European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3131

20.12.2024

LINJA GWIDA (UE) 2024/3131 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-14 ta’ Novembru 2024

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2024/3129 dwar il-ġestjoni ta’ kollateral f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema (BĊE/2024/22) (BĊE/2024/36)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 3.1, 9.2, 12.1, 14.3, 17, 18.2, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20, u l-Artikolu 22 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-13 ta’ Awwissu 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida (UE) 2024/3129 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/22) (1), li d-data tal-applikazzjoni tagħha hija allinjata mad-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Kollateral tal-Eurosistema (ECMS).

(2)

Fil-25 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jiskeda mill-ġdid it-tnedija tal-ECMS fid-dawl tal-valutazzjoni li kien meħtieġ żmien addizzjonali biex tinkiseb tħejjija suffiċjenti għal bidu bla xkiel tal-operazzjonijiet. Fl-24 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li d-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-ECMS għandha tkun is-16 ta’ Ġunju 2025.

(3)

Għaldaqstant, id-data tal-applikazzjoni tal-Linja Gwida (UE) 2024/3129 (BĊE/2024/22) għandha tiġi emendata biex tirrifletti d-data l-ġdida tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-ECMS. Bl-istess mod, l-iskadenza għan-notifika mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro lill-Bank Ċentrali Ewropew tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħhom għandha tiġi aġġustata wkoll.

(4)

Għalhekk, il-Linja Gwida (UE) 2024/3129 (BĊE/2024/22) għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emenda

Fl-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni (UE) 2024/3129 (BĊE/2024/22), il-paragrafu 2 huwa mibdul b’dan li gej:

“2.   Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida u japplikawhom mis-16 ta’ Ġunju 2025. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma’ dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Diċembru 2024.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-14 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Linja Gwida (UE) 2024/3129 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta’ Awwissu 2024 dwar il-ġestjoni ta’ kollateral f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema (BĊE/2024/22) (ĠU L, 2024/3129, 20.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2024/3129/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2024/3131/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)