European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2327

22.10.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2327

tal-21 ta’ Ottubru 2026

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (jiġifieri mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1355/2008 (2) il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-miżuri oriġinali”). L-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali minn hawn ’il quddiem se tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”.

(2)

Il-miżuri ħadu l-forma ta’ dazju speċifiku għal kull kumpanija li jvarja minn 361,4 EUR/tunnellata sa 531,2 EUR/tunnellata piż nett tal-prodott.

(3)

Dawn il-miżuri ġew annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fit-22 ta’ Marzu 2012 (3) iżda ġew imposti mill-ġdid fit-18 ta’ Frar 2013 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 158/2013 (4).

(4)

Il-miżuri nżammu bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1313/2014 (5) u (UE) 2020/1534 (6) wara rieżamijiet tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

1.2.   Talba għal rieżami ta’ skadenza

(5)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ notifika tal-iskadenza imminenti (7), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(6)

It-talba għal rieżami tressqet fil-21 ta’ Lulju 2025 mill-Federación Nacional de Asociaciones de Transformados Vegetales y Alimentos Procesados (“Fenaval” jew “l-applikant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw 100 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (jiġifieri mandolin, eċċ.), skont it-tifsira tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. It-talba għal rieżami kienet ibbażata fuq il-bażi li l-iskadenza tal-miżuri probabbilment twassal għal kontinwazzjoni ta’ dumping u għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

1.3.   Bidu ta’ rieżami ta’ skadenza

(7)

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex jinbeda rieżami ta’ skadenza, fil-21 ta’ Ottubru 2025, il-Kummissjoni bdiet rieżami tal-iskadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“l-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu u r-rettifika tagħha (8) f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“in-Notifika ta’ Bidu”).

1.4.   Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u perjodu taħt kunsiderazzjoni

(8)

L-investigazzjoni dwar kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2024 sat-30 ta’ Settembru 2025 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2021 sat-30 ta’ Settembru 2025 (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

1.5.   Partijiet interessati

(9)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni informat speċifikament lill-applikant, lill-produtturi magħrufa fir-RPĊ, lill-awtoritajiet tar-RPĊ, lill-importaturi magħrufa u lill-utenti, dwar il-bidu tar-rieżami tal-iskadenza u stednithom jipparteċipaw.

(10)

Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tar-rieżami ta’ skadenza u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti relatati mal-kummerċ. L-ebda parti ma talbet seduta ta’ smigħ.

1.6.   Kampjunar

(11)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista’ tieħu kampjun ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ u ta’ importaturi mhux relatati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.6.1.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(12)

Kif imsemmi fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni għamlet disponibbli kwestjonarji lill-uniċi żewġ produtturi magħrufa tal-Unjoni, jiġifieri lil Agricultura y Conservas, S.A. u lil Industrias Videca, S.A, l-S.A. Il-kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni ma kienx meqjus neċessarju.

1.6.2.   Kampjunar tal-importaturi

(13)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx neċessarju u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lil importaturi mhux relatati sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika tal-Bidu.

(14)

L-ebda importatur mhux relatat ma pprovda l-informazzjoni mitluba u ma qabel li jiġi inkluż fil-kampjun. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx neċessarju. Ma wasal l-ebda kumment għal din id-deċiżjoni.

1.6.3.   Kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(15)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika tal-Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(16)

Kien hemm produttur esportatur wieħed biss fil-pajjiż ikkonċernat li pprovda l-informazzjoni mitluba u li qabel li jkun inkluż fil-kampjun. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx neċessarju.

(17)

Il-kumpanija ġiet mistiedna tissottometti t-tweġiba għall-kwestjonarju, madankollu fis-17 ta’ Novembru 2025, il-produttur esportatur informa formalment lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li ma jikkooperax.

1.7.   Tweġibiet għall-kwestjonarju

(18)

Fil-jum tal-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni għamlet disponibbli fuq is-sit web tagħha (9) kwestjonarji għall-produtturi esportaturi, għall-produtturi tal-Unjoni, għall-importaturi mhux relatati fl-Unjoni u għall-utenti fl-Unjoni. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarju dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“GTĊ”).

(19)

Tweġibiet għall-kwestjonarju waslu mingħand il-produtturi tal-Unjoni biss. Ma waslux tweġibiet mingħand partijiet interessati oħra, bħal: produtturi esportaturi, importaturi mhux relatati tal-Unjoni u/jew Utenti tal-Unjoni, u l-GTĊ.

1.8.   Verifika

(20)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u dannu u tal-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

Produtturi tal-Unjoni

—

Agricultura y Conservas S.A., Algemesí (Valencia), Spanja;

—

Industrias Videca S.A., Villanueva de Castellón (Valencia), Spanja.

1.9.   Preżentazzjoni tad-data

(21)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi u meta jitqies in-numru limitat ta’ produtturi tal-Unjoni, xi wħud miċ-ċifri ppreżentati hawn taħt huma fil-forma ta’ firxiet sabiex jiġi evitat il-ksur tal-kunfidenzjalità.

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI, PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott taħt rieżami

(22)

Il-prodott taħt rieżami huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri, mandolin ippreparat jew ippreservat (inklużi tanġerini u satsumas), klementini, wilkings u ibridi oħrajn simili taċ-ċitru, li ma fihomx spirtu miżjud, kemm jekk fihom zokkor jew sustanza oħra ta’ ħlewwa miżjuda kif ukoll jekk le, li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċijiet NM 2008 30 55 , 2008 30 75 u ex 2008 30 90 (kodiċijiet TARIC 2008 30 90 61, 2008 30 90 63, 2008 30 90 65, 2008 30 90 67 u 2008 30 90 69) (“mandolin fil-laned”).

(23)

Il-prodott taħt rieżami huwa miksub billi jitqaxxru u jinqasmu ċerti varjetajiet ta’ frott taċ-ċitru żgħir (l-aktar is-satsuma) li mbagħad jiġu ppakkjati f’soluzzjoni tal-ġulepp taz-zokkor, meraq jew ilma f’diversi daqsijiet biex jissodisfaw id-domandi speċifiċi tas-swieq differenti.

(24)

Is-satsumas, il-klementini u frott taċ-ċitru żgħir ieħor huma magħrufin b’mod komuni bl-isem kollettiv ta’ “mandolin”. Il-maġġoranza ta’ dawn il-varjetajiet ta’ frott huma tajbin biex jintużaw bħala prodott frisk jew għall-ipproċessar. Dawn huma simili u l-preparazzjonijiet jew il-preservazzjonijiet tagħhom, għalhekk, huma kkunsidrati bħala prodott uniku.

2.2.   Prodott ikkonċernat

(25)

Il-prodott ikkonċernat minn din l-investigazzjoni huwa l-prodott taħt rieżami li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 2008 30 55 , 2008 30 75 u ex 2008 30 90 (il-kodiċijiet TARIC 2008 30 90 61, 2008 30 90 63, 2008 30 90 65, 2008 30 90 67 u 2008 30 90 69).

2.3.   Prodott simili

(26)

Kif ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, kif ukoll fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti, din l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza kkonfermat li dawn il-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

—

il-prodott ikkonċernat meta jiġi esportat lejn l-Unjoni;

—

il-prodott ikkonċernat prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tar-RPĊ;

—

il-prodott taħt rieżami prodott u mibjugħ mill-produtturi esportaturi lill-bqija tad-dinja; u

—

l-prodott taħt rieżami prodott u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(27)

Għalhekk, dawn il-prodotti huma kkunsidrati bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   DUMPING

3.1.   Kummenti preliminari

(28)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mir-RPĊ naqsu meta mqabbla mal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami tal-iskadenza preċedenti (jiġifieri mill-1 ta’ Ottubru 2018 sat-30 ta’ Settembru 2019). Skont il-Eurostat, l-importazzjonijiet ta’ mandolin fil-laned mir-RPĊ ammontaw għal madwar [32-35] % tas-suq tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, meta mqabbla ma’ sehem mis-suq ta’ 71,1 % matul l-investigazzjoni oriġinali u 43,3 % matul l-ewwel rieżami tal-iskadenza u [30-41] % fir-rieżami tal-iskadenza preċedenti. F’termini assoluti, l-importazzjonijiet mir-RPĊ ammontaw għal 15 188 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(29)

Kif issemma fil-premessa (19), l-ebda esportatur/produttur mill-pajjiż ikkonċernat ma kkoopera fl-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet tar-RPĊ li minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-sejbiet fir-rigward tar-RPĊ. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment jew talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta f’dan ir-rigward.

(30)

Konsegwentement, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, b’mod partikolari data tal-Eurostat, l-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku (“il-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6)”), l-informazzjoni fit-talba għal rieżami, u l-informazzjoni miksuba mill-partijiet li kkooperaw matul l-investigazzjoni tar-rieżami (jiġifieri, l-applikant u l-produtturi tal-Unjoni). Barra minn hekk, il-Kummissjoni użat sorsi oħra ta’ informazzjoni disponibbli għall-pubbliku bħal data mit-Turkija, li ntgħażlet bħala pajjiż rappreżentattiv, inkluża data mill-Istitut Tork tal-Istatistika (10), kif ukoll data minn Orbis Bureau van Dijk (11) (“Orbis”) u Global Trade Atlas (12) (“GTA”).

3.2.   Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mir-RPĊ

(31)

Minħabba li l-evidenza suffiċjenti disponibbli fil-bidu tal-investigazzjoni li kellha t-tendenza li tindika, fir-rigward tar-RPĊ, l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni abbażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(32)

Sabiex tikseb l-informazzjoni li qieset neċessarja għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-GTĊ. Barra minn hekk, fil-punt 5.3.2 tan-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha biex jesprimu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tan-Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(33)

Ma waslet l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju mill-GTĊ u ma waslet l-ebda sottomissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku qabel l-iskadenza. Sussegwentement, fl-14 ta’ Jannar 2026, il-Kummissjoni informat lill-GTĊ li hija kienet se tuża l-fatti disponibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku biex tiddetermina l-eżistenza tad-distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ. Ma tqajjem l-ebda kumment mill-GTĊ f’dan ir-rigward.

