|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3735 |
13.7.2026 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(C/2026/3735)
Fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli
“Baldovská/Baldovská minerálna voda”
Nru tal-UE: PDO-SK-03400 — 13.1.2025
1. Isem
“Baldovská/Baldovská minerálna voda”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP ☒ IĠP ☐
3. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita
Is-Slovakkja
4. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu
4.1. Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143
22 — XARBIET, SPIRTI U ĦALL
2201 — Ilmijiet, inkluż ilmijiet minerali naturali jew artifiċjali u l-ilmijiet aerati, mingħajr zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud u mhux aromatizzati; is-silġ u l-borra
2202 — Ilmijiet, inkluż ilmijiet minerali u ilmijiet aerati, biz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud jew aromatizzati, u xarbiet oħrajn mhux alkoħoliċi, eskluż il-meraq tal-frott jew tal-ħaxix tal-intestatura 2009
2202 10 — Ilmijiet, inkluż ilmijiet minerali u ilmijiet aerati, biz-zokkor jew dolċifikant ieħor miżjud jew aromatizzati
4.2. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat
Il-“Baldovská” jew il- “Baldovská minerálna voda” huwa ilma minerali naturali jew aromatizzat b’kontenut minerali għoli. Huwa ilma bil-gass bil-karbonat tal-idroġenu, bil-kalċju u bil-manjeżju li fih livelli miżjudin ta’ ħadid, karbonati tal-idroġenu, manjeżju u kalċju. Huwa ftit aċiduż u kiesaħ, bil-kompożizzjoni li ġejja:
|
Katjoni |
mg/l |
|
Ca2+ |
362 |
|
Na+ |
62,5 |
|
Mg2+ |
74,9 |
|
NH4 + |
0,67 |
|
Anjoni |
mg/l |
|
HCO3 – |
1 366 |
|
SO4 2– |
176 |
|
NO3 – |
< 1 |
|
NO2 – |
< 0,01 |
Il-valuri ta’ hawn fuq jistgħu jvarjaw (sa 15 % aktar jew anqas) skont il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima.
Il-“Baldovská/Baldovská minerálna voda” huwa kkummerċjalizzat bħala ilma minerali naturali bil-gass jew semi bil-gass jew bħala xarba mhux alkoħolika magħmula mill-ilma minerali bl-aromatizzanti li ġejjin: larinġ, grapefruit, lumi, u ċiras qares u lumi, jew aromatizzat bi frott eżotiku bħall-pitahaya, il-kiwano u l-lajm, u l-pomelo.
L-ilma minerali huwa aromatizzat bil-ġulepp taz-zokkor magħmul mill-ilma tax-xorb, miz-zokkor, mill-aċidu ċitriku u minn wieħed mill-aromatizzanti ta’ hawn fuq. Il-kontenut ta’ melħ huwa dovut għas-sodju li jinsab b’mod naturali.
Minħabba li ma tintuża l-ebda sustanza kuluranti sabiex jiġi aromatizzat l-ilma minerali, kemm l-ilma minerali naturali kif ukoll ix-xarbiet mhux alkoħoliċi magħmulin mill-ilma minerali bl-aromatizzanti ta’ hawn fuq ikunu ta’ kulur trasparenti. Ix-xarbiet fihom 5,5–6,7 g zokkor għal kull 100 ml, li jammonta għal 55–67 g zokkor kull litru. L-aromatizzanti użati huma tipiċi għal kull varjetà tax-xarba u jagħtu lil kull waħda l-aroma u t-togħma tagħha.
Il-“Baldovská/Baldovská minerálna voda” fih id-diossidu tal-karbonju li jinsab b’mod naturali u li joriġina mill-proċessi ġeoloġiċi ta’ taħt l-art. Is-CO2 jiġi dissolt fl-ilma filwaqt li jkun għadu taħt l-art, u allura l-ilma diġà jkun kemm kemm bil-gass meta joħroġ. L-ilma jista’ jiġi arrikkit b’diossidu tal-karbonju addizzjonali sabiex jagħmlu jfexfex iżjed, jagħtih ħajja itwal fuq l-ixkaffa u jtejjiblu t-togħma. L-arjazzjoni artifiċjali tintuża l-aktar għall-varjanti aromatizzati, li jiżdidilhom is-CO2 b’rata kkontrollata ta’ 3,5 g/l.
