KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit‑3 ta’ Settembru 2026 (1)

Kawża C‑345/25 [Grixta] (i)

CK, bħala mandatarju ta’ CD

Capital Resources Limited

vs

Dipartiment tal-Litigazzjoni tal-Istat tal-Libja in rappreżentanza tal-Istat tal-Libja,

SM,

SP

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti tal-Appell (Malta))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 864/2007 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(1) – Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ – Azzjoni ta’ Stat terz quddiem il-qrati ta’ Stat Membru intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-assi miżmuma minn ċittadin mejjet tiegħu f’ismu jew f’isem terzi, li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, kienu nkisbu illegalment u li, għaldaqstant, għandhom jiġu rrestitwiti lil dan l-Istat terz – Regolament (UE) 2016/44 – Iffriżar ta’ fondi – Ordni pubbliku tal-Unjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, id-Dipartiment tal-Litigazzjoni tal-Istat tal-Libja in rappreżentanza tal-Istat tal-Libja (3), u, min-naħa l-oħra, SM u SP, bħala mandatarji tas-suċċessjoni li jirrappreżentaw lill-eredi mhux magħrufa ta’ Mutassam Gaddafi (4), CK, bħala mandatarju speċjali ta’ CD, omm il-mejjet, bħala waħda mill-eredi preżunti ta’ Mutassam Gaddafi, u Capital Resources Limited, kumpannija stabbilita f’Malta. L-Istat tal-Libja qiegħed jitlob li jiġi kkonstatat li l-assi ta’ Mutassam Gaddafi li jinsabu f’Malta, f’ismu stess jew f’isem terzi, inżammu bi ksur tal-leġiżlazzjoni Libjana u li dawn l-assi għandhom jiġu rrestitwiti lill-Istat tal-Libja.

3.        Ser nesponi dak li jwassalni sabiex nistaqsi dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u, sussidjarjament, sabiex nikkunsidra li l-azzjoni mressqa mill-Istat tal-Libja ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma II.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-miżuri restrittivi adottati minħabba s-sitwazzjoni fil-Libja

1.      Id-dritt internazzjonali: ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà

4.        Fl-aħħar riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, jiġifieri r-Riżoluzzjoni 2819 (2026) tal‑14 ta’ April 2026, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) fakkar:

–        l-embargo fuq l-armi, il-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar, l-iffriżar tal-assi u l-miżuri dwar l-esportazzjoni illegali taż-żejt li ġew imposti u emendati bir-Riżoluzzjonijiet 1970 (2011) u 2146 (2014) u emendati bir-Riżoluzzjonijiet sussegwenti, inklużi r-Riżoluzzjonijiet 2441 (2018), 2509 (2020), 2526 (2020), 2571 (2021), 2664 (2022), 2701 (2023) u 2769 (2025);

–        ir-Riżoluzzjoni 2616 (2021) tat‑22 ta’ Diċembru 2021 dwar iż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u

–        l-estensjoni tal-mandat tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Libja (5) stabbilit skont il-paragrafu 24 tar-Riżoluzzjoni 1973 (2011), li ġie emendat bir-Riżoluzzjonijiet sussegwenti, sal‑15 ta’ Mejju 2026 permezz tar-Riżoluzzjoni 2769 (2025) (6).

5.        Konformement mal-paragrafi 15 u 17 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tas‑26 ta’ Frar 2011, l-individwi ddeżinjati fl-Anness I tagħha u l-individwi jew l-entitajiet ddeżinjati fl-Anness II tagħha għandhom ikunu suġġetti, rispettivament, għal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u għal iffriżar tal-assi. L-isem ta’ Mutassam Gaddafi jinsab f’dawn l-annessi b’dawn id-dettalji: “Konsulent tas-sigurtà nazzjonali. Iben Muammar GADDAFI [(7)]. Assoċjazzjoni mill-qrib mar-reġim” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6.        Il-paragrafu 18 ta’ din ir-riżoluzzjoni, riprodott, essenzjalment, fir-Riżoluzzjonijiet sussegwenti (8), huwa fformulat kif ġej:

“[Il-Kunsill tas-Sigurtà] jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jiżgura li, fi stadju ulterjuri, l-assi ffriżati skont il-paragrafu 17 jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-poplu Libjan u fl-interess tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.        Fil-paragrafu 24 tal-imsemmija riżoluzzjoni, jinħoloq Kumitat tas-Sanzjonijiet, li huwa Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà kompost mill-membri kollha tiegħu u l-kompiti tiegħu huma speċifikati fih.

2.      Id-dritt tal-Unjoni: ir-Regolament 2016/44

8.        Ir-Riżoluzzjoni 1970 (2011) ġiet implimentata fl-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni 2011/137/PESK (9) u bir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (10), li ġew issostitwiti rispettivament bid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 (11) u bir-Regolament 2016/44.

9.        L-Artikolu 1(b) tar-Regolament 2016/44 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ffriżar ta’ fondi” bħala kull azzjoni intiża għall-“prevenzjoni ta’ kull moviment, trasferiment, alterazzjoni jew użu ta’, aċċess għal, jew negozjar ta’ fondi b’kull mod li jirriżulta f’kull bidla fil-volum, l-ammont, il-post, is-sjieda, il-pussess, in-natura, id-destinazzjoni tagħhom jew bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-immaniġġjar ta’ portafolli”.

10.      Skont l-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan ir-regolament:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, li huma l-proprjetà ta’, li huma miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Annessi II u III jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma jsir disponibbli[, direttament jew indirettament,] għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Annessi II u III [u lanqas ma għandhom jintużaw għall-benefiċċju tagħhom].”

11.      L-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“L-Anness II għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-paragrafu 22 [tar-Riżoluzzjoni] 1970 (2011) […]”

12.      Dan l-Anness II jinkludi l-isem ta’ “Mutassim Qadhafi” (12).

13.      L-Artikoli 8 sa 11 kif ukoll 13 u 14 tar-Regolament 2016/44 jirregolaw, b’deroga mill-Artikolu 5 tiegħu, il-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri elenkati fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament (13) jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx jew l-użu jew ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati.

14.      L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“L-Istati Membri u l-Kummissjoni [Ewropea għandhom] jgħarrfu lil xulxin minnufih dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandhom ifornu lil xulxin b’kull informazzjoni oħra rilevanti, b’rabta ma’ dan ir-Regolament, li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, b’mod partikolari informazzjoni dwar problemi ta’ ksur u ta’ infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.”

B.      Fil-qasam tal-kunflitt tal-liġijiet: ir-Regolament Ruma II

15.      Il-premessi 1, 6 u 7 tar-Regolament Ruma II jiddikjaraw:

“(1)      [L-Unjoni] stabbilixxiet għaliha stess l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għall-istabbiliment progressiv ta’ tali żona, [l-Unjoni] għandha tadotta miżuri relatati mal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom impatt trans-konfinali sa fejn ikun neċessarju għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

[…]

(6)      Il-funzjonament tajjeb tas-suq intern jeżiġi li r-regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fl-Istati Membri jindikaw l-istess liġi nazzjonali irrispettivament mill-pajjiż tal-qorti li fih tkun saret il-kawża, u dan sabiex jittejbu l-prevedibbiltà tar-riżultat tal-kawżi, iċ-ċertezza dwar il-liġi applikabbli u l-moviment liberu tas-sentenzi.

(7)      Il-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 [(14)] u l-istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.”

16.      L-Artikolu 1 tar-Regolament Ruma II, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt ta’ liġijiet, għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali. Huwa ma għandux japplika, b’mod partikolari, għal materji fiskali, doganali u amministrativi jew għar-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (‘acta iure imperii’).”

17.      Skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni universali”:

“Kwalunkwe liġi speċifikata minn dan ir-Regolament għandha tiġi applikata kemm jekk tkun l-liġi ta’ Stat Membru kif ukoll jekk ma tkunx.”

C.      Id-dritt Libjan

1.      Il-Liġi Nru 3 tal‑1986

18.      Il-Liġi Nru 3 tal‑1986, magħrufa bħala “From where have you got this?” (Minn fejn ġibtu dan?), tikkonċerna l-profitti jew il-benefiċċji illegali provenjenti, fost oħrajn, minn favoritiżmu, minn theddid jew minn ksur tal-liġi, minn abbuż tal-pożizzjoni, tal-professjoni, tal-istatus jew tal-influwenza jew li jkollhom sors jew kawża mhux magħrufa, jew inkella li ma jkunux proporzjonati mar-riżorsi legali tal-persuna.

19.      L-Artikoli 1 sa 3 u 5 ta’ din il-liġi jiddefinixxu r-reati, filwaqt li l-Artikoli 4 u 5 jistabbilixxu l-pieni relatati magħhom.

20.      Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija liġi:

“Il-qorti għandha tordna r-restituzzjoni ta’ fondi li fir-rigward tagħhom jiġi stabbilit li jkunu nkisbu b’mod illegali u t-Teżor Pubbliku jkun intitolat għal dawn il-fondi, li għandhom jinġabru permezz tal-mezzi amministrattivi previsti għall-ġbir ta’ fondi pubbliċi.”

2.      Il-Liġi Nru 10 tal‑2002

21.      Il-Liġi Nru 10 tal‑2002, magħrufa bħala “The Purge Law” (il-Liġi dwar it-Tindif tas-Servizz Pubbliku), għandha l-għan li tiżgura li l-uffiċjali pubbliċi u l-impjegati tal-Istat, inklużi l-membri tal-forzi armati tan-nazzjon, la jużaw u lanqas ma jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom sabiex jiksbu fondi pubbliċi illegalment jew sabiex jiksbu gwadann illegali minnhom.

