|
28.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 149/109 |
P9_TA(2022)0366
Il-Baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023 – it-taqsimiet kollha
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2022 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023 (12108/2022 – C9-0306/2022 – 2022/0212(BUD))
(2023/C 149/12)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (2) (“ir-Regolament Finanzjarju”), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (3) (ir-“Regolament QFP”), u d-dikjarazzjonijiet konġunti miftiehma bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f'dan il-kuntest (4), kif ukoll id-dikjarazzjonijiet unilaterali relatati (5), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2022 dwar il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra Russa fl-Ukrajna għall-UE – it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li taġixxi (8), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640), u r-riżoluzzjoni tiegħu dwarha tal-15 ta' Jannar 2020 (9), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-tisħin globali ta' 1,5 oC, ir-rapport speċjali tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u r-rapport speċjali tiegħu dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-“Ftehim ta' Pariġi”), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 22/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: “Finanzi sostenibbli: jeħtieġ li l-UE tieħu azzjoni aktar konsistenti biex il-finanzjament jiġi dirett mill-ġdid lejn investiment sostenibbli”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 09/2022 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: “L-infiq fuq il-klima fil-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020: mhuwiex għoli daqskemm ġie rrappurtat”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 10/2021 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: “L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE: wasal iż-żmien li l-kliem jissarraf f'azzjoni”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2021 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Funzjonament taż-Żona Schengen (10), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tat-22 ta' April 2022 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (COM(2022)0184), u r-rapport A9-0230/2022 dwarha, adottat fit-8 ta' Settembru 2022 mill-Kumitat għall-Baġits u mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u approvat fis-sessjoni parzjali tal-Parlament tat-12 sal-15 ta' Settembru 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwaru (11), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (12), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2022 dwar linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2023, Taqsima III – Il-Kummissjoni (13), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2022 dwar l-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2023 (14), |
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023, li l-Kummissjoni adottat fl-1 ta' Lulju 2022 (COM(2022)0400) (l-“AB”), u l-Ittra emendatorja Nru 1 għaliha (COM(2022)0670), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023, li l-Kunsill adotta fis-6 ta' Settembru 2022 u għadda lill-Parlament fid-9 ta' Settembru 2022 (12108/2022 – C9-0306/2022), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 94 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-kumitati kkonċernati, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0241/2022), |
Ħarsa ġenerali lejn it-Taqsima III
|
1. |
Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2022 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2023, il-Parlament stabbilixxa prijoritajiet politiċi ċari għall-baġit tal-2023; jerġa' jafferma l-impenn qawwi tiegħu favur dawk il-prijoritajiet u jistabbilixxi l-pożizzjoni li ġejja biex jiżgura livell xieraq ta' finanzjament biex dawn jitwettqu; jemmen li l-Unjoni trid tkun mgħammra bil-mezzi baġitarji kollha possibbli biex tirrispondi għall-kriżijiet attwali u tiffoka fuq il-bżonnijiet tal-poplu; |
|
2. |
billi l-baġit tal-Unjoni Ewropea għandu jippromwovi l-investiment pubbliku billi jappoġġa s-setturi produttivi u strateġiċi, is-servizzi pubbliċi, il-ħolqien ta' impjiegi bi drittijiet, il-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi, il-ħarsien tal-ambjent u l-użu sħiħ tal-potenzjal ta' kull pajjiż u reġjun, flimkien mat-tfittxija ta' relazzjonijiet esterni bbażati fuq is-solidarjetà, il-kooperazzjoni, ir-rispett reċiproku u l-promozzjoni u s-salvagwardja tal-paċi; |
|
3. |
Jisħaq li l-Unjoni tiffaċċja ġabra straordinarjament kumplessa ta' sfidi, inklużi r-riperkussjonijiet diretti u indiretti tal-gwerra fl-Ukrajna, l-inflazzjoni għolja, iż-żieda fil-faqar, il-prezzijiet għoljin tal-enerġija u r-riskji għas-sigurtà tal-provvista, prospetti ekonomiċi li sejrin għall-agħar, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u għall-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli, il-ħtieġa li jiġi żgurat irkupru mill-pandemija li jkun ġust, inklużiv u sostenibbli, il-kriżijiet f'ħafna partijiet oħra tad-dinja, il-bidla teknoloġika, inkluż iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni, l-inugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll l-urġenza dejjem tikber li jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u l-kriżi tal-bijodiversità u l-konsegwenzi tagħhom u l-ħtieġa li titħaffef it-tranżizzjoni ġusta, inkluż permezz ta' investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; iqis li l-baġit tal-Unjoni għandu jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati dawk l-isfidi u jiġi pprovdut appoġġ adegwat għal kulħadd, filwaqt li jesprimi tħassib dwar il-marġnijiet eċċezzjonalment limitati, li huma madwar terz ta' dawk tas-sena li għaddiet, jew, fil-każ tal-Intestatura 6, in-nuqqas ta' marġni, u l-flessibbiltà limitata u l-kapaċità limitata ta' rispons għall-kriżijiet previsti fil-baġit; iqis li huwa indispensabbli, speċjalment fi żmien ta' gwerra, li tingħata spinta lill-investiment u li jiġi indirizzat il-qgħad, kif ukoll li jitqiegħdu l-pedamenti għal Unjoni aktar reżiljenti u sostenibbli, filwaqt li ssir enfasi fuq azzjonijiet konkreti biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-gwerra fid-dinja wkoll; jikkundanna l-fatt li l-AB huwa rispons insuffiċjenti għall-isfidi attwali; ifakkar li l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) ma ġiex stabbilit biex jindirizza pandemija, gwerra, inflazzjoni għolja, prezzijiet għoljin tal-enerġija, għadd kbir ta' rifuġjati, adeżjonijiet ġodda, insigurtà tal-ikel u kriżijiet umanitarji; |
|
4. |
Jiddispjaċih dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-AB, li jnaqqas EUR 1,64 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 530 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament għall-intestaturi tal-QFP meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni; iqis li t-tnaqqis propost mill-Kunsill la jirrifletti l-gravità tal-isfidi msemmija hawn fuq li qed jiffaċċjaw l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha u lanqas mhuwa xprunat minn valutazzjoni oġġettiva tax-xejriet ta' implimentazzjoni jew tal-kapaċitajiet ta' assorbiment, u jmur kontra l-prijoritajiet politiċi kondiviżi ewlenin u b'hekk jikkomprometti l-kapaċità tal-Unjoni li timplimenta b'suċċess l-objettivi u l-prijoritajiet politiċi fundamentali tagħha; iqis li l-Kunsill ma għandux jinkludi programmi li jibbenefikaw mill-aġġustament previst fl-Artikolu 5 tar-regolament QFP għal “riekwilibriju u stabbilizzazzjoni”, peress li dan jikkontradixxi l-objettiv ta' dak l-Artikolu, li kien li jissaħħu prijoritajiet politiċi speċifiċi; ifakkar b'mod partikolari li dak l-Artikolu ma jipprovdix żidiet, kif issuġġerit mill-Kunsill; jikkonkludi li l-pożizzjoni tal-Kunsill hija 'l bogħod mill-aspettattivi tal-Parlament; jiddeċiedi, għalhekk, bħala regola ġenerali, li jreġġa' lura approprjazzjonijiet fil-linji mnaqqsa mill-Kunsill għal-livell tal-AB, kemm għan-nefqa operattiva kif ukoll għal dik amministrattiva, u li jieħu l-AB bħala l-punt tat-tluq għall-pożizzjoni tal-Parlament; |
