nstabet l-ebda tendenza ċara għad-dikjarazzjonijiet tal-Artikolu 18.

Il-kontribut minn dawn l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kien importanti ħafna biex jissawru l-fehmiet tal-Kummissjoni dwar l-aħjar approċċ li jrid jittieħed f’din il-proposta. B’riżultat ta’ hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi b’dikjarazzjoni limitata u mmirata li teskludi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni mill-qrati fl-UE ta’ sentenzi ta’ pajjiżi terzi li jkunu ddeċidew dwar kirjiet kummerċjali (lokazzjonijiet) ta’ proprjetà immobbli li tinsab fl-UE.

 

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Fil-proċess ta’ negozjar tal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi, il-Kummissjoni kkonsultat b’mod kostanti l-għarfien espert ipprovdut minn esperti mill-Istati Membri u bbażat fuqhom. Barra minn hekk, l-esperti mill-Istati Membri ġew ikkonsultati wkoll bħala parti mill-ħidma preparatorja għal din il-proposta.

Il-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq studju mwettaq minn kuntrattur estern sabiex tappoġġa l-analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt. Dan l-istudju 15 fih analiżi ekonomika u legali estensiva tal-alternattivi ta’ politika disponibbli differenti. L-istudju juża għodod analitiċi differenti, li jvarjaw mill-użu ta’ data empirika miġbura b’modi differenti (stħarriġ online, kwestjonarju u intervisti), sal-istatistika jew l-analiżi dokumentarja. Meta ma kinitx disponibbli data kwantitattiva, intużaw stimi kwalitattivi. Dawn l-istimi, kif ukoll is-suppożizzjonijiet differenti użati, ġew ikkonfermati minn esperti esterni f’laqgħa ta’ workshop.

L-istudju kkonkluda li l-aktar mod xieraq biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika huwa l-adeżjoni mal-Konvenzjoni mingħajr ebda dikjarazzjoni. Din il-konklużjoni hija riflessa f’din il-proposta peress li l-adeżjoni mal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi hija proposta biss b’dikjarazzjoni limitata u mmirata li hija kkunsidrata bħala neċessarja biex tinkiseb koerenza mal-acquis eżistenti tal-UE. Fl-istess ħin, tali dikjarazzjoni limitata ma tfixkilx il-kisba tal-objettivi l-oħrajn ta’ din il-proposta u lanqas l-effiċjenza tagħha f’termini tal-benefiċċji diretti mistennija għan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-għarfien espert estensiv dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fil-livell tal-UE bl-applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia, il-predeċessur tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 16 , li min-naħa tiegħu kien is-suċċessur tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 17 dwar l-istess suġġett. Teżisti gwida estensiva mill-QĠUE fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti fil-livell tal-UE.

•Valutazzjoni tal-impatt

Ix-xewqa tal-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ġiet ikkunsidrata fil-qafas ta’ rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt. Għax-xenarju li l-UE taderixxi mal-Konvenzjoni, tqiesu bosta alternattivi ta’ politika. Dawn l-alternattivi ta’ politika inkludew l-adeżjoni jew mingħajr ebda dikjarazzjoni jew b’dikjarazzjonijiet definiti speċifikament – jew b’dikjarazzjoni skont l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni li teskludi ċerti materji mill-kamp ta’ applikazzjoni (kwistjonijiet tal-konsumatur, tal-impjiegi jew tal-assigurazzjoni u/jew kirjiet kummerċjali ta’ proprjetà immobbli), jew b’dikjarazzjoni skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni li teskludi sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali li jinvolvu Stati jew entitajiet Statali.

L-alternattiva ppreferuta hija l-adeżjoni mal-Konvenzjoni b’dikjarazzjoni limitata u mmirata li teskludi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jkunu ddeċidew dwar kirjiet kummerċjali (lokazzjonijiet) ta’ proprjetà immobbli li tinsab fl-UE.

Għall-finijiet tal-kwantifikazzjoni tal-impatti tal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi dwar iċ-ċirkolazzjoni ta’ sentenzi bejn l-UE u pajjiżi li mhumiex tal-UE, saret suppożizzjoni li tmien pajjiżi magħżulin li mhumiex tal-UE se jingħaqdu mal-Konvenzjoni. Il-pajjiżi magħżulin li mhumiex tal-UE kienu l-Awstralja, l-Arġentina, il-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti tal-Amerka. L-impatti kollha ġew stmati għal perjodu ta’ referenza ta’ bejn l-2022 u l-2026.