Xarba mhux alkoħolika magħmula minn ilma minerali aromatizzat — larinġ
Kontenut ta’ zokkor: 6,7 g/100 ml
Xarba mhux alkoħolika magħmula minn ilma minerali aromatizzat — grapefruit
Kontenut ta’ zokkor: 6,7 g/100 ml
Xarba mhux alkoħolika magħmula minn ilma minerali aromatizzat — lumi
Kontenut ta’ zokkor: 6,7 g/100 ml
Xarba mhux alkoħolika magħmula minn ilma minerali aromatizzat — ċiras qares u lumi
Kontenut ta’ zokkor: 5,5 g/100 ml
Xarba mhux alkoħolika magħmula minn ilma minerali aromatizzat — frott eżotiku — pitahaya
Kontenut ta’ zokkor: 6,7 g/100 ml
Xarba mhux alkoħolika magħmula minn ilma minerali aromatizzat — frott eżotiku — kiwano u lajm
Kontenut ta’ zokkor: 6,5 g/100 ml
Xarba mhux alkoħolika magħmula minn ilma minerali aromatizzat -— frott eżotiku — pomelo
Kontenut ta’ zokkor: 6,7 g/100 ml
4.3. Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati ddeżinjati minn indikazzjoni ġeografika protetta biss)
Fiż-żona ġeografika kkonċernata joħorġu nixxigħat tal-ilma minerali.
4.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-“Baldovská/Baldovská minerálna voda” jiġi ppumpjat kontinwament fis-sit ta’ produzzjoni permezz ta’ pajpijiet tad-distribuzzjoni. L-ilma minerali naturali jgħaddi minn proċess ta’ trattament approvat sabiex jitneħħa l-ħadid bl-użu ta’ teknoloġija tal-ossidazzjoni awtorizzata b’arja arrikita bl-ożonu, u mbagħad jiġi ffiltrat. Wara l-filtrazzjoni, l-ilma minerali aromatizzat jiġi aromatizzat b’wieħed mill-ġuleppi taz-zokkor li hemm referenza għalihom fil-punt 4.2. Imbagħad, l-ilma minerali naturali jew aromatizzat jiġi ttrattat iżjed sabiex jiġi introdott mill-ġdid id-diossidu tal-karbonju naturali u mbagħad jiġi bbottiljat.
4.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
L-ilma minerali jiġi bbottiljat f’imballaġġ għall-bejgħ f’kundizzjoni iġjenika perfetta permezz ta’ proċess teknoloġiku li jeskludi kwalunkwe kontaminazzjoni minn elementi jew sustanzi barranin, filwaqt li jifforma ċirkwit magħluq bejn il-punt tal-provvista tal-ilma u l-punt li fih jiġi bbottiljat għall-bejgħ.
4.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
—
5. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona ta’ sorsi minerali naturali tinsab fid-distrett ta’ Levoča fit-territorji katastali ta’ Baldovce, Bijacovce, Buglovce, Jablonov, Klčov, Lúčka, Nemešany, Oľšavica, Ordzovany, Pavľany, Spišské Podhradie u Studenec, u fid-distrett ta’ Spišská Nová Ves fit-territorju katastali tal-muniċipalità ta’ Žehra. F’termini amministrattivi, din hija parti mir-reġjun ta’ Prešov.
6. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta kawżali hija bbażata fuq il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima fiż-żona ġeografika definita.
Speċifiċità taż-żona ġeografika
Is-sottoswol madwar Baldovce huwa fformat minn saffi sostanzjali ta’ ġebel tal-ġir u dolomit. Dan il-ġebel huwa rikk fil-kalċju u l-manjeżju, li jiġu rrrilaxxati b’mod naturali fl-ilma ta’ taħt l-art. Il-qoxra ta’ barra tad-dinja fiż-żona ta’ Baldovce fiha qasmiet li jħallu l-ilma ta’ taħt l-art jinfiltra fil-fond taħt l-art u jsir rikk fil-minerali u d-diossidu tal-karbonju, li jagħti lill-ilma t-tfexfix naturali u l-kompożizzjoni karatteristika tiegħu.
Baldovce għandha klima kontinentali moderata. Is-sajf huwa sħun iżda mhux estremament jaħraq, b’temperaturi medji ta’ bejn l-20 u l-25 °C, filwaqt li x-xtiewi huma kesħin, b’temperaturi medji ta’ madwar –3 sa –5 °C. L-arja hija partikolarment umda matul ix-xhur tar-rebbiegħa u l-ħarifa, u din tippromwovi l-veġetazzjoni u għandha impatt pożittiv fuq in-nixxigħat ta’ taħt l-art.