22.      L-Artikolu 6 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-fondi jew il-kummissjonijiet għandhom jitqiesu li nsterqu jew li nkisbu b’mod illegali jekk ikunu nkisbu minn waħda mill-entitajiet imsemmija iktar ’il fuq li huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, kemm jekk għaliha stess u kemm jekk għal terz, billi tkun abbużat mill-pożizzjoni tagħha jew mill-awtorità tagħha, jew permezz ta’ nepotiżmu, theddid jew influwenza, direttament jew indirettament, jew jekk il-qligħ ikun iġġenerat minn operazzjonijiet fuq is-suq tal-muniti jew ta’ materji primi jew minn attivitajiet oħra pprojbiti mil-liġi. Kull żieda fid-dikjarazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja wara l-kisba ta’ pożizzjoni jew ta’ status għandha titqies li hija serq jew qligħ illegali meta din iż-żieda ma tkunx proporzjonata ma’ kwalunkwe wieħed mis-sorsi ta’ finanzjament tal-entità msemmija iktar ’il fuq jew ma’ dawk tal-konjuġi jew tal-ulied minuri tagħha u li fir-rigward tagħha din l-entità ma tkunx kapaċi tipprova s-sors legali tagħha. Il-fondi jew il-vantaġġi materjali kollha għandhom jitqiesu li nsterqu jew li nkisbu b’mod illegali meta jinkisbu permezz [tal-mezzi previsti] fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ din il-liġi.”

23.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li “[m]in hu soġġett għal dik il-liġi għandu jissottometti, entro t-termini stabbiliti, financial disclosure għalih innifsu, għal martu u wliedu minuri. Dawn jiġu eżaminati minn ‘Purification Committees’ li għandhom ukoll l-obbligu li jeżaminaw ilmenti dwar gwadann illeċitu, jagħmlu investigazzjonijiet ulterjuri u finalment jippreparaw rapport dwar l-eżitu tal-investigazzjoni, l-azzjoni meħuda u r-raġunijiet għal hekk” (Artikoli 7 u 8 tal-imsemmija liġi).

24.      Konformement mal-Artikolu 9 tal-istess liġi, fil-każ li jkun hemm suspett ta’ gwadann illegali jew ta’ ħabi ta’ informazzjoni, il-Kumitat għandu jinforma b’dan lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku sabiex dan iwettaq investigazzjoni u jieħu miżuri.

25.      L-Artikolu 11(3) tal-Liġi Nru 10 tal‑2002 jipprevedi:

“Il-mewt ma għandhiex tostakola r-restituzzjoni tal-fondi miksuba minn qligħ illegali, u dan lanqas wara li l-imsemmija fondi jkunu ġew ittrasferiti lill-eredi jekk ir-restituzzjoni tkun ibbażata fuq deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Poplu.”

26.      L-Artikolu 12 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jista’ jitlob li jinkludi fil-parti ċivili tal-azzjoni lill-konjuġi u lill-ulied jew lil kull persuna oħra li fir-rigward tagħha jikkonstata li tkun ibbenefikat minn qligħ illegali, sabiex dawn jiġu kkundannati għar-restituzzjoni permezz ta’ sentenza definittiva. L-ammont tal-fondi rrestitwiti għandu jkun daqs dak tal-gwadann miksub b’mod illegali. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jista’ jitlob li tiġi inkluża kwalunkwe persuna li tkun ikkollaborat mal-imputat sabiex jinkiseb il-qligħ illegali jew li tkun assoċjat ruħha miegħu sabiex jinħeba il-gwadann minn dan il-qligħ. Għandha tingħata kundanna ta’ restituzzjoni u għandha tinkludi lill-partijiet ikkonċernati kollha.”

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27.      Mutassam Gaddafi kien ir-raba’ iben tal-ex mexxej Libjan Muammar Gaddafi u ta’ CD.

28.      Wara li ggradwa minn akkademja militari, huwa nħatar uffiċjal tal-armata Libjana, qabel ma ġie promoss fi tliet gradi differenti sas-sena 2009.

29.      Bejn l‑2003 u l‑2004, Mutassam Gaddafi rreġistra kumpannija f’Malta bl-isem ta’ Mezen International Limited.

30.      L-aħħar salarju li huwa rċieva mill-armata Libjana kien f’Settembru 2005 fl-ammont ta’ 356 dinar Libjan (LYD) (madwar EUR 220).

31.      Minn Settembru jew minn Ottubru 2005, huwa nħatar bħala Konsulent tas-sigurtà nazzjonali u allegatament kien jitħallas mill-Kumitat Finanzjarju Popolari Ġenerali. Huwa assuma din il-funzjoni politika u mhux militari matul l‑2006 u l‑2007 kif ukoll fil-bidu tal‑2010. Huwa allegatament irriżenja mill-imsemmija funzjoni minħabba nuqqas ta’ qbil ma’ missieru.

32.      Fit‑28 ta’ Ġunju 2010, Capital Resources ġiet irreġistrata f’Malta. L-uniku azzjonist, direttur, rappreżentant legali u ġudizzjarju kif ukoll segretarju tagħha kien l-istess persuna bħall-uniku azzjonist, direttur u segretarju ta’ Mezen International. L-assi kollha ta’ din il-kumpannija ġew ittrasferiti lil Capital Resources.

33.      Capital Resources kellha sitt kontijiet bankarji ma’ Bank of Valletta. Is-somom irreġistrati fil-kontijiet li għadhom miftuħa jammontaw għal diversi għexieren ta’ miljuni ta’ euro, għal diversi għexieren ta’ miljuni ta’ dollari Amerikani (USD) u għal diversi miljuni ta’ liri sterlini (GBP), jiġifieri total ta’ madwar EUR 90 miljun.

34.      Permezz tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011), fost oħrajn, Mutassam Gaddafi kien suġġett għal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u għal iffriżar tal-assi tiegħu. Skont ir-rappreżentant tal-Bord ta’ Sorveljanza dwar is-Sanzjonijiet fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej (Malta), dawn l-assi kienu kkostitwiti minn somom miżmuma f’kontijiet miftuħa f’isem il-kumpannija Capital Resources.

35.      Wara l-mewt ta’ Mutassam Gaddafi fl‑20 ta’ Ottubru 2011, il-Gvern Libjan beda, matul l‑2012, passi sabiex jidentifika u jirkupra l-fondi, l-assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra li kienu nkisbu jew kienu miżmuma b’mod abbużiv minn persuni direttament jew indirettament assoċjati mat-tmexxija tar-reġim preċedenti Libjan.

36.      Fis‑17 ta’ Settembru 2014, l-Istat tal-Libja ressaq azzjoni ċivili quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Malta) (15), kontra l-eredi preżunti ta’ Mutassam Gaddafi, fosthom CD, ommu, u Capital Resources, sabiex jiġi kkonstatat li l-assi li jappartjenu lil Mutassam Gaddafi, f’ismu stess jew f’isem terzi, li jinsabu f’Malta, kienu miżmuma bi ksur tal-leġiżlazzjoni Libjana u sabiex, għaldaqstant, tiġi ordnata r-restituzzjoni tagħhom favur dan l-Istat.

37.      CD u Capital Resources, irrappreżentati minn CK, sostnew b’mod partikolari li, skont id-dritt Malti, il-qrati Maltin ma kellhomx ġuriżdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ dawn it-talbiet ibbażati fuq leġiżlazzjoni ta’ natura kriminali u li l-azzjoni kienet preskritta.

38.      Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2017 (16), din il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet b’mod partikolari l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni.

39.      Permezz ta’ sentenza “definittiva” tat‑28 ta’ Ġunju 2022 (17), l-imsemmija qorti ċaħdet ukoll l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni kif ukoll l-eċċezzjonijiet l-oħra li kienu għadhom ma ġewx deċiżi, laqgħet it-talbiet kollha mressqa mill-Istat tal-Libja fir-rikors tiegħu u ordnat ir-restituzzjoni lil dan l-Istat tal-assi miżmuma f’isem Mutassam Gaddafi jew f’isem terzi, li jinsabu f’Malta. Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq il-leġiżlazzjoni Libjana, jiġifieri l-Liġi Nru 3 tal‑1986 u l-Liġi Nru 10 tal‑2002.

40.      Fil‑21 ta’ Lulju 2022, CK appella minn dawn iż-żewġ sentenzi quddiem il-Qorti tal-Appell (Malta), li hija l-qorti tar-rinviju.

41.      Mill-atti tal-proċess trażmessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ewwel sentenza, jiġifieri dik tat‑23 ta’ Ottubru 2017, ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2025. Din is-sentenza hija bbażata fuq l-Artikolu 742(1)(b) u (ċ) tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta), li jagħti ġuriżdizzjoni lill-qrati Maltin f’kawża kontra konvenut li jkollu d-domiċilju tiegħu, li jkun joqgħod jew li jkun qiegħed Malta, jew f’kawża dwar ħwejjeġ li qegħdin jew li jinsabu f’Malta.

42.      Fil-kuntest tal-eżami tal-appell mit-tieni sentenza, jiġifieri dik tat‑28 ta’ Ġunju 2022, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat, preliminarjament, jekk ir-Regolament Ruma II japplikax f’dan il-każ. Hija tesprimi biss id-dubji tagħha dwar jekk l-azzjoni mressqa quddiemha tikkonċernax materji ċivili jew kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, u mhux materji amministrattivi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

43.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ fl-[Artikolu] 1 tar-Regolament [Ruma II] jinkludi pretensjoni bħal dik li għamel l-Istat tal-Libja taħt [il‑]liġijiet [tiegħu] biex jirkupra ġid li hawn f’Malta tal-mejjet Mutassim Gaddafi?