L-alternattiva ppreferuta se ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja u żżid iċ-ċertezza tad-dritt u l-prevedibbiltà f’każ ta’ litigazzjoni ġudizzjarja internazzjonali. Il-benefiċċji diretti għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE meta jippruvaw jiksbu rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-UE fil-pajjiżi li mhumiex tal-UE magħżulin huma stmati li jkunu bejn EUR 1.1 u EUR 2.6 miljun sal-2026. Dan għandu x’jaqsam ma’ tnaqqis previst ta’ 10%-20% tal-ispejjeż relatati mar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi tal-UE f’pajjiżi li mhumiex tal-UE. Barra minn hekk, it-tul medju tal-proċedimenti mistenni jonqos b’medja ta’ minn tliet xhur sa sitt xhur.

Sistema aktar sempliċi u aktar prevedibbli għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin f’materji ċivili u kummerċjali mistennija tippromwovi wkoll il-kummerċ u l-investiment internazzjonali. Peress li l-kummerċ u l-investiment internazzjonali x’aktarx li jikbru, jista’ jkun hemm impatti pożittivi kemm fil-livell mikro u kemm f’dak makro, kif ukoll effetti pożittivi fuq l-opportunitajiet ta’ xogħol. Speċjalment, l-SMEs se jibbenefikaw minn aċċess aħjar għall-ġustizzja u aktar ċertezza tad-dritt f’negozjati internazzjonali bis-saħħa tal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi.

B’mod partikolari, l-alternattiva ta’ politika ppreferuta hija kompletament konformi mal-acquis tal-UE dwar din il-kwistjoni, jiġifieri r-Regolament Brussell Ia. Skont l-alternattiva ppreferuta, il-kirjiet kummerċjali (lokazzjonijiet) jiġu esklużi mill-applikazzjoni tal-Konvenzjoni, peress li r-Regolament Brussell Ia jagħti ġuriżdizzjoni esklużiva lill-qrati fl-UE biex jittrattaw tilwim relatat ma’ kirjiet kummerċjali ta’ proprjetà immobbli li tinsab fl-UE.

Min-naħa l-oħra, dikjarazzjoni li teskludi l-kwistjonijiet l-oħra kkunsidrati 18 ma tqiesx li kienet tkun neċessarja. Il-Konvenzjoni tipprovdi protezzjoni adegwata għal partijiet idgħef (il-konsumaturi, l-impjegati jew id-detentur ta’ polza tal-assigurazzjoni, l-assigurat jew il-benefiċjarju ta’ polza tal-assigurazzjoni), għalkemm b’mod differenti mill-acquis tal-UE. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-kirjiet kummerċjali ta’ proprjetà immobbli li tinsab fl-UE, dikjarazzjonijiet oħrajn, b’kamp ta’ applikazzjoni usa’, jistgħu jimpedixxu l-kisba sħiħa tal-objettivi ta’ din l-inizjattiva.

Ir-rapport ta-valutazzjoni tal-impatt irċeviet opinjoni pożittiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fit-23 ta’ April 2021.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet ta’ spejjeż għall-SMEs. Barra minn hekk, minħabba li l-SMEs għandhom it-tendenza li jiffavorixxu l-litigazzjoni bil-qorti minflok l-arbitraġġ, iż-żieda fiċ-ċertezza tad-dritt flimkien ma’ spejjeż aktar baxxi u t-tul tal-proċedimenti f’litigazzjoni internazzjonali mistennija jkollha effett pożittiv fuq ir-rieda tagħhom li jinvolvu ruħhom f’negozjati internazzjonali jew li jespanduhom. L-adeżjoni mal-Konvenzjoni tista’ ttejjeb ukoll il-kompetittività tal-SMEs. Dan minħabba li l-ispejjeż ta’ litigazzjoni internazzjonali u b’hekk indirettament tal-kummerċ internazzjonali se jonqsu, li se jipprovdi lill-SMEs li għandhom is-sede tagħhom fl-UE b’vantaġġ komparattiv fuq in-negozji minn pajjiżi li ma rratifikawx il-Konvenzjoni. Il-proposta mistennija jkollha wkoll impatt pożittiv fuq il-kummerċ u l-investiment internazzjonali.

