Brussell, 1.3.2024

COM(2024) 105 final

2024/0058(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem il-Euratom fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna l-approvazzjoni tal-Kunsill tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri, fir-rigward tal-kwistjonijiet fil-qafas tat-Trattat Euratom, fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ emendi proposti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u mal-approvazzjoni ta’ (i) modifiki u bidliet proposti fl-Annessi tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, (ii) bidliet proposti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet, u (iii) deċiżjoni rigward id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja ta’ emendi tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u bidliet/modifiki fl-Annessi tiegħu. L-adozzjoni tal-emendi tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-approvazzjonijiet addizzjonali għandhom jiġu approvati simultanjament mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija.

It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija

It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (TKE) huwa ftehim kummerċjali u ta’ investiment multilaterali applikabbli għas-settur tal-enerġija, li ġie ffirmat fl-1994 u li daħal fis-seħħ fl-1998. It-TKE fih dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment, il-kummerċ u t-tranżitu fil-materjali u l-prodotti tal-enerġija, u mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim. It-TKE jistabbilixxi wkoll qafas għall-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-enerġija bejn il-Parti Kontraenti tiegħu. L-Unjoni Ewropea hija parti għat-TKE, flimkien mal-Euratom 1 u mal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll mal-Ġappun, mar-Renju Unit, mal-Iżvizzera, mat-Turkija u mal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tal-eks USSR, bl-eċċezzjoni tar-Russja 2 u tal-Belarussja 3 . Fis-7 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li toħroġ lill-Euratom mit-TKE. Din il-proposta bħalissa qed tiġi kkunsidrata mill-Kunsill.

Il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija    

Il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija hija l-korp tat-tmexxija u l-korp deċiżjonali għall-Karta tal-Enerġija u ġiet stabbilita mit-TKE. L-istati kollha jew l-Organizzazzjonijiet Reġjonali kollha għall-Integrazzjoni Ekonomika (bħall-UE u l-Euratom) li ffirmaw jew li ssieħbu fit-TKE huma membri tal-Konferenza, li tiltaqa’ fuq bażi regolari biex tiddiskuti kwistjonijiet li jaffettwaw il-kooperazzjoni fl-enerġija fost il-firmatarji tat-TKE, biex tirrieżamina l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TKE u tal-Protokoll fuq l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati, u biex tikkunsidra strumenti ġodda possibbli u attivitajiet konġunti fi ħdan il-qafas tal-Karta tal-Enerġija. B’mod partikolari, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija tadotta testi ta’ emendi għat-TKE u tapprova modifiki u bidliet tekniċi fl-Annessi tat-TKE. Meta ssir votazzjoni fuq emendi proposti għat-test tat-TKE, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija tapprova deċiżjoni biex jiġu adottati l-emendi permezz ta’ vot unanimu tal-Partijiet Kontraenti preżenti u li jivvutaw. L-UE u l-Euratom għandhom għadd ta’ voti ugwali għall-għadd tal-Istati Membri tagħhom li huma Partijiet Kontraenti għat-TKE, dment li l-UE u l-Euratom ma jeżerċitawx id-dritt tagħhom li jivvutaw jekk l-Istati Membri tagħhom jeżerċitaw tagħhom, u viċi versa.

Id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija

Wara t-33 laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fit-22 ta’ Novembru 2022, huwa mistenni li matul l-2024 il-Konferenza se terġa’ tressaq il-proposta lill-Partijiet Kontraenti biex jieħdu erba’ deċiżjonijiet marbuta mal-modernizzazzjoni tat-TKE. Dawn id-deċiżjonijiet se jittieħdu fl-istess ħin biex:

–jiġu adottati l-emendi proposti għat-test tat-TKE;

–jiġu approvati l-modifiki u l-bidliet proposti fl-Annessi tat-TKE;

–jiġu approvati l-bidliet proposti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet; u

–tiġi approvata d-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-test tat-TKE u l-bidliet/il-modifiki fl-Annessi tiegħu.