2)      L-eċċezzjoni ta’ materji amministrattivi li jissemmew fl-[Artikolu] 1 tar-Regolament [Ruma II] tinkludi pretensjoni bħal dik li għamel l-Istat tal-Libja taħt l-imsemmija liġijiet biex jirkupra ġid li hawn f’Malta tal-mejjet Mutassim Gaddafi?

3)      Jekk ir-[R]egolament [Ruma II] japplika għall-każ in eżami, x’inhi d-distinzjoni bejn l-obbligazzjoni li tirriżulta minn delitt jew kważi delitt ċivili (Artikolu 4(1) tar-regolament) u arrikkiment inġust li tirriżulta minn delitt jew kważi delitt ċivili (Artikolu 10(1) tar-regolament) f’każ bħal dak li għandha quddiemha din il-Qorti?”

44.      CK, ir-rappreżentant tal-Istat tal-Libja, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Huma pparteċipaw, flimkien ma’ SM u mal-Gvern Malti, fis-seduta li nżammet fit‑13 ta’ Mejju 2026, li matulha huma wieġbu għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Analiżi

45.      Bħala riżerva preliminari, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni enfasizzat, essenzjalment, li ebda deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju ma għandu jkollha effett fuq l-iffriżar tal-fondi ta’ Mutassam Gaddafi peress li dan l-iffriżar jikkostitwixxi implimentazzjoni fl-Unjoni tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà u huwa s-suġġett tar-Regolament 2016/44. L-ewwel waħda mill-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja għal tweġiba orali kienet tirrigwarda l-effett ta’ din l-informazzjoni, b’mod partikolari fuq is-setgħat tal-qorti nazzjonali.

46.      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-istituzzjonijiet, bħalma huma l-qrati, għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-fondi jibqgħu ffriżati sakemm il-Kunsill tas-Sigurtà jiddeċiedi mod ieħor u jadatta l-pożizzjoni attwali tiegħu dwar id-destinazzjoni kif ukoll l-użu finali tal-assi għall-poplu Libjan. Skont din l-istituzzjoni, ir-Regolament 2016/44 jipprekludi kull deċiżjoni li twassal għal bidla fis-sjieda tal-assi. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi huwa meħtieġ li titqajjem il-kwistjoni tal-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

47.      Preliminarjament, nirrileva li, minn meta sar magħruf li Mutassam Gaddafi miet fl‑20 ta’ Ottubru 2011, ismu ma tħassarx mil-lista ta’ persuni li l-assi tagħhom huma ffriżati (18), li ilha stabbilita mis‑26 ta’ Frar 2011. Għaldaqstant, il-beni tiegħu ma ġewx ittrasferiti lill-persuni li wirtu d-drittijiet tad-deċedut f’dan il-każ.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

48.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tagħti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (19).

49.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tiġi adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġuriżdizzjoni tagħha stess jew l-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemha (20).

50.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, jista’ jkollha teżamina jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jkunu s-suġġett tad-domandi preliminari jistgħux jiġu applikati mill-qorti tar-rinviju għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Jekk dan ma jkunx il-każ, dawn id-dispożizzjonijiet ikunu irrilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima u d-deċiżjoni preliminari mitluba ma tkunx neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha, b’tali mod li dawn id-domandi jkollhom jiġu ddikjarati inammissibbli (21).

51.      F’din il-kawża, għandu jiġi vverifikat jekk it-talba mressqa quddiem il-qorti ta’ Stat Membru, minn Stat terz, f’dan il-każ l-Istat tal-Libja, għall-finijiet tar-restituzzjoni ta’ fondi miżmuma minn bank li jinsab f’Malta, li kienu jappartjenu lil Mutassam Gaddafi permezz ta’ Capital Resources, irreġistrata f’Malta, li tagħha huwa kien l-uniku azzjonist, tistax tiġi eżaminata fid-dawl tar-regoli stabbiliti mir-Regolament Ruma II.

52.      Permezz tas-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili laqgħet din it-talba għal restituzzjoni b’għarfien sħiħ tar-Riżoluzzjonijiet 1970 (2011) (22) u 1973 (2011) kif ukoll tal-Avviżi Legali 69 u 116 maħruġa konformement mad-dritt Malti b’reazzjoni għal dawn ir-riżoluzzjonijiet (23). Barra minn hekk, kien biss fl-aħħar motiv ta’ din is-sentenza, li jippreċedi d-dispożittiv, li jiġi speċifikat li “għal kull buon fini, fir-rigward tat-tieni (2) talba u dana tenut kont tas-sanzjonijiet fil-konfront tal-Libja, il-Qorti tagħmilha ċara li r-restituzzjoni lill-Istat tal-Libja tal-assi msemmija li kienu miżmuma minn Mutassam Gaddafi f’ismu jew f’isem terzi u li jinsabu f’Malta għandha ssir BISS ladarba jkun assigurat li l-Istat Malti ma jkunx qed jikser l-ebda obbligazzjoni internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti jew kwalunkwe obbligazzjoni oħra tal-Unjoni Ewropea” (24).

53.      Matul is-seduta, CK kif ukoll ir-rappreżentant tal-Istat tal-Libja u l-Gvern Malti sostnew li s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022 ma kellha ebda effett fuq l-iffriżar tal-fondi minħabba s-suġġett tat-tilwima u r-riżervi espressi f’din is-sentenza (25). Il-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali enfasizzaw ukoll li kien hemm qbil bejniethom dwar in-neċessità ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Ruma II.

54.      Huwa minnu li l-azzjoni mressqa mill-Istat tal-Libja, fl-ewwel parti tagħha, hija intiża li tinkiseb “dikjarazzjoni li l-ġid tal-mejjet li jinsabu f’Malta f’ismu jew f’isem terzi, kienu qegħdin jinżammu bi ksur tal-Liġijiet tal-Libja”, fejn l-Istat tal-Libja qiegħed jargumenta li dawn l-assi jikkostitwixxu gwadann illegali (26). Madankollu, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, ir-restituzzjoni tal-fondi hija l-“għan aħħari” tal-kawża. Din ir-restituzzjoni ġiet ordnata permezz tas-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022, li hija kkritikata fl-appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

55.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni għandha raġun tfakkar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/44, li la huwa ċċitat f’din is-sentenza u li lanqas ma jissemma mill-qorti tar-rinviju. Nikkonstata wkoll li d-dubji tal-qorti tar-rinviju, adita bl-appell mill-imsemmija sentenza, ma jirrigwardawx dan ir-regolament u, b’mod partikolari, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ffriżar ta’ fondi”.

56.      Issa, l-iffriżar ta’ fondi (27) huwa azzjoni intiża sabiex jiġu preklużi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, kull moviment jew trasferiment ta’ fondi jew ukoll kull aċċess għalihom li jkollu bħala konsegwenza bidla fis-sjieda tagħhom jew fil-pussess tagħhom. L-għan huwa li jiġu limitati kemm jista’ jkun l-operazzjonijiet li jistgħu jitwettqu fir-rigward tal-fondi ffriżati (28), anki jekk dawn l-operazzjonijiet ma jkollhomx l-effett li joħorġu l-beni mill-patrimonju tad-debitur (29). Fis-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2026, EM System (30), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-prinċipju li l-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi ma tistax titneħħa minn qorti nazzjonali sakemm din il-miżura ma tkunx ġiet irtirata (31).

57.      Barra minn hekk, l-Artikoli 8 sa 11 kif ukoll 13 u 14 tar-Regolament 2016/44 (32) jirregolaw, b’deroga mill-Artikolu 5 tiegħu, il-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri elenkati fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament (33) jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx jew l-użu jew ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati (34). Ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tipprevedi r-rilaxx tal-fondi abbażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi u a fortiori abbażi ta’ deċiżjoni li tikkonstata arrikkiment illegali tal-persuna ddeżinjata, fuq talba tal-Istat tal-Libja.

58.      Għaldaqstant, jiena naqbel mal-fehma tal-Kummissjoni fis-sens li, “[j]ekk xi organu ta’ Stat – bħal ma huma l-Qrati tal-Istati Membri – kellu jiddeċiedi dwar trasferiment lill-poplu Libjan ta’ assi ffriżati mingħajr deċiżjoni speċifika tal-[Kunsill tal-Sigurtà], ikun qed jikser l-obbligi li jirriżultaw minn dawk ir-riżoluzzjonijiet” u li “ebda deċiżjoni tal-Qorti tar-Rinviju ma għandha jkollha effett fuq l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ Deċiżjoni […] 2015/1333 u r-Regolament […] 2016/44, partikolarment l-iffriżar tal-fondi ta’ [Mutassam Gaddafi], li hija implimenazzjoni fl-[Unjoni] tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011)”.

59.      F’dan ir-rigward, matul is-seduta l-Kummissjoni indikat li, skont il-Grupp ta’ Esperti, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022, li ordnat ir-restituzzjoni tal-fondi lill-Istat tal-Libja, tikkostitwixxi ksur tal-iffriżar tal-assi (35). Hija fakkret ukoll l-aħħar riżoluzzjoni, ir-Riżoluzzjoni 2819 (2026) (36), li żżomm dan id-dispożittiv (37).

