52014PC0067

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fit-53 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti tal-OTIF dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi fir-rigward ta’ ċerti emendi għall-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2015 /* COM/2014/067 final - 2014/0035 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta għandha l-għan li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-OTIF (minn issa ’l quddiem “il-kumitat ta' esperti tar-RID”) li għandu jsir fit-22 ta’ Mejju 2014 fir-rigward ta’ ċerti emendi tekniċi u dispożizzjonijiet amministrattivi mniżżla fl-Anness tal-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF), li huma mistennija li jiġu deċiżi mill-kumitat imsemmi.

L-Anness imsemmi hawn fuq, li huwa magħruf bħala r-“RID” (ir-Regolamenti dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-ferrovija), jirregola t-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija bejn dawk l-Istati Kontraenti tal-COTIF li japplikaw ir-regoli tar-RID (l-Istati Kontraenti tar-RID).

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Id-dispożizzjonijiet internazzjonali relatati mat-trasport ta’ oġġetti perikolużi huma stabbiliti f’diversi organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OTIF, il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN-ECE) u diversi aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti. Minħabba li r-regoli jridu jkunu kompatibbli ma’ xulxin, ġiet żviluppata sistema internazzjonali kumplessa għall-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet involuti f’dan ix-xogħol. Id-dispożizzjonijiet jiġu adattati wara ċiklu ta’ sentejn.

Matul il-preparazzjoni ta’ dawn l-emendi ġew ikkonsultati firxa kbira ta’ esperti mis-settur pubbliku u privat. Matul l-iżvilupp ta’ dawn l-emendi saru l-laqgħat tekniċi li ġejjin:

fis-Sottokumitat ta’ Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi

(1) fil-41 sessjoni tiegħu f'Ġinevra, mill-25 ta' Ġunju – sal-4 ta' Lulju 2012,

(2) fit-42 sessjoni tiegħu f'Ġinevra, mit-3 – sal-11 ta' Diċembru 2012,

(3) fit-43 sessjoni tiegħu f'Ġinevra, mill-24 – sat-28 ta' Ġunju 2013 u

(4) fl-44 sessjoni tiegħu f'Ġinevra, mill-25 ta' Novembru – sal-4 ta' Diċembru 2013,

fil-laqgħa konġunta tal-Kumitat ta' Esperti tar-RID tal-OTIF UN-ECE – u l-Grupp ta' Ħidma dwar it-Trasport ta' Oġġetti Perikolużi fis-

(1) sessjoni tiegħu tal-ħarifa tal-2012 f'Ġinevra, mis-17 – sal-21 ta' Settembru 2012,

(2) sessjoni tiegħu tar-rebbiegħa tal-2013 f'Bern, mit-18 – sat-22 ta' Marzu 2013,

(3) sessjoni tiegħu tal-ħarifa tal-2013 f'Ġinevra, mis-17 – sas-27 ta' Settembru 2013, u

(4) f'laqgħa konġunta oħra, sessjoni tar-rebbiegħa tal-2014 f’Bern, mis-17 – sal-21 ta’ Marzu 2014, li hija mistennija li tirrakkomanda aktar emendi applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2015,

fil-grupp ta’ ħidma permanenti tal-kumitat ta’ esperti tar-RID

(1) fl-ewwel sessjoni tiegħu f'Riga, mit-12 – sal-15 ta' Novembru 2012, u

(2) fit-tieni sessjoni tiegħu f'Kopenħagen, mit-18 – sat-22 ta' Novembru 2013.

F’dawn il-laqgħat il-proposti individwali għal emendi ġew analizzati u pproċessati mill-kumitati ta' esperti. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet intlaħaq qbil unanimu rigward l-azzjoni rakkomandata. Ċerti proposti ġew rakkomandati mill-maġġoranza tal-esperti. Fit-22 ta’ Mejju 2014, il-kumitat ta' esperti se jieħu deċiżjonijiet dwar dawn il-proposti.

Il-Kumitat dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi, stabbilit skont id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi[1], wettaq diskussjonijiet preliminari dwar il-proposti fil-laqgħa tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2013.

L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) għamlet valutazzjoni tal-impatt estensiva dwar l-applikazzjoni ta’ detetturi ta' deraljament.[2] L-ERA tikkonkludi li l-applikazzjoni obbligatorja ta’ dan l-apparat fuq vaguni li jġorru ċerti oġġetti perikolużi mhix kosteffiċjenti.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-Unjoni aderiet mal-COTIF f’Lulju 2011 bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE.[3] Il-COTIF, huwa ftehim imħallat fejn l-Unjoni u l-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti. L-Anness III tad-Deċiżjoni jistabbilixxi l-arranġamenti interni għall-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi proċedimenti skont l-OTIF. Fi kwistjonijiet ta’ kompetenza esklussiva tal-UE, l-UE tivvota bl-għadd ta’ voti tal-Istati Membri kollha li huma membri tal-COTIF. Hemm 26 Stat Membru tal-UE li huma wkoll Stati Membri tal-COTIF. Bħalissa hemm sitta u erbgħin Stat Kontraenti tar-RID u tmienja u erbgħin Stat Membru tal-OTIF.