Fin-nuqqas ta’ xi aġġornament sostanzjali tat-TKE mis-snin 90, it-TKE kulma jmur sar dejjem iktar antikwat. Sar ukoll wieħed mill-aktar trattati ta’ investiment ikkontestati fid-dinja, fejn l-Istati Membri tal-UE jkunu l-mira ewlenija ta’ pretensjonijiet mill-investituri, il-biċċa l-kbira tagħhom ibbażati f’pajjiżi oħra tal-UE. B’riżultat ta’ dan, f’Novembru 2018 inbeda proċess ta’ modernizzazzjoni. L-ewwel, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija approvat lista ta’ suġġetti għad-diskussjoni, l-aktar dwar id-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-investiment. L-UE mbagħad ipproponiet it-tneħħija tal-protezzjonijiet għall-investimenti fil-fjuwils fossili.

Wara 15-il sessjoni ta’ negozjati multilaterali li saru bejn Lulju 2019 u Ġunju 2022, intlaħaq “ftehim fil-prinċipju” biex jingħalqu n-negozjati fil-Konferenza straordinarja tal-Karta tal-Enerġija tal-24 ta’ Ġunju 2022 fi Brussell. Imbagħad, it-test rivedut tat-TKE u l-Annessi tiegħu għaddew minn reviżjoni legali. Wara, l-abbozzi finali tad-deċiżjonijiet li fihom it-testi riveduti ġew kondiviżi fid-19 ta’ Awwissu 2022 mal-Partijiet Kontraenti kollha, inkluż l-UE, il-Euratom, u l-Istati Membri kollha tal-UE li huma Partijiet Kontraenti għat-TKE.

Id-deċiżjonijiet relatati mal-modernizzazzjoni tat-TKE se jkunu soġġetti għal vot unanimu. Jekk il-votazzjoni tirnexxi, id-deċiżjonijiet għall-modernizzazzjoni tat-TKE se jitqiesu “adottati” mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija. Din l-adozzjoni se tagħti bidu għal proċessi sussegwenti għar-ratifika, għall-applikazzjoni proviżorja, u għad-dħul fis-seħħ eventwali tad-diversi elementi tal-pakkett ta’ riformi.

L-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-TKE u tal-elementi l-oħra tal-modernizzazzjoni se jkunu regolati mid-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-test tat-TKE u tal-bidliet/modifiki fl-Annessi tiegħu. F’konformità ma’ din id-deċiżjoni, il-modernizzazzjoni hija mistennija li tiġi applikata b’mod proviżorju mill-Partijiet Kontraenti kollha awtomatikament f’data fissa wara l-adozzjoni. Madankollu, kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tgħaddi dikjarazzjoni lid-depożitarju (il-Portugall) li ma tistax taċċetta l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-TKE, u effettivament dan jippermetti lil kull Parti Kontraenti tagħżel li ma twettaqx l-applikazzjoni proviżorja. Is-Segretarjat tat-TKE se jagħmel dawn id-dikjarazzjonijiet disponibbli għall-pubbliku. Anke jekk Parti Kontraenti għall-bidu tagħmel tali dikjarazzjoni, meta trid din tista’ terġa’ tirtira d-dikjarazzjoni, u b’hekk tkun tista’ tapplika l-modernizzazzjoni tat-TKE b’mod proviżorju iktar ’il quddiem.

Din il-proposta għall-approvazzjoni tal-Kunsill ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 101 tat-Trattat Euratom għandha l-għan li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Istati Membri fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, li għandha tiġi espressa jew f’laqgħa jew fi proċedura bil-miktub, skont il-każ, fir-rigward tad-deċiżjonijiet deskritti hawn fuq.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tipproponi l-adozzjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Euratom, u l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni tat-TKE. Dak il-ftehim għandu jinkludi, b’mod partikolari, konferma li klawżola bħall-Artikolu 26 tat-TKE ma setgħetx fil-passat, u ma tistax issa jew fil-futur isservi bħala l-bażi legali għal proċedimenti ta’ arbitraġġ mibdija minn investitur minn Stat Membru wieħed dwar investimenti fi Stat Membru ieħor, u li l-klawżola ta’ estinzjoni prevista fl-Artikolu 47(3) tat-TKE ma tistax testendi, u ma kinitx maħsuba biex testendi, dawn il-proċedimenti. Għandu jistabbilixxi wkoll l-obbligi tal-Istati Membri f’każ li jkunu involuti fi proċedimenti ta’ arbitraġġ skont talba bbażata fuq l-Artikolu 26 tat-TKE.