60.      Fl-aħħar nett, l-obbligu li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni huwa regola essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (38). Fil-fatt, għandu jitfakkar li “miżuri restrittivi […] kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali” għandhom jiġu adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), abbażi ta’ deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE. Dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar “jiddefinixxu l-atteġġament ta’ l-Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika”. Ir-regolamenti adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE huma marbuta, fid-dawl tal-għanijiet tagħhom u tal-kontenut tagħhom, ma’ dawn id-deċiżjonijiet, li jiddefinixxu jew anki jispeċifikaw l-għan tal-miżuri restrittivi li għandhom jiġu adottati, u jikkostitwixxu l-istrument sabiex jingħataw effett fil-livell tal-Unjoni (39). L-osservanza ta’ dawn ir-regolamenti hija primordjali sabiex jiġu ggarantiti l-għanijiet tal-PESK fi ħdan l-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE (40). B’hekk, id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju jew sekondarju li għandhom importanza fundamentali għall-ordinament ġuridiku stabbilit permezz tat-Trattati jew għat-twettiq tal-missjonijiet fdati lill-Unjoni jagħmlu parti mill-ordni pubbliku Ewropew (41). Fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ fir-rigward tal-miżuri restrittivi adottati minħabba s-sitwazzjoni fil-Libja li jorbtu lill-qrati nazzjonali.

61.      Il-kwistjoni tan-natura ta’ ordni pubbliku tal-miżuri restrittivi tinsab fil-qalba ta’ żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, li huma attwalment pendenti. Fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fis‑26 ta’ Frar 2026 fil-kawża Reibel (42), l-Avukat Ġenerali Biondi ħa pożizzjoni dwar in-natura essenzjali u/jew l-importanza fundamentali tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 (43) għat-twettiq tal-missjonijiet fdati lill-Unjoni. Huwa qies li kien neċessarju u suffiċjenti li jiġi rrikonoxxut li l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament jagħmel parti mill-ordni pubbliku tal-Unjoni (44). L-istess kwistjoni tqajmet f’termini ġenerali fil-kawża Graudu sabiedrība (C‑701/25) (45). Bl-istess mod, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fid‑19 ta’ Marzu 2026 fil-kawża DNO Yemen (46), l-Avukat Ġenerali Szpunar irrileva li “il-partijiet intervenjenti kollha f’din il-kawża jiddikjaraw li l-Artikolu 2(2) tar-Regolament [(UE)] Nru 1352/2014 [(47), dwar l-effetti tal-iffriżar ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi,] jaqa’ taħt l-ordni pubbliku tal-Unjoni” (48). F’dawn il-kawżi kollha, il-kwistjoni hija li jiġi ddefinit f’liema kundizzjonijiet għandu jiġi eżerċitat l-istħarriġ ġudizzjarju fid-dawl tar-regolamenti Ewropej li jimplimentaw miżuri restrittivi u li, bħala prinċipju, jipproduċu direttament l-effetti tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali. Fil-kawża Graudu sabiedrība (C‑701/25), bħal fil-kawża Čiekuri-Shishki (C‑480/24) (49), il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddeċiedi dwar il-possibbiltà li tiġi rriżervata l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tirrigwarda fondi ffriżati. Fil-fehma tiegħi, id-determinazzjoni tar-rwol tal-qorti tista’ tiġi trasposta irrispettivament mill-proċeduri mibdija fi ħdan l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u mir-regolamenti adottati fil-qasam ta’ miżuri restrittivi li l-kontenut tagħhom ikun analogu. F’dan il-każ, għandha tiġi enfasizzata l-karatteristika ferm partikolari tal-proċedura. Din il-proċedura ma tirrigwardax il-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi meħuda kontra persuni kkonċernati mill-iffriżar ta’ fondi, li tkun tista’ tiġġustifika, jekk ikun il-każ, l-eżekuzzjoni ddifferita ta’ deċiżjoni sakemm dawn ma jibqgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament inkwistjoni (50).

62.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-qrati nazzjonali ma għandhomx ġuriżdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar talba għar-restituzzjoni ta’ fondi ffriżati lill-Istat tal-Libja, fuq talba tiegħu.

63.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma II imsemmija fid-domandi preliminari ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

64.      Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

65.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ma taqbilx ma’ din l-analiżi jekk tqis li, minħabba l-projbizzjoni li tittieħed deċiżjoni dwar ir-restituzzjoni ta’ fondi ffriżati, l-eżami tat-talba għal deċiżjoni preliminari għandu jkun limitat għall-ewwel parti tal-azzjoni mressqa mill-Istat tal-Libja, jiġifieri li tinkiseb “dikjarazzjoni li l-ġid tal-mejjet li jinsabu f’Malta f’ismu jew f’isem terzi, kienu qegħdin jinżammu bi ksur tal-Liġijiet tal-Libja”. F’dan il-każ, l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ser isservi għall-iskop uniku li tittieħed deċiżjoni dwar iż-żamma irregolari tal-fondi ffriżati li jappartjenu lil Mutassam Gaddafi, mingħajr madankollu ma jiġu identifikati proprjetarju jew vittma ta’ dannu u, għaldaqstant, mingħajr ma jkun jista’ jiġi ordnat li tali proprjetarju jew vittma, f’dan il-każ l-Istat tal-Libja, għandhom jirkuprawhom.

66.      F’din l-ipoteżi, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tieħu pożizzjoni dwar in-natura tal-azzjoni mressqa mill-Istat tal-Libja. Għaldaqstant, sussidjarjament, ser neżamina d-diversi elementi ta’ risposta għal din id-domanda qabel ma nieħu pożizzjoni dwar jekk din l-azzjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma II. Il-proposti ta’ risposta għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari jiddependu mir-risposta proposta għall-ewwel domanda preliminari.

B.      Sussidjarjament, fuq in-natura tal-azzjoni mressqa mill-Istat tal-Libja

67.      F’dan il-każ, peress li ma setax jibda proċeduri kriminali kontra Mutassam Gaddafi minħabba l-mewt tiegħu, l-Istat tal-Libja beda kontra l-eredi tiegħu u kontra l-kumpannija rreġistrata f’ismu azzjoni għall-finijiet tar-restituzzjoni ta’ fondi ffriżati, minħabba li dawn il-fondi huma allegatament miżmuma bi ksur tal-liġi Libjana (51).

68.      It-terminu “restituzzjoni” jinsab fl-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 3 tal‑1986 u fl-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 10 tal‑2002 kif ukoll fl-Artikolu 11(3) tagħha, fir-rigward tal-obbligi tal-eredi tal-awtur prinċipali li jkun wettaq il-fatti li jiġġustifikaw din ir-restituzzjoni.

69.      Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura tal-azzjoni mressqa fil-kawża prinċipali, ir-rappreżentant tal-Istat tal-Libja, CK u SM esponew li din l-azzjoni hija intiża sabiex jinkiseb kumpens għal dannu kkawżat minn delitt. Huma jsostnu li din l-azzjoni hija ta’ natura ċivili u tista’ tiġi eżerċitata minn kull vittma ta’ reat kriminali. Fil-fehma tal-Gvern Malti, il-proċedura inkwistjoni hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Istat tal-Libja huwiex il-proprjetarju tal-beni kontenzjużi. Skont il-Kummissjoni, l-azzjoni għal restituzzjoni inkwistjoni hija azzjoni għall-konfiska ta’ beni akkwistati b’mod illeċitu.

70.      Fl-ewwel lok, nosserva li l-qorti tar-rinviju tippreċiża li t-talba tal-Istat tal-Libja tirrigwarda l-fondi kollha miżmuma minn Mutassam Gaddafi f’kontijiet bankarji miftuħa f’Malta. L-Istat tal-Libja jsostni li dawn il-fondi joriġinaw minn profitti illegali magħmula bi ksur tal-leġiżlazzjoni Libjana.

71.      Din il-qorti tesponi li t-talba tal-Istat tal-Libja ntlaqgħet abbażi tal-Artikoli 6 ta’ żewġ liġijiet speċjali, jiġifieri l-Liġi Nru 10 tal‑2002 (“il-Liġi dwar it-Tindif tas-Servizz Pubbliku”) u l-Liġi Nru 3 tal‑1986 (“Minn fejn ġibtu dan?”).

72.      Hija tenfasizza li, skont il-Liġi Nru 10 tal‑2002, l-azzjoni prinċipali diretta kontra imputat hija ta’ natura kriminali, iżda li, minħabba l-mewt ta’ Mutassam Gaddafi, huma biss id-dispożizzjonijiet dwar il-konsegwenzi ċivili li jistgħu jinstiltu mill-awtorità responsabbli għall-konstatazzjoni tat-twettiq ta’ fatti kriminalment kundannabbli li ġew implimentati quddiem qorti Maltija. Dawn id-dispożizzjonijiet huma dawk tal-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 3 tal‑1986, li jsegwi l-artikoli li jiddefinixxu r-reati u l-pieni rispettivi. Dan l-artikolu jipprovdi li l-qorti għandha tordna r-restituzzjoni tal-fondi miksuba illegalment lit-Teżor Pubbliku. Huwa inkwistjoni wkoll l-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 10 tal‑2002, li jipprevedi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jista’ jitlob li “fil-parti ċivili tal-azzjoni” (52) tiġi inkluża kull persuna kkonċernata sabiex tiġi kkundannata għar-restituzzjoni tal-fondi li l-ammont tagħhom ikun ugwali għal dak tal-gwadann miksub b’mod illegali.

73.      Minn din il-leġiżlazzjoni jirriżulta li d-deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq id-dikjarazzjoni ta’ arrikkiment illegali, li tiddetermina awtomatikament id-destin tal-fondi inkwistjoni kollha. Il-kwistjoni ma hijiex dik li jiġi evalwat il-kumpens għal dannu jew għal danni mġarrba.

74.      Fit-tieni lok, minn dan jista’ jiġi dedott li lanqas ma hija inkwistjoni azzjoni intiża sabiex jiġi ddeterminat min mir-rikorrent jew mill-konvenut huwa d-detentur tad-dritt ta’ sjieda fuq il-fondi kontenzjużi.

75.      F’dan ir-rigward, il-kwistjoni tqum għaliex il-Gvern Malti janalizza t-tilwima bħala invokazzjoni ta’ dritt ta’ sjieda (53).