(34)

Fil-punt 5.3.2 tan-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni speċifikat ukoll li, fid-dawl tal-evidenza disponibbli, hija kienet għażlet b’mod proviżorju lit-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali abbażi ta’ prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni. Il-Kummissjoni ddikjarat ulterjorment li kienet se teżamina pajjiżi oħra possibbilment xierqa f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(35)

Fil-21 ta’ Jannar 2026, il-Kummissjoni informat permezz ta’ nota (“in-Nota”) lill-partijiet interessati dwar is-sorsi rilevanti li kienet beħsiebha tuża sabiex tiddetermina l-valur normali. F’dik in-Nota, il-Kummissjoni pprovdiet lista tal-fatturi kollha tal-produzzjoni, bħall-materja prima, il-manodopera u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami. Barra minn hekk, abbażi tal-kriterji li ggwidaw l-għażla tal-prezzijiet jew tal-parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni identifikat lit-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv xieraq. Barra minn hekk, informat ukoll lill-partijiet interessati li kienet se tistabbilixxi l-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“Kostijiet SG & A”) u l-profitti abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-kumpanija Frigo-Pak, produttur fil-pajjiż rappreżentattiv. Ma wasal l-ebda kumment.

3.3.   Valur normali

(36)

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur”.

(37)

Madankollu, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “[f]il-każ li jiġi determinat […] li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza f’dak il-pajjiż ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b), il-valur normali għandu jiġi kkalkolat esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri ta’ riferiment mingħajr distorsjoni”, u “għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti” (“kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali” minn hawn ’il quddiem “SG & A”(administrative, selling and general costs)).

(38)

Kif spjegat aktar fid-dettall hawn taħt, fl-investigazzjoni preżenti l-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-evidenza disponibbli, u fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-GTĊ u tal-produtturi esportaturi, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kienet xierqa.

3.3.1.   Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(39)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza fil-fajl biex tiddeċiedi jekk kienx hemm distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku fir-RPĊ, li jagħmlu l-użu tal-prezzijiet u tal-kostijiet domestiċi mhux xieraq f’dak il-pajjiż. Dik l-analiżi kopriet l-elementi evidenzjarji li ġejjin dwar id-diversi kriterji rilevanti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti.

(40)

L-ewwel nett, l-evidenza li tinsab fit-talba inkludiet l-elementi li ġejjin li jindikaw l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti:

—

It-talba semmiet id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-finijiet ta’ Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ (13) (“Ir-Rapport”).

—

It-talba stabbiliet ukoll li sabiex jiġi prodott il-mandolin fil-laned, hemm bżonn ta’ firxa wiesgħa ta’ inputs. B’mod aktar preċiż, il-prodott ikkonċernat jirrikjedi prinċipalment (i) mandolin frisk; (ii) landa tal-azzar (laned u tappijiet u għotjien); (iii) manodopera; (iv) materjali bħal tikketti stampati u kartun; (v) zokkor u (vi) enerġija. Dawn l-inputs kollha huma soġġetti għal distorsjonijiet minħabba li l-formazzjoni tal-prezzijiet tagħhom hija affettwata minn intervent sostanzjali tal-gvern. (14)

—

Barra minn hekk, it-talba sostniet li l-gvern Ċiniż jintervjeni fl-ekonomija Ċiniża fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapital, tal-art, tax-xogħol, tal-enerġija u tal-materja prima u, għalhekk, il-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat hija esposta għal distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina. B’mod partikolari, it-talba rrimarkat li l-eżiti ekonomiċi stabbiliti mill-gvern ma jirriflettux il-forzi tas-suq iżda huma pjuttost immirati biex jilħqu l-miri tal-ippjanar tal-Istat. L-intervent tal-gvern Ċiniż fl-ekonomija jaffettwa l-biċċa l-kbira tas-setturi ekonomiċi, inkluż is-settur tal-frott fil-laned (15).

—

It-talba sostniet ukoll li s-suq Ċiniż huwa moqdi b’mod sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll, is-superviżjoni politika u l-gwida tal-awtoritajiet Ċiniżi. (16) B’mod partikolari, is-suq agrikolu Ċiniż huwa moqdi b’mod sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll jew is-superviżjoni politika u l-gwida tal-awtoritajiet Ċiniżi. (17)

—

It-talba semmiet ukoll li fiċ-Ċina, hemm nuqqas ta’ infurzar sistematiku tal-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà, li jikkawża distorsjonijiet sinifikanti fis-suq Ċiniż. Il-kostijiet u l-prezzijiet fis-suq Ċiniż ma humiex stabbiliti f’konformità mal-forzi tas-suq ħieles iżda huma soġġetti għall-intervent tal-gvern Ċiniż (18).

—

Fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament fiċ-Ċina, it-talba sostniet li dan jingħata minn istituzzjonijiet li jimplimentaw l-objettivi tal-politika pubblika jew li inkella ma jaġixxux b’mod indipendenti mill-Istat, u b’hekk, l-aċċess għall-finanzjament ma jingħatax f’konformità mal-forzi tas-suq ħieles. (19)

(41)

It-tieni, f’investigazzjonijiet preċedenti dwar is-settur tal-frott fil-laned fir-RPĊ (20), il-Kummissjoni sabet li kien hemm distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. F’dawk l-investigazzjonijiet, il-Kummissjoni sabet li hemm intervent sostanzjali tal-gvern fir-RPĊ li jirriżulta f’distorsjoni tal-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi f’konformità mal-prinċipji tas-suq (21). B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li, fis-settur tal-frott fil-laned, mhux biss għad hemm grad sostanzjali ta’ sjieda mill-GTĊ fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), l-ewwel inċiż, tar-Regolament bażiku, iżda l-GTĊ huwa wkoll f’pożizzjoni li jinterferixxi fil-prezzijiet u fil-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat fil-impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b), it-tieni inċiż, tar-Regolament bażiku (22). Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-preżenza u l-intervent tal-Istat fis-swieq finanzjarji, kif ukoll fil-provvista tal-materja prima u tal-inputs, iħallu wkoll effett addizzjonali ta’ distorsjoni fuq is-suq. Tabilħaqq, b’mod ġenerali, is-sistema tal-ippjanar fir-RPĊ twassal biex ir-riżorsi jiġu diretti lejn setturi deżinjati bħala strateġiċi jew inkella bħala politikament importanti mill-GTĊ, aktar milli jiġu allokati f’konformità mal-forzi tas-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-liġijiet Ċiniżi dwar il-falliment u l-proprjetà ma jaħdmux kif suppost skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b), ir-raba’ inċiż, tar-Regolament bażiku, u b’hekk jiġġeneraw distorsjonijiet, b’mod partikolari meta ditti insolventi jinżammu għaddejjin u meta jiġu allokati drittijiet għall-użu tal-art fir-RPĊ (23). Bl-istess mod, il-Kummissjoni sabet distorsjonijiet fil-kostijiet tal-pagi fis-settur tal-frott fil-laned skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b), il-ħames inċiż, tar-Regolament bażiku (24), kif ukoll distorsjonijiet fis-swieq finanzjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b), is-sitt inċiż, tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-kapital għall-atturi korporattivi fir-RPĊ (25).

(42)

It-tielet, fl-aktar rieżami ta’ skadenza reċenti dwar il-prodott taħt rieżami20, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienu preżenti distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni ma taf bl-ebda bidla strutturali kbira fir-RPĊ b’mod ġenerali u/jew fis-settur rilevanti b’mod partikolari, li tista’ taffettwa dik il-konklużjoni.

(43)

Ir-raba’, evidenza addizzjonali disponibbli fir-Rapport (26), imħejji mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku, indikat l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti anke matul il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2024 sat-30 ta’ Settembru 2025 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”).

(44)

Il-ħames, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza jew ma ġie ppreżentat l-ebda argument għall-kuntrarju mill-GTĊ jew mill-produtturi esportaturi f’din l-investigazzjoni.

(45)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-evidenza disponibbli wriet li l-prezzijiet jew il-kostijiet tal-prodott taħt rieżami, inklużi l-kostijiet tal-materja prima, tal-enerġija u tal-manodopera, ma humiex ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħielsa minħabba li huma affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, kif muri mill-impatt reali jew potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi rilevanti elenkati fih.

(46)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’dan il-każ, ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi sabiex jiġi stabbilit il-valur normali. Konsegwentement, il-Kummissjoni pproċediet biex taħdem il-valur normali esklussivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu l-prezzijiet jew il-valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, abbażi tal-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

3.3.2.   Pajjiż rappreżentattiv

3.3.2.1.   Kummenti ġenerali

(47)

L-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv kienet ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku:

—

Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għar-RPĊ. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni użat pajjiżi b’introjtu nazzjonali gross per capita simili għar-RPĊ abbażi tal-bażi tad-data tal-Bank Dinji (27);

—

Produzzjoni tal-prodott taħt rieżami f’dak il-pajjiż (28);

—

L-eżistenza ta’ data rilevanti faċilment disponibbli fil-pajjiż rappreżentattiv.

—

F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż rappreżentattiv wieħed possibbli, jenħtieġ li tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiż li jkollu livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

(48)

Kif spjegat fil-premessa (35), il-Kummissjoni ħarġet nota għall-fajl dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali fil-21 ta’ Jannar 2026. Din in-nota ddeskriviet il-fatti u l-evidenza sottostanti għall-kriterji relevanti, informat lill-partijiet interessati bl-intenzjoni tagħha li tqis lit-Turkija, il-pajjiż propost fit-talba għal rieżami ta’ skadenza bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq f’dan il-każ jekk l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku tiġi kkonfermata.

(49)

F’konformità mal-kriterji elenkati fl-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni identifikat lit-Turkija bħala pajjiż b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħar-RPĊ. It-Turkija hija klassifikata mill-Bank Dinji bħala pajjiż b’“introjtu medju superjuri” fuq bażi tal-introjtu nazzjonali gross. Barra minn hekk, it-Turkija ġiet identifikata bħala pajjiż fejn il-prodott taħt rieżami qiegħed jiġi prodott u fejn id-data rilevanti kienet faċilment disponibbli.

(50)

Fl-aħħar, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni u wara li ġie stabbilit li t-Turkija kienet pajjiż rappreżentattiv xieraq, abbażi tal-elementi kollha msemmija hawn fuq, ma kienx hemm bżonn li titwettaq valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali f’konformità mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku.