|
5. |
Iżomm l-approprjazzjonijiet imdaħħla fl-AB għall-istrumenti speċjali tematiċi, jiġifieri r-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati u r-Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit; iqis li, meta wieħed iżomm f'moħħu l-isfidi imprevisti, straordinarji u bla preċedent li tiffaċċja l-Unjoni, għandu jintuża l-ammont sħiħ tal-Istrument ta' Flessibbiltà; iqis, fid-dawl tal-kriżijiet gravi interdipendenti attwali, li huwa meħtieġ li jiġu mobilizzati l-marġnijiet tal-2021 taħt il-kompartiment (a) tal-Istrument ta' Marġni Uniku u l-approprjazzjonijiet addizzjonali taħt il-kompartiment (c) ta' dak l-Istrument; |
|
6. |
Ifakkar fil-pożizzjoni dejjiema tiegħu li l-prijoritajiet jew il-kompiti politiċi ġodda għandhom ikunu akkumpanjati minn riżorsi ġodda; biħsiebu jsegwi dak l-approċċ għall- proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas ta' miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema tas-semikondutturi tal-Ewropa (Att dwar iċ-Ċipep) (COM(2022)0046) u l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm tal-Unjoni għall-Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 (COM(2022)0057); jilqa', f'dak is-sens, il-fatt li l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi t-tisħiħ tal-industrija tad-difiża Ewropea permezz ta' att ta' akkwist komuni (COM(2022)0349) ma tinvolvix riallokazzjoni minn, jew allokazzjoni fi ħdan, programmi oħra; |
|
7. |
Iqis li l-baġit tal-Unjoni, minħabba d-daqs, l-istruttura u r-regoli tiegħu, għandu kapaċità limitata ħafna biex iwieġeb b'mod xieraq għall-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni jew biex jiffinanzja u jimplimenta b'mod adegwat l-ambizzjonijiet jew l-inizjattivi kondiviżi ġodda tal-politika tal-Unjoni mħabbra fid-diskors tal-President tal-Kummissjoni dwar l-Istat tal-Unjoni 2022; ifakkar, b'mod partikolari, li l-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeskrivew il-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna bħala “bidla tettonika fl-istorja Ewropea” u li l-Kummissjoni ddikjarat li “l-ħtiġijiet mhux previsti maħluqa mill-gwerra fl-Ewropa jmorru lil hinn ħafna mill-mezzi disponibbli fil-qafas finanzjarju pluriennali attwali”, li jeħtieġ sorsi ġodda ta' finanzjament; jissottolinja li l-Unjoni għandha tassumi rwol ta' tmexxija biex, flimkien mas-sħab internazzjonali, jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ukrajna appoġġ suffiċjenti, f'waqtu u affidabbli; huwa tal-fehma li din hija turija oħra tal-ħtieġa urġenti ta' reviżjoni sostanzjali tal-QFP, li għandha tiġi ppreżentata mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-ewwel trimestru tal-2023, inkluż biex isir aktar flessibbli, biex jogħlew il-limiti massimi fejn meħtieġ biex jirriflettu ħtiġijiet emerġenti u prijoritajiet ġodda u biex jiġu indirizzati l-problemi ġġenerati permezz tal-inklużjoni tal-kostijiet ta' finanzjament tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (EURI) fl-Intestatura 2b; |
|
8. |
Jissottolinja l-fatt li l-progress reali rigward ir-riżorsi proprji ġodda huwa essenzjali kemm għar-ripagamenti EURI għall-implimentazzjoni tan-NextGenerationEU (NGEU) kif ukoll għar-robustezza finanzjarja u l-implimentazzjoni tal-oqfsa finanzjarji pluriennali attwali u futuri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-introduzzjoni f'waqtha ta' riżorsi proprji ġodda, f'konformità mal-pjan direzzjonali stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020, u taċċelera l-proposta għat-tieni basket; iħeġġeġ lill-Kunsill jirrispetta l-iskeda ta' żmien miftiehma u jagħmel il-progress meħtieġ fir-rigward tar-riżorsi proprji inklużi fl-ewwel basket li ġie propost mill-Kummissjoni fit-22 ta' Diċembru 2021, bl-għan tal-implimentazzjoni immedjata tagħhom; |
|
9. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' rispons għall-konsegwenzi tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-pandemija tal-COVID-19, l-inflazzjoni li qed tiżdied u ż-żieda fl-insigurtà tal-enerġija u tal-ikel fil-livell tal-Unjoni; jisħaq, b'mod partikolari, fuq il-ħtieġa li jsiru investimenti ekoloġiċi suffiċjenti biex tissaħħaħ l-indipendenza tal-Unjoni f'dik li hija enerġija u biex jiġi implimentat il-Patt Ekoloġiku; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni u agrikola ma tistax tkun is-sors ewlieni tal-finanzjament ta' prijoritajiet urġenti, għax dan jikkomprometti l-implimentazzjoni tal-objettivi fit-tul, u jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ għar-reġjuni li ntlaqtu ħażin mill-pandemija u l-kriżi tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tar-riżorsi limitati mill-baġit tal-Unjoni, biex twieġeb għall-prezzijiet għoljin tal-enerġija, biex tanalizza l-flessibbiltajiet u r-riżorsi addizzjonali potenzjali, inkluż kwalunkwe fond li ma ntużax anki mill-QFP 2014-2020, sabiex tappoġġa lill-SMEs u lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli; |
|
10. |
Iqis li l-Unjoni għandha tieħu azzjoni konċertata biex tindirizza l-isfida tal-enerġija u jipproponi investimenti addizzjonali sostanzjali ħafna f'dak il-qasam; ifakkar li se jkunu meħtieġa riżorsi finanzjarji addizzjonali lil hinn mill-baġit għall-2023 biex dak l-objettiv jintlaħaq; ifakkar, għalhekk, fl-importanza li jingħata appoġġ finanzjarju addizzjonali permezz ta' REPowerEU; jappella għal ftehim minnufih dwar REPowerEU, u għall-implimentazzjoni tiegħu, biex il-fondi jkunu jistgħu jiġu rilaxxati mill-aktar fis possibbli bl-għan li l-indipendenza tal-Unjoni fir-rigward tal-enerġija tiżdied malajr permezz ta' investimenti strateġiċi, inkluż l-appoġġ għall-SMEs u għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli; |
|
11. |
Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni fuq klassifikazzjoni ġdida biex jitkejjel l-impatt fuq il-ġeneri tal-infiq tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din il-klassifikazzjoni tiffoka fuq rappreżentazzjoni eżatta u komprensiva tal-impatt tal-programmi fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bl-għan li jinkiseb l-aqwa impatt fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri minn programmi attwalment ikkategorizzati bħala żero (stilel) u li jinsiltu tagħlimiet għat-tfassil tal-programmi; jappella, barra minn hekk, għal estensjoni ta' dik il-klassifikazzjoni għall-programmi kollha tal-QFP sabiex jintwerew ir-riżultati għall-baġit 2023; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa ta' ġbir u analiżi sistematiċi ta' data diżaggregata skont il-ġeneru; jistenna li r-rappurtar kollu rilevanti għall-ġeneru jsir abbażi tal-volumi u mhux tal-għadd ta' azzjonijiet; |
|
12. |
Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li l-Kummissjoni reċentement iffinanzjat jew ikkofinanzjat kampanji li jippromwovu l-ħiġab, billi ddikjarat pereżempju li “l-libertà tinsab fil-ħiġab”; jisħaq li l-baġit tal-Unjoni ma għandu jiffinanzja l-ebda kampanja futura li tista' tippromwovi l-ħiġab; |
|
13. |
Jistenna li l-miri tal-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima u tal-bijodiversità jintlaħqu; f'dan ir-rigward, jilqa' l-isforzi biex jinkiseb rappurtar aktar trasparenti u komprensiv u jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu biżżejjed evalwazzjonijiet ex post u li ssir ħidma fuq il-granularità tad-data disponibbli; jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni tindirizza l-konklużjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri rigward l-infiq iddikjarat b'mod eċċessiv fuq il-klima; jilqa' wkoll ir-rappurtar dwar in-nefqa relatata mal-bijodiversità; madankollu, jesprimi tħassib dwar il-possibbiltà li l-miri għall-2026 u l-2027 ma jintlaħqux u jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex il-miri jintlaħqu; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika l-ammonti u l-ishma tan-nefqa li se jikkontribwixxu għaż-żewġ miri għal kull programm meta tippreżenta l-abbozz tal-baġit; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u tieħu miżuri korrettivi neċessarji jekk u meta jkun meħtieġ; |