•Drittijiet fundamentali

Il-proposta mistennija ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja għan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE minħabba li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni transfruntieri tas-sentenzi, li huma parti integrali mid-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja, b’mod ġenerali se jitjiebu u se jkunu aktar prevedibbli. Il-Konvenzjoni tirrifletti fil-biċċa l-kbira r-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi applikabbli internament fl-UE (ir-Regolament Brussell Ia). Għaldaqstant, il-Konvenzjoni fil-prinċipju ma tiddevjax mid-drittijiet fundamentali u mill-prinċipji ta’ ġustizzja proċedurali tal-UE. B’mod partikolari, il-Konvenzjoni tipprovdi raġuni għaċ-ċaħda tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi inkompatibbli mal-prinċipji fundamentali tal-ġustizzja proċedurali jew mal-politika pubblika tal-Istat fejn jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni. Dan jgħin biex jiġi żgurat, abbażi ta’ approċċ ittestjat 19 , li d-drittijiet fundamentali bħad-drittijiet tad-difiża jew id-dritt ta’ proċess ġust ikunu ġew debitament osservati f’pajjiż mhux tal-UE. Barra minn hekk, bit-titjib tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija mill-qrati tal-UE f’pajjiżi terzi, il-Konvenzjoni mistennija tiffaċilita l-libertà ta’ intrapriża u ssaħħaħ ir-rispett tad-dritt għall-proprjetà fl-UE.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-baġit tal-Unjoni. L-Istati Membri jista’ jkollhom spejjeż ta’ darba għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u jista’ jkun hemm spejjeż daqsxejn ogħla għall-ġudikatura tal-Istati Membri minħabba ż-żieda żgħira mistennija fl-għadd ta’ kawżi. Madankollu, mistenni li dawn l-ispejjeż jiġu kkumpensati fit-terminu medju u twil bit-tnaqqis mistenni fit-tul tal-proċedimenti.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Peress li l-proposta tikkonċerna l-adeżjoni tal-UE għal konvenzjoni internazzjonali li fiha regoli ċari dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin, mhu se jiġi stabbilit l-ebda pjan ta’ implimentazzjoni.

Fir-rigward tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-operazzjoni prattika tal-Konvenzjoni, l-UE se tieħu sehem f’laqgħat tal-Kummissjoni Speċjali organizzati regolarment mill-HCCH biex jittieħed rendikont tal-applikazzjoni prattika tal-Konvenzjoni.

Il-mekkaniżmu intern tal-UE ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ se jikkorrispondi kemm jista’ jkun mal-mekkaniżmu ta’ rendikont fl-HCCH . L-evalwazzjoni se titwettaq f’intervalli regolari u se tinkludi l-valutazzjoni tal-impatti li jirriżultaw mill-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi kif ukoll l-evalwazzjoni dwar jekk intlaħqux l-objettivi ewlenin segwiti permezz tal-adeżjoni. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni se tinkludi wkoll analiżi tax-xewqa tad-dikjarazzjonijiet sabiex jiġi vvalutat jekk għandhiex tinżamm jew tiġi revokata d-dikjarazzjoni jew id-dikjarazzjonijiet li saru diġà jew jekk għandhiex issir dikjarazzjoni jew dikjarazzjonijiet ġodda.

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Minħabba l-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea u l-fatt li l-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi tippermetti, bis-saħħa tal-Artikolu 26 tagħha, li Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika taderixxi għaliha, jenħtieġ li l-UE ssir Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni nnifisha mingħajr l-Istati Membri abbażi ta’ deċiżjoni pożittiva mill-Kunsill.

Meta taderixxi, jenħtieġ għalhekk li l-Unjoni Ewropea tagħmel dikjarazzjoni f'konformità mal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni li l-UE teżerċita kompetenza fuq il-materji kollha rregolati mill-Konvenzjoni u li l-Istati Membri tagħha mhux se jkunu Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni, iżda se jkunu marbuta mill-Konvenzjoni bis-saħħa tal-adeżjoni tal-UE. F’konformità mal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li skontu d-Danimarka ma tiħux sehem f’miżuri meħuda skont l-Artikolu 81(2) tat-Trattat, l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi ma tinkludix lid-Danimarka.

Meta taderixxi mal-Konvenzjoni, jenħtieġ ukoll li l-UE tagħmel dikjarazzjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tal-Konvenzjoni skont l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni sentenzi li jkunu ddeċidew dwar kirjiet kummerċjali (lokazzjonijiet) ta’ proprjetà immobbli li tinsab fl-Unjoni Ewropea.

2021/0208 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin f’Materji Ċivili jew Kummerċjali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 81(2) punt (a) u 218(6), punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 20 ,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin f’Materji Ċivili jew Kummerċjali taħt l-awspiċi tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża fit-2 ta’ Lulju 2019.