Kienet l-interpretazzjoni konsistenti tal-UE li t-TKE ma japplikax u ma kienx maħsub biex ikun japplika għal tilwim bejn Stat Membru u investitur ta’ Stat Membru ieħor dwar investiment magħmul minn dan tal-aħħar fl-ewwel Stat Membru. Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata b’mod speċifiku mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fis-sentenza Komstroy tagħha. Madankollu, it-tribunali tal-arbitraġġ sostnew u għadhom isostnu li huma mhumiex marbuta bis-sentenzi tal-QĠUE. Sabiex it-tribunali ma jitħallewx ikomplu jaċċettaw ġuriżdizzjoni f’tilwim bħal dan, huwa meħtieġ li tiġi mtennija, b’mod espliċitu u mhux ambigwu, l-interpretazzjoni awtentika tat-TKE. L-aktar mod xieraq biex isir dan huwa permezz ta’ ftehim skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju kif ikkodifikat fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati.

Filwaqt li dak il-ftehim se jikkodifika l-interpretazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fi strument separat tad-dritt internazzjonali pubbliku (xi ħaġa li hija possibbli minħabba n-natura bilaterali tal-obbligi), il-modernizzazzjoni tat-TKE se tinkorpora fit-test innifsu u permezz ta’ klawżola “għal ċertezza akbar”, il-fehim tal-Partijiet Kontraenti kollha li l-Artikolu 26 tiegħu ma japplikax intra-UE. Iż-żewġ elementi se jgħinu biex titneħħa kwalunkwe ambigwità u biex jiġu eliminati r-riskji preżenti jew futuri tal-arbitraġġ intra-UE skont it-TKE bil-livell meħtieġ ta’ ċertezza legali.

Il-Pożizzjoni li għandha tittieħed

Il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri li huma partijiet għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jieħdu, fir-rigward tal-kwistjonijiet fil-qafas tat-Trattat Euratom, il-pożizzjonijiet deskritti fil-punti 1 sa 4 hawn taħt, fil-laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija jew fi proċedura bil-miktub, skont il-każ.

Rigward l-adozzjoni tal-emendi proposti għat-test tat-TKE

L-emendi proposti għat-test tat-TKE jikkonsistu minn titjib sostanzjali li effettivament se jġib lit-TKE konformi mal-istandards moderni tal-protezzjoni tal-investiment u mal-pożizzjonijiet tal-UE f’fora oħra (eż. UNCITRAL 4 ). L-emendi se jġibu wkoll lit-TKE konformi mal-approċċ tal-UE għall-protezzjoni tal-investimenti fil-ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles u l-investiment maqbula reċentement.

B’mod partikolari, it-TKE emendat fih:

–Dispożizzjonijiet ġodda dwar il-protezzjoni tal-investiment, f’konformità mal-istandards moderni u mal-pożizzjonijiet tal-UE, li jaffermaw mill-ġdid id-dritt tal-Partijiet Kontraenti li jieħdu miżuri biex jilħqu objettivi ta’ politika leġittimi (“id-dritt li jirregolaw”), inkluż fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; Huma biss l-investituri b’interess ekonomiku reali li se jiġu protetti, u mhijiex se tingħata protezzjoni lill-kumpaniji fittizji 5 ;

–Dispożizzjonijiet ġodda dwar is-soluzzjoni tat-tilwim, li jipproteġu lill-Partijiet Kontraenti minn pretensjonijiet frivoli, li jipprevedu s-sigurtà għall-kostijiet, u li jintroduċu livell għoli ta’ trasparenza fil-proċedimenti;

–Dispożizzjonijiet ġodda dwar l-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari dwar it-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, u l-forniment ta’ mekkaniżmu azzjonabbli f’każ ta’ allinjament ħażin, b’mod li qatt ma nkiseb qabel fi trattat multilaterali dwar l-investiment;

–Barra minn hekk, l-UE żgurat dispożizzjonijiet għall-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika (bħall-UE), li jikkonfermaw b’mod espliċitu li mhuwiex possibbli li l-arbitraġġ dwar l-investiment intra-UE jinġieb skont it-TKE 6 , f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE 7 ;

–Kjarifiki sostanzjali rigward id-dispożizzjonijiet relatati mat-tranżitu biex jitqiesu r-rekwiżiti tas-swieq integrati tal-enerġija bi drittijiet ta’ aċċess ta’ partijiet terzi, bħal fl-UE, mingħajr ma jinħolqu obbligi ġodda għall-UE 8 ;

–Definizzjoni aġġornata tal-attività ekonomika fis-settur tal-enerġija, li, flimkien mal-Annessi EM/EM I, EQ/EQ I u NI (ara l-punt 2 ta’ hawn taħt), tippermetti l-allinjament tal-protezzjoni tal-investiment fl-UE mal-objettivi tal-UE.