|
14. |
Itenni l-ħtieġa li l-baġit 2023 jirrifletti l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet approvati mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; |
|
15. |
Jistabbilixxi, għalhekk, il-livell ġenerali ta' approprjazzjonijiet għall-baġit 2023 (it-taqsimiet kollha) għal EUR 187 293 119 206 f'approprjazzjonijiet ta' impenn, li jirrappreżenta żieda ta' EUR 1 702 055 778 meta mqabbel mal-AB; jiddeċiedi, barra minn hekk, li jagħmel disponibbli ammont ta' EUR 836 090 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn apparti d-diżimpenji skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju; jistabbilixxi l-livell ġenerali ta' approprjazzjonijiet għall-baġit 2023 (it-taqsimiet kollha) għal EUR 167 612 834 087 f'approprjazzjonijiet ta' impenn; |
Intestatura 1 – Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali
|
16. |
Jissottolinja l-kontribut sinifikanti tal-Intestatura 1 biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna kif ukoll biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni, fost l-oħrajn biex titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili, inkluż mir-Russja, billi jiġu appoġġati r-riċerka u l-investiment fis-setturi tal-enerġija u tat-trasport sostenibbli; itenni l-potenzjal tal-programmi ta' din l-intestatura fl-ankrar tal-Ukrajna fis-Suq Uniku, in-network tal-infrastruttura u l-qasam tar-riċerka; |
|
17. |
Jappoġġa l-proposta fl-AB li jsiru disponibbli EUR 78,8 miljun f'diżimpenji għat-tliet clusters imsemmija fid-dikjarazzjoni politika konġunta rilevanti mehmuża mar-regolament dwar Orizzont Ewropa (15); jinnota, madankollu, li d-diżimpenji li fadal fis-settur tar-riċerka tal-2021 u l-2020 jammontaw għal EUR 836,09 miljun; jinsisti, fl-isfond ta' riżorsi disponibbli limitati u ħtiġijiet konsiderevoli, li dan l-ammont għoli u mhux mistenni ta' diżimpenji fis-settur tar-riċerka, li ma kienx imbassar mill-Kummissjoni matul in-negozjati QFP, għandu jkun disponibbli b'mod sħiħ għal Orizzont Ewropa, f'konformità mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju; ifakkar fil-valur miżjud għoli ħafna tal-Unjoni u r-rata ta' implimentazzjoni eċċellenti ta' dak il-programm; jemmen bis-sħiħ, għalhekk, li l-ammonti li jifdal għandhom jipprovdu żidiet sinifikanti għall-prijoritajiet ewlenin tar-riċerka, bħas-saħħa, (inklużi l-COVID fit-tul u l-Post-COVID, bħal pereżempju għall-provi kliniċi), il-klima, il-mobbiltà u l-enerġija, il-kultura u l-kreattività, inkluż għall-iżvilupp ulterjuri tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, u l-ikel, il-bijoekonomija, ir-riżorsi naturali u l-ambjent, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi urġenti li tiffaċċja l-Unjoni u biex jiġi pprovdut appoġġ addizzjonali lir-riċerkaturi permezz tal-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, inklużi r-riċerkaturi mill-Ukrajna, b'enfasi speċifiku fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Aġenda Diġitali u li l-Ewropa ssir aktar b'saħħitha fid-dinja; |
|
18. |
Jissottolinja t-tħassib kbir tiegħu dwar il-mod propost ta' ġestjoni tal-Fond tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha fi djalogu miftuħ mal-Parlament dwar il-mod ta' ġestjoni tal-Fond biex tiżgura implimentazzjoni baġitarja xierqa; |
|
19. |
Ireġġa' lura r-riallokazzjonijiet proposti mill-Kummissjoni biex tiffinanzja l-Att dwar iċ-Ċipep u l-Programm għall-Konnettività Sigura, f'konformità mal-pożizzjoni tiegħu li inizjattivi ġodda għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu ta' flus ġodda, u jħassar ir-riżervi rilevanti tal-Kunsill, biex b'hekk jiġi żgurat livell xieraq ta' finanzjament għall-prijoritajiet fil-Programm Orizzont Ewropa, il-Programm Ewropa Diġitali u l-Programm Spazjali tal-Unjoni; jerġa' jagħmel disponibbli d-diżimpenji fis-settur tar-riċerka biex jikkumpensa għall-allokazzjoni fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa għall-Att dwar iċ-Ċipep u l-Programm għall-Konnettività Sigura, sabiex dawk il-proposti ġodda ma jippreġudikawx il-prijoritajiet ta' riċerka eżistenti; jenfasizza li l-assorbiment ta' fondi min-NGEU ma jistax jintuża biex jiġġustifika n-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju u n-nuqqas ta' użu ta' ammonti sostanzjali ta' diżimpenji fi żmien ta' kriżijiet; |
|
20. |
Ifakkar li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) hija essenzjali biex tixpruna l-investiment fl-iżvilupp ta' networks trans-Ewropej ta' prestazzjoni għolja u sostenibbli; jisħaq li l-FNE jrid ikollha rwol kruċjali fid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni billi tappoġġa l-infrastruttura tal-fjuwil alternattiv u l-enerġija rinnovabbli, u b'hekk taċċelera t-tranżizzjoni ekoloġika u żżid l-indipendenza u s-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni, u tippromwovi l-interkonnettività fit-territorju tal-Unjoni, inkluż mal-peniżola Iberika u ma' reġjuni remoti u skarsament popolati; jissottolinja li l-attakk militari mingħajr preċedent u mhux ipprovokat tar-Russja kontra l-Ukrajna jirrikjedi appoġġ urġenti għall-infrastruttura tat-trasport fl-Ukrajna u lejn l-Ukrajna (“korsiji ta' solidarjetà”), biex ikun possibbli t-trasport ta' oġġetti kritiċi fiż-żewġ direzzjonijiet; jipproponi, għalhekk, li jiżdied il-finanzjament tal-linji tat-Trasport u l-Enerġija tal-FNE b'ammont totali ta' EUR 90 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mil-livell tal-AB; |
|
21. |
Jisħaq li Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb jinsab fil-qalba tal-irkupru u l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni; jissottolinja l-importanza li jiġi ppreservat u adattat fil-kuntest ikkaratterizzat minn bosta sfidi; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-proposti meħtieġa, inkluż fil-qafas tal-ittra emendatorja, biex tnaqqas kwalunkwe distakk possibbli bejn id-dħul fis-seħħ tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-irkupru tat-tariffi superviżorji; |
|
22. |
Jenfasizza li n-negozji u, b'mod partikolari, l-SMEs, li jikkostitwixxu s-sinsla tal-ekonomija Ewropea, intlaqtu ħażin ħafna mill-kriżijiet attwali, inklużi n-negozji fis-settur tat-turiżmu kif ukoll f'dawk kulturali u kreattivi, li ġarrbu tnaqqis kbir ħafna, u mill-konsegwenzi tal-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, b'mod partikolari l-prezzijiet għoljin tal-enerġija; jappoġġa żieda ta' EUR 10 miljuni 'l fuq mill-AB għal-linja tal-SMEs tal-Cluster tas-Suq Uniku; jipproponi wkoll żieda ta' EUR 1 miljun 'il fuq mill-AB biex jappoġġa l-ħidma li għaddejja tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) fit-tfassil ta' standards ta' rappurtar ta' kwalità għolja, bil-kundizzjoni li l-EFRAG jadotta pjan ta' ħidma li jiddeskrivi l-miżuri biex jiżgura proċess dovut trasparenti u xieraq u sorveljanza pubblika kif ukoll rappreżentanza bilanċjata tal-partijiet ikkonċernati; |
|
23. |
Iżid, għalhekk, il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn għall-Intestatura 1 b'EUR 663 650 000 'il fuq mill-AB (minbarra l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu tal-marġni disponibbli u l-mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali; barra minn hekk, jagħmel disponibbli għall-intestatura ammont globali ta' EUR 836 090 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn li jikkorrispondu għal diżimpenji magħmula skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Finanzjarju, u b'hekk iżid b'EUR 677 278 157 id-diżimpenji li saru disponibbli għal darb'oħra meta mqabbla mal-AB; |
Subintestatura 2a – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
|
24. |