3.3.2.2.   Konklużjoni

(51)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, kif propost fit-talba għal rieżami ta’ skadenza u minħabba li t-Turkija ssodisfat il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet lit-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv xieraq.

3.4.   Sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni

(52)

Fin-Nota, il-Kummissjoni elenkat il-fatturi ta’ produzzjoni, bħall-materjali, l-enerġija u l-manodopera użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami mill-industrija tal-Unjoni u stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw u jipproponu informazzjoni disponibbli faċilment dwar il-valuri mingħajr distorsjoni għal kull wieħed mill-fatturi ta’ produzzjoni msemmija f’dik in-nota.

(53)

Fin-Nota, il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li, sabiex taħdem il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, kienet se tuża l-GTA (29) biex tistabbilixxi l-kost mingħajr distorsjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni, b’mod partikolari l-materja prima.

(54)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet se tuża d-data mill-Eurostat għall-elettriku (30), u dik mill-Istitut Tork tal-Istatistika (31) għall-gass naturali u għall-manodopera, sabiex tistabbilixxi kostijiet mingħajr distorsjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddikjarat li sabiex tistabbilixxi l-kostijiet SG & A u l-profitt, hija kienet se tuża d-data finanzjarja mill-produttur Tork imsemmi fil-premessa (35) hawn fuq.

(55)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mingħand il-partijiet interessati dwar il-lista ta’ fatturi ta’ produzzjoni fin-Nota.

3.4.1.   Fatturi ta’ produzzjoni

(56)

Meta titqies l-informazzjoni kollha fit-talba għal rieżami ta’ skadenza u l-informazzjoni sussegwenti ppreżentata mill-applikant u miġbura matul iż-żjarat ta’ verifika u fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi jew il-kummenti dwar in-Nota, ġew identifikati l-fatturi ta’ produzzjoni li ġejjin u s-sorsi tagħhom sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku:

Tabella 1

Fatturi tal-produzzjoni tal-mandolin fil-laned

Fattur ta’ produzzjoni

Kodiċi tal-komodità fit-Turkija

Sors tad-data

Unità ta’ kejl

Valur ta’ unità mingħajr distorsjoni (CNY)

MATERJA PRIMA

Mandolin (inkluż tanġerini u satsumas), frisk jew imnixxef

0805 21 10

GTA

Kg

2,725

Zokkor tal-kannamiela jew tal-pitravi u sukrożju kimikament pur, f’forma solida, minbarra zokkor mhux raffinat; mingħajr sustanzi miżjuda li jagħtu togħma jew kulur, zokkor abjad

1701 99 10

GTA

Kg

10,16

Laned li jridu jingħalqu bl-issaldjar jew bl-ikkrimpjar, tat-tip użati għall-ippreservar tal-ikel, tal-ħadid jew tal-azzar, b’kapaċità ta’ inqas minn 50 litru, infurrati jew iżolati għas-sħana jew le, iżda mhux mgħammrin b’tagħmir mekkaniku jew termali

7310 21 11

GTA

Kg

42,86

Tappijiet; tappijiet u għotjien, ta’ metall komuni (minbarra tappijiet bis-sufra (crowncorks))

8309 90

GTA

Kg

52,44

Kartun, kaxxi u cases, ta’ karta jew kartun ikkorrugati

4819 10

GTA

Kg

14,54

ENERĠIJA

Elettriku

Mhux applikabbli

Eurostat

kWh

0,741

Gass naturali

Mhux applikabbli

Istitut Tork tal-Istatistika

m3

1,50 – 3,57

MANODOPERA

Kost lavorattiv

Mhux applikabbli

Istitut Tork tal-Istatistika

siegħa

45,91

3.4.1.1.   Materja prima

(57)

Sabiex jiġi stabbilit il-prezz mingħajr distorsjoni tal-materja prima kif ikkonsenjata sal-fabbrika ta’ produttur fil-pajjiż rappreżentattiv, il-Kummissjoni użat bħala bażi l-prezz tal-importazzjoni fil-pajjiż rappreżentattiv kif irrapportat fil-GTA li miegħu żdiedu d-dazji fuq l-importazzjoni u l-kostijiet tat-trasport (meta disponibbli, kif spjegat fil-premessa (61)).

(58)

Prezz tal-importazzjoni fil-pajjiż rappreżentattiv ġie ddeterminat bħala medja ponderata tal-prezzijiet ta’ unità tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha minbarra r-RPĊ u l-pajjiżi elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32). Il-Kummissjoni ddeċidiet li teskludi l-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-pajjiż rappreżentattiv peress li fil-premessi (39) - (46) ikkonkludiet li ma kienx xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fir-RPĊ minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku.

(59)

Minħabba li ma hemm l-ebda evidenza li turi li l-istess distorsjonijiet ma affettwawx bl-istess mod il-materja prima użata għall-manifattura tal-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-istess distorsjonijiet kienu jaffettwaw il-prezzijiet tal-esportazzjoni. Wara li ġew esklużi l-importazzjonijiet mir-RPĊ fil-pajjiż rappreżentattiv, il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn baqa’ rappreżentattiv.

(60)

Għal għadd ta’ fatturi tal-produzzjoni (jiġifieri l-meraq), il-kostijiet reali mġarrba mill-produtturi tal-Unjoni kienu jirrappreżentaw sehem negliġibbli tal-kostijiet totali tal-materja prima fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Peress li l-valur użat għal dawn ma kellu l-ebda impatt apprezzabbli fuq il-kalkoli tal-marġni tad-dumping, irrispettivament mis-sors użat, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinkludi dawk il-kostijiet fil-“materjal konsumabbli”. Il-Kummissjoni kkalkolat il-perċentwal tal-materjal konsumabbli fuq il-kost totali tal-materja prima u applikat dan il-perċentwal għall-kost ikkalkolat mill-ġdid tal-materja prima meta użat il-prezzijiet stabbiliti mingħajr distorsjoni.

(61)

Normalment, ma’ dawn il-prezzijiet tal-importazzjoni jenħtieġ li jiżdiedu l-prezzijiet tat-trasport domestiku wkoll. Madankollu, meta jitqies il-livell ta’ marġnijiet tad-dumping ikkalkolat hawn taħt, kif ukoll in-natura ta’ din l-investigazzjoni ta’ rieżami tal-iskadenza, li hija ffokata fuq is-sejbien ta’ jekk id-dumping kompliex matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami jew jekk jistax jerġa’ jseħħ, aktar milli fuq is-sejbien tad-daqs eżatt tiegħu, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma kienx hemm bżonn li jsiru aġġustamenti għat-trasport domestiku meta l-informazzjoni ma kinitx disponibbli. Intużaw biss il-kostijiet tat-trasport irrapportati mill-produtturi tal-Unjoni għall-provvista tal-mandolin u mhux għall-materja prima kollha. Tali aġġustamenti jirriżultaw biss f’żieda tal-valur normali u, konsegwentement, għal marġni tad-dumping ogħla.

3.4.1.2.   Manodopera

(62)

L-Istitut Tork tal-Istatistika jippubblika informazzjoni dettaljata dwar il-pagi f’setturi ekonomiċi differenti fit-Turkija. Il-kost lavorattiv medju għal kull impjieg full-time (“FTE”, full time employment) jammonta għal 45,91 CNY fis-siegħa. Il-Kummissjoni stabbiliet il-parametru referenzjarju għall-perjodu ta’ investigazzjoni abbażi tal-kost lavorattiv medju fis-siegħa għall-manifattura fis-settur NACE Rev.2 għall-attività ekonomika C-10 (33)għall-2022, indiċjat għal 2024 abbażi tal-indiċijiet ta’ aġġustament fis-settur tal-manifattura fit-Turkija (NACE C).

(63)

Il-Kummissjoni nnotat li r-referenza għall-attività ekonomika rrapportata fin-nota tal-FOP (NACE C-23) ma kinitx korretta fid-dawl tar-referenza (NACE C-10) użata għall-kalkolu sottostanti. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonferma li l-attività ekonomika x-xierqa użata biex jiġi identifikat il-parametru referenzjarju tal-kost lavorattiv hija n-NACE C-10. Enerġija (Elettriku, Gass naturali)

(64)

Il-Kummissjoni użat l-aktar data reċenti disponibbli dwar il-prezzijiet tal-elettriku industrijali applikabbli fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“PIR”) fit-Turkija, kif ippubblikata mill-Eurostat. L-informazzjoni tindika tariffa industrijali medja għall-2024 ta’ 0,741 CNY għal kull kWh (34).

(65)

Fir-rigward tal-gass naturali, il-Kummissjoni użat il-prezz għall-utenti industrijali fit-Turkija kif ippubblikat mill-Istitut Tork tal-Istatistika (35) fl-istqarrijiet għall-istampa regolari tiegħu. Il-Kummissjoni użat id-data tal-prezzijiet tal-gass fil-medda tal-konsum korrispondenti f’Kuruş/m3 aġġustata kif xieraq għall-inflazzjoni bl-użu tal-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Produtturi ppubblikat mill-Istitut Tork tal-Istatistika biex tadatta għall-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (Ottubru 2024-Settembru 2025). Il-prezz ġie aġġustat għal VAT ta’ 18 %, peress li l-prezz ikkwotat kien jinkludi l-VAT.

3.5.   Kostijiet ġenerali tal-manifattura, kostijiet SG & A u profitti

(66)

Skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti”. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit valur għall-kostijiet ġenerali tal-manifattura biex ikopri l-kostijiet mhux inklużi fil-fatturi tal-produzzjoni msemmija hawn fuq.

(67)

Sabiex tistabbilixxi valur mingħajr distorsjoni tal-kostijiet ġenerali tal-manifattura u minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni użat il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għalhekk, fuq il-bażi tad-data vverifikata tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni stabbiliet il-proporzjon tal-kostijiet ġenerali tal-manifattura mal-kost dirett totali, jiġifieri l-kost li jinkludi l-konsum tal-materja prima u tal-enerġija, u l-kost lavorattiv dirett u indirett. Imbagħad, dan il-perċentwal ġie applikat għall-valur mingħajr distorsjoni tal-kost tal-manifattura biex jinkiseb il-valur mingħajr distorsjoni tal-kostijiet ġenerali tal-manifattura, skont il-mudell prodott.