76.      Issa, insostenn tat-talba mressqa skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 3 tal‑1986 u tal-Liġi Nru 10 tal‑2002, ma huwiex meħtieġ li tiġi prodotta l-prova li l-Istat tal-Libja kien il-proprjetarju tal-beni inkwistjoni. Il-proċedura mibdija minn dan l-Istat hija bbażata fuq il-preżunzjoni li huwa vittma minħabba li l-assi kienu nkisbu illegalment bi ksur taż-żewġ liġijiet speċjali li huwa invoka.

77.      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022, ikkritikata quddiem il-qorti tar-rinviju, ma tinkludix fid-dispożittiv tagħha dikjarazzjoni dwar is-sjieda tal-assi inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, f’dik is-sentenza tingħata motivazzjoni ddettaljata dwar l-assenza ta’ provi li l-assi ta’ Capital Resources joriġinaw minn riżorsi ġġustifikati (54).

78.      Fl-aħħar nett, il-kwistjoni dwar jekk il-fondi jappartjenux effettivament lill-Istat tal-Libja għandha tiġi deċiża fil-kuntest ta’ proċedura li jkollha dan l-għan biss, minħabba d-definizzjoni tal-iffriżar tal-fondi (55) u r-regoli dwar dan l-iffriżar.

79.      Fil-fehma tiegħi, huwa f’dan is-sens li għandu jinftiehem l-estratt tar-rapport tal-Grupp ta’ Esperti, tal‑15 ta’ Frar 2014 (56), li huwa ċċitat fis-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2017 kif ġej: “[f]il-para. 246 tar-rapport [tal-Grupp ta’ Esperti S/2014/106] jingħad li l-assi ffriżati ta’ dawn id-‘designated individuals’ għandhom jibqgħu l-proprjetà personali ta’ dawn id-‘designated individuals’ u li kwalunkwe trasferiment lill-Gvern Libjan b’riżultat ta’ xi eżenzjoni mill-iffriżar tal-assi ikun jammonta għal trasferiment illegali tal-proprjetà. Fil-para. 247 ta’ dan ir-rapport jingħad li l-[Grupp ta’ Esperti] ‘is aware that large assets have been unlawfully obtained by certain designated individuals and is working hard within its’ mandate to identify where such assets have been hidden so that that they can be properly frozen in accordance with the resolutions. The Panel believes that lawfully owned personal assets do not belong to the Government of Libya unless they can be proved to have been stolen from the Libyan State. The only legal way that this can be achieved is through legal process in a competent court of law. The Panel is very keen to ensure that all assets improperly obtained from Libya by designated individuals are frozen and made available to and for the benefit of the Libyan people, but only by proper legal methods.’ [Il-Grupp ta’ Esperti huwa konxju tal-fatt li assi kunsiderevoli nkisbu illegalment minn ċerti individwi ddeżinjati u qiegħed jaħdem, fil-kuntest tal-mandat tiegħu, sabiex jidentifika fejn inħbew dan l-assi bil-għan li jkunu jistgħu jiġu debitament iffriżati konformement mar-Riżoluzzjonijiet. Il-Grupp ta’ Esperti huwa tal-fehma li assi personali miksuba legalment ma jappartjenux lill-Gvern Libjan sakemm ma jiġix ipprovat li nsterqu mingħand l-Istat tal-Libja. L-uniku mod biex isir dan huwa permezz ta’ proċess legali quddiem qorti kompetenti. Il-Grupp ta’ Esperti huwa ħerqan li jiżgura li l-assi kollha miksuba b’mod illeċitu mingħand il-Libja minn individwi ddeżinjati jiġu ffriżati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni u għall-benefiċċju tal-poplu Libjan, imma dan biss b’mezzi legali xierqa.]” F’din is-sentenza jingħad ukoll li “[f]il-para. 248 [tal-imsemmi] rapport jingħad illi hemm żewġ modi kif dan il-proċess legali jista’ jsir u ċjoè billi (i) issir kawża fil-qrati tal-Libja biex jiġi stabbilit jekk it-trasferiment oriġinali tal-assi lill-individwu inkwistjoni kienx wieħed legali jew le. Jekk jirriżulta li t-trasferiment kien wieħed illegali, imbagħad tkun tista’ tinħareġ ordni ta’ konfiska u ‘an international letter of request for mutual legal assistance could be transmitted through the proper channels requesting the enforcement of the order’ [ittra rogatorja internazzjonali għal assistenza legali reċiproka tkun tista’ tintbagħat permezz tal-modalitajiet stabbiliti sabiex tintalab l-eżekuzzjoni ta’ din l-ordni] jew (ii) b’mod aktar realistiku l-awtoritajiet Libjani jistitwixxu kawża fil-qrati tal-Istat Membru ikkonċernat, ċjoè, fejn l-assi ġew iffriżati, simili għall-kawża fl-ismijiet The State of Libya vs. Capitana Seas Limited [(57)] deċiża mill-[High Court of Justice (England & Wales), King’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-King’s Bench (Awla Kummerċjali), ir-Renju Unit]. Ir-rapport ikompli jgħid: ‘[o]nce it is established that the company and its assets are not lawfully part of the estate of a designated individual, because they were acquired in an illegal manner, they automatically fall outside of the asset freeze measures and ownership can legally be transferred to the Government of Libya’ [Ladarba jiġi stabbilit li l-kumpannija u l-assi tagħha ma humiex legalment parti mill-patrimonju tal-persuna ddeżinjata, minħabba li ġew akkwistati b’mod illegali, huma awtomatikament ma jkunux koperti mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u s-sjieda tagħhom tista’ tiġi ttrasferita legalment lill-Gvern Libjan]” (58).

80.      Għalhekk għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni tal-pretensjoni dwar is-sjieda tal-fondi, li teħtieġ li tiġi prodotta l-prova li dawn kienu jappartjenu sa mill-bidu lir-rikorrent, u dik tal-konstatazzjoni tal-illegalità tal-kisba ta’ beni. F’dawn iż-żewġ każijiet, id-deċiżjoni sussegwenti ta’ restituzzjoni speċjalment lill-Istat tal-Libja (jew il-konfiska jew l-irkupru) (59) tal-fondi ffriżati għandha tkun irregolata minn dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament 2016/44 (60) jew minn deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

81.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis li għandha ġuriżdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari billi tiddikjara li, minħabba l-limiti stabbiliti mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2016/44, flimkien mal-Artikolu 1(b) tiegħu, l-interpretazzjoni mogħtija minnha ser tirrigwarda l-azzjoni tal-Istat tal-Libja ta’ natura ċivili li għandha l-għan li tikseb l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ beni akkwistati b’mod illeċitu invokata minn dan l-Istat, u b’hekk teskludi l-effetti tagħha, jiġifieri, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, il-konfiska tal-fondi miżmuma f’isem Mutassam Gaddafi.

82.      Għaldaqstant, għad irid jiġi ddeterminat jekk tali azzjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma II, li jwassal sabiex jiġi ppreċiżat liema huma l-limiti tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament.

C.      Sussidjarjament, fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Ruma II

83.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-azzjoni mibdija mill-Istat tal-Libja taqax taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma II.

1.      Kummenti preliminari

84.      L-ewwel nett, bħala prinċipju, huwa fl-istadju tal-verifika tal-ġuriżdizzjoni internazzjonali tagħha abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (61) li l-qorti ta’ Stat Membru tiddeċiedi l-kwistjoni ta’ jekk it-tilwima mressqa quddiemha tikkonċernax materji ċivili u kummerċjali (62). Issa, la mit-talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament ġiet eżaminata (63).

85.      Madankollu, din l-assenza ta’ verifika tal-ġuriżdizzjoni internazzjonali ma hijiex ta’ natura li ddaħħal inkwistjoni r-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet mogħtija (64). Minn dan niddeduċi li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja indipendentement minn kull kunsiderazzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qrati Maltin aditi.

86.      It-tieni nett, peress li, f’dan il-każ, l-Istat tal-Libja jinvoka drittijiet suġġetti għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tiegħu, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Ruma II ma jinkludi ebda preċiżazzjoni dwar is-sitwazzjonijiet li jinvolvu pajjiżi terzi, minn naħa, u li l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jippermetti l-għażla ta’ liġi li ma tkunx dik ta’ Stat Membru, min-naħa l-oħra.

87.      It-tielet nett, peress li l-premessa 7 tar-Regolament Ruma II tistieden li dan ir-regolament jiġi interpretat b’mod koerenti b’mod partikolari mar-Regolament Nru 44/2001 (65), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument u tar-Regolament Brussell Ia, li ssostitwixxih, għandha sservi bħala referenza.

88.      Ir-raba’ nett, mis-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022 jirriżulta li l-applikabbiltà tar-Regolament Ruma II ġiet diskussa fuq l-inizjattiva ta’ CK, f’isem CD u Capital Resources. Huwa sostna li, skont id-dritt Malti, li fil-fehma tiegħu huwa applikabbli skont dan ir-regolament, l-azzjoni tal-Istat tal-Libja, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ċivili, hija preskritta (66).

2.      Fuq l-azzjoni mressqa mill-Istat tal-Libja eżaminata fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”

89.      Il-qorti tar-rinviju ma ddeskrivietx fid-dettall, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, x’wassal għad-dubji tagħha dwar l-azzjoni mressqa quddiemha.

90.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” li jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma II.