Jissottolinja r-rwol ċentrali tal-politika ta' koeżjoni bħala strument ta' konverġenza u politika ta' investiment essenzjali tal-Unjoni biex tippromwovi t-tkabbir sostenibbli u tappoġġa l-iżvilupp armonjuż ġenerali tal-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, inkluż bejn ir-reġjuni u fi ħdanhom; jantiċipa li, wara bidu mdewwem tal-proċess ta' programmazzjoni fl-ewwel sentejn tal-QFP tal-2021-2027, l-implimentazzjoni għandha ssir aktar malajr fl-2022; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaċċeleraw il-proċess ta' programmazzjoni sabiex jippermettu li l-2023 tkun il-bidu tal-implimentazzjoni tal-fondi ta' koeżjoni, u dan se jgħin biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi soċjali, ekonomiċi u territorjali u biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-Unjoni, kif ukoll jgħin lis-setturi pubbliċi u privati, lill-SMEs u liċ-ċittadini matul dawn iż-żminijiet diffiċli; jissottolinja r-riskju li l-proġetti jiddewmu minħabba l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta u, fejn rilevanti, tipproponi l-aġġustamenti ta' politika u l-miżuri ta' appoġġ meħtieġa biex tiżgura t-tkomplija u l-implimentazzjoni sħiħa tal-proġetti kollha; |
|
25. |
Jitlob li l-programmi tal-UE jagħtu prijorità lil proġetti li jippromwovu u jiddefendu l-ħolqien ta' impjiegi bi drittijiet, inklużi livelli ta' pagi u relazzjonijiet ta' impjieg stabbli u regolati; |
|
26. |
Jaċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tas-Subintestatura 2a; |
Subintestatura 2b – Reżiljenza u valuri
|
27. |
Itenni li, minkejja t-talbiet tal-Parlament biex il-EURI jitqiegħed 'il fuq mil-limiti massimi, il-kostijiet ta' rifinanzjament jitħallsu mis-Subintestatura 2b; jinnota li, fid-dawl tas-sitwazzjoni mhux prevista fis-swieq finanzjarji minħabba l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li qed tkompli taffettwa b'mod negattiv l-ekonomija tal-UE, filwaqt li tpoġġiha fuq perkors ta' tkabbir aktar baxx, inflazzjoni ogħla u rati tal-imgħax li qed jogħlew, il-linja ddedikata għall-kostijiet ta' rifinanzjament tal-EURI x'aktarx li tkun meħtieġa bis-sħiħ u l-ħtiġijiet jistgħu jaqbżu sew l-ammont ibbaġitjat; jikkundanna l-fatt li dan għandu impatt de facto fuq il-programmi taħt l-istess intestatura billi jillimita l-kapaċità tal-Kummissjoni li tipproponi rinforzi lil hinn mill-programmazzjoni finanzjarja, fejn ikunu meħtieġa; jinnota li l-kostijiet ta' finanzjament tal-EURI ma għandhomx jittieħdu minn strumenti speċjali, li huma maħsuba biex jindirizzaw sfidi mhux previsti, bħall-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija; |
|
28. |
Jipproponi, għalhekk, EUR 200 miljun 'il fuq mill-AB għall-programm ewlieni Erasmus+ – iffukat fuq il-mobbiltà tat-tagħlim fl-edukazzjoni u t-taħriġ – f'konformità mal-ħtieġa identifikata mill-Kummissjoni li tipprovdi appoġġ lill-istudenti u lill-għalliema Ukreni, kif ukoll lill-istudenti kollha biex ilaħħqu mal-inflazzjoni għolja; jissottolinja li dawn l-approprjazzjonijiet se jgħinu wkoll biex inaqqsu l-profil finanzjarju ta' Erasmus+, ikkonċentrat fl-aħħar tal-perjodu, u jipprovdu finanzjament annwali aktar konsistenti għal programm b'domanda stabbli sena wara sena; jisħaq, barra minn hekk, li r-riżorsi miżjuda se jikkontribwixxu għall-isforzi kontinwi biex il-programm isir aktar ekoloġiku u aktar inklużiv u jippermetti xogħol li jħalli legat wara s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022; jirrimarka dwar it-tħabbira li għamlet il-President von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni li l-2023 għandha tkun is-Sena Ewropea tal-Ħiliet, u dan ikun jirrikjedi appoġġ fil-baġit għall-2023; |
|
29. |
Ifakkar li, taħt il-linja tal-isport, Erasmus+ jappoġġa avvenimenti sportivi mingħajr skop ta' qligħ bl-għan li jiżviluppaw aktar id-dimensjoni Ewropea tal-isport u jippromwovu kwistjonijiet ta' rilevanza għall-isport tal-massa; jissottolinja r-rwol vitali li għandu l-isport fl-indirizzar tad-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali; jappoġġa, għalhekk, tisħiħ meħtieġ u mmirat ta' EUR 10 miljuni għal-linja tal-isport biex il-programm ikun jista' jappoġġa l-Logħob Olimpiku Speċjali li se jsir f'Berlin fl-2023; |
|
30. |
Jissottolinja li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (KES) jgħin liż-żgħażagħ jiksbu esperjenza prattika fi Stat Membru ieħor, u b'hekk iżid l-impjegabbiltà u l-opportunitajiet tal-ħajja tagħhom; jisħaq, barra minn hekk, li l-KES jiffinanzja xogħol umanitarju volontarju mwettaq permezz tal-Korp ta' Għajnuna Umanitarja, li jista' jipprovdi assistenza umanitarja importanti barra ż-żoni ta' kunflitt; jiddeċiedi, għalhekk, li jżid l-approprjazzjonijiet għall-KES bi EUR 8 miljuni 'l fuq mill-AB; |
|
31. |
Jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 għadha ma spiċċatx u jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm l-appoġġ għas-sistemi tas-saħħa biex itejbu r-reżiljenza tagħhom u jsaħħu t-tħejjija permezz tal-programm l-UE għas-Saħħa; jissottolinja, barra minn hekk, ir-rwol ewlieni li għandu l-programm fl-appoġġ tal-Pjan biex Jingħeleb l-Kanċer, l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa u l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa maħluqa reċentement; ireġġa' lura, għalhekk, it-tnaqqis sproporzjonat u mhux ġustifikat propost mill-Kunsill u jsaħħaħ il-programm b'EUR 25 miljun 'il fuq mill-AB, inkluż biex jappoġġa azzjonijiet biex tinkiseb kopertura tas-saħħa universali fl-Unjoni kollha, li tinkludi aċċess ta' kwalità għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva; |
|
32. |
Jenfasizza d-diżastri naturali dejjem aktar numerużi u severi fl-Ewropa, kif evidenzjat dan l-aħħar mir-rekord ta' nirien fil-foresti fis-sajf tal-2022; jiddispjaċih li, minħabba t-tibdil fil-klima, tali eventi ta' temp estrem li spiss jirriżultaw f'emerġenzi se jintensifikaw u jimmultiplikaw; jiddeċiedi, għalhekk, u f'konformità mal-wegħda tal-President tal-Kummissjoni fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni 2022, li jsaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili b'EUR 20 miljun sabiex itejjeb il-kapaċità ta' reazzjoni tal-Unjoni u jipproteġi aħjar liċ-ċittadini tagħha, inklużi l-kapaċitajiet għall-mobilizzazzjoni ta' unitajiet mediċi f'emerġenzi, u jissottolinja l-ħtieġa li jsir investiment fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih għar-reġjuni partikolarment vulnerabbli; |
|
33. |
Ifakkar li s-setturi kulturali u kreattivi, ħafna drabi negozji żgħar, artisti individwali u organizzazzjonijiet komunitarji mingħajr skop ta' qligħ, ġew affettwati ħażin mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri tas-saħħa pubblika relatati; jenfasizza r-rwol fundamentali li l-programm Ewropa Kreattiva għandu fl-appoġġ tal-kreazzjonijiet Ewropej u l-valuri tal-Unjoni kif ukoll l-irkupru tas-setturi kulturali u kreattivi, fit-trawwim tal-litteriżmu fil-media u fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jiddeċiedi, għalhekk, li jżid l-approprjazzjonijiet tal-programm tal-2023 bi EUR 12-il miljun 'il fuq mill-AB; |
|
34. |
Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi promoss ir-rispett tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri fit-tisħiħ tal-valuri tal-Unjoni, taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u d-demokrazija, l-ugwaljanza u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-istat tad-dritt fl-Unjoni, u fl-appoġġ tal-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; ireġġa' lura, għalhekk, it-tnaqqis tal-Kunsill għall-programm; jiddeċiedi, barra minn hekk, li jżid il-fergħa Daphne b'EUR 2 miljuni 'l fuq mill-AB biex tiġi indirizzata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li marret għall-agħar minn mindu faqqgħet il-pandemija, kif ukoll il-forom kollha ta' vjolenza kontra r-rifuġjati, it-tfal, iż-żgħażagħ, u gruppi oħra f'riskju, bħal persuni LGBTIQ+ u persuni b'diżabilità u, l-fergħa “l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini” b'EUR 1,5 miljun 'il fuq mill-AB, b'mod partikolari biex jiġi żgurat segwitu xieraq għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; |