(68)

Sabiex jiġi stabbilit valur mingħajr distorsjoni għall-kost SG & A u għall-profitt, il-Kummissjoni użat id-data finanzjarja mill-kumpanija Torka, Frigo-PAK għas-sena 2025, kif irrapportat fil-kontijiet awditjati tal-kumpanija (36). Il-Kummissjoni żiedet l-entrati li ġejjin mal-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura:

(a)

Kost SG & A ta’ 21 % espress fuq il-Kost tal-Oġġetti Mibjugħa (“COGS”, Cost of Goods Sold) applikat għas-somma tal-kostijiet tal-produzzjoni;

(b)

profitt ta’ 29 % espress fuq il-COGS applikat għall-kostijiet tal-produzzjoni.

3.6.   Kalkolu tal-valur normali

(69)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(70)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni stabbiliet il-kostijiet tal-manifattura mingħajr distorsjoni. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni bbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-applikant fit-talba għal rieżami dwar l-użu ta’ kull fattur (il-materjali, l-enerġija u l-manodopera) għall-produzzjoni ta’ mandolin fil-laned, informazzjoni li ġiet kontroverifikata mal-informazzjoni pprovduta fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni. Il-konsum tal-unità ta’ kull fattur ta’ produzzjoni ġie mmultiplikat bil-kost mingħajr distorsjoni abbażi ta’ data mill-pajjiż rappreżentattiv. Is-somma tal-kost mingħajr distorsjoni tal-materja prima, tal-enerġija u tal-manodopera tirrappreżenta l-kost mingħajr distorsjoni tal-manifattura.

(71)

Ladarba ġew stabbiliti l-kostijiet tal-manifattura mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni żiedet l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura, il-kostijiet SG & A u l-profitt.

(72)

Il-kostijiet ġenerali tal-manifattura ġew iddeterminati abbażi tad-data pprovduta mid-data vverifikata tal-produtturi tal-Unjoni u ġew espressi bħala proporzjon tal-kost tal-manifattura tagħhom. Imbagħad, dan il-perċentwal ġie applikat għall-valur mingħajr distorsjoni tal-kost tal-manifattura biex jinkiseb il-valur mingħajr distorsjoni tal-kostijiet ġenerali tal-manifattura. Il-kostijiet ġenerali tal-manifattura ammontaw għal [15-19] % tal-kost tal-manifattura. Billi żiedet il-kostijiet ġenerali tal-manifattura mingħajr distorsjoni mal-kost tal-manifattura mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni stabbiliet il-kost tal-produzzjoni mingħajr distorsjoni. Il-kostijiet SG & A u l-profitt ġew iddeterminati abbażi tal-informazzjoni finanzjarja tal-kumpanija Torka, Frigo-Pak għall-2025 kif spjegat fil-premessa (68), li kienu jammontaw għal 21 % u 29 % tal-Kostijiet tal-Oġġetti Mibjugħa (“COGS”) rispettivament. Il-perċentwali rispettivi tal-kost SG & A u l-profitt mingħajr distorsjoni ġew applikati għall-kostijiet totali tal-manifattura mingħajr distorsjoni.

(73)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi, li għamilha impossibbli li jinkiseb prezz tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni jew lejn pajjiżi terzi għal kull tip ta’ prodott, il-Kummissjoni ddeterminat valur normali uniku bħala medja tal-valuri normali stabbiliti għal kull tip ta’ prodott.

3.7.   Prezz tal-esportazzjoni

(74)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi mir-RPĊ, il-prezz tal-esportazzjoni ġie ddeterminat abbażi tad-data tal-kost, assigurazzjoni u nol (CIF, cost, insurance and freight) tal-Eurostat, ikkoreġut fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Għalhekk, il-prezz CIF tnaqqas bil-kost tat-trasport bil-baħar u tal-assigurazzjoni u bil-kost tat-trasport domestiku. Il-kostijiet tat-trasport domestiku Ċiniż u internazzjonali kienu bbażati fuq informazzjoni pprovduta mill-applikant fit-talba għal rieżami.

3.8.   Tqabbil

(75)

Il-Kummissjoni qabblet, fuq livell aggregat, il-valuri normali stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku mal-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika kif stabbilit hawn fuq.

3.9.   Marġni tad-dumping

(76)

Fuq din il-bażi, id-differenza bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali maħdum instabet li kienet sinifikanti (aktar minn 160 %). Għalhekk, ġie konkluż li d-dumping tkompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

4.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TA’ DUMPING

(77)

Wara s-sejba li kienet tindika l-eżistenza ta’ dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-Kummissjoni investigat, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping, jekk il-miżuri jitħassru. Ġew analizzati l-elementi addizzjonali li ġejjin: (i) il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fir-RPĊ, (ii) ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-livell tal-prezzijiet fl-Unjoni, u (iii) l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

4.1.   Kapaċità tal-produzzjoni u kapaċità ta’ riżerva fir-RPĊ

(78)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fir-RPĊ abbażi tal-fatti disponibbli, l-informazzjoni pprovduta fit-talba għal rieżami u l-valutazzjoni magħmula fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti abbażi tal-grupp ta’ produtturi esportaturi li vvolontarjaw ruħhom u li mlew il-formola tal-kampjunar.

(79)

Skont id-data disponibbli fl-istaġun tal-2019, il-produzzjoni annwali fiċ-Ċina ta’ mandolin fil-laned ġiet stmata għal bejn 80 000–110 000 tunnellata (37) u l-kapaċità tal-produzzjoni għal bejn 120 000–170 000 tunnellata, li tirriżulta f’kapaċità ta’ riżerva stmata ta’ bejn 40 000–60 000 tunnellata. Din il-kapaċità żejda għall-mandolin fil-laned hija sinifikanti meta wieħed iqis li l-konsum fl-Unjoni ammonta għal 44 000 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni huwa ta’ [7 000–10 000] tunnellata. Is-suq domestiku tal-mandolin fil-laned fiċ-Ċina huwa żgħir (madwar 9 000–13 000 tunnellata fl-2019). Anke meta wieħed jassumi li l-mandolin fil-laned jista’ jinbiegħ bi prezzijiet għoljin fis-suq domestiku Ċiniż, ma hemm l-ebda indikazzjoni li s-suq Ċiniż se jikber jew se jassorbi b’mod sinifikanti kwalunkwe kapaċità ta’ riżerva. Għalhekk, l-industrija Ċiniża tal-mandolin fil-laned tista’ titqies bħala waħda orjentata lejn l-esportazzjoni. Il-kapaċità ta’ riżerva stmata Ċiniża diġà hija 5-6 darbiet ogħla mill-volum tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni.

(80)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ċ-Ċina kienet fost l-akbar produtturi ta’ mandolin fil-laned fid-dinja u kellha kapaċità ta’ riżerva sinifikanti, li tista’ tkun esportata faċilment lejn l-Unjoni li kieku jitħassru l-miżuri.

4.2.   Attraenza tas-suq tal-Unjoni

(81)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx probabbli li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jżidu l-bejgħ tal-esportazzjonijiet tagħhom bi prezzijiet oġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(82)

Is-suq tal-Unjoni huwa r-raba’ l-akbar fid-dinja. Din tibqa’ attraenti ħafna għall-esportaturi Ċiniżi f’termini ta’ prezz u volum. Il-prezz huwa ogħla minn dak tal-maġġoranza tas-swieq tal-esportazzjoni Ċiniżi oħra – ħlief għall-Ġappun kif jixhed il-fatt li l-importazzjonijiet ikomplu jaslu minkejja l-miżuri eżistenti (38). Hemm inċentivi addizzjonali li jirriżultaw mill-prezzijiet ogħla tal-Unjoni u minn restrizzjonijiet kummerċjali fi swieq oħra, b’mod partikolari t-tariffi ad valorem ta’ 25 % imposti mill-Istati Uniti (39), li jistgħu jdawru l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni.

(83)

Fil-każ li l-miżuri jitħassru, hija probabbli li sseħħ pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet minħabba l-importazzjonijiet Ċiniżi — appoġġata minn kapaċitajiet sostanzjali. Dan iġiegħel lill-industrija tal-Unjoni biex jew tnaqqas il-prezzijiet tagħha, u b’hekk jiżdied it-telf tagħha f’termini ta’ profittabbiltà (-5 % fl-2023 u -10 % fl-2024), jew tnaqqas il-volumi, u b’hekk jiżdiedu l-kostijiet għal kull unità u tkompli tiddgħajjef il-profittabbiltà. Maż-żmien, dan iwassal għal tnaqqis fil-kapaċità.

(84)

Minħabba s-sitwazzjoni diġà fraġli tal-industrija tal-Unjoni, kwalunkwe żieda fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina x’aktarx tikkawża deterjorament rapidu tal-pożizzjoni finanzjarja diġà fraġli tagħha.

4.3.   Relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-livell tal-prezzijiet fl-Unjoni

(85)

Il-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż lejn swieq ta’ pajjiżi terzi ġie stabbilit matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami abbażi ta’ data disponibbli mill-istatistika tal-esportazzjoni tal-GTA, kif ukoll data miksuba mingħand il-produtturi tal-Unjoni (40), jiġifieri abbażi tal-kwantitajiet u tal-valuri tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ (fil-livell FOB). Fl-2024, minkejja d-dazji anti-dumping fis-seħħ, l-Unjoni hija r-raba’ l-aktar suq tal-esportazzjoni importanti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi. Il-prezz medju ta’ unità għall-Unjoni huwa ta’ 1 210 EUR/tunnellata. It-tliet swieq tal-esportazzjoni l-aktar importanti huma l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Indoneżja. Il-prezzijiet medji tal-bejgħ huma EUR 1 130/tunnellata għall-Istati Uniti, EUR 4 120/tunnellata għall-Ġappun, u EUR 910/tunnellata għall-Indoneżja.

(86)

Skont il-GTA, il-volum tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Indoneżja naqas b’mod sinifikanti bejn l-2023 u l-2024 (id-differenza ta’ 3 493 tunnellata tirrappreżenta madwar [7,6 - 8,5] % tal-konsum tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni). Dan it-tnaqqis jista’ potenzjalment jiġi ridirezzjonat lejn l-Unjoni.