(2)Il-Konvenzjoni għandha l-għan li tippromwovi l-aċċess għall-ġustizzja globalment permezz ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali msaħħa. B’mod partikolari, il-Konvenzjoni għandha l-għan li tnaqqas ir-riskji u l-ispejjeż assoċjati mal-litigazzjoni transfruntiera u r-riżoluzzjoni tat-tilwim u, b’riżultat ta’ dan, li tiffaċilita l-kummerċ, l-investiment u l-mobbiltà internazzjonali.

(3)L-Unjoni ħadet sehem attiv fin-negozjati li wasslu għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni u tikkondividi l-għanijiet tagħha.

(4)Bħalissa, iċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni li jixtiequ li sentenza mogħtija fl-Unjoni tiġi rikonoxxuta u eżegwita f’pajjiż mhux tal-Unjoni qed iħabbtu wiċċhom ma’ xenarju legali mifrux minħabba n-nuqqas ta’ qafas internazzjonali komprensiv għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin f’materji ċivili u kummerċjali. It-tkabbir fil-kummerċ internazzjonali u l-flussi tal-investiment iżidu dawn ir-riskji legali għan-negozji u ċ-ċittadini tal-Unjoni iżda jenħtieġ li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata permezz ta’ sistema prevedibbli ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni transfruntieri ta’ sentenzi f’materji ċivili jew kummerċjali.

(5)Dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu biss billi tinżamm sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni reċiproċi ta’ sentenzi fost l-Istati, bħal dik adottata fil-Konvenzjoni. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-Konvenzjoni tippermetti r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ pajjiżi terzi fl-Unjoni biss meta l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni jiġu rrispettati u l-acquis intern ma jiġix affettwat.

(6)Skont l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni, l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li għandhom kompetenza fuq xi wħud mill-materji rregolati mill-Konvenzjoni jew fuq kollha kemm huma, bħall-Unjoni, jistgħu jiffirmaw, jaċċettaw jew japprovaw il-Konvenzjoni jew jaderixxu magħha.

(7)F’konformità mal-Artikolu 3(2) tat-Trattat, l-Unjoni għandha l-kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali sal-punt fejn tista’ tolqot xi regoli komuni tal-Unjoni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Il-Konvenzjoni taffettwa l-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi riżultanti, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 . Għalhekk, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-materji kollha rregolati mill-Konvenzjoni.

(8)Skont l-Artikoli 24(3) u 28 tal-Konvenzjoni, l-adeżjoni mal-Konvenzjoni tista’ sseħħ qabel ma tidħol fis-seħħ.

(9)Jenħtieġ li l-Unjoni tikkonkludi l-Konvenzjoni permezz tal-adeżjoni.

(10)Mal-adeżjoni mal-Konvenzjoni, jenħtieġ li l-Unjoni tiddikjara skont l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, li teżerċita kompetenza fuq kull materja rregolata mill-Konvenzjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu marbutin bil-Konvenzjoni b’riżultat tal-konklużjoni tagħha mill-Unjoni.

(11)B’mod aktar speċifiku, f’każijiet li jinvolvu kirjiet kummerċjali (lokazzjonijiet), ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 jagħti ġuriżdizzjoni esklużiva lill-qrati fl-Istat Membru fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli. Il-Konvenzjoni ma tinkludix tali regoli ta’ ġuriżdizzjoni esklużiva għall-kirjiet kummerċjali. Għalhekk, meta taderixxi mal-Konvenzjoni, jenħtieġ li l-UE tagħmel dikjarazzjoni skont l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni sentenzi dwar kirjiet kummerċjali ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fl-Unjoni.

(12)L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 1215/2012 u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(13)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-2 ta’ Lulju 2019 dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin f’Materji Ċivili jew Kummerċjali (“il-Konvenzjoni”) hija b’dan konkluża mill-Unjoni. 

It-test tal-Konvenzjoni huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tinnomina l-persuna bis-setgħa li tiddepożita, f’isem l-Unjoni, l-istrument ta’ adeżjoni msemmi fl-Artikolu 24(4) tal-Konvenzjoni.

