European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2580

16.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/2580

tal-15 ta’ Diċembru 2025

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 (1).

(2)

F’konformità mal-Artikolu 36(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849, il-Kunsill irrieżamina l-listi ta’ persuni, entitajiet u bastimenti ddeżinjati li jinsabu fl-Annessi II, III, V u VI ta’ dik id-Deċiżjoni.

(3)

Jenħtieġ li l-miżuri restrittivi kontra l-persuni u l-entitajiet fil-listi li jinsabu fl-Annessi II u III tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 jinżammu. Jenħtieġ li l-entrati għal persuna waħda u tliet entitajiet f’dawk l-Annessi jiġu aġġornati.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Annessi II u III tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/849/oj).


ANNESS

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

taħt l-intestatura “I. Persuni u entitajiet responsabbli għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew fuq id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li jappartjenu lilhom jew huma kkontrollati minnhom”, is-subintestatura “A. Persuni”, l-entrata 10 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Magħruf ukoll bħala

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Data tad-deżinjazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

“10.

HONG Sung-Mu

홍승무

HONG Sung Mu

Data tat-twelid: 1.1.1942

Sess: raġel

20.5.2016

Viċi Direttur tal-Munitions Industry Department (MID). Il-MID – deżinjat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit-2 ta’ Marzu 2016 – huwa involut f’aspetti ewlenin tal-programm tal-missili tar-RDPK. Il-MID huwa responsabbli għas-sorveljanza tal-iżvilupp tal-missili ballistiċi tar-RDPK, inkluż il-programmi ta’ riċerka u żvilupp. Bħala tali, Hong huwa responsabbli għal programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħrajn ta’ qerda massiva. Kien xhud għall-illanċjar tal-missila ballistika interkontinentali Hwasong-15 fit-28 ta’ Novembru 2017.

F’Lulju 2020 ipparteċipa f’laqgħa tal-Kummissjoni Militari Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea ddedikata għad-‘deterrenza mill-gwerra’, ewfemiżmu użat biex jirreferi għall-programm nukleari tar-RDPK. Ġie rielett għall-Kumitat Ċentrali tal-Partit f’Jannar 2021. F’Marzu 2023, ġie fotografat ma’ Kim Jong Un waqt li kien qed jispezzjona l-allegati testati nukleari lesti għall-immuntar fuq missili ballistiċi, u f’Settembru 2024, ġie fotografat ma’ Kim Jong Un li kien qed jispezzjona faċilità ta’ arrikkiment tal-uranju tar-RDPK.”

(b)

taħt l-intestatura “I. Persuni u entitajiet responsabbli għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn tal-qerda massiva jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew fuq id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li jappartjenu lilhom jew huma kkontrollati minnhom”, is-subintestatura “B. Entitajiet”, l-entrata 4 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Magħruf ukoll bħala

Lokalità

Data tad-deżinjazzjoni

Informazzjoni oħra

“4.

Yongbyon Nuclear Scientific Research Centre

녕변 원자력 연구소

영변 원자력 연구소

 

 

22.12.2009

Faċilitajiet li kapaċi jipproduċu materjal fissili għal użi militari, inkluż reattur ta’ 5MW (e), faċilità ta’ riproċessar tal-plutonju (laboratorju radjukimiku), Reattur li juża l-Ilma Ordinarju (LWR) u faċilità rappurtata għall-arrikkiment tal-uranju. Iċ-Ċentru jiddependi mill-General Bureau of Atomic Energy (entità ddeżinjata mill-KSNU, 16.7.2009). F’Ġunju 2024, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) ddikjarat li kienet osservat l-iskariku intermittenti tal-ilma mis-sistema tat-tkessiħ tal-LWR f’Yongbyon minn Diċembru 2023, li huwa konsistenti mal-operat tal-LWR. L-IAEA sabet ukoll indikazzjonijiet kontinwi tat-tħaddim tar-reattur ta’ 5 MW(e) u tal-faċilità ta’ arrikkiment taċ-ċentrifugi rrappurtata. Fir-rapport tiegħu ta’ Marzu 2024, il-Bord ta’ Esperti tan-NU identifika wkoll attività sinifikanti li għadha għaddejja f’Yongbyon. L-immaġnijiet bis-satellita li ttieħdu matul l-2025 ikkonfermaw it-tkomplija tal-operazzjonijiet u t-tlestija ta’ diversi proġetti ġodda ta’ kostruzzjoni.”

(2)

Fl-Anness III, taħt l-intestatura “B. Entitajiet”, l-entrati 3 u 8 huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

Isem (u prewdonimi possibbli)

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Data tad-deżinjazzjoni

Raġunijiet

“3.

Maritime Administrative Bureau

magħruf ukoll bħala Maritime Administration of DPR Korea

magħruf ukoll bħala DPRK National Maritime Supervision Bureau

조선민주주의인민공화국 국가해사감독국

Indirizz: Ryonhwa-2Dong, Central District, Pyongyang, DPRK

PO Box 416

Telefown: 850-2-18111 Ex 8059

Fax 850 2 381 4410

Posta elettronika: mab@silibank.net.kp

Sit web: www.ma.gov.kp

16.10.2017

Il-Maritime Administrative Bureau għen fl-evażjoni tas-sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti inkluż permezz tal-għoti ta’ isem ġdid u tar-reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ assi ta’ entitajiet elenkati u billi pprovda dokumentazzjoni falza għall-bastimenti soġġetti għal sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.

8.

Korea Paekho Trading Corporation

(Magħrufa wkoll bħala: Joson Paekho Muyok Hoesa)

조선백호무역회사

Indirizz: Chongryu 3-dong, Taedonggang District, Pyongyang, Democratic People’s Republic of Korea

21.4.2022

Paekho Trading Corporation hija kumpanija tal-arti involuta fil-bini ta’ statwi barra mill-pajjiż, fl-esportazzjoni ta’ statwi artistiċi prodotti minn Paekho Art Studio, u tiffaċilita x-xogħol illeċitu u l-aċċess għal sistemi finanzjarji internazzjonali. Hija tiffoka speċifikament fuq għotjiet u self għall-iżvilupp, kif ukoll investiment dirett barrani allokat għal proġetti muniċipali. B’hekk, hija involuta fl-evażjoni tas-sanzjonijiet u responsabbli għall-appoġġ finanzjarju tal-programmi nukleari u ballistiċi tar-RDPK. F’Lulju 2024, il-kumpanija dehret tipparteċipa f’fiera kummerċjali ta’ prodotti tar-RDPK fi Vladivostok, ir-Russja, u f’Novembru 2024, dehret tipparteċipa fis-16-il Fiera Kummerċjali Internazzjonali tal-Ħarifa ta’ Pyongyang.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2580/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)