Il-preċipitazzjoni li tvarja minn 700 għal 900 mm fis-sena għandha rwol importanti fl-iżvilupp tal-“Baldovská/Baldovská minerálna voda”. Dan l-ilma jnixxi fil-ħamrija, li fiha jiffiltra gradwalment u jippenetra aktar fil-fond fl-istrata ġeoloġiċi. Matul dan il-vjaġġ, il-minerali jinħallu fl-ilma – u għaldaqstant iżidu l-kontenut minerali tiegħu. It-temperatura u l-umdità jaffettwaw ir-rata li biha l-ilma jnixxi fis-sottoswol. Żoni iksaħ bħal Baldovce jesperjenzaw rata ta’ evaporazzjoni aktar bil-mod, li jfisser li aktar preċipitazzjoni tinfiltra ġol-art u tarrikkixxi l-ilma ta’ taħt l-art. Matul perjodi iktar sħan, il-proċessi kimiċi jsiru iktar attivi – u għaldaqstant iwasslu sabiex il-minerali jinħallu aktar malajr. Il-klima moderata taż-żona tfisser li r-riżervi ta’ taħt l-art tagħha jiġu rrikostitwiti kostantament – u għaldaqstant tiżgura li l-kompożizzjoni kimika tal-ilma minerali tibqa’ stabbli.
Żoni sedimentari ġirien għandhom kompożizzjoni ġeoloġika differenti (ġebel tar-ramel, tafal), li għandha impatt indirett fuq is-sistema idrika (skular, sistemi tal-ilma tax-xita) u ma toħloqx l-aħjar kundizzjonijiet sabiex jifformaw nixxigħat tant immineralizzati bħal dawn.
Madwar iż-żona ġeografika tal-ilma minerali naturali “Baldovská/Baldovská minerálna voda” ġew stabbiliti żoni ta’ protezzjoni (l-ispieri BV-1 (Baldovce II) u B-4A (Polux)), li l-iskop tagħhom huwa li jipproteġu din iż-żona ta’ ilma minerali minn kwalunkwe dannu kkawżat minn attivitajiet ekonomiċi, agrikoli jew oħrajn li jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet kurrenti, ir-rendiment, il-kompożizzjoni kimika eċċezzjonali u n-natura perfetta tal-ilma, u dan sabiex jiġu ppreservati l-valuri kwalitattivi u kwantitattivi tiegħu u jiġi żgurat li jibqa’ jintuża b’mod prudenti. Il-“Baldovská/Baldovská minerálna voda” jinkiseb minn sorsi naturali li huma stabbli ferm f’termini tal-kompożizzjoni tagħhom.
Il-karatteristiċi speċifiċi tal-“Baldovská/Baldovská minerálna voda” huma attribwibbli għall-ambjent, li fih l-ilma jnixxi fl-art.
Il-“Baldovská/Baldovská minerálna voda” huwa ilma mmineralizzat b’mod moderat, b’kontenut minerali dissolt ta’ madwar 2 000 mg/l. In-natura speċifika tal-ilma minerali hija dovuta għall-kompożizzjoni minerali bilanċjata tiegħu, il-karbonazzjoni naturali u l-kontenut sinifikanti ta’ karbonat tal-idroġenu. Huwa rikk fil-manjeżju u l-kalċju, iżda għandu kontenut ta’ sodju relattivament baxx meta mqabbel ma’ ilmijiet minerali oħrajn. L-aċidità tal-ilma tgħin sabiex tinnewtralizza l-karbonati tal-idroġenu. Fih id-diossidu tal-karbonju naturali.
Minħabba l-kompożizzjoni minerali tiegħu, il-“Baldovská/Baldovská minerálna voda” għandu togħma delikata newtrali li tiddistingwih minn ilmijiet minerali b’kontenut ogħla ta’ sulfat jew ta’ sodju, li jista’ jkollu togħma mielħa jew itqal.
Ma jintużawx sustanzi kuluranti sabiex jiġi aromatizzat l-ilma minerali. Meta mqabbel ma’ xarbiet oħrajn li jsirilhom taħlil, l-ilmijiet minerali aromatizzati ma fihomx ammonti kbar ta’ zokkor, dolċifikanti jew ingredjenti artifiċjali oħrajn. Joffru mod ġdid ta’ kif jitgawda l-ilma minerali biż-żieda ta’ aromatizzant filwaqt li fl-istess ħin jiġu ppreservati l-benefiċċji minerali tal-ilma tan-nixxiegħa.
Matul l-ibbottiljar, l-ilma minerali jista’ jiġi arrikkit b’diossidu tal-karbonju addizzjonali sabiex jagħmlu jfexfex iżjed, jagħtih ħajja itwal fuq l-ixkaffa u jtejjiblu t-togħma. L-arjazzjoni artifiċjali tintuża l-aktar għall-varjanti aromatizzati, li jiżdidilhom is-CO2 b’rata kkontrollata ta’ 3,5 g/l.