L-adozzjoni tal-emendi tat-test tat-TKE, ma għandhiex, fil-prinċipju, effetti legali. Skont id-dritt internazzjonali, mhijiex ekwivalenti għal firma iżda għall-inizjalar tat-test innegozjat.

B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi li fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, l-Istati Membri jieħdu l-pożizzjoni, fir-rigward tal-kwistjonijiet fil-qafas tat-Trattat Euratom, li ma timpedix l-adozzjoni tal-emendi proposti għat-TKE.

Rigward l-approvazzjoni tal-modifiki u l-bidliet proposti fl-Annessi

L-Artikolu 34(3)(m) tat-TKE jipprevedi proċedura ssimplifikata li tagħti s-setgħa lill-Konferenza tadotta modifiki fl-Annessi tat-TKE. Il-bidliet proposti fl-Annessi tat-TKE (CC 761) iġibu bidla essenzjali fit-Trattat attwali: l-esklużjoni, permezz tal-Anness NI, ta’ ċerti Materjali u Prodotti tal-Enerġija u attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tal-investiment skont il-Parti III tat-TKE. B’riżultat ta’ dan, l-UE kisbet id-dritt li ssawwar il-protezzjoni tal-investiment fl-UE kif ġej:

–L-esklużjoni tal-protezzjoni għall-investimenti l-ġodda kollha fil-fjuwils fossili fl-UE f’data speċifika wara l-addozzjoni, b’perjodu ta’ tranżizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2030 b’mod awtomatiku għall-impjanti u l-infrastruttura tal-enerġija mill-gass lesti għall-idroġenu/gass b’livell baxx ta’ karbonju li jemettu inqas minn 380 g CO2/kWh, jew sal-15 ta’ Awwissu 2033 jekk jissostitwixxu faċilità li taħdem bil-faħam, bil-pit jew bix-shale bituminuż;

–L-esklużjoni tal-protezzjoni għall-investimenti eżistenti kollha fil-fjuwils fossili fl-UE minn 10 snin wara d-dħul fis-seħħ (jew mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja) tal-emendi tat-TKE, u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2040;

–Il-protezzjoni għall-idroġenu u l-fjuwils sintetiċi rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju biss;

–L-esklużjoni tal-protezzjoni għall-attivitajiet fil-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju.

Il-bidliet proposti jġibu wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tat-TKE konformi max-xenarju l-ġdid tat-teknoloġiji rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn enerġija ekoloġika. Dan se jinkiseb permezz ta’ bidliet fl-Anness EM/EMI (iż-żieda ta’ materjali u prodotti ġodda tal-enerġija, eż. l-idroġenu u l-fjuwils derivattivi bħall-ammonijaka u l-metanol, il-bijomassa, il-bijogass u l-fjuwils sintetiċi) u fl-Anness EQ/EQ I (iż-żieda ta’ tagħmir ġdid tal-enerġija, eż. diversi materjali tal-iżolament, kif ukoll ħġieġ iżolanti b’diversi ħitan).

Barra minn hekk, inħolqu Annessi ġodda biex jiġi implimentat il-prinċipju tar-reċiproċità, li skontu l-Partijiet Kontraenti ma jistgħux jiġu mġiegħla jipproteġu l-investimenti minn Partijiet Kontraenti oħra jekk dawn l-investimenti jkunu ġew esklużi minn dawn tal-aħħar fl-Anness NI, jew billi ma jiġix applikat il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-istati fl-Artikolu 26 tat-TKE (Anness IA-NI ġdid) jew il-Parti III kollha dwar il-protezzjoni tal-investimenti (Anness NPT ġdid). L-enerġija nukleari, li hija inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni attwali tat-Trattat, tibqa’ inkluża wara bidliet fl-Annessi, b’mod partikolari fl-Anness NI, mingħajr ebda modifika jew bidla.

B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi li fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija l-Istati Membri jieħdu l-pożizzjoni li ma timpedix l-approvazzjoni tal-bidliet u l-modifiki proposti fl-Annessi tat-TKE.