91.      Madankollu, dan ir-regolament jipprovdi żewġ spjegazzjonijiet utli. Qabel kollox, jista’ jiġi kkonstatat li l-azzjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq l-arrikkiment illegali ta’ Mutassam Gaddafi minħabba l-kwalità tiegħu ta’ membru tal-forzi armati. Issa, il-premessa 9 tal-imsemmi regolament hija fformulata kif ġej: “[i]t-talbiet li jirriżultaw minn ‘acta iure imperii’ għandhom jinkludu talbiet magħmula kontra uffiċjali li jaġixxu f’isem l-Istat u r-responsabbiltà għal atti ta’ awtoritajiet pubbliċi, inkluża r-responsabbiltà ta’ funzjonarji pubbliċi. Għalhekk, dawn il-kwistjonijiet għandhom ikunu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament”. Bla ħsara għall-verifiki tal-qorti tar-rinviju, l-atti imputati lil Mutassam Gaddafi ma jaqgħux taħt dawn il-każijiet.

92.      Barra minn hekk, il-premessa 7 tal-istess regolament (67) tirrakkomanda li titfittex l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett li jinsab b’mod partikolari fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Brussell Ia, minħabba li l-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu hija kważi identika għal dik tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma II.

93.      Għaldaqstant, għandhom jitfakkru l-kriterji adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”.

94.      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex azzjoni tiġi kklassifikata bħala li tikkonċerna “materji ċivili jew kummerċjali”, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet fit-tilwima jew is-suġġett tagħha jew, alternattivament, il-bażi u l-modalitajiet għall-eżerċizzju tal-azzjoni mressqa (68).

95.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, għalkemm ċerti tilwimiet bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia, l-affarijiet ikunu differenti meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (69), li jkun il-każ meta teżerċita setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi (70).

96.      Fir-rigward tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Istat tal-Libja fetaħ proċedura ċivili kontra l-eredi ta’ Mutassam Gaddafi u Capital Resources quddiem qorti Maltija abbażi ta’ liġijiet speċjali ta’ natura kriminali, jiġifieri l-Liġi Nru 3 tal‑1986 u l-Liġi Nru 10 tal‑2002, minħabba atti allegatament illegali allegatament imwettqa minn Mutassam Gaddafi.

97.      B’hekk, l-ewwel nett, mid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn il-liġijiet, kif iċċitati mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li l-azzjoni mressqa mill-Istat tal-Libja hija intiża li tissalvagwardja interessi pubbliċi (71). Fil-fatt, l-imsemmija liġijiet jissanzjonaw profitti illegali mwettqa, b’mod partikolari, minn uffiċjali pubbliċi, inklużi l-membri tal-forzi armati (72), li l-Istat tal-Libja jqis li huwa kien vittma tagħhom. Għaldaqstant, l-istess liġijiet, li jimponu r-restituzzjoni ta’ gwadann illegali fuq kull persuna (mingħajr distinzjoni skont jekk hijiex persuna fiżika jew ġuridika (73)) li tkun il-proprjetarja tiegħu, anki fil-każ tal-mewt tal-persuna responsabbli, ma jistgħux ikunu l-bażi ta’ azzjoni mressqa minn individwi. Għalhekk, ir-relazzjoni legali eżistenti għandha tiġi kkwalifikata bħala relazzjoni rregolata mid-dritt pubbliku (74).

98.      It-tieni nett (75), minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta wkoll li l-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tressqet mill-Istat tal-Libja fl-eżerċizzju tas-setgħat eżorbitanti mogħtija lilu taħt id-dritt ordinarju.

99.      Fil-fatt, qabel kollox, nirrileva li l-proċedura implimentata fir-rigward tal-persuni koperti mil-Liġi Nru 10 tal‑2002 hija bbażata fuq is-setgħat ta’ investigazzjoni mogħtija lil kumitat abbażi ta’ preżunzjonijiet ta’ qligħ illegali (76). L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jiġi informat minn dan il-kumitat fil-każ li jkun hemm suspett ta’ gwadann illegali (77) u huwa responsabbli għall-parti ċivili tal-azzjoni kriminali, filwaqt li jista’ jinkludi f’din il-parti ċivili lill-konjuġi u lill-ulied tal-awtur prinċipali kif ukoll lil persuni oħra kkonċernati minn dan il-gwadann illegali (78). Dawn is-setgħat jistgħu jiġu eżerċitati biss minn dawn l-awtoritajiet pubbliċi (79).

100. Sussegwentement, infakkar li, fir-rigward tal-eredi ta’ Mutassam Gaddafi li kontrihom hija diretta l-azzjoni tal-Istat tal-Libja, il-qorti tar-rinviju tiċċita l-Artikolu 11(3) tal-Liġi Nru 10 tal‑2002, li abbażi tiegħu r-restituzzjoni tal-fondi illegali mill-eredi tal-awtur deċedut tal-ksur tista’ tiġi ordnata minn qorti Libjana. Issa, il-kawża prinċipali turi li t-talba għal restituzzjoni tista’ titressaq mill-Istat tal-Libja quddiem il-qorti ta’ Stat Membru, mingħajr ma kienet infetħet proċedura kriminali fil-Libja kontra Mutassam Gaddafi qabel mewtu.

101. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-azzjoni mressqa mill-Istat tal-Libja ma hijiex paragunabbli ma’ azzjoni għal kumpens ibbażata fuq reat quddiem qorti adita bl-azzjoni pubblika li tista’ tieħu konjizzjoni tal-azzjoni ċivili, bħal dik imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia (80), u li tista’ tiġi eżerċitata minn kull persuna. Nippreċiża li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑21 ta’ April 1993, Sonntag (81), invokata mill-Istat tal-Libja, it-talba għal kumpens kienet tressqet kontra l-imputat quddiem qorti kriminali u li din tal-aħħar laqgħet din it-talba wara l-kundanna kriminali (82). Jiena għalhekk tal-fehma li d-dritt għal restituzzjoni li fuqu hija bbażata l-azzjoni mressqa fil-kawża prinċipali, kif eżerċitat mill-Istat tal-Libja, huwa disponibbli f’kundizzjonijiet li huma previsti għall-awtoritajiet tal-Istat biss.

102. L-Istat tal-Libja jsostni wkoll li t-trasferiment lill-eredi skont il-prinċipji tad-dritt ċivili tad-drittijiet u tal-obbligi tad-deċedut fir-rigward tal-kredituri huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika li l-azzjoni tressqet kontra l-eredi, kif tista’ tagħmel kull persuna. Madankollu, minn naħa, din il-bażi ċivili taħt id-dritt ordinarju ma hijiex indikata fid-deċiżjoni tar-rinviju (83). Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi dan l-argument ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li persuna privata tista’ tressaq azzjoni għal kumpens kontra l-eredi ta’ awtur ta’ danni mingħajr ma l-ħtija jew ir-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar tkun ġiet irrikonoxxuta minn qabel, u dan a fortiori meta l-azzjoni titressaq kontra l-kumpannija li tagħha dan tal-aħħar kien l-uniku azzjonist.

103. Fl-aħħar nett, nikkonstata li, fir-rigward tal-benefiċjarji tar-restituzzjonijiet li jistgħu jiġu ordnati, id-dispożizzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju ma jipprevedux restituzzjoni favur persuni privati. L-unika dispożizzjoni ċċitata, jiġifieri l-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 3 tal‑1986 (84), li jiġi direttament wara l-artikoli li jiddefinixxu r-reati u l-pieni imposti (85), tipprevedi li t-Teżor Pubbliku għandu dritt għall-fondi li l-kisba illegali tagħhom tkun ġiet stabbilita.

104. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, fil-fehma tiegħi, l-azzjoni tal-Istat tal-Libja hija bbażata fuq dispożizzjonijiet li juru l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, u dan jeskludi din l-azzjoni mill-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”.

105. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-Regolament Ruma II ma huwiex applikabbli u, għaldaqstant, li ma tirrispondix għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari, li għandhom bħala suġġett interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament.

V.      Konklużjoni

106. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti tal-Appell (Malta), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ April 2025, hija inammissibbli.

Sussidjarjament, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Qorti tal-Appell kif ġej:

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”)

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

azzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li titressaq minn Stat terz għall-finijiet ta’ restituzzjoni ta’ fondi miżmuma fi Stat Membru, minħabba li dawn il-fondi jkunu allegatament inkisbu illegalment minn ċittadin mejjet tiegħu, u li tkun ibbażata fuq liġijiet speċjali, li jagħtu lil dan l-Istat setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      ĠU 2007, L 199, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”.


3      Iktar ’il quddiem ir-“rappreżentant tal-Istat tal-Libja”.


4      [Fil-lingwa oriġinali ta’ dawn il-konklużjonijiet l-Avukat Ġenerali juża l-iktar ortografija komuni fil-lingwa Franċiża ta’ din l-identità, jiġifieri Muatassim Kadhafi. Fit-traduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet qiegħda tintuża l-ortografija użata mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri Mutassam Gaddafi.] Għal ortografiji oħra, ara l-punti 5 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


5      Iktar ’il quddiem il-“Grupp ta’ Esperti”.


6      Dan il-mandat ġie estiż sal‑15 ta’ Awwissu 2027 (ara l-paragrafu 24 tar-Riżoluzzjoni 2819(2026)).


7      [Fil-verżjoni bil-lingwa Maltija tal-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat‑18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU 2016, L 12, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 6, p. 10), il-kunjom huwa miktub b’din l-ortografija: Qadhafi. Fil-lingwa oriġinali ta’ dawn il-konklużjonijiet l-Avukat Ġenerali juża l-iktar ortografija komuni fil-lingwa Franċiża ta’ din l-identità, jiġifieri Mouammar Kadhafi. Fit-traduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet qiegħda tintuża l-ortografija użata mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri Maummar Gaddafi.]