(87)

Minħabba l-volumi sinifikanti ta’ esportazzjoni mir-RPĊ lejn swieq ewlenin ta’ pajjiżi terzi, il-prezzijiet relattivament baxxi offruti lill-Unjoni, u t-tnaqqis reċenti fl-esportazzjonijiet lejn l-Indoneżja li jistgħu jiġu ridirezzjonati, hemm riskju ċar li importazzjonijiet addizzjonali bi prezz baxx jistgħu jiġu diretti lejn is-suq tal-Unjoni, u b’hekk tiżdied il-pressjoni kompetittiva fuq l-industrija tal-Unjoni.

4.4.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà tal-kontinwazzjoni tad-dumping

(88)

Fid-dawl tal-imġiba tal-imgħoddi fir-rigward tad-dumping, il-livell għoli ta’ dumping li xorta nstab fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-kapaċità ta’ riżerva sinifikanti fir-RPĊ, l-imġiba tal-esportaturi Ċiniżi fis-swieq tal-pajjiżi terzi, ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-livell tal-prezzijiet fl-Unjoni kif ukoll l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, nikkonkludu li hemm il-probabbiltà li d-dumping se jkompli jekk jitwaqqfu l-miżuri.

5.   DANNU

5.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(89)

Il-prodott simili kien immanifatturat minn żewġ produtturi fl-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(90)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami ġiet stabbilita għal madwar [8 000 – 10 000] tunnellata. Il-Kummissjoni stabbiliet iċ-ċifra abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-industrija tal-Unjoni, jiġifieri t-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni. Kif indikat fil-premessa (12), iż-żewġ produtturi tal-Unjoni jirrappreżentaw l-industrija totali tal-Unjoni.

5.2.   Konsum tal-Unjoni

(91)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi tal-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, u tad-data tal-importazzjoni mill-Eurostat, fil-livell tal-kodiċi NM u fil-livell tal-kodiċi TARIC. Dawn il-volumi tal-bejgħ ġew kontroverifikati u aġġornati, fejn kien neċessarju, fir-rigward tal-informazzjoni vverifikata mill-produtturi tal-Unjoni.

(92)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 2

Konsum tal-Unjoni (tunnellati)

 

2021/2022

2022/2023

2023/2024

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Konsum totali tal-Unjoni

[46 000 -51 000 ]

[40 000 -44 000 ]

[32 000 -35 000 ]

[41 000 -46 000 ]

Indiċi

100

86

68

89

Sors:

Eurostat, tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju minn produtturi tal-Unjoni.

(93)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-konsum tal-Unjoni żviluppa skont il-kwalità tal-ħsad fl-Unjoni. Dawn iċ-ċifri jistgħu jiġu affettwati minn effetti relatati mal-kumulazzjoni ta’ riżervi li jistgħu jikkawżaw xi ftit distorsjoni fiċ-ċifri tal-konsum fl-UE. Ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 11 % fid-domanda matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

5.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

5.3.1.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(94)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tad-data tal-Eurostat. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit billi tqabblu l-volumi tal-importazzjonijiet mal-konsum tal-Unjoni kif irrapportat fit-Tabella 2 ta’ hawn fuq.

(95)

L-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 3

Volum tal-importazzjonijiet u sehem mis-suq

 

2021/2022

2022/2023

2023/2024

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ (tunnellati)

11 102

11 388

8 639

15 188

Indiċi

100

103

78

137

Sehem mis-suq (%)

[21 -23 ]

[25 -27 ]

[24 -26 ]

[32 -35 ]

Indiċi

100

119

114

154

Sors:

Eurostat, tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju minn produtturi tal-Unjoni.

(96)

Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volumi tal-importazzjoni mir-RPĊ żdiedu b’37 %. Madankollu, fid-dawl tat-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni, iż-żieda fis-sehem mis-suq kienet konsiderevolment ogħla u laħqet il-livell ta’ 54 %, b’żieda ta’ madwar 12-il punt perċentwali fis-sehem mis-suq matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

5.3.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u twaqqigħ tal-prezz

(97)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat abbażi tad-data tal-Eurostat. Il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 4

Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/tunnellata)

 

2021/2022

2022/2023

2023/2024

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

RPĊ

1 343

1 365

1 218

1 167

Indiċi

100

102

91

87

Sors:

Eurostat.

(98)

Kif rifless fit-tabella ta’ hawn fuq, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni bi 13 %.

(99)

Bil-ħsieb tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni qabblet il-prezz medju ponderat tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, mitlub lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, mal-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tal-prodott taħt rieżami mir-RPĊ mill-Eurostat, stabbilit fuq bażi CIF, inkluż id-dazju anti-dumping.

(100)

Dan it-tqabbil tal-prezzijiet wera differenza ta’ 8,9 % bejn il-prezz medju tal-bejgħ tal-esportazzjoni u l-prezz medju tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Mingħajr id-dazji anti-dumping, id-differenza kienet tammonta għal 30,1 %.

5.4.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr ir-RPĊ.

(101)

Il-volum tal-importazzjonijiet, kif ukoll is-sehem mis-suq u x-xejriet tal-prezzijiet għall-importazzjonijiet tal-mandolin fil-laned minn pajjiżi terzi oħra huma ppreżentati kif ġej:

Tabella 5

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

Pajjiż

 

2021/2022

2022/2023

2023/2024

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

It-Turkija

Volum (tunnellati)

23 001

19 717

17 874

19 531

Indiċi

100

86

78

85

Sehem mis-suq (%)

[43 -47 ]

[43 -47 ]

[49 -54 ]

[41 -45 ]

Prezz medju (EUR/tunnellata)

1 685

1 846

1 660

1 522

Indiċi

100

100

114

96

Pajjiżi terzi oħra

Volum (tunnellati)

992

668

218

995

Indiċi

100

68

22

100

Sehem mis-suq (%)

[1,8 -2,2 ]

[1,8 -2,2 ]

[1,8 -2,2 ]

[1,8 -2,2 ]

Prezz medju (EUR/tunnellata)

1 022

1 036

1 689

1 442

Indiċi

100

101

165

141

Total tal-pajjiżi terzi kollha għajr ir-RPĊ

Volum (tunnellati)

23 993

20 386

18 092

20 526

Indiċi

100

85

75

86

Sehem mis-suq (%)

[48 -55 ]

[47 -54 ]

[52 -58 ]

[45 -50 ]

Indiċi

100

99

111

96

Prezz medju (EUR/tunnellata)

1 657

1 819

1 661

1 518

Indiċi

100

109

100

91

Sors:

Eurostat.

(102)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-importazzjonijiet mit-Turkija li jirrappreżentaw 62 % tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra lejn l-Unjoni, naqsu bi 15 %. Tnaqqis akbar mit-tnaqqis ta’ 11 % fil-konsum.

(103)

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha, bl-eċċezzjoni tar-RPĊ naqas b’4 %.

(104)

Il-prezz tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha bl-eċċezzjoni tar-RPĊ, meta mqabbel ma’ dak tal-industrija tal-Unjoni, kien EUR [400 - 600]/tunnellata aktar baxx matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

5.5.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(105)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni inkluda evalwazzjoni tal-fatturi u tal-indiċijiet ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

5.5.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(106)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 6

Produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2021/2022

2022/2023

2023/2024

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Volum tal-produzzjoni (tunnellati)

[15 000 -19 000 ]

[9 000 -11 000 ]

[6 000 -9 000 ]

[8 000 -10 000 ]

Indiċi

100

60

44

54

Kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati)

[48 000 -57 000 ]

[48 000 -57 000 ]

[48 000 -57 000 ]

[48 000 -57 000 ]

Indiċi

100

100

100

100

Użu tal-kapaċità (%)

[30 -33 ]

[18 -20 ]

[13 -15 ]

[16 -18 ]

Indiċi

100

60

44

54

Sors:

Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju minn produtturi tal-Unjoni.

(107)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami naqset b’mod kostanti fl-ewwel 3 snin tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni b’56 %, b’irkupru ta’ 10 punti perċentwali fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. B’mod ġenerali, il-produzzjoni naqset b’46 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan it-tnaqqis fil-produzzjoni jista’ jiġi attribwit għat-telf tas-sehem mis-suq minħabba l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u sa ċertu punt inqas, għat-tnaqqis fil-konsum.

(108)

L-użu medju tal-kapaċità segwa xejra simili bħall-produzzjoni u d-domanda. Fid-dawl tal-kapaċità tal-produzzjoni stabbli, l-użu tal-kapaċità naqas b’46 % b’mod ġenerali, bl-istess mod tat-tnaqqis fil-produzzjoni.

5.5.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(109)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 7

Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

 

2021/2022

2022/2023

2023/2024

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

[13 000 -16 000 ]

[9 000 -12 000 ]

[6 000 -8 000 ]

[7 000 -10 000 ]

Indiċi

100

75

49

58

Sehem mis-suq (%)

[28 -31 ]

[22 -25 ]

[18 -20 ]

[19 -21 ]

Indiċi

100

80

66

66

Sors:

Eurostat, tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju minn produtturi tal-Unjoni.

(110)

Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni segwa xejra simili bħall-konsum tal-Unjoni. B’mod ġenerali, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 42 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, bi tnaqqis fl-ewwel 3 snin u l-bidu ta’ rkupru ħafif matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(111)

Is-sehem mis-suq totali tal-industrija tal-Unjoni naqas b’34 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

5.5.3.   Tkabbir

(112)

It-tnaqqis fil-konsum kien ta’ 11 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. F’dan l-isfond, l-industrija tal-Unjoni kellha telf fis-sehem mis-suq tagħha, filwaqt li l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat kienu l-uniċi li żdiedu, u kisbu 54 % tas-sehem mis-suq. B’kuntrast għal dan, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (jiġifieri t-Turkija), naqsu b’4 %.

5.5.4.   Impjiegi u produttività

(113)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 8

Impjiegi u produttività

 

2021/2022

2022/2023

2023/2024

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Għadd ta’ impjegati

[260 -290 ]

[200 -220 ]

[160 -180 ]

[190 -210 ]

Indiċi

100

76

62

70

Produttività (tunnellata/impjegat)

[56 -63 ]

[44 -50 ]

[40 -45 ]

[43 -49 ]

Indiċi

100

79

71

77

Sors:

Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju minn produtturi tal-Unjoni.