|
35. |
Jinsab imħasseb ħafna dwar id-diversi rapporti li jissinjalaw il-finanzjament ta assoċjazzjonijiet b'rabtiet ma' organizzazzjonijiet reliġjużi u politiċi radikali, bħall-Fratellanza Musulmana; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-fondi tal-Unjoni jiffinanzjaw biss organizzazzjonijiet li jirrispettaw strettament il-valuri Ewropej kollha, inklużi l-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kelma u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, b'mod partikolari permezz tal-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, timponi fuq l-organizzazzjonijiet benefiċjarji l-iffirmar ta' Karta li permezz tagħha jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw dawk il-valuri qabel ma l-fondi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni; |
|
36. |
Ifakkar fl-importanza li jiġu appoġġati d-djalogu soċjali u t-taħriġ tal-ħaddiema u li jiġi żgurat finanzjament stabbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura assorbiment tajjeb tal-baġits relatati; |
|
37. |
Iqis li għandu jkun hemm biżżejjed approprjazzjonijiet għal-linja baġitarja tal-Komunità Ċiprijotta Torka għall-fini li jingħata kontribut deċiżiv għat-tkomplija u l-intensifikazzjoni tal-missjoni tal-Kumitat għall-Persuni Neqsin f'Ċipru, u li jingħata appoġġ lill-Kumitat Tekniku għall-Wirt Kulturali bikomunitarju; |
|
38. |
Jinnota li bosta dokumenti u komunikazzjonijiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-aġenziji tal-Unjoni huma disponibbli bil-lingwa Ingliża biss; jinnota wkoll li l-laqgħat ta' ħidma jsiru mingħajr il-possibbiltà ta' interpretazzjoni; jitlob ir-rispett tal-prinċipji, tad-drittijiet u tal-obbligi stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fir-Regolament Nru 1/1958, kif ukoll fil-linji gwida u fid-deċiżjonijiet interni, bħall-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba; jistieden għaldaqstant lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-aġenziji tal-Unjoni jfornu r-riżorsi umani neċessarji biex jiggarantixxu r-rispett tal-multilingwiżmu, billi jżidu l-persunal inkarigat mit-traduzzjoni u mill-interpretazzjoni; |
|
39. |
Jissottolinja l-importanza tal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni mill-frodi, il-korruzzjoni u mġiba pprojbita oħra, li jaffettwaw ħażin il-baġits tal-Unjoni u dawk nazzjonali; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq ir-rwol ċentrali li għandu l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-użu tal-fondi ta' NGEU, u fl-iżgurar tal-konformità mal-istat tad-dritt; jiddeċiedi, għalhekk, li japplika rinforzi mmirati għall-UPPE u jżid il-livelli tal-persunal tiegħu biex jippermetti lill-korp iwettaq il-mandat tiegħu, u b'hekk isaħħaħ l-isforzi kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata; jistieden lill-Istati Membri kollha jingħaqdu mal-UPPE u jiżguraw protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; ifakkar fl-importanza tal-konformità mar-reġim ġenerali tal-kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni; |
|
40. |
Iqis li jeħtieġ li jiġi żgurat finanzjament adegwat u stabbli għall-komunikazzjoni istituzzjonali, biex l-Unjoni tkun tista' tikkomunika maċ-ċittadini, inkluż fil-livell lokali, tikkumbatti d-diżinformazzjoni u tiffaċilita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika, li huwa saħansitra aktar urġenti fid-dawl tal-gwerra Russa kontra l-Ukrajna; ireġġa' lura, għalhekk, il-livell tal-AB għal-linji rilevanti; |
|
41. |
Isaħħaħ is-Subintestatura 2b b'mod ġenerali b'EUR 272 821 707 'il fuq mill-AB f'approprjazzjonijiet ta' impenn (minbarra l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu tal-marġni disponibbli u l-mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali; |
Intestatura 3 – Riżorsi Naturali u Ambjent
|
42. |
Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-impatt tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha kif ukoll tal-avvenimenti estremi tat-temp, inklużi nixfiet severi u fit-tul, fuq il-produzzjoni u d-distribuzzjoni fis-settur agrikolu u s-swieq tal-ikel; jissottolinja r-rwol strateġiku li għandha l-agrikoltura biex tevita kriżi tal-ikel billi tipprovdi ikel sikur u ta' kwalità għolja bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd madwar l-Ewropa kollha; ifakkar li l-2023 hija l-ewwel sena tal-politika agrikola komuni l-ġdida li se tappoġġa lill-bdiewa tal-Unjoni, li għandhom rwol fundamentali fiż-żamma tar-reżiljenza ekonomika taż-żoni rurali, billi ttaffi l-piż tad-dejn tal-bdiewa żgħażagħ u tgħinhom bir-rati tal-imgħax tas-self li qed jogħlew u bl-ispejjeż ogħla tal-inputs; jemmen li s-sitwazzjoni ta' kriżi tiġġustifika l-mobilizzazzjoni parzjali tar-riżerva agrikola l-ġdida b'minimu ta' EUR 10 miljuni għall-bdiewa żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tħejji miżuri eċċezzjonali pertinenti f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti fl-att bażiku u żżid, kif rilevanti, l-ammont li għandu jiġi mobilizzat; |
|
43. |
Itenni l-importanza tal-programm LIFE li jappoġġa l-azzjoni klimatika u l-protezzjoni ambjentali u r-rwol ewlieni tiegħu fit-tfassil ta' intervent eżemplari u ta' miżuri ta' katalizzazzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għat-tibdil fil-klima kif ukoll għat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità; jitlob li l-livell ta' appoġġ baġitarju għal LIFE jiżdied fid-diversi linji tal-programm jenfasizza li kwalunkwe tisħiħ annwali għall-programm LIFE se jimplika progress lejn il-miri u l-ambizzjonijiet ta' integrazzjoni fl-oqsma tal-klima u tal-bijodiversità; iqis li ċ-ċirkostanzi preżenti jiġġustifikaw enfasi partikolari fuq l-artikolu li jkopri t-Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa; |
|
44. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent jiżdied b'mod sinifikanti biex tipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji u tal-persunal ħalli jkunu jistgħu jiġu implimentati kompletament il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-politiki relatati tiegħu bħala wieħed mill-pilastri ewlenin għat-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni għal waħda newtrali f'termini ta' emissjonijiet ġusta, inklużiva, sostenibbli u reżiljenti; jemmen li l-Kummissjoni għandha, akkost ta' kollox, tevita li tipperikola l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-politiki u l-leġiżlazzjoni ambjentali; |
|
45. |
Jisħaq fuq ir-rwol importanti tal-pjanijiet ta' transizzjoni ġusti u l-ħtieġa għall-approvazzjoni f'waqtha tagħhom fis-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika attwali biex jiġu żgurati l-investimenti u t-tkabbir meħtieġa fl-Unjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta bħala għodda essenzjali biex tiżdied l-indipendenza tal-enerġija u l-kapaċità innovattiva tal-Unjoni u jiġu indirizzati l-isfidi soċjoekonomiċi u t-tranżizzjoni tal-enerġija b'reazzjoni għall-miri klimatiċi; |
|
46. |
Isaħħaħ l-Intestatura 3 b'EUR 61 240 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mil-livelli tal-AB (minbarra l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu ta' parti mill-marġini disponibbli; |
|
47. |
Ifakkar li, kif inhi l-prassi tas-soltu, Ittra Emendatorja xorta tagħti stampa sħiħa tad-disponibbiltajiet għall-FAEG u li l-approċċ għall-emendi fl-Intestatura 3 jista' jiġi aġġustat kif xieraq matul il-konċiljazzjoni; |
Intestatura 4 – Migrazzjoni u Ġestjoni tal-Fruntieri
|
48. |
Jinnota li, fl-2022, bħala riżultat tal-gwerra kontra l-Ukrajna, kien meħtieġ li jiġi pprovdut finanzjament addizzjonali ta' EUR 150 miljun lill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) biex jappoġġa lill-Istati Membri li jirċievu nies li qed jaħarbu mill-konflitt; jilqa' d-deċiżjoni li tiġi attivata d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (16), li, minħabba n-natura tal-konflitt u l-isforzi tal-Istati Membri għall-protezzjoni tan-nisa u t-tfal mit-traffikar tal-bnedmin, inkluż traffikar għal skopijiet ta' sfruttament sesswali, se tinvolvi impenn finanzjarju fit-tul u teħtieġ appoġġ baġitarju kontinwu lill-Istati Membri; jiddeċiedi, għalhekk, li jsaħħaħ l-AMIF b'EUR 100 miljun 'il fuq mill-AB fl-2023; |
