European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2491

10.11.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2491

tat-8 ta’ Novembru 2023

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Kit imsejjaħ “kit għall-ivvloggjar b’ċirku mdawwal”, magħmul mill-plastik, li jikkonsisti mill-komponenti li ġejjin:

—

lampa LED f’forma ta’ ċirku b’dijametru estern ta’ madwar 25 cm,

—

trepied b’ras sferika, mgħammar bi klipp tat-telefown universali u flessibbli,

—

provvista tal-elettriku permezz ta’ USB,

—

kontroll inline għall-aġġustament tal-luminożità u t-temperatura tal-kulur tad-dawl, mgħammar b’buttuna biex tixgħel jew titfi,

—

kontrollur tal-Bluetooth għall-kontroll mingħajr fili tal-ismartphone.

It-trepied bil-klipp tat-telefown huwa ddisinjat biex iżomm smartphone u biex jiżgura l-istabbiltà tal-kamera tal-ismartphone fil-pożizzjoni mixtieqa. Il-lampa f’forma ta’ ċirku tipprovdi illuminazzjoni ottimali billi taġġusta l-luminożità u t-temperatura tal-kulur tad-dawl u billi tipprevjeni d-dellijiet fuq l-uċuħ tan-nies.

Il-prodott jintuża bħala arranġament għall-ivvloggjar biex tinkiseb prestazzjoni ottimali waqt li jsiru l-filmati, l-istreams u s-selfies.

(Ara l-istampa) (*1)

9620 00 91

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 3(c) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (GIR), u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 9620 00 u 9620 00 91 .

Il-prodott huwa oġġetti komposti, skont it-tifsira tal-GIR 3(b), li jikkonsisti f’komponenti differenti li huma adattati wieħed għall-ieħor u li jikkumplimentaw lil xulxin b’mod reċiproku biex jiffurmaw ħaġa waħda. F’konformità ma’ dik ir-regola, għandu jiġi kklassifikat daqslikieku kien jikkonsisti fil-komponent li jagħti l-karattru essenzjali lill-prodott. (Ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-GIR 3(b), (IX).)

Il-komponenti ewlenin tal-prodott, jiġifieri t-trepied ikklassifikat fl-intestatura 9620 u l-lampa f’forma ta’ ċirku kklassifikata fl-intestatura 9405 , huma maħsuba biex jintużaw flimkien biex tiġi ottimizzata l-prestazzjoni tal-ivvloggjar. L-istabbiltà pprovduta mit-trepied u l-illuminazzjoni pprovduta mil-lampa f’forma ta’ ċirku huma ta’ importanza ugwali fir-rigward tal-attività ta’ vloggjar. Għalhekk mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat il-komponent li jagħti l-karattru essenzjali lill-prodott.

Konsegwentement, il-prodott għandu jiġi kklassifikat bl-applikazzjoni tal-GIR 3(c), fl-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment jistħoqqilhom kunsiderazzjoni.

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 9620 00 91 bħala trepied tal-plastik.

Image 1


(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2491/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)