(114)

L-impjiegi naqsu bi 30 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Il-produttività tal-forza tax-xogħol tal-produtturi tal-Unjoni, imkejla bħala output (tunnellati għal kull persuna impjegata fis-sena), naqset ukoll bi 23 % spjegata mit-tnaqqis akbar fil-produzzjoni (-46 %) fir-rigward tat-tnaqqis fl-impjiegi (-30 %).

5.5.5.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(115)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ tal-unitajiet tal-produtturi tal-Unjoni lill-konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 9

Prezzijiet tal-bejgħ u kost tal-produzzjoni fl-Unjoni (EUR/tunnellata)

 

2021/2022

2022/2023

2023/2024

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Il-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità fl-Unjoni fis-suq totali

[1 640 -1 820 ]

[1 990 -2 210 ]

[1 850 -2 050 ]

[1 850 -2 040 ]

Indiċi

100

121

113

113

Kost unitarju tal-produzzjoni

[1 460 -1 620 ]

[1 900 -2 100 ]

[1 970 -2 180 ]

[2 040 -2 260 ]

Indiċi

100

130

135

139

Sors:

Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju minn produtturi tal-Unjoni.

(116)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdied b’39 %. Iż-żieda sinifikanti fil-kost tal-produzzjoni fl-2022/2023 u fl-2023/2024 kienet ikkawżata prinċipalment mill-effett tal-pressjoni inflazzjonarja fuq l-ekonomija. Barra minn hekk, it-tnaqqis fid-domanda, kif spjegat fil-premessa (93), irriżulta f’żieda tal-kostijiet indiretti (il-kostijiet ġenerali tal-manifattura) fuq bażi ta’ kull unità. Fl-istess ħin, il-prezzijiet żdiedu bi 13 % biss u għalhekk l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tkopri ż-żieda fil-kost.

5.5.6.   Kostijiet lavorattivi

(117)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 10

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

 

2021/2022

2022/2023

2023/2024

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

[22 500 - 24 900 ]

[23 100 - 25 600 ]

[24 300 - 26 900 ]

[26 100 - 28 900 ]

Indiċi

100

103

108

116

Sors:

Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju minn produtturi tal-Unjoni.

(118)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-kost lavorattiv medju tal-industrija tal-Unjoni għal kull impjegat żdied b’mod kostanti b’16 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

5.5.7.   Inventarji

(119)

Il-livelli tal-istokks tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 11

Inventarji

 

2021/2022

2022/2023

2023/2024

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Stokks tal-għeluq (tunnellaġġ)

[3 900 -4 400 ]

[2 100 -2 400 ]

[1 800 -2 100 ]

[1 500 -1 800 ]

Indiċi

100

55

46

41

Stokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni

[23 - 25 ]

[21 - 23 ]

[24 - 26 ]

[17 - 19 ]

Indiċi

100

91

104

75

Sors:

Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju minn produtturi tal-Unjoni.

(120)

L-industrija tal-Unjoni naqqset b’mod sinifikanti l-livelli tal-istokks tagħha matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (-59 %) kif ukoll l-istokks ikkalkolati bħala perċentwal tal-produzzjoni (-25 %). Għalhekk, dan ma jistax jitqies bħala sinjal ta’ sitwazzjoni dannuża.

5.5.8.   Profittabilità, fluss tal-flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(121)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 12

Profittabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

 

2021/2022

2022/2023

2023/2024

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni fis-suq ħieles (% tal-fatturat tal-bejgħ)

[11 - 12,1 ]

[12,6 - 13,9 ]

[-4,8 - -5,3 ]

[-9,4 - -10,4 ]

Indiċi

100

115

-44

-86

Fluss tal-flus (1 000 EUR)

[2 800 -3 200 ]

[4 800 -5 400 ]

[500 -700 ]

[- 600 - - 800 ]

Indiċi

100

169

20

-23

Investimenti (1 000 EUR)

[1 500 -1 800 ]

[2 500 -2 900 ]

[700 -900 ]

[1 200 -1 400 ]

Indiċi

100

162

47

78

Redditu fuq l-investimenti

[34 - 38 ]

[33 - 37 ]

[-8 - -9 ]

[-18 - -20 ]

Indiċi

100

98

-23

-53

Sors:

Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju minn produtturi tal-Unjoni.

(122)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ. Il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni naqset b’mod qawwi minn livell ta’ profittabbiltà b’saħħtu ħafna fl-ewwel sentejn tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni, għal telf kbir b’mod partikolari fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Matul tali perjodu, il-profittabbiltà kompliet tiddeterjora b’telf fil-medda ta’ -9,4 % sa -10,4 %. Din ix-xejra kienet konformi ma’ dawk deskritti qabel għall-produzzjoni u għall-bejgħ fil-premessi (107) u (110).

(123)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-abbiltà tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom huma stess. Ix-xejra fil-fluss tal-flus nett naqset, simili għall-profittabbiltà u nbidlet f’ċifra negattiva.

(124)

Il-livell ta’ investiment naqas bi 22 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(125)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f’perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Dan żviluppa bl-istess mod bħall-profittabilità, kif deskritt fil-premessa (122) hawn fuq.

5.6.   Konklużjoni dwar id-dannu

(126)

Il-biċċa l-kbira tal-indikaturi tad-dannu, bħall-produzzjoni, il-produttività, il-bejgħ, l-impjiegi, l-użu tal-kapaċità, il-produttività, il-profittabbiltà, ir-redditu tal-investimenti u l-fluss tal-flus naqsu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(127)

Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu minħabba ż-żieda fl-ishma mis-suq b’mod partikolari tal-importazzjonijiet Ċiniżi.

(128)

Minħabba s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni deskritta, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, huwa probabbli li l-industrija tal-Unjoni ġġarrab deterjorament rapidu u ulterjuri tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, li diġà hija fraġli, irrispettivament minn jekk tagħżilx li tikkompeti fuq il-volum jew fuq il-prezz.

(129)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

6.   KAWŻALITÀ

(130)

F’konformità mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi magħrufin oħra setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kwalunkwe dannu possibbli kkawżat minn fatturi għajr l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Dawn il-fatturi huma l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u t-tnaqqis fid-domanda.

6.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(131)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-industrija tal-Unjoni tilfet volumi sinifikanti ta’ bejgħ fis-suq tal-Unjoni, billi l-volumi ta’ bejgħ tal-Unjoni tagħha naqsu bi 42 %. Hekk kif il-konsum naqas bi 11 %, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b’34 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(132)

It-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni jista’ jiġi attribwit għal żieda parallela fl-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, peress li ma kien hemm l-ebda sors ieħor ta’ importazzjoni li kiseb sehem mis-suq matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Tabilħaqq, l-importazzjonijiet miċ-Ċina żiedu s-sehem mis-suq b’54 % minn [21-23] % għal [32-35] %. L-importazzjonijiet miċ-Ċina komplew jikbru u jiksbu sehem mis-suq għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni.

(133)

Fl-istess ħin, il-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni bi [28-33] % (mingħajr dazji anti-dumping) u bi [8-13] % (b’dazji anti-dumping) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqqsu wkoll il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fi żmien meta l-kostijiet tal-produzzjoni kienu qed jiżdiedu, u b’hekk affettwaw b’mod negattiv lill-indikaturi finanzjarji tal-industrija tal-Unjoni.

(134)

Minħabba t-telf fil-volumi tal-bejgħ, l-industrija tal-Unjoni esperjenzat ukoll tnaqqis sinifikanti fil-kwantitajiet tal-produzzjoni, li naqsu b’46 %.

(135)

Għalhekk, ġie konkluż li l-importazzjonijiet bi prezzijiet ta’ dumping ta’ mandolin fil-laned miċ-Ċina kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

6.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

6.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(136)

Il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn evolva matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif muri fil-premessa (101). Dawn l-importazzjonijiet ġew prinċipalment mit-Turkija ([41-45] % tas-sehem mis-suq fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami), il-pajjiżi l-oħra kollha (jiġifieri l-Messiku, il-Perù, ir-Renju Unit, eċċ. [1,8-2,2] % tas-sehem mis-suq fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami).

(137)

L-importazzjonijiet mit-Turkija wrew tnaqqis żgħir kemm fil-prezz (-10 %) kif ukoll fil-volum (-15 %), filwaqt li għall-pajjiżi l-oħrajn, il-volum tal-importazzjonijiet baqa’ pjuttost stabbli filwaqt li l-prezz żdied b’41 %).

(138)

Abbażi ta’ dak imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra (bl-eċċezzjoni tat-Turkija), minħabba l-volum baxx tagħhom u ż-żieda qawwija fil-prezzijiet ma kinux qed jikkontribwixxu għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-volumi tal-importazzjoni mit-Turkija naqsu (- 15 %) segwiti minn tnaqqis fil-prezz (-10 %). Dan it-tnaqqis fil-prezz tal-importazzjonijiet Torok qed jeżerċita pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, u b’hekk qed jikkontribwixxi għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

6.2.2.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(139)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-volum tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppa kif ġej:

Tabella 13

Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

 

2021/2022

2022/2023

2023/2024

Perjodu ta’ Investigazzjoni tar-Rieżami

Volum tal-esportazzjonijiet (tunnellati)

[1 800 -2 000 ]

[1 100 -1 300 ]

[700 -900 ]

[900 -1 100 ]

Indiċi

100

66

42

56

Prezz medju (EUR/tunnellata)

[1 300 - 1 500 ]

[1 700 - 1 900 ]

[1 900 - 2 100 ]

[1 900 - 2 100 ]

Indiċi

100

131

146

144

Sors:

Tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju minn produtturi tal-Unjoni.

(140)

Il-volumi tal-bejgħ tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqsu b’44 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (bl-akbar tnaqqis fl-2023/2024), iżda dawn il-volumi ma kinux sostanzjali, meta mqabbla mal-volumi tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni. It-tnaqqis fil-volumi tal-esportazzjoni essenzjalment segwa l-istess xejriet tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni u l-perċentwal tal-bejgħ ta’ esportazzjoni fil-bejgħ totali tal-produtturi tal-Unjoni baqa’ pjuttost stabbli bejn [9,8 - 11,1] %. Barra minn hekk, il-prezzijiet medji tal-bejgħ ta’ esportazzjoni kienu simili għall-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni fl-2023/2024 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(141)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma naqqsitx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat u d-dannu materjali li nstab.