|
49. |
Ifakkar li, fl-2022, kien meħtieġ ukoll li tiġi pprovduta żieda fil-finanzjament lill-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi (BMVI) biex ikun jista' jingħata appoġġ addizzjonali lill-Istati Membri l-aktar esposti fil-kuntest tal-gwerra, kif ukoll appoġġ għall-integrazzjoni ulterjuri tar-Rumanija, il-Bulgarija u l-Kroazja fiż-żona Schengen; jiddispjaċih, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ripetutament ipproponiet li ddgħajjef il-pakkett finanzjarju miftiehem għall-BMVI sabiex jinstabu riżorsi għall-aġenziji tal-ġustizzja u l-affarijiet interni b'mandati estiżi, inkluż il-Europol fl-AB; jiddeċiedi, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, li jżid il-BMVI b'EUR 25 miljun 'il fuq mill-AB fl-2023; |
|
50. |
Ifakkar fir-rwol vitali li għandha l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil fl-appoġġ tal-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri tal-ażil u tal-protezzjoni internazzjonali u jinnota li l-ammont ta' xogħol tal-aġenzija żdied, kemm bħala riżultat tal-gwerra kontra l-Ukrajna kif ukoll minħabba l-kompiti l-ġodda fdati lilha; taħt il-mandat imsaħħaħ tagħha; jiddeċiedi, għalhekk, li jżid il-persunal tal-aġenzija |
|
51. |
Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar żieda fl-approprjazzjonijiet ta' impenn u l-persunal għall-eu-LISA f'konformità mal-ħtiġijiet identifikati tal-aġenzija, biex b'hekk tkun tista' tkompli timplimenta għadd ta' proġetti kritiċi tal-Unjoni għas-sigurtà interna u l-ġestjoni tal-fruntieri fl-2023; |
|
52. |
Jenfasizza l-importanza ta' Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) effettiva biex tassisti lill-Istati Membri fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni komuni tal-Unjoni u biex tiżgura ġestjoni integrata tal-fruntieri f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali; jinnota li l-Frontex għadu qed ikollha diffikultà biex tassorbi ż-żieda qawwija sena wara sena fl-approprjazzjonijiet u biex tirrekluta l-persunal operazzjonali addizzjonali meħtieġ; jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi fil-fond tal-kwistjoni biex ittejjeb l-implimentazzjoni taħt l-iskrutinju tal-Parlament; jiddeċiedi għalhekk li jappoġġa t-tnaqqis propost mill-Kunsill ta' EUR 50 miljun għall-Frontex fl-2023; jissottolinja madankollu l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Frontex ikollha l-mezzi baġitarji neċessarji biex tissodisfa l-mandat u l-obbligi tagħha; |
|
53. |
Isaħħaħ l-Intestatura 4 b'mod ġenerali b'EUR 130 430 664 'il fuq mill-pożizzjoni tal-Kunsill u EUR 80 430 664 'il fuq mill-AB, li għandhom jiġu ffinanzjati bl-użu ta' parti mill-marġini disponibbli; |
Intestatura 5 – Sigurtà u difiża
|
54. |
Jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea fi kwistjonijiet ta' difiża b'kunsiderazzjoni tal-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-ambjent internazzjonali instabbli ħafna; iqis li tali kooperazzjoni mhux biss tagħmel lill-Ewropa u liċ-ċittadini tagħha aktar sikuri iżda twassal ukoll għal aktar effiċjenza u ffrankar potenzjali; jitlob f'dan ir-rigward għal żieda fil-finanzjament għal-linja tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-Fond Ewropew għad-Difiża sabiex titrawwem bażi industrijali tad-difiża innovattiva u kompetittiva li tikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Unjoni; |
|
55. |
Jipproponi wkoll li jiżdied il-finanzjament għall-mobilità militari bil-għan li jgħin lill-Istati Membri jaġixxu aktar malajr u b'mod aktar effettiv; jinnota li hemm bżonn ta' finanzjament suffiċjenti biex jiġu appoġġati l-missjonijiet u l-operazzjonijiet fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, inkluż permezz ta' miżuri bħall-finanzjament ta' infrastruttura tat-trasport b'użu doppju u s-simplifikazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet diplomatiċi u tar-regoli doganali; jinnota li l-mobilità militari tista' tissaħħaħ ukoll bl-adeżjoni urġenti tar-Rumanija, il-Bulgarija u l-Kroazja fiż-Żona Schengen; ifakkar li n-nuqqas li tissolva dik il-kwistjoni għandu impatt ekonomiku u ġeostrateġiku detrimentali; jissottolinja l-ħtieġa li l-livell tal-Abbozz ta' Baġit tal-Fond għas-Sigurtà Interna jerġa' jiġi kif kien biex jiżgura finanzjament suffiċjenti għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata b'dimensjoni transfruntiera u ċ-ċiberkriminalità; |
|
56. |
Isaħħaħ l-Intestatura 5 b'mod ġenerali b'EUR 81 192 700 'l fuq mill-AB, li għandha tiġi ffinanzjata bl-użu tal-marġini disponibbli u l-mobilizzazzjoni ta' strumenti speċjali; |
Intestatura 6 – Il-Viċinat u d-Dinja
|
57. |
Jinnota bi tħassib kbir li l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-effetti tagħha madwar id-dinja żiedu l-ħtiġijiet ta' assistenza umanitarja b'mod drammatiku, li diġà kienu taħt pressjoni minħabba d-distakki fil-finanzjament u l-multiplikazzjoni tal-kriżijiet u l-konflitti fid-dinja; jitlob li tiżdied b'mod sinifikanti l-għajnuna umanitarja biex jiġi indirizzat id-distakk bla preċedent bejn il-ħtiġijiet u r-riżorsi disponibbli; jikkundanna l-fatt li l-Intestatura 6 m'għandha l-ebda marġni u għalhekk mhix adattata għas-sitwazzjoni attwali jew biex tindirizza emerġenzi ġodda possibbli; iqis li l-limitu massimu tal-Intestatura 6 għandu jiżdied b'urġenza; jiddispjaċih li l-AB mhuwiex fil-qagħda li tal-inqas iżomm il-livell attwali ta' rispons filwaqt li l-ħtiġijiet umanitarji u l-emerġenzi qed jiżdiedu b'mod qawwi madwar id-dinja, li partikolarment qed jaggravaw in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel minħabba l-impatt tal-gwerra Russa ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna, li tintensifika l-impatti tat-tibdil fil-klima u d-diżastri dejjem aktar severi kkaġunati mill-klima u kunflitti emerġenti ġodda; jinsab imħasseb ħafna li anke biż-żidiet proposti mill-Parlament, ma jkunx hemm biżżejjed riżorsi biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' għajnuna umanitarja fl-2023; |
|
58. |
Jitlob għall-appoġġ kontinwu u sostanzjali għall-Viċinat tal-Lvant, speċjalment għall-pajjiżi li jgħinu lir-refuġjati li qed jaħarbu mill-Ukrajna u li jiffaċċjaw l-inflazzjoni u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija u tal-ikel; iqis li huwa meħtieġ li jiġu appoġġati riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali u atturi tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiddefendu d-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-komunità LGBTIQ+ jew li jipprovdu assistenza lil persuni ppersegwitati u l-priġunieri politiċi, flimkien mal-organizzazzjonijiet Ukreni u tal-Moldova li ġew sfurzati jirristrutturaw l-attivitajiet tagħhom bħala riżultat tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, l-organizzazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-midja indipendenti li tgħin biex tikxef id-diżinformazzjoni u l-propaganda; |
|
59. |
Jitlob li jiġu allokati riżorsi addizzjonali lill-Viċinat tan-Nofsinhar sabiex jiġu appoġġati r-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali; jilqa' t-tħabbira reċenti tal-impenn kontinwu tal-Unjoni għall-finanzjament pluriennali lill-UNRWA; jissottolinja li ż-żieda fl-approprjazzjonijiet għall-Viċinat tan-Nofsinhar hija partikolarment maħsuba biex tipprovdi finanzjament prevedibbli għall-UNRWA, fid-dawl tar-rwol kruċjali li għandha fil-protezzjoni u l-iżgurar tal-ħtiġijiet essenzjali tar-refuġjati Palestinjani kif ukoll li tikkontribwixxi għall-iżvilupp uman tagħhom; |
|
60. |