8      Ara, b’mod partikolari, f’termini analogi, il-paragrafu 20 tar-Riżoluzzjoni 1973 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tas‑17 ta’ Marzu 2011, kif ukoll l-affermazzjoni mill-ġdid tal-intenzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fil-paragrafu 14 tar-Riżoluzzjoni 2701 (2023) tad‑19 ta’ Ottubru 2023 tiegħu, u fil-paragrafu 13 tar-Riżoluzzjoni 2769 (2025) tas‑16 ta’ Jannar 2025 tiegħu, li jipprovdi: “[Il-Kunsill tas-Sigurtà] jenfasizza li l-assi ffriżati skont il-paragrafu 17 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011) għandhom, fi stadju ulterjuri, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-poplu Libjan u għandhom jintużaw għall-benefiċċju tiegħu, jinsisti fuq il-fatt li l-miżuri ta’ ffriżar tal-assi għandhom jittieħdu għal finijiet ta’ protezzjoni, u jitlob lill-Istati Membri kollha kkonċernati jipproteġu dawn l-assi sabiex il-poplu Libjan jibbenefika minnhom fil-futur, b’mod partikolari billi jipprevjenu l-miżapproprjazzjoni u l-użu ħażin tal-fondi ffriżati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-Riżoluzzjoni 2819 (2026), il-paragrafu 13 huwa ssupplimentat b’mod partikolari dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri kkonċernati għall-ħarsien tal-valur tal-assi ffriżati.


9      Deċiżjoni tal-Kunsill tat‑28 ta’ Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2011, L 58, p. 53, rettifika fil-ĠU 2011, L 87, p. 31).


10      Regolament tal-Kunsill tat‑2 ta’ Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2011, L 58, p. 1, rettifika fil-ĠU 2011, L 87, p. 31).


11      Deċiżjoni tal-Kunsill tal‑31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (ĠU 2015, L 206, p. 34).


12      Id-dettalji li ġejjin huma indikati f’dan l-anness: “Informazzjoni oħra: Elenkat skont il-paragrafi 15 u 17 tar-riżoluzzjoni 1970 [(2011)] (Projbizzjoni fuq Vjaġġar, Iffriżar tal-Assi). Status/post preżunt: deċedut”. Dawn id-dettalji ġew ikkompletati permezz tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/489 tal‑21 ta’ Marzu 2017 li jimplimenta l-Artikolu 21(5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2017, L 76, p. 3) kif ġej: “Allegatament miet f’Sirte, il-Libja, fl‑20 ta’ Ottubru 2011. Web Link tal-Avviż Speċjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU-INTERPOL: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5525915”.


13      Għar-Repubblika ta’ Malta, l-indirizz tal-internet li jinsab fl-Anness IV tar-Regolament 2016/44 huwa dan li ġej: https://smb.gov.mt/.


14      Regolament tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


15      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li ebda proċedura ġudizzjarja ma nfetħet fil-Libja mill-Istat tal-Libja, b’mod partikolari f’materji kriminali, minħabba l-mewt ta’ Mutassam Gaddafi.


16      Disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://ecourts.gov.mt/onlineservices/Judgements/PrintPdf?JudgementId=0&CaseJudgementId=108575, iktar ’il quddiem is-“sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2017”. Din id-deċiżjoni ġiet inkluża fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


17      Disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://ecourts.gov.mt/onlineservices/Judgements/PrintPdf?CaseJudgementId=132984&JudgementId=0, iktar ’il quddiem is-“sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022”. Din id-deċiżjoni ġiet inkluża fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


18      Ara, sa fejn naf jien l-uniku dokument li jirreferi għat-tħassir fil-każ tal-mewt tal-persuna kkonċernata: nota tat‑3 ta’ Lulju 2024 mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lid-delegazzjonijiet (dokument 11623/24) dwar “Miżuri restrittivi (sanzjonijiet) – Aġġornament dwar l-aħjar prattiki tal-[Unjoni] rigward l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri restrittivi”, fir-rigward tas-sanzjonijiet awtonomi tal-Unjoni (punt 18).


19      Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ April 1988, Pardini (338/85, EU:C:1988:194, punt 8), kif ukoll tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret (C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret (C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Tiberis Holding (C‑514/23, EU:C:2025:597, punt 34).


21      Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2024, Kolin Inşaat Turizm Sanayi ve Ticaret (C‑652/22, EU:C:2024:910, punt 38), u tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Tiberis Holding (C‑514/23, EU:C:2025:597, punt 35).


22      Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-paġna 12 tas-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2017, huwa ppreċiżat li l-Avukat Ġenerali ta’ Malta informa lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ta’ Malta kien irċieva komunikazzjoni mill-Grupp ta’ Esperti fis-sens li “l-assi li huma s-suġġett tat-talba, il-kumpannija u l-assi magħrufa bl-isem ta’ Capital Resources […], miżmuma 100 % minn Mutassam Gaddafi, kif ukoll kull assi oħra li jappartjenu lilu, għandhom jibqgħu ffriżati konformement mal-miżura ta’ ffriżar tal-assi. Bl-istess mod, l-assi miżmuma jew ikkontrollati minn [CD] għandhom jiġu ffriżati konformement mal-imsemmija miżura” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


23      Ara l-paġni 32 u 33 ta’ din is-sentenza, li fihom huma ċċitati żewġ dispożizzjonijiet li jipprevedu t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-assi ffriżati lill-poplu Libjan u fl-interess tiegħu, fosthom il-paragrafu 18 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011). Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Ara l-paġna 50 tas-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022. It-test b’tipa grassa jinsab f’din is-sentenza.


25      Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26      Fis-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2017, huwa ppreċiżat, minn naħa, li l-Istat tal-Libja sostna li “Mutassam Gaddafi bil-paga li kellu bħala uffiċjal tal-Armata Libjana ma setax jakkumula dawk l-assi kollha miżmuma f’ismu jew f’isem terzi hawn Malta u li dawn l-assi ġew akkumalati bi ksur tal-liġijiet militari tal-Istat tal-Libja applikabbli għal uffiċjali tal-Forzi Armati Libjana u/jew b’abbuż tal-pożizzjoni li dan kellu għad-detriment tal-fondi tal-Istat tal-Libja, liema assi ikunu għalhekk restitwibbli lill-Istat tal-Libja”. Min-naħa l-oħra, “[i]l-kawża odjerna […] tittratta l-obbligazzjoni li allegatament kellu […] Mutassam Gaddafi naxxenti mil-liġi marzjali Libjana, ossija d-dritt pubbliku Libjan, li ma kellux jinvolvi ruħu f’attivitajiet kummerċjali sakemm jibqa’ membru tal-Armata Libjana”.


27      Ara d-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(b) tar-Regolament 2016/44, iċċitata fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, f’dan ir-rigward, għal analiżi ddettaljata ta’ dan il-kunċett, essenzjalment iddefinit b’termini analogi f’regolamenti oħra, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża SBK Art (C‑465/24, EU:C:2025:732, punti 22 sa 29 kif ukoll punti 31 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2026, SBK Art (C‑465/24, EU:C:2026:187, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Bank Sepah (C‑340/20, EU:C:2021:903, punt 59).


30      C‑84/24, EU:C:2026:181.


31      Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2026, EM System (C‑84/24, EU:C:2026:181, punt 118).


32      Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33      Ara, fir-rigward tar-Repubblika ta’ Malta, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Ara, fuq il-prinċipju fis-sens li l-possibbiltà li tiġi implimentata miżura fuq assi ffriżati għandha tiġi evalwata biss skont l-effetti legali tagħha, u mhux skont il-kawża tal-kreditu relatat ma’ din il-miżura, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Bank Sepah (C‑340/20, EU:C:2021:903, punt 63).


35      Ara r-rapport tal-Grupp ta’ Esperti mibgħut lill-Kunsill tas-Sigurtà fit‑12 ta’ Novembru 2024, disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://docs.un.org/en/S/2024/914, punt VII, A (p. 53). Waqt is-seduta, il-Gvern Malti indika li kienet ingħatat opinjoni kuntrarja. Fin-nuqqas ta’ referenzi kkomunikati, ir-riċerki tiegħi fis-sit internet li jiġbor flimkien ir-rapporti tal-Grupp ta’ Esperti (https://main.un.org/securitycouncil/en/sanctions/1970/panel-experts/reports) ma kinux ta’ suċċess (ara l-aħħar rapport tal‑24 ta’ Marzu 2026). Jista’ jiġi ppreċiżat biss li l-formulazzjoni tal-opinjoni tagħti x’tifhem li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet ġiet eżegwita. Issa, dan ma huwiex il-każ minħabba l-appell pendenti (ara l-preċiżazzjonijiet li jinsabu fl-Anness 91 ta’ dan l-ewwel rapport) li fil-kuntest tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja hija adita b’din it-talba għal deċiżjoni preliminari.


36      Ara l-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Ara b’mod partikolari l-paragrafi 13 u 17 tar-Riżoluzzjoni 2819 (2026).


38      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Norkus ippreżentati fl‑4 ta’ Settembru 2025 fil-kawża Čiekuri-Shishki (C‑480/24, EU:C:2025:672, punti 3, 28, 75 u 77).


39      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2025, Timchenko u Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑805/24 P, EU:C:2025:792, punti 20 sa 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Ara n-Nota Punt “I/A” tat‑2 ta’ Lulju 2024 mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti/Kunsill (dokument 11618/24) dwar “Linji Gwida dwar is-Sanzjonijiet – aġġornament”, Parti H, dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.


41      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Royal Football Club Seraing (C‑600/23, EU:C:2025:617, punt 87).


42      C‑802/24, EU:C:2026:110.


43      Regolament tal-Kunsill tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 246, p. 59 u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214).


44      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Biondi fil-kawża Reibel (C‑802/24, EU:C:2026:110, punti 63 sa 66 kif ukoll 69 u 70).