Rigward l-approvazzjoni tal-bidliet proposti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet

Il-bidliet introdotti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet jikkonċernaw korrezzjonijiet tad-dispożizzjonijiet li ma għadhomx validi (eż. is-sostituzzjoni ta’ “Komunitajiet Ewropej” b’“Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika”), kif ukoll kjarifiki addizzjonali għat-test tat-TKE (eż. il-kjarifika li “sussidju” jinkludi l-“għajnuna mill-Istat” kif iddefinit fid-dritt tal-UE). L-approvazzjoni ta’ dawn il-bidliet fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet se ġġib aktar ċarezza u preċiżjoni fit-test tat-TKE.

B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi li fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija l-Istati Membri jieħdu l-pożizzjoni li ma timpedix l-approvazzjoni tal-bidliet proposti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet.

Rigward l-approvazzjoni tad-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-test tat-TKE u l-bidliet/modifiki fl-Annessi tiegħu

Il-Konferenza se tapprova deċiżjoni li tipprevedi l-modalitajiet li ġejjin għad-dħul fis-seħħ u għall-applikazzjoni proviżorja tal-emendi proposti tat-TKE u l-bidliet fl-Annessi tiegħu:

–L-emendi tat-test tat-TKE se jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 42(4) tat-TKE. Dan ifisser li l-emendi se jidħlu fis-seħħ ladarba tliet kwarti tal-Partijiet Kontraenti jkunu rratifikawhom. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tipprevedi li l-emendi se jiġu applikati proviżorjament b’mod awtomatiku mill-Partijiet Kontraenti kollha, sakemm ma jippreżentawx dikjarazzjoni li ma jistgħux jagħmlu dan;

–Bidliet fl-Anness NI, it-Taqsima C, li b’mod partikolari fiha r-regoli li jipprevedu l-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 10 snin biex titneħħa gradwalment il-protezzjoni tal-investimenti eżistenti fil-fjuwils fossili fl-UE , u bidliet f’Annessi oħra: dawn il-bidliet se jidħlu fis-seħħ meta jidħlu fis-seħħ l-emendi tat-TKE (ara hawn fuq). L-Anness NI, it-Taqsima C, u l-bidliet f’Annessi oħra se jiġu applikati proviżorjament b’mod awtomatiku mill-Partijiet Kontraenti kollha, sakemm ma jagħmlux dikjarazzjoni kuntrarja (ara hawn fuq);

–Il-bidliet fl-Anness NI, it-Taqsima B, li b’mod partikolari fiha r-regoli li jipprevedu l-esklużjoni ta’ investimenti ġodda fil-fjuwils fossili mill-protezzjoni fl-UE, se jidħlu fis-seħħ awtomatikament fid-data speċifikata fil-Konferenza mingħajr ebda ratifika oħra;

–Il-bidliet fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet se jidħlu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni sa fejn jikkonċernaw il-korrezzjonijiet tar-referenzi li ma għadhomx validi. Il-bidliet li jifdal se jidħlu fis-seħħ meta jidħlu fis-seħħ l-emendi tat-TKE. Sadanittant, dawn se japplikaw proviżorjament bħall-emendi tat-TKE.

Il-modalitajiet tad-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-TKE u tal-Anness NI, it-Taqsima C, kif ukoll il-bidliet f’Annessi oħra, huma f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TKE oriġinali fir-rigward tad-dħul fis-seħħ u tal-applikazzjoni proviżorja. Barra minn hekk, l-UE kisbet li l-Anness NI, it-Taqsima B tidħol fis-seħħ awtomatikament fid-data speċifikata fid-deċiżjoni tal-Konferenza, u dan ikompli jiżgura d-data tad-dħul fis-seħħ tal-esklużjoni tal-UE marbuta mal-investimenti fil-fjuwils fossili fir-rigward ta’ investimenti ġodda.

B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni tipproponi li fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija l-Istati Membri jieħdu l-pożizzjoni, fir-rigward tal-kwistjonijiet fil-qafas tat-Trattat Euratom, li ma timpedix l-approvazzjoni tad-deċiżjoni rigward id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-test tat-TKE u tal-bidliet/modifiki fl-Annessi tiegħu.