Mill-1 ta’ Jannar 1997 l-Unjoni applikat id-dispożizzjonijiet tar-RID għat-trasport kollu fit-territorju tal-UE, inizjalment skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/49/KE tat-23 ta’ Lulju 1996 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija.[4] Fl-2008 id-Direttiva 96/49/KE tħassret mid-Direttiva 2008/68/KE li ssegwi l-prinċipji tal-predeċessur tagħha.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/68/KE, rigward pajjiżi terzi jistabbilixxi li "It-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, ir-RID jew l-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi"[5]. Barra minn hekk, il-Premessa 12 tad-Direttiva tistabbilixxi li "Huwa meħtieġ li jkun permess l-użu ta’ mezzi ta’ trasport reġistrati f’pajjiżi terzi għat-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi fit-territorji tal-Istati Membri, suġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ADR, ir-RID jew l-ADN u ta’ din id-Direttiva". Għalhekk il-kwistjoni tal-emendi msemmija hawn fuq taqa’ kompletament taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni.

Għalhekk, skont l-Artikolu 35 tat-Titolu VI tal-COTIF, ladarba jiġi deċiż mill-Kumitat ta' esperti tar-RID, l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti kollha fl-ewwel jum tas-sitt xahar wara dak li fih is-Segretarju Ġenerali jkun avża dwarhom lill-Partijiet Kontraenti. Parti Kontraenti tista’ tifformola oġġezzjoni fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika. Fil-każ ta’ oġġezzjoni minn kwart tal-Partijiet Kontraenti, il-modifika ma għandhiex tidħol fis-seħħ.

Fil-Partijiet Kontraenti li fformulaw oġġezzjonijiet kontra deċiżjoni fi żmien il-perjodu previst, l-applikazzjoni tal-Appendiċi C għandha tiġi sospiża, fl-intier tagħha, mill-mument li d-deċiżjonijiet jidħlu fis-seħħ, sa fejn jikkonċerna traffiku ma’ dawk il-partijiet u bejniethom. Madankollu, fil-każ ta’ oġġezzjoni għall-validazzjoni ta’ standard tekniku jew l-adozzjoni ta’ preskrizzjoni teknika uniformi, dak l-istandard jew dik il-preskrizzjoni biss għandhom jiġu sospiżi fir-rigward ta’ traffiku mal-Istati Membri u bejniethom minn meta d-deċiżjonijiet jidħlu fis-seħħ; l-istess għandu japplika fil-każ ta’ oġġezzjoni parzjali.

Sakemm ma jitqajmux għadd suffiċjenti ta’ oġġezzjonijiet mill-Partijiet, l-emendi kkonċernati skont din il-proposta huma mistennija li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015 u jibdew jorbtu lill-Unjoni u lill-Istati Membri, u b'hekk jifformaw parti integrali mill-acquis tal-Unjoni.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 38 tat-Titolu VII tal-COTIF jistabbilixxi li għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u d-dritt għal oġġezzjoni stipulati fl-Artikolu 35§2 u 35§4, organizzazzjoni reġjonali, b’mod partikolari l-Unjoni Ewropea għandha tgawdi l-għadd ta’ voti ugwali għal dawk il-membri tagħha li huma wkoll Stati Membri tal-Organizzazzjoni.

Il-proposta ġiet żviluppata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-UE mal-COTIF (id-Deċiżjoni 2013/103/UE). Il-bażi legali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill fl-Anness tagħha tistipula lista dettaljata tal-emendi previsti, tispeċifika liema emendi jistgħu jiġu aċċettati mill-Unjoni u liema emendi jridu jiġu opposti. Maġġoranza tal-emendi previsti jitqiesu xierqa għat-trasport bla periklu ta’ oġġetti perikolużi b’mod kosteffettiv, billi jitqies il-progress teknoloġiku, u għalhekk tista’ tiġi appoġġjata.

Madankollu, l-emenda indikata bin-numru 9 fl-Anness tal-abbozz tad-Deċiżjoni ma ġietx żviluppata biżżejjed biex tippermetti l-adozzjoni ta' deċiżjoni fid-dawl tad-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015 u b’hekk id-deċiżjoni għandha tiġi posposta għal stadju aktar tard.