45      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, ir-Rīgas apgabaltiesa (il-Qorti Reġjonali ta’ Riga, il-Latvja) tistaqsi, essenzjalment, jekk il-ksur tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas‑17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64), għandux jitqies li huwa ksur tal-ordni pubbliku tal-Unjoni.


46      C‑842/24, EU:C:2026:233.


47      Regolament tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen (ĠU 2014, L 365, p. 60). L-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[l]-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma jitqiegħdu għad-disposizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-beneficċju ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I”.


48      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża DNO Yemen (C‑842/24, EU:C:2026:233, punt 109 kif ukoll, b’mod partikolari, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49      Fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fl‑4 ta’ Settembru 2025 fil-kawża Čiekuri-Shishki (C‑480/24, EU:C:2025:672), li ma kellhiex bħala suġġett ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, l-Avukat Ġenerali Norkus qies li qorti nazzjonali tista’, bħala prinċipju, tiddeċiedi dwar talbiet ta’ natura ċivili bil-kundizzjoni li hija tiggarantixxi li d-deċiżjoni tagħha ma tiksirx id-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 269/2014 (punt 78).


50      Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Ara l-punti 35 u 36, kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52      Enfasi fit-talba għal deċiżjoni preliminari.


53      Ara l-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54      Ara l-paġni 46 u 47 tas-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022.


55      Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżura ta’ ffriżar hija miżura kawtelatorja li waħedha ma għandhiex effett fuq is-sjieda tal-assi li jkunu s-suġġett ta’ din il-miżura. Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Instrubel et (C‑753/21 u C‑754/21, EU:C:2022:987, punti 50 u 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


56      Disponibbli fl-indirizz internet segwenti: https://docs.un.org/en/S/2014/106, iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Grupp ta’ Esperti S/2014/106”.


57      Din is-sentenza ġiet iċċitata mill-Istat tal-Libja insostenn tar-rikors tiegħu. Fil-paragrafu 249 tar-rapport tal-Grupp ta’ Esperti S/2014/106 hemm dan il-kumment fir-rigward ta’ din is-sentenza: “[d]an l-approċċ diġà ntuża f’kawża mressqa mill-Gvern Libjan quddiem il-[High Court of Justice (England & Wales), King’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-King’s Bench (Awla Kummerċjali), ir-Renju Unit]. Il-kawża kienet tikkonċerna beni li kienu jinsabu fir-Renju Unit u li kienu proprjetà tal-kumpannija Capitana Seas Ltd., li s-sid benefiċjarju tagħha kienet Saadi Gaddafi, persuna ddeżinjata oħra. Wara li semgħet xhieda f’isem il-Gvern Libjan, il-qorti ddeċidiet li l-proprjetà kienet ġiet ittrasferita b’mod indebitu mill-Istat tal-Libja lil Saadi Gaddafi u għalhekk kienet miżmuma minnu bħala trustee tal-poplu Libjan, is-sid reali (ara l-Anness XIV [ta’ dan ir-rapport]). Peress li l-proprjetà qatt ma kienet ġiet ittrasferita legalment lil Saadi Gaddafi, din il-proprjetà ma kinitx suġġetta għall-iffriżar tal-assi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


58      Ir-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta’ Esperti lill-Kunsill tas-Sigurtà fil-qasam tal-iffriżar tal-assi, magħmula fil-paragrafu 288 tar-rapport tal-Grupp ta’ Esperti S/2014/106, hija kif ġej: “Fil-paragrafu 18 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011) tiegħu, il-Kunsill tas-Sigurtà jgħid li l-assi ffriżati għandhom, fi stadju ulterjuri, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni u għall-benefiċċju tal-poplu Libjan. Dan wassal għal konfużjoni fir-rigward tal-pretensjonijiet magħmula mill-Gvern Libjan fir-rigward ta’ assi li jinsabu ffriżati minħabba li jappartjenu lil individwi elenkati fil-lista. Il-Grupp ta’ Esperti jirrakkomanda li kwalunkwe rakkomandazzjoni futura tal-Kunsill dwar is-sistema tas-sanzjonijiet Libjani tindirizza l-mekkaniżmi li permezz tagħhom jiġu allokati l-assi ffriżati, b’mod partikolari fir-rigward tal-assi li jappartjenu lil individwi elenkati fil-lista. Dan bil-għan li jiġi żgurat li (a) assi nazzjonali ffriżati misruqa minn tali individwi jiġu rkuprati legalment mill-Istat rilevanti permezz ta’ proċess legali xieraq; (b) ma jkunx hemm ksur tad-drittijiet ta’ sjieda tal-individwi kkonċernati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


59      Termini meħuda mir-rapport tal-Grupp ta’ Esperti S/2014/106. Ara l-punt 79 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60      Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


61      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”).


62      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑13 ta’ Frar 2025, Athenian Brewery u Heineken (C‑393/23, EU:C:2025:85, punti 41 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, EPIC Financial Consulting (C‑274/21 u C‑275/21, EU:C:2022:565, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-Regolament Nru 44/2001, imħassar u ssostitwit bir-Regolament Brussell Ia, huwa applikabbli għal tilwima bejn konvenut li jkollu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru u rikorrent ta’ Stat terz (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Taser International, C‑175/15, EU:C:2016:176, punt 20).


63      Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Charles Taylor Adjusting (C‑590/21, EU:C:2023:633, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 43), u tal‑15 ta’ Jannar 2026, Wunner (C‑77/24, EU:C:2026:1, punt 40).


66      Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


67      Ara l-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


68      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Movic et (C‑73/19, EU:C:2020:568, punt 37, fejn l-avverbju “alternattivament” jintuża għall-ewwel darba), kif ukoll tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et (C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


69      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Sunico et (C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 34). Ara wkoll is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et (C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 56).


70      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et (C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 57).


71      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Kuhn (C‑308/17, EU:C:2018:911, punti 37 u 42 dwar in-natura eċċezzjonali tal-liġi inkwistjoni), li għandha tiġi distinta mis-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Fahnenbrock et (C‑226/13, C‑245/13 u C‑247/13, EU:C:2015:383), invokata mill-Istat tal-Libja. Huwa minnu li din is-sentenza tirrigwarda l-istess ċirkustanzi. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandu jkun limitat għall-istrument ta’ kooperazzjoni interpretat, li huwa relatat man-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Kuhn (C‑308/17, EU:C:2018:528, punti 48 sa 58). Ara wkoll, fir-rigward tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku ekonomiku, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Eurelec Trading (C‑98/22, EU:C:2022:1032, punt 26).


72      Il-Liġi Nru 10 tal‑2002 għandha kamp ta’ applikazzjoni limitat meta mqabbla mal-Liġi Nru 3 tal‑1986. Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73      Il-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax fuq liema bażi tressqet l-azzjoni kontra Capital Resources.


74      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Siemens Aktiengesellschaft Österreich (C‑102/15, EU:C:2016:607, punti 38 u 40, fir-rigward ta’ dritt ta’ kreditu li joriġina minn att ta’ awtorità pubblika, jiġifieri multa imposta minn awtorità tal-kompetizzjoni). Ara, għall-kuntrarju, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punti 35 u 36, fir-rigward ta’ azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu li l-bażi legali tagħha fid-dritt ċivili kienet applikabbli wkoll, mingħajr distinzjoni, għall-individwi), kif ukoll tat‑12 ta’ Settembru 2013, Sunico et (C‑49/12, EU:C:2013:545, punti 39 u 40, fir-rigward ta’ azzjoni diretta kontra konvenuti mhux suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud u għalhekk mhux ibbażata fuq id-dritt fiskali).


75      Ara, b’analoġija, fuq il-prinċipju li l-għan pubbliku ta’ ċerti attivitajiet ma jikkostitwixxix, fih innifsu, element suffiċjenti sabiex dawn l-attivitajiet jiġu kklassifikati bħala acta iure imperii, sa fejn ma jikkorrispondux għall-eżerċizzju ta’ setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et (C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).


76      Ara l-Artikoli 6 sa 8 tal-Liġi Nru 10 tal‑2002.


77      Ara l-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 10 tal‑2002.


78      Ara l-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 10 tal‑2002.


79      Ara, għal konstatazzjoni analoga, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Eurelec Trading (C‑98/22, EU:C:2022:1032, punt 26).


80      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt 4 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (ĠU 1998, C 27, p. 1), li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma ekwivalenti għall-punt 3 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell Ia, huwa bbażat fuq in-natura ċivili tad-dritt għal kumpens wara kundanna kriminali li hija ġeneralment irrikonoxxuta fis-sistemi legali tal-Istati kontraenti. Ara s-sentenza tal‑21 ta’ April 1993, Sonntag (C‑172/91, EU:C:1993:144, punt 19). Ara, fl-istess sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements (C‑523/14, EU:C:2015:722, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


81      C‑172/91, EU:C:1993:144.


82      Ara l-punti 3 sa 5 ta’ din is-sentenza.


83      Skont il-qari tiegħi tat-traduzzjoni libera tas-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2022, ebda dispożizzjoni tad-dritt ċivili ma hija ċċitata fiha. Huma biss il-liġijiet speċjali li huma eżaminati fil-paġni 44 sa 49. Għaldaqstant, ir-riferiment mill-Istat tal-Libja għas-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2002, Baten (C‑271/00, EU:C:2002:656), ma jidhirlix li huwa rilevanti. Ara l-punt 32 ta’ din is-sentenza dwar ir-regoli tad-dritt ċivili li fuqhom hija bbażata l-azzjoni għall-irkupru ta’ għajnuna soċjali ta’ organu pubbliku mressqa kontra debitur ta’ manteniment.


84      Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


85      Ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.