Rabta kawżali
Il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi taż-żona ta’ Baldovce jipprovdu l-ilma minerali bil-minerali bażiċi tiegħu bħall-kalċju u l-manjeżju, li jiġu mill-ġebel tal-ġir u mill-blat dolomit. Il-kundizzjonijiet klimatiċi jaffettwaw l-influss u l-filtrazzjoni tal-preċipitazzjoni, li hija s-sors ewlieni tal-ilma ta’ taħt l-art. Il-klima umda u ħafifa tiggarantixxi biżżejjed preċipitazzjoni u tiżgura li din tinfiltra fl-art bil-mod, u għalhekk tippermetti li l-ilma jassorbi l-minerali. Id-diossidu tal-karbonju jgħin id-dissoluzzjoni tal-minerali, u b’hekk iżid il-kontenut minerali totali tal-ilma.
Il-“Baldovská/Baldovská minerálna voda” jaf il-karatteristiċi tiegħu lill-fatturi tal-ħamrija u tal-klima speċifiċi fiż-żona ġeografika definita.
Baldovce qabel kienet żona rinomata ta’ spa. Sa minn lura fl-1780, fl-opra ġeografika tiegħu Karl Gottlieb von Windisch iddikjara li “apparti l-ispas tagħha, Baldovce hija famuża wkoll għall-ilma bil-gass eċċellenti tagħha”. Issir referenza għal dan fil-pubblikazzjoni tal-1996 Vzácne a obdivované vody Slovenska [“L-ilmijiet rari u ammirati tas-Slovakkja”] ta’ Augustín Rebro, li żżid li “t-terapiji tal-ispas ta’ hemmhekk kienu jinkludu trattamenti ta’ xorb tal-ilma”.
Sa minn kmieni fil-bidu tas-seklu dsatax, l-ilma minerali min-nixxiegħa karbonata kien qiegħed jiġi bbottiljat u esportat minn Baldovce saħansitra sa Vjenna. L-attivitajiet tal-ispa ntemmew wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u l-użu ta’ dawn is-sorsi karbonati ġie dirett lejn il-kummerċjalizzazzjoni tal-ilma minerali. Għalkemm in-nies kienu ilhom jixorbu l-“Baldovská/Baldovská minerálna voda”, l-ewwel impjant tal-ibbottiljar nbena biss fis-snin 40.
L-ilma minerali rċieva wkoll protezzjoni permezz ta’ ftehmiet bilaterali: it-Trattat tad-19 ta’ Jannar 1976 bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ oriġini, tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi oħrajn, it-Trattat tal-20 ta’ Jannar 1981 bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Awstrija dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ oriġini, tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u ta’ denominazzjonijiet oħrajn tal-prodotti agrikoli u industrijali li jirreferu għall-oriġini, u l-Ftehim tat-18 ta’ Mejju 1987 bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u l-Gvern tar-Repubblika Portugiża dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ oriġini, tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tad-denominazzjonijiet ġeografiċi u ta’ denominazzjonijiet simili oħrajn.
Sa mit-22 ta’ Diċembru 1979, l-isem “Baldovská/Baldovská minerálna voda” ġie protett bħala denominazzjoni ta’ oriġini fil-livell nazzjonali skont l-Att Nru 159/1973 dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini.
L-ibbottiljar tal-ilma minerali kompla matul is-snin sal-ġurnata tal-lum, kif juru r-referenzi fl-istampa, it-tikketti minn eri varji, preżentazzjonijiet f’diversi avvenimenti u wirijiet u l-premji li rebaħ. Pereżempju, fl-1983 (skont l-arkivji ta’ Vychodoslovenské Žriedla [In-Nixxigħat tal-Lvant tas-Slovakkja], intrapriża nazzjonali bbażata fi Prešov b’impjant lokali f’Baldovce), tqassmu 30 971 000 flixkun ilma minerali. Fis-sena ta’ wara l-impjant kiser ir-rekord tiegħu stess, u din id-darba pproduċa 32 010 000 flixkun.
Il-“Baldovská/Baldovská minerálna voda” rebaħ id-deheb fil-kategorija tal-ilmijiet minerali bil-gass fil-Wirja Internazzjonali tal-Inbid, tal-Ilma u tad-Distillati VINUM LAUGARICIO li saret fi Trenčín nhar l-1 u t-2 ta’ Diċembru 2017.
Fl-2014, il-“Baldovská” ngħata għall-ewwel darba l-“Premju tas-Superbrands Slovakki” mill-konsumaturi Slovakki u mill-kumitat ta’ esperti tal-“Kunsill tal-Marka” tal-iskema tas-Superbrand Slovakka, u ilu jirbaħ dan il-premju kull sena mill-2017 ’l hawn. Għalhekk, il-“Baldovská” huwa parti mill-grupp ta’ marki tal-elit li huma mudelli għall-iżvilupp b’suċċess u għat-titjib kontinwu tal-valur tal-marka. Il-Premju tas-Superbrands huwa konferma tal-kwalità tal-prodott u jipprovdi ispirazzjoni lill-konsumaturi fid-deċiżjonijiet tagħhom ta’ kuljum.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3735/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)