Isaħħaħ il-programmi tematiċi u l-azzjonijiet ta' rispons rapidu tal-NDICI-Ewropa Globali (NDICI-GE), b'mod partikolari permezz tal-programm “Nies”, biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna, jiġu żviluppati sistemi tas-saħħa aktar robusti u jingħalqu d-distakki fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa essenzjali kif ukoll biex jiffinanzja miżuri ta' adattament u mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima permezz tal-programm “Pjaneta”, u permezz tal-użu tal-linja Reżiljenza biex jitrawmu sinerġiji bejn azzjonijiet umanitarji, ta' żvilupp, investimenti pubbliċi u azzjonijiet ta' paċi, speċjalment f'pajjiżi li huma kandidati għall-adeżjoni iżda għadhom ma jibbenefikawx mill-Istrument ta' Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA); |
|
61. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-qafas tal-IPA biex jiġu appoġġati t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u wkoll bħala prijorità ġeopolitika, speċjalment fil-kuntest tal-gwerra ta' aggressjoni mhux ipprovokata tar-Russja kontra l-Ukrajna, li kellha reżonanza qawwija madwar ir-reġjun, iżda jinsisti fuq ir-rekwiżiti ta' kundizzjonalità rigward l-istat tad-dritt għal kull euro impenjat fil-baġit 2023; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tuża parti mill-finanzjament addizzjonali għall-ipprogrammar ta' Erasmus+ ħalli jiżdied il-finanzjament għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għall-fini ta' programm ġdid ta' boroż ta' studju għall-istudenti minn pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; |
|
62. |
Jitlob li l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova jiġu inklużi kemm jista' jkun malajr fil-kamp ta' applikazzjoni tal-IPA u li l-pakkett finanzjarju tal-programm jiżdied kif xieraq; iqis li huwa meħtieġ li jingħata appoġġ lill-Ukrajna u lill-Moldova, bħala pajjiżi kandidati ġodda għall-Unjoni, u lill-Georgia, bħala applikant aspiranti, fit-triq tagħhom lejn is-sħubija fl-Unjoni; jitlob għall-forniment ta' iżjed assistenza finanzjarja pprovduta taħt l-IPA III sabiex tiġi promossa d-dimensjoni internazzjonali tal-programm Erasmus+. |
|
63. |
Jiddeċiedi li jżid l-appoġġ għall-komunikazzjoni strateġika, speċjalment għall-miżuri mmirati lejn il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni globali permezz tat-traċċar u tal-esponiment sistematiċi tad-diżinformazzjoni mxerrda minn atturi tal-istat jew minn atturi oħrajn; |
|
64. |
Jissottolinja r-rwol ewlieni tal-Assistenza Makrofinanzjarja tal-UE lill-Moldova, l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Georgia, il-Kosovo, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq, u l-Ukrajna biex tippromwovi l-investimenti, tappoġġa l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tal-gwerra; |
|
65. |
Isaħħaħ l-Intestatura 6 b'mod ġenerali b'EUR 465 000 000 'l fuq mill-AB, li għandha tiġi ffinanzjata bil-mobilizzazzjoni ta' strumenti speċjali; |
Intestatura 7 – Amministrazzjoni Pubblika Ewropea
|
66. |
Iqis li t-tnaqqis tal-Kunsill f'din l-intestatura – li huwa maħsub biex jevita r-rikors għall-Istrument ta' Flessibilità, kif propost fl-AB – mhuwiex ġustifikat u ma jippermettix lill-Kummissjoni twettaq il-kompiti tagħha; għalhekk ireġġa' lura l-AB għan-nefqa amministrattiva tal-Kummissjoni, inkluż fir-rigward tal-Uffiċċji tagħha; |
|
67. |
Jenfasizza r-riskji għas-sigurtà interna tal-Unjoni li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna min-naħa tar-Russja; f'dak il-kuntest, jilqa' t-tnedija taċ-Ċentru ta' Appoġġ għas-Sigurtà Interna u l-Ġestjoni tal-Fruntieri fil-Moldova u jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u taċċelera l-operabilità sħiħa taċ-Ċentru billi tipprovdi appoġġ loġistiku u finanzjarju permezz ta' kooperazzjoni mad-DĠ Home u d-DĠ Just, kif ukoll mal-esperti tal-Unjoni mill-aġenziji rilevanti tal-ĠAI tal-Unjoni skjerati fil-Moldova; |
|
68. |
Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-Kummissjoni jkollha biżżejjed persunal biex twettaq il-kompiti tagħha, inkluż dawk relatati ma' inizjattivi ġodda jew leġiżlazzjoni ġdida adottata; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżgura li jkollha l-persunal addizzjonali meħtieġ għal implimentazzjoni effiċjenti u effikaċi; jenfasizza f'dak il-kuntest l-impatt tal-proposti leġiżlattivi taħt il-Patt Ekoloġiku tal-Unjoni, l-Att dwar is-Swieq Diġitali u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, u ż-żieda fin-nefqa tal-Unjoni minħabba NGEU u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fuq il-ħtiġijiet tal-persunal f'ċerti servizzi, b'mod partikolari d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Ambjent (DĠ ENV), id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent (DĠ ENV), id-Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija (DĠ CNECT) u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF); jesprimi tħassib li l-Kummissjoni m'għandhiex il-persunal meħtieġ għax-xogħol meħtieġ; jitlob lill-Kummissjoni biex tqis dawk il-ħtiġijiet tal-persunal, mingħajr ma tfixkel il-livelli tal-persunal f'partijiet oħra tal-istituzzjoni; |
|
69. |
Jitlob l-adozzjoni rapida tar-reviżjoni mmirata tar-Regolament Finanzjarju proposta mill-Kummissjoni fir-rigward tat-trattament tal-imgħax ta' inadempjenza għall-ħlas lura tard ta' multi tal-kompetizzjoni kkanċellati jew imnaqqsa, sabiex tiġi evitata pressjoni fuq l-infiq taħt l-Intestatura 7; |
Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji (PP-AP)
|
70. |
Ifakkar fl-importanza tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji (PP-AP) bħala għodod għall-formulazzjoni tal-prijoritajiet politiċi u għall-introduzzjoni ta' inizjattivi ġodda li jkollhom il-potenzjal li jinbidlu f'attivitajiet u programmi permanenti tal-Unjoni; jadotta, wara analiżi bir-reqqa tal-proposti kollha mressqa u filwaqt li jqis b'mod sħiħ il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tar-rispett tagħhom tar-rekwiżiti legali u l-implimentazzjoni, pakkett ibbilanċjat ta' PP-AP li jirrifletti l-prijoritajiet politiċi tal-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta malajr il-PP-AP u tipprovdi feedback dwar il-prestazzjoni u r-riżultati tagħhom fuq il-post; |
Pagamenti
|
71. |
Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi pprovdut livell suffiċjenti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit 2023 u jiddeċiedi, bħala regola ġenerali, li jreġġa' lura t-tnaqqis tal-Kunsill u li jsaħħaħ l-approprjazzjonijiet ta' pagament fuq dawk il-linji li huma emendati f'approprjazzjonijiet ta' impenn; jenfasizza li huwa meħtieġ li tiġi aċċelerata l-implimentazzjoni tal-programm biex jiġu evitati arretrati ta' pagamenti fit-tieni nofs tal-perjodu tal-QFP; |
Taqsimiet Oħra
Taqsima I – Il-Parlament Ewropew
|
72. |
Iżomm l-istess livell ġenerali tal-baġit tiegħu għall-2023 stabbilit għal EUR 2 268 777 642, f'konformità mal-istimi tiegħu ta' dħul u nfiq adottati mill-Plenarja fis-7 ta' April 2022 u aġġornati fit-3 ta' Mejju 2022 fuq talba tal-Kummissjoni minħabba bidla fir-rata ta' indiċjar stmata; jiddeċiedi li jinkludi artifiċjalment u b'mod newtrali baġitarju 98 kariga fit-tabella ta' stabbiliment tiegħu għal sena waħda biss sabiex jippermetti l-integrazzjoni tar-rebbieħa ta' kompetizzjoni interna fid-dawl tal-applikazzjoni tal-Artikolu 29(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, b'mod simili għal dak li sar fil-baġit 2020; jaġġorna r-rimarki ta' ħames linji baġitarji, biex tiżdied ukoll il-possibbiltà li jiġu rimborżati l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tal-petizzjonanti, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tas-sussistenza u inċidentali, matul il-missjonijiet uffiċjali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet barra mill-bini tal-Parlament; |
|
73. |
Jirrikonoxxi r-rwol importanti li għandha l-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (PPE/F) għat-trasparenza, il-ġestjoni finanzjarja soda u d-diversità tas-sistema politika billi tiżgura l-applikazzjoni ta' regoli komuni mill-PPE/F; jinnota li, filwaqt li l-baġit tagħha huwa inkluż taħt it-Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, l-Awtorità hija korp indipendenti tal-Unjoni; jiddeċiedi għalhekk li joħloq punt separat għar-remunerazzjonijiet u l-allowances tal-persunal li jaħdem għall-Awtorità u linja separata fl-organigramma tal-Parlament li tkopri l-postijiet tagħha, mingħajr approprjazzjonijiet addizzjonali għall-AB; |