6.2.3.   Tnaqqis fil-konsum

(142)

Kif spjegat fit-taqsima 4.2, is-suq tal-Unjoni varja matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan naqas drastikament mill-2021/2022 sal-2023/2024 bi tnaqqis ta’ 32 %. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-konsum irkupra parzjalment, għalkemm baqa’ taħt il-livell tal-2021/2022 bi tnaqqis ta’ 11 %. Il-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi rreġistraw żieda ta’ 37 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla mal-2021/2022 u kisbu sehem konsiderevoli mis-suq f’dan il-perjodu ta’ tnaqqis fid-domanda u, barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżomm is-sehem tagħha mis-suq. Tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni proporzjonat għat-tnaqqis fid-domanda kien ikun ta’ bejn 1 500 u 2 500 tunnellata, filwaqt li fir-realtà, minħabba ż-żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi, it-tnaqqis essenzjalment ittriplika u ammonta għal 4 500 sa 7 500 tunnellata. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tnaqqis tad-domanda fis-suq ma mmitigax ir-rabta kawżali.

7.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI TAD-DANNU

(143)

Il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa (129) li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Għalhekk, il-Kummissjoni vvalutat, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, jekk kienx ikun hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ jekk il-miżuri ta’ kontra jitħallew jiskadu.

(144)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn kwalunkwe parti fir-RPĊ, il-Kummissjoni bbażat fuq l-informazzjoni disponibbli fil-fajl. Hija eżaminat il-volumi tal-produzzjoni u l-kapaċitajiet ta’ riżerva fir-RPĊ, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-impatt possibbli tal-iżvilupp tal-prezz tal-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi kif ukoll l-impatt ta’ tali żvilupp fuq il-volumi tal-bejgħ, il-prezzijiet u l-profitabbiltà tal-industrija tal-Unjoni.

7.1.   Il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fir-RPĊ

(145)

Kif diġà spjegat fil-premessi (78) sa (80) hawn fuq, hemm disponibbli kapaċitajiet ta’ riżerva sinifikanti fir-RPĊ. Ir-RPĊ hija l-akbar produttur tal-mandolin frisk fid-dinja, u l-produtturi esportaturi tagħha huma kapaċi jfornu lil swieq li huma diversi drabi d-daqs tal-Unjoni. Dawn il-produtturi għandhom orjentazzjoni qawwija u inċentiv biex ibigħu l-prodotti tagħhom f’volumi kbar fis-swieq tal-esportazzjoni. Il-passat reċenti juri wkoll li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jistgħu jadattaw malajr għall-provvista tas-suq tal-Unjoni b’importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Ta’ min ifakkar li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-RPĊ żdiedu b’mod esponenzjali wara l-annullament tar-Regolament (ke) Nru 1355/2008 f’Marzu 2012 (ara l-premessa (3)).

7.2.   Impatt tad-dumping Ċiniż fuq l-industrija tal-Unjoni

(146)

Rigward il-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjoni, l-investigazzjoni wriet li f’każ ta’ tħassir tal-miżuri fis-seħħ u li kieku wieħed kellu jassumi li l-prezz tal-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat u l-prezz tal-industrija tal-Unjoni jibqgħu l-istess bħalma kienu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-prezzijiet tal-importazzjoni kienu jispiċċaw iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’[9 - 11] %(kull tip ta’ prodott ikkonċernat). Minħabba f’hekk, hemm il-probabbiltà li l-industrija tal-Unjoni titlef mill-volum tal-bejgħ kif ukoll mis-sehem mis-suq fis-suq tal-Unjoni.

(147)

Il-Kummissjoni wettqet simulazzjoni biex tivvaluta l-impatt probabbli ta’ żieda fil-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq l-industrija tal-Unjoni. Hekk kif il-bejgħ u l-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni jonqsu b’6 200 tunnellata b’riżultat ta’ żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi tal-mandolin fil-laned, il-kost unitarju tal-produzzjoni jiżdied b’7,1 %, li jiddeterjora s-sitwazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni u jwassalhom biex joperaw b’telf. Din iż-żieda fil-volum tista’ tinkiseb faċilment mill-produtturi esportaturi Ċiniżi minħabba l-kapaċità ta’ riżerva kbira tagħhom, kif stabbilit fit-Taqsima 4.1 hawn fuq.

(148)

Minħabba li 95 % tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi minbarra r-RPĊ jiġu mit-Turkija, ma jistax jiġi eskluż li l-mandolin fil-laned Ċiniż li huwa l-oġġett ta’ dumping jista’ jissostitwixxi parti minn dawn il-volumi ta’ importazzjoni. Fl-istess waqt, il-prezz medju tal-bejgħ ta’ importazzjonijiet mit-Turkija lejn l-Unjoni huwa inqas mill-prezz medju tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, li jfisser li jekk il-mandolin fil-laned Ċiniż oġġett ta’ dumping jiżdied fis-suq tal-Unjoni, x’aktarx li l-ewwel iżid is-sehem mis-suq għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni, qabel ma jieħu s-sehem mis-suq tal-esportazzjonijiet mill-produtturi Torok lejn l-Unjoni. Madankollu, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kapaċità ta’ riżerva tal-produtturi Ċiniżi huma jistgħu faċilment jaqbżu kemm is-sehem mis-suq tal-pajjiż terzi l-oħra (inkluż it-Turkija) u l-produtturi tal-Unjoni.

7.3.   Attraenza tas-suq tal-Unjoni

(149)

Huwa ċar li d-daqs tas-suq tal-Unjoni – li huwa r-raba’ l-akbar fid-dinja – huwa fattur importanti li jikkontribwixxi għall-attraenza tiegħu. Barra minn hekk, il-fatt li l-importazzjonijiet mir-RPĊ komplew minkejja l-miżuri fis-seħħ juri li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jsibu li s-suq tal-Unjoni huwa attraenti u huma ħerqana li jkomplu jbigħu fih. Barra minn hekk, kif ġie osservat wara l-annullament tar-Regolament (KE) Nru 1355/2008 f’Marzu 2012, hemm inċentiv għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li jmexxu l-esportazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra lejn is-suq tal-Unjoni fejn il-prezzijiet huma ogħla, f’każ li l-miżuri fis-seħħ jitħassru. Inċentivi addizzjonali jirriżultaw minn restrizzjonijiet kummerċjali fi swieq oħra, b’mod partikolari t-tariffi ta’ 25 % imposti mill-Istati Uniti mill-24 ta’ Settembru 2018 (41), li jistgħu jirridirezzjonaw l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni.

7.4.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu

(150)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, hemm probabbiltà kbira li l-iskadenza tal-miżuri tkun tirriżulta fi pressjoni immedjata u drastika fuq il-prezzijiet mir-RPĊ, appoġġata minn ħażniet u kapaċitajiet sinifikanti disponibbli. Dan iġiegħel lill-industrija tal-Unjoni tnaqqas il-prezzijiet jew il-volumi tagħha. Jekk l-industrija tnaqqas il-prezzijiet tagħha, tara l-profitti tagħha jinbidlu f’telf fuq medda qasira ta’ żmien. Jekk l-industrija titlef il-volumi tal-bejgħ, il-kostijiet unitarji tagħha jiżdiedu u l-profittabbiltà tonqos ulterjorment. Fuq perjodu ta’ żmien twil, l-industrija tal-Unjoni jkollha tadatta (tnaqqas) il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha.

(151)

Minħabba s-sitwazzjoni relattivament fraġli tal-industrija tal-Unjoni kif spjegat fil-premessi (126)-(129) hawn fuq, flimkien maż-żieda fil-volumi kurrenti tal-importazzjonijiet Ċiniżi li huma l-oġġett ta’ dumping b’rata għolja, x’aktarx li dawn ikollhom impatt dannuż fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni, li jwassal għal deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tħassir tal-miżuri x’aktarx li jirriżulta fil-kontinwazzjoni tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni.

8.   INTERESS TAL-UNJONI

(152)

F’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping eżistenti tmurx kontra l-interess tal-Unjoni kollha kemm hi. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq evalwazzjoni tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

8.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(153)

Kif ġie konkluż fit-Taqsima 4 hawn fuq, l-industrija tal-Unjoni qiegħda ġġarrab dannu materjali. Kif ġie konkluż fit-Taqsima 5, tħassir tal-miżuri iwassal għal influss ġdid ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina li malajr jirriżulta f’deterjorament rapidu u ulterjuri tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, li diġà hija fraġli. Għalhekk, il-kontinwazzjoni tal-miżuri tibbenefika lill-industrija tal-Unjoni minħabba li l-produtturi tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu kapaċi jżommu l-volumi tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tagħha, u jtejbu l-profittabilità u s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali tagħha. B’kuntrast, il-waqfien tal-miżuri jista’ jhedded serjament il-vijabbiltà tal-industrija tal-Unjoni peress li hemm raġunijiet biex wieħed jistenna bidla fl-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn is-suq tal-Unjoni bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u f’volumi konsiderevoli li jwasslu għal kontinwazzjoni tad-dannu.

8.2.   Interess ta’ importaturi mhux relatati

(154)

L-ebda importatur ma kkoopera fl-investigazzjoni.

(155)

Abbażi ta’ dan, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li ż-żamma tal-miżuri kien se jkollha impatt negattiv sinifikanti fuq l-importaturi li jegħleb l-impatt pożittiv tal-miżuri fuq l-industrija tal-Unjoni.

8.3.   Interess tal-utenti

(156)

L-utenti ma kkooperawx mal-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tanalizza l-impatt tal-miżuri eżistenti fuq is-sitwazzjoni tagħhom.

(157)

Abbażi ta’ dan, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li ż-żamma tal-miżuri kien se jkollha impatt negattiv sinifikanti fuq l-utenti li jegħleb l-impatt pożittiv tal-miżuri fuq l-industrija tal-Unjoni.

8.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(158)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti għall-interess tal-Unjoni kontra ż-żamma tal-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-mandolin fil-laned li joriġinaw mir-RPĊ.

9.   MIŻURI ANTI-DUMPING

(159)

Abbażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping, il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dannu u l-interess tal-Unjoni, il-miżuri anti-dumping fuq il-mandolin fil-laned mir-RPĊ jenħtieġ li jinżammu.