Meta jitqies il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ressqet proposti għal Deċiżjoni dwar il-ħruġ, rispettivament, tal-UE u tal-Euratom mit-TKE, huwa mistenni li l-Unjoni Ewropea u l-Euratom, filwaqt li jkunu għadhom Partijiet Kontraenti għat-TKE fiż-żmien tal-votazzjoni dwar id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, la se jkunu preżenti u lanqas se jivvutaw. Għalhekk, din il-proposta tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri li jibqgħu Partijiet Kontraenti għat-TKE jew fil-laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, jekk jiddeċiedu li jipparteċipaw, jew fi proċedura bil-miktub, skont il-każ. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

Prinċipji

It-Trattat Euratom ma fih l-ebda dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 218(9) tat-TFUE għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali. Meta sede stabbilita fi ftehim konkluż mill-Euratom, bħat-TKE, tadotta atti li jkollhom effetti legali, japplikaw il-proċeduri previsti fl-Artikolu 101 tat-Trattat Euratom.

L-Artikolu 101(1) tat-Trattat Euratom jipprevedi li: “Il-Komunità tista’, fil-limiti tal-kompetenza tagħha, tidħol f’obbligi billi tikkonkludi ftehim jew konvenzjonijiet ma’ pajjiż terz, ma’ organizzazzjoni internazzjonali jew ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz.

L-Artikolu 101(2) tat-Trattat Euratom jipprevedi li: “Ftehim u konvenzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu nnegozjati mill-Kummissjoni skont direttivi maħruġa mill-Kunsill u għandhom ikunu konklużi mill-Kummissjoni bl-approvazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi permezz ta’ vot ta’ maġġoranza kkwalifikata.”

Applikazzjoni għal dan il-każ

It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija huwa ftehim internazzjonali li, fost l-oħrajn, il-Euratom hija parti għalih.

Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija se tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali. Dawn l-atti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali. B’riżultat ta’ dan, skont l-Artikolu 101(2) tat-Trattat Euratom, dawn għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kunsill b’maġġoranza kkwalifikata.

Id-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija biex jiġu approvati l-modifiki u l-bidliet proposti fl-Annessi tat-TKE (CC 761), kif ukoll biex jiġu approvati l-bidliet proposti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet (CC 762), jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali vinkolanti skont id-dritt internazzjonali. Dan għaliex it-TKE jagħti lill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija s-setgħa li temenda l-Annessi, il-Fehimiet, id-Dikjarazzjonijiet u d-Deċiżjonijiet tat-TKE mingħajr il-ħtieġa ta’ xi ratifika sussegwenti mill-Partijiet Kontraenti. Skont l-Artikolu 48 tat-TKE, l-Annessi u d-Deċiżjonijiet huma parti integrali tat-Trattat.

Id-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija biex tiġi approvata d-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-test tat-TKE u l-bidliet/il-modifiki fl-Annessi tiegħu tikkostitwixxi att li jkollu effetti legali vinkolanti skont id-dritt internazzjonali minħabba li tobbliga lill-Partijiet Kontraenti japplikaw proviżorjament it-test emendat tat-TKE u l-bidliet f’ċerti taqsimiet tal-Annessi tiegħu f’data maqbula, jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda dikjarazzjoni kuntrarja fil-ħin opportun.

Id-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija biex jiġu adottati l-emendi proposti għat-test tat-TKE tikkostitwixxi, fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, att li jkollu effetti legali vinkolanti skont id-dritt internazzjonali minħabba li għandha tiġi adottata simultanjament mad-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-test tat-TKE (ara hawn fuq), li tobbliga lill-Partijiet Kontraenti japplikaw proviżorjament dawn l-emendi f’data maqbula, jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda dikjarazzjoni kuntrarja fil-ħin opportun.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 101(2) tat-Trattat Euratom, peress li t-Trattat Euratom ma fih l-ebda dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 218(9) tat-TFUE għal deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim.

Pubblikazzjoni tal-atti previsti

Peress li d-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija se jemendaw l-Annessi tat-TKE, jixraq li dawn jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħhom.

2024/0058 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem il-Euratom fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 101(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Euratom”) bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE tat-23 ta’ Settembru 1997 rigward il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat fuq iċ-Charter tal-Enerġija u l-Protokoll taċ-Charter tal-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati (ĠU L 69, 9.3.1998, p. 1) u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1998.

(2)Fin-nuqqas ta’ xi aġġornament sostanzjali tal-Ftehim mis-snin 90, il-Ftehim kulma jmur sar dejjem iktar antikwat.