L-emenda 14 dwar l-użu obbligatorju ta' detetturi ta' deraljament diġà ġiet diskussa waqt ir-reviżjoni tal-1 ta’ Jannar 2013 u d-Deċiżjoni ġiet posposta. Filwaqt li ċerti Stati Membri jappoġġjaw l-inizjattiva hemm oħrajn li jopponuha. Skont il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-ERA l-miżura ma tkunx kosteffiċjenti u huma disponibbli miżuri alternattivi aktar effiċjenti. Għaldaqstant huwa propost li f'dan l-istadju din l-emenda tiġi opposta. Madankollu, din il-pożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe xogħol u żvilupp ieħor f’dan il-qasam.

Meta l-emendi adottati mill-kumitat ta' esperti tar-RID msemmi ma jkunux skont il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness għall-abbozz tad-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tifformula oġġezzjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 35§4 tat-Titolu VI tal-COTIF sabiex jiġi evitat li tali emenda tidħol fis-seħħ.

4.           L-IMPLIMENTAZZJONI FL-UNJONI EWROPEA

L-emendi msemmija hawn fuq, sal-punt li dawn isiru vinkolanti għall-Unjoni, se jkunu jeħtieġu li jiġu inkorporati fid-Direttiva 2008/68/KE dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, li tapplika regoli uniformi skont il-COTIF għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni fi ħdan l-Istati Membri jew bejniethom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta l-Anness II, it-Taqsima II.1 tad-Direttiva 2008/68/KE għall-progress xjentifiku u tekniku. Ladarba l-perjodu ta’ oġġezzjoni fir-rigward tan-notifika mis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF ikun skada, il-Kummissjoni se tniedi l-proċess tal-adattament.

2014/0035 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fit-53 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti tal-OTIF dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi fir-rigward ta’ ċerti emendi għall-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       L-Unjoni aderiet mal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta' Mejju 1980 kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (minn issa ’l quddiem “il-Konvenzjoni COTIF”), bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni msemmija.[6]

(2)       L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru u Malta, huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni COTIF.

(3)       Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi[7] tistabbilixxi rekwiżiti għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni fi ħdan l-Istati Membri jew bejniethom, billi tirreferi għar-Regolamenti dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija, li jidhru bħala l-Appendiċi C tal-Konvenzjoni COTIF (l-Anness RID). Barra minn hekk, l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva jistipula li "It-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, ir-RID jew l-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi." Għalhekk, is-suġġett ta' dawn ir-regolamenti, kif ukoll l-emendi tagħhom, jaqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni.

(4)       Il-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Merkanzija Perikoluża mwaqqaf skont l-Artikolu 13.1(d) tal-Konvenzjoni COTIF, fit-53 sessjoni tiegħu li għandha ssir fit-22 ta’ Mejju 2014, huwa mistenni jieħu deċiżjonijiet dwar ċerti emendi tal-Anness tar-RID. Dawn l-emendi, li jikkonċernaw l-istandards tekniċi jew preskrizzjonijiet tekniċi uniformi, għandhom l-għan li jiżguraw it-trasport effiċjenti u sikur ta’ oġġetti perikolużi filwaqt li jieħdu inkonsiderazzjoni l-progress xjentifiku u tekniku fis-settur u l-iżvilupp ta’ sustanzi ġodda u oġġetti li jippreżentaw periklu matul it-trasport tagħhom.

(5)       Il-kumitat dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi stabbilit bl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/68/KE wettaq diskussjonijiet preliminari dwar dawn l-emendi.

(6)       Il-parti l-kbira tal-emendi proposti huma ġġustifikati u ta’ benefiċċju, u għalhekk għandhom jiġu appoġġjati mill-Unjoni. Madankollu, ċerti emendi proposti mhumiex proporzjonati mar-riskji imposti matul it-trasport jew mhumiex effiċjenti biex itejbu s-sikurezza tat-trasport u għalhekk għandhom jiġu opposti. Barra minn hekk, jekk l-emendi tal-aħħar jiġu approvati, l-Unjoni għandha tifformula oġġezzjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 35§4 tat-Titolu VII tal-Konvenzjoni COTIF,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-Pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea

1.           Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fit-53 sessjoni tal-Kumitat ta’ esperti dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar it-trasport internazzjonali bil-ferrovija għandha tkun skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

2.           Tibdil minuri fid-dokumenti msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jista’ jiġi miftiehem mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-korp imsemmi hawn fuq mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-korp imsemmi hawn fuq għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3 Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.

[2]               Il-valutazzjoni tal-impatt dwar l-użu ta’ apparat ta’ detezzjoni ta’ deraljament fis-sistema ferrovjarja tal-UE, referenza ERA/REP/03‑2009/SAF.

[3]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1.

[4]               ĠU L 235, 17.09.1996, p. 25.

[5]               L-ADR u l-ADN huma l-akronimi għall-ftehimiet internazzjonali dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, rispettivament.

[6]               ĠU L 51, 23.2.2.2013, p. 1.

[7]               ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.