|
74. |
Jitlob lill-Bureau jipprovdi biżżejjed riżorsi għall-Artikolu 3 2 3 — Appoġġ għad-demokrazija u l-bini ta' kapaċità għall-parlamenti ta' pajjiżi terzi sabiex il-Parlament jikkontribwixxi b'mod effiċjenti għall-organizzazzjoni tat-tielet edizzjoni tal-konferenza ta' livell għoli tal-Kampus Globali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jekk meħtieġ u possibbli, inkluż permezz ta' talba għal trasferiment mill-amministrazzjoni tal-Parlament matul is-sena ta' eżekuzzjoni baġitarja; |
|
75. |
F'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija tas-7 ta' April 2022 dwar l-estimi tiegħu tad-dħul u l-infiq għas-sena finanzjarja 2023 u b'kont meħud tat-tweġibiet mogħtija mis-Segretarju Ġenerali fl-20 ta' Lulju 2022:
|
|
76. |
Jistieden lill-Parlament ikompli jwettaq valutazzjonijiet regolari tal-organizzazzjoni tal-ħtiġijiet tal-persunal tiegħu, jalloka mill-ġdid il-postijiet fost id-direttorati skont il-prijoritajiet li qed jevolvu, sabiex iwettaq kompiti ġodda, kemm jista' jkun f'livelli kostanti ta' persunal, u jivvaluta r-riskji relatati mal-impjegar ta' għadd dejjem jikber ta' aġenti kuntrattwali, inkluż il-periklu li tinħoloq struttura ta' persunal fuq żewġ livelli fi ħdan il-Parlament; jissottolinja li, filwaqt li jqis l-obbligi legali tal-Parlament, il-prijoritizzazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi qed issir dejjem aktar importanti f'kuntest ta' inflazzjoni; |
Taqsimiet Oħra (Taqsimiet IV-X)
|
77. |
Jisħaq dwar il-pressjoni li l-kuntest inflazzjonarju għoli għandu fuq in-nefqa għall-istituzzjonijiet l-oħra; jenfasizza li l-akbar partijiet tal-baġits tagħhom huma ffissati minn obbligi statutorji jew kuntrattwali affettwati mill-inflazzjoni u li m'għandhom l-ebda kontroll fuq ir-rati tal-inflazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija; jirrimarka l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet ikollhom biżżejjed persunal sabiex iwettqu l-mandat tagħhom; jilqa' l-isforzi kontinwi li saru mill-istituzzjonijiet biex jirrolikaw il-persunal u jsibu kisbiet addizzjonali fl-effiċjenza iżda jirrikonoxxi l-limiti ta' dan l-approċċ fil-kuntest attwali meta jingħaqad mar-responsabbiltajiet li dejjem jiżdiedu; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tat l-ebda kariga addizzjonali mitluba mill-istituzzjonijiet l-oħra, irrispettivament mill-kompiti l-ġodda tagħhom; jikkundanna l-approċċ orizzontali meħud mill-Kunsill biex iżid ir-rata ta' tnaqqis b'1,8 punti perċentwali f'kull istituzzjoni u jqis li dan mhuwiex ġustifikat; ifakkar li ż-żieda tar-rata ta' tnaqqis tobbliga lill-istituzzjonijiet l-oħra jżommu għadd ogħla ta' postijiet vakanti, u b'hekk inaqqsu l-forza tax-xogħol tagħhom, il-kapaċitajiet tagħhom li jwieġbu għat-tħassib taċ-ċittadini u jissodisfaw il-mandat tagħhom; |
|
78. |
Jiddeċiedi għalhekk li jreġġa' lura l-livell tal-AB għall-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni; f'konformità mal-ftehim bejn ġentlomi, ma jimmodifikax il-qari tal-Kunsill li jikkonċerna l-Kunsill u l-Kunsill Ewropew; |
|
79. |
Iżid, għall-każijiet debitament iġġustifikati li ġejjin, il-livell ta' approprjazzjonijiet jew persunal 'il fuq mill-AB sabiex jagħti lill-istituzzjonijiet biżżejjed riżorsi biex iwettqu b'mod adegwat, effiċjenti u effettiv in-numru dejjem jikber ta' kompiti mill-mandat tagħhom u jkunu mgħammra għall-isfidi li ġejjin, b'mod partikolari fir-rigward taċ-ċibersigurtà; jissottolinja f'dan ir-rigward li l-Unjoni mhijiex ippreparata biżżejjed biex tiġġieled kontra t-theddid ċibernetiku li, matul is-snin, qed jiżdied fil-frekwenza u l-kumplessità; jemmen li, l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, għandhom jingħataw mezzi u persunal xierqa sabiex jindirizzaw dak it-theddid kemm internament kif ukoll fil-kuntest tal-kooperazzjoni interistituzzjonali; jipproponi għalhekk li:
|
Valutazzjoni tal-Ittra Emendatorja
|
80. |
Jieħu nota tal-fatt li l-Ittra Emendatorja Nru 1 għall-abbozz tal-baġit ġenerali 2023, li għandha impatt nett globali fuq in-nefqa ta' EUR 758,3 miljun addizzjonali f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' EUR 2 394,9 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament, inkluża żieda sinifikanti ħafna f'approprjazzjonijiet ta' pagament b'konsegwenza tal-pakkett FAST-CARE; jieħu nota wkoll tal-fatt li, globalment, il-Kummissjoni tipproponi l-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà b'ammont ta' EUR 822,1 miljun għall-intestaturi 2b, 5 u 6; |
|
81. |
Jinnota li l-Ittra Emendatorja tinkludi biss uħud mill-preokkupazzjonijiet u l-prijoritajiet tal-Parlament kif stabbiliti f'din ir-riżoluzzjoni, bħar-rinforzi għall-għajnuna umanitarja, il-UCPM u Erasmus+ u appoġġ akbar għad-difiża; madankollu, jesprimi tħassib li r-rinforzi proposti huma insuffiċjenti u wħud mir-rinforzi proposti huma frontloading pjuttost milli approprjazzjonijiet addizzjonali; |
|
82. |
Jinnota l-miżuri u l-azzjonijiet meħuda sal-lum b'appoġġ għall-Ukrajna minn meta bdiet il-gwerra, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miżuri addizzjonali; jiddispjaċih li l-proposti baġitarji tal-Kummissjoni għall-2023 ma jipprovdux rispons xieraq għall-konsegwenzi wesgħin tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jemmen li l-ħtiġijiet għall-2023 huma ferm akbar minn dak li huwa propost fl-Ittra Emendatorja; |
|
83. |
Jinnota l-proposta biex l-Istrument ta' Marġini Uniku jiġi mobilizzat b'ammont ta' EUR 450 miljun biex ikopri l-kostijiet ta' finanzjament tal-EURI; jenfasizza l-fatt li l-ammonti attwali meħtieġa għall-kostijiet ta' finanzjament tal-EURI fi kwalunkwe baġit annwali partikolari jiddependu mir-rati tal-imgħax fuq is-self, u dan idaħħal livell sinifikanti ta' inċertezza fin-negozjati dwar il-baġit annwali; jisħaq li dawk il-kostijiet qatt ma għandhom ikunu askapitu tal-finanzjament għall-programmi; jenfasizza li l-użu tal-SMI għall-kostijiet ta' finanzjament tal-EURI jnaqqas ukoll il-flessibbiltà diġà limitata ħafna u l-marġnijiet stretti tal-baġit u, għaldaqstant, il-kapaċità ta' rispons għall-ħtiġijiet attwali u emerġenti; ifakkar fl-urġenza li l-QFP jiġi rivedut sostanzjalment u fit-talbiet tal-Parlament li l-EURI jitqies apparti l-limiti massimi tal-QFP; |
|
84. |
Jinnota l-livell aġġustat ta' approprjazzjonijiet għal-linja “Taqsimiet oħra” meta titqies l-istima attwali tal-aġġustament tas-salarji għall-2022, li hija inqas milli previst fl-AB 2023, kif ukoll it-trasferiment ta' approprjazzjonijiet mil-linja “Istituzzjonijiet oħra” għal-linja “CERT-UE” sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Unjoni fir-rsigward taċ-ċibersigurtà, u b'hekk jitnaqqas il-livell ta' approprjazzjonijiet tal-linja “Istituzzjonijiet oħra” b'EUR 45 miljun; |
o
o o
|
85. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-emendi għall-abbozz tal-baġit ġenerali, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali. |
(1) ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.
(2) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(3) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(5) Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027, Anness 2: Dikjarazzjonijiet (Testi adottati, P9_TA(2020)0357).
(6) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(8) Testi adottati, P9_TA(2022)0219.
(9) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(10) ĠU C 99, 1.3.2022, p. 158.
(11) Testi adottati, P8_TA(2017)0010.
(12) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.
(13) Testi adottati, P9_TA(2022)0106.
(14) Testi adottati, P9_TA(2022)0127.
(15) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
(16) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).