(160)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza kbira fir-rati ta’ dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji bid-dazji anti-dumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn din il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”.

(161)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, din mhijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jridu jwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jistgħu jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport bil-baħar, eċċ.) biex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata aktar baxxa tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(162)

Jekk l-esportazzjonijiet mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati aktar baxxi ta’ dazju individwali jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-kontinwazzjoni tal-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, żieda bħal din fil-volum tista’ titqies bћala waħda li tikkostitwixxi fiha nnifisha bidla fix-xejra tal-kummerċ dovuta għall-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’ċirkostanzi bħal dawn u dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tista’ tinbeda investigazzjoni antiċirkomvenzjoni. Din l-investigazzjoni, fost l-oħrajn, tista’ teżamina l-bżonn tat-tneħħija tar-rata individwali ta’ dazju u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju applikabbli għall-pajjiż kollu.

(163)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (42). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, se jiġi ppubblikat Regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(164)

Fit-13 ta’ Lulju 2026, il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kienet beħsiebha żżomm id-dazji anti-dumping fis-seħħ. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni.

(165)

Iż-żewġ produtturi tal-Unjoni msemmija fil-premessa (12) ippreżentaw il-qbil tagħhom mad-determinazzjoni tal-Kummissjoni. Ma waslux aktar kummenti.

(166)

Bil-ħsieb tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43) meta jkollu jiġi rrimborżat ammont fid-dawl ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-imgħax li għandu jitħallas ikun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(167)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ mandolin ippreparat jew ippreżervat (inkluż tanġerini u satsumas); klementini, wilkings u ibridi oħrajn simili taċ-ċitru, li ma għandux spirtu miżjud miegħu, kemm jekk fih zokkor jew materja ta’ ħlewwa oħra kif ukoll jekk le, u kif definit bħalissa fl-intestatura HS 2008 , li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 2008 30 55 , 2008 30 75 u ex 2008 30 90 (il-kodiċijiet TARIC 2008 30 90 61, 2008 30 90 63, 2008 30 90 65, 2008 30 90 67 u 2008 30 90 69) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġej.

Kumpanija

EUR/Tunnellata ta’ piż nett tal-prodott

Kodiċi addizzjonali TARIC

Yichang Rosen Foods Co., Ltd, Yichang, Zhejiang

531,2

A886

Zhejiang Taizhou Yiguan Food Co. Ltd, Huangyan, Zhejiang

361,4

A887

Hubei Xinshiji Foods Co., Ltd, Dangyang City, Hubei Province

489,7

A888

Zhejiang Juzhou Foods Co., Ltd, Sanmen, Zhejiang

499,9

C528

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun kif imniżżel fl-Anness

499,6

A889

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

531,2

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rata tad-dazju individwali speċifikata għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u bil-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jiena, is-sottoskritt, niċċertifika li (l-volum) ta’ [il-prodott ikkonċernat] mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn [l-isem u l-indirizz tal-kumpanija] [il-kodiċi addizzjonali TARIC] fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jiena niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u korretta.” Jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda fattura bħal din, għandha tapplika r-rata ta’ dazju applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”.

Artikolu 2

1.   F’każijiet fejn l-oġġetti jkunu ġarrbu dannu qabel ma jkunu daħlu fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u, għalhekk, il-prezz li jkun tħallas realment jew li għandu jitħallas huwa aġġustat għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 132 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (44), l-ammont tad-dazju anti-dumping, maħdum abbażi tal-Artikolu 1 hawn fuq, jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi mal-aġġustament tal-prezz imħallas realment jew li għandu jitħallas.

2.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 3

L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat billi jiżdied produttur esportatur ġdid mal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u għalhekk soġġetti għar-rata tad-dazju medja peżata ta’ 499,6 EUR/tunnellata ta’ piż nett tal-prodott fejn kull produttur esportatur ġdid fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li huwa:

(a)

ma esportax lejn l-Unjoni l-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali (mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007);

(b)

ma huwa relatat mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma soġġetti għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; u

(c)

jew effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1355/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1355/oj).

(3)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Marzu 2012, GLS, C-338/10, ECLI:EU:C:2012:158.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 158/2013 tat-18 ta’ Frar 2013 li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 49, 22.2.2013, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/158/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1313/2014 tal-10 ta’ Diċembru 2014 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreservat (jiġifieri mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 354, 11.12.2014, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1313/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1534 tal-21 ta’ Ottubru 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (jiġifieri mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 351, 22.10.2020, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1534/oj).

(7)   ĠU C, C/2025/862, 3.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/862/oj.

(8)  Rettifika (ĠU C, C/2025/90108, 12.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5628/corrigendum/2025-12-12/oj) għan-Notifika tal-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (jiġifieri mandolin, eċċ) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2025/5628, 21.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5628/oj).

(9)   https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2816.

(10)   https://www.tuik.gov.tr/Home/Index.

(11)   https://login.bvdinfo.com/R1/Orbis.

(12)   http://www.gtis.com/gta/secure/default.cfm.

(13)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-finijiet ta’ Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, l-10 ta’ April 2024, SWD (2024) 91 final. Paġna 13 tat-Talba.

(14)  Paġna 14 tat-Talba.

(15)  Paġni 14-15 tat-Talba.

(16)  Paġni 15-21 tat-Talba.

(17)  Paġna 16 tat-Talba.

(18)  Paġni 29-30 tat-Talba.

(19)  Paġni 31-34 tat-Talba.

(20)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1534.

(21)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1534, il-premessi 68 sa 70.

(22)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE)2020/1534, il-premessi 71 sa 76.

(23)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1534, il-premessi 84 sa 89.

(24)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1534, il-premessi 90 sa 94.

(25)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1534, il-premessi 95 sa 106.

(26)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-finijiet ta’ Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, l-10 ta’ April 2024, SWD (2024) 91 final.

(27)  World Bank Open Data – Upper Middle Income, https://data.worldbank.org/income-level/upper-middle-income.

(28)  Jekk ma jkun hemm l-ebda produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fi kwalunkwe pajjiż li jkollu livell simili ta’ żvilupp, tista’ titqies il-produzzjoni ta’ prodott fl-istess kategorija ġenerali u/jew settur tal-prodott taħt rieżami.

(29)   http://www.gtis.com/gta/secure/default.cfm.

(30)   https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/nrg_pc_205/default/table?lang=en.

(31)   TÜİK - Veri Portalı (tuik.gov.tr).

(32)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/755/oj).

(33)  Il-“manifattura ta’ prodotti tal-ikel” skont il-kodiċi NACE C.10 tinkludi l-“ipproċessar u preservazzjoni oħra ta’ frott u ħxejjex” skont il-kodiċi NACE C.10.39. Għal aktar informazzjoni dwar in-NACE, ara “NACE Rev. 2 – Klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi”, Eurostat; disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-manuals-andguidelines/-/KS-RA-07-015 (estrazzjoni li saret f’Jannar 2026).

(34)  Sabiex tikkalkula l-prezz medju matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-Kummissjoni kkalkulat il-prezz medju ta’ unità (EUR/kWh) għat-tieni nofs tal-2024 u għall-ewwel nofs tal-2025, ikkonvertit f’CNY. L-estrazzjoni mill-Eurostat inkisbet fis-16 ta’ Jannar 2026 permezz tal-ħolqa li ġejja: https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/nrg_pc_205/default/table?lang=en.

(35)   TÜİK Kurumsal (ikkonsultat l-aħħar fis-16 ta’ Jannar 2026).

(36)  Dikjarazzjoni finanzjarja konsolidata u r-rapport tal-awditur indipendenti tas-sena 2023, https://www.frigo-pak.com.tr/

(37)  Ikkalkolata abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-grupp ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi li pparteċipaw fl-investigazzjoni ta’ rieżami ta’ skadenza preċedenti, u stmata fil-livell tal-industrija Ċiniża totali.

(38)  Skont data minn S&P Global Market Intelligence dwar l-esportazzjonijiet ta’ frott taċ-ċitru ppreparat/ippreżervat (kodiċijiet tal-linja tariffarja 2008 30 10 u 2008 30 90 ) mir-RPĊ fis-sena tal-manifattura 2024, id-destinazzjonijiet ewlenin tal-esportazzjoni għall-produtturi Ċiniżi huma l-Istati Uniti, il-Ġappun, l-Indoneżja u l-UE. Il-prezz medju ta’ unità fis-sena ta’ manifattura tal-2024 kien: (i) EUR1,13 għal kull kg għall-esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti, (ii) EUR1,21 għal kull kg għall-esportazzjonijiet lejn l-UE, u (iii) EUR4,12 għal kull kg għall-esportazzjonijiet lejn il-Ġappun – www.spglobal.com/en (l-aħħar konsultazzjoni f’Mejju 2026).

(39)  Taqsima 301 tariffa: 25 % (ad valorem – perċentwal tal-valur tal-merkanzija).

(40)  Il-bażi tad-data telenka aktar minn 112-il destinazzjoni tal-esportazzjoni.

(41)  Ara: Taqsima 301 Iċ-Ċina – Miżuri tariffarji u proċess ta’ esklużjoni disponibbli: https://ustr.gov/issue-areas/enforcement/section-301-investigations/search (fittex bis-subintestatura HTS bit-8 ċifri: 2008 30 55 ). L-aħħar żjara li saret għal din il-paġna kien fit-8 ta’ Lulju 2026.

(42)  Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u s-Sigurtà Ekonomika, Direttorat G, Rue de la Loi/Wetstraat 170, 1040 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/ BELGIË.

(43)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

(44)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj).


ANNESS

Produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

Hunan Pointer Foods Co., Ltd., Yongzhou, Hunan

Ningbo Pointer Canned Foods Co., Ltd., Xiangshan, Ningbo

Yichang Jiayuan Foodstuffs Co., Ltd., Yichang, Hubei

Ninghai Dongda Foodstuff Co., Ltd., Ningbo, Zhejiang

Huangyan No.2 Canned Food Factory, Huangyan, Zhejiang

Zhejiang Fomdas Foods Co., Ltd., Xinchang, Zhejiang

Toyoshima Share Yidu Foods Co., Ltd., Yidu, Hubei

Guangxi Guiguo