(3) Skont l-Artikolu 34 tal-Ftehim, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija tadotta testi ta’ emendi tal-Ftehim u tapprova modifiki u bidliet tekniċi fl-Annessi tal-Ftehim.

(4)Il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija għandha tadotta l-emendi proposti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u għandha tapprova (i) il-modifiki u l-bidliet proposti fl-Annessi tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (ii) il-bidliet proposti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet, u (iii) id-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-bidliet/modifiki fl-Annessi tiegħu. Huwa mistenni li matul l-2024 il-Konferenza se terġa’ tressaq l-emendi proposti għall-adozzjoni, jew f’laqgħa jew permezz ta’ proċedura bil-miktub, skont il-każ.

(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-Euratom u l-Istati Membri.

(6)B’mod parallel, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposti għal Deċiżjonijiet dwar il-ħruġ tal-UE u tal-Euratom mill-Ftehim li għandhom jiġu adottati b’mod konġunt ma’ din il-proposta.

(7)Peress li l-oqsma koperti mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jaqgħu fil-biċċa l-kbira fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u tal-Euratom, l-Istati Membri ma jistgħux jibqgħu Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ladarba l-Unjoni u l-Euratom ikunu ħarġu, sakemm ma jkunux awtorizzati mill-Unjoni u mill-Euratom. Għalhekk, ladarba l-ħruġ tal-Unjoni u tal-Euratom mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jidħol fis-seħħ u fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni mill-Unjoni u mill-Euratom biex jibqgħu Partijiet Kontraenti, l-Istati Membri se jkollhom joħorġu mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li ġejja, li għandha tittieħed mill-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, fir-rigward tal-kwistjonijiet fil-qafas tat-Trattat Euratom, hija b’dan approvata mill-Kunsill:

(a)li ma timpedix l-adozzjoni mill-Konferenza tal-emendi proposti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija;

(b)li ma timpedix l-approvazzjoni tal-modifiki u tal-bidliet proposti fl-Annessi tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija;

(c)li ma timpedix l-approvazzjoni tal-bidliet proposti fil-Fehimiet, fid-Dikjarazzjonijiet u fid-Deċiżjonijiet; u

(d)li ma timpedix l-approvazzjoni tad-deċiżjoni dwar id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tal-emendi tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-bidliet/modifiki fl-Annessi tiegħu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE tat-23 ta’ Settembru 1997 rigward il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat fuq iċ-Charter tal-Enerġija u l-Protokoll taċ-Charter tal-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati (ĠU L 69, 9.3.1998, p. 1).
(2)    Il-Konferenza straordinarja tal-Karta tal-Enerġija tal-24 ta’ Ġunju 2022 irtirat l-istatus ta’ osservatur tal-Federazzjoni Russa.
(3)    Il-Konferenza straordinarja tal-Karta tal-Enerġija tal-24 ta’ Ġunju 2022 irtirat l-istatus ta’ osservatur tal-Belarussja u l-applikazzjoni proviżorja tat-TKE mill-Belarussja.
(4)    Il-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt Internazzjonali tal-Kummerċ.
(5)    Il-kumpaniji fittizji huma kumpaniji li għandhom indirizz tan-negozju f’Parti Kontraenti għat-TKE mingħajr ma jkollhom xi attività ekonomika reali f’din il-Parti Kontraenti, li jfittxu biss protezzjoni fil-qafas tat-TKE.
(6)    Dawn il-pretensjonijiet kienu jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tal-pretensjonijiet kontra l-pajjiżi tal-UE fl-aħħar deċennju, minkejja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, li d-dritt tal-UE jipprekludi l-arbitraġġ dwar l-investimenti intra-UE.
(7)    Il-Kawża C-284/16 Ir-Repubblika Slovakka vs Achmea BV, is-6 ta’ Marzu 2018, u C-741/19 Ir-Repubblika tal-Moldova vs Komstroy LLC, it-2 ta’ Settembru 2021.
(8)    Huwa importanti li impenji ġodda relatati mal-aċċess ta’ partijiet terzi, mal-mekkaniżmi tal-allokazzjoni tal-kapaċità u mat-tariffi huma impenji “tal-aħjar sforz”, li huma “soġġetti” għal-liġijiet u għar-regolamenti tal-UE, u għalhekk ikollhom jiġu rrispettati biss jekk ma jaffettwawx il-qafas legali tal-UE u l-impenji internazzjonali tal-UE.