Artikolu 3

Meta tiddepożita l-istrument imsemmi fl-Artikolu 24(4) tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha tagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja f’konformità mal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni:

“L-Unjoni Ewropea tiddikjara, f'konformità mal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni, li teżerċita l-kompetenza fuq il-materji kollha rregolati minn din il-Konvenzjoni. L-Istati Membri tagħha mhumiex se jiffirmaw, jirratifikaw, jaċċettaw jew japprovaw il-Konvenzjoni, iżda għandhom ikunu marbuta bil-Konvenzjoni bis-saħħa tal-konklużjoni tagħha mill-Unjoni Ewropea.

Għall-finijiet ta’ din id-dikjarazzjoni, it-terminu “Unjoni Ewropea” ma jinkludix ir-Renju tad-Danimarka bis-saħħa tal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.”

Artikolu 4

Meta tiddepożita l-istrument imsemmi fl-Artikolu 24(4) tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha tagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja, f’konformità mal-Artikolu 18, rigward il-kirjiet kummerċjali (lokazzjonijiet) ta’ proprjetà immobbli:

“L-Unjoni Ewropea b’dan tiddikjara skont l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni li mhix se tapplika l-Konvenzjoni għal kirjiet kummerċjali (lokazzjonijiet) ta’ proprjetajiet immobbli li jinsabu fl-Unjoni Ewropea.”

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea 22 .

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Konvenzjoni tat-2 ta’ Lulju 2019 dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin f’Materji Ċivili u Kummerċjali.
(2)    Preambolu tal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi.
(3)    Ara r-Riżultati tal-Laqgħa tal-Kunsill dwar il-Kompetittività (it-3470 laqgħa tal-Kunsill) tas-26 u s-27 ta’ Mejju 2016, Nru 9357/16 u l-Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill (Nru 8814/16) li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar Konvenzjoni dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (il-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi) fil-qafas tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Privat Internazzjonali.
(4)     https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/political-guidelines-next-commission_mt.pdf .
(5)    Filwaqt li tappoġġa wkoll l-objettivi tal-kategoriji ewlenin “Ewropa Aktar b’Saħħitha fid-Dinja” u “Ekonomija għas-servizz tan-nies”.
(6)    Ara r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni), Il-Ġurnal Uffiċjali L 351, l-20 ta’ Diċembru 2012, p. 1 (“ir-Regolament Brussell Ia”).
(7)    Ibid.
(8)    Il-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 339, 21.12.2007, p. 3–41.
(9)    Il-Konvenzjoni tat-30 ta’ Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Qorti.
(10)    Ara l-Artikolu 23(4) tal-Konvenzjoni dwar is-Sentenzi. Ta’ min jinnota li lanqas l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Lugano jew tal-Konvenzjoni dwar l-Għażla tal-Qorti tal-2005 ma tkun affettwata mill-Konvenzjoni peress li t-trattati li ilhom iktar jieħdu preċedenza, abbażi tal-Artikolu 23(2).
(11)    Dan ġie kkonfermat mill-QĠUE fl-Opinjoni ta’ Lugano tagħha, fejn il-QĠUE sostniet li l-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità Ewropea, tapplika fost l-oħrajn għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ pajjiżi terzi f’materji ċivili u kummerċjali. Ara l-Opinjoni 1/03, ECLI:EU:C:2006:81.
(12)    Dwar din il-kwistjoni, ara wkoll it-taqsimiet 3 u 4 tar-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja din il-proposta.
(13)    Fil-workshop, l-Istati Membri esprimew il-fehmiet preliminari tagħhom sakemm issir analiżi ulterjuri tal-implikazzjonijiet tal-alternattivi ta’ politika kollha.
(14)    Dikjarazzjoni ibbażata jew fuq l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni (bl-esklużjoni ta’ ċerti materji) u/jew fuq l-Artikolu 19 (bl-esklużjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili jew kummerċjali li jappartjenu lill-Istati ).
(15)    Trid tiġi ppubblikata ladarba tiġi adottata din il-proposta.
(16)    Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, Il-Ġurnal Uffiċjali L 12, is-16 ta’ Jannar 2001, p. 1. 
(17)    Ara l-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 dwar il-ġuriżdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, Il-Ġurnal Uffiċjali L 299, 31 ta’ Diċembru 1972, p. 32.
(18)    Dawn kienu kwistjonijiet tal-konsumatur, tal-impjiegi u tal-assigurazzjoni.
(19)    Minbarra r-Regolament Brussell Ia, dan l-approċċ ġie applikat ukoll fil-Konvenzjoni ta’ Lugano u fil-Konvenzjoni tal-2005 dwar l-Għażla tal-Qorti.
(20)    ĠU C , , p. .
(21)    Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
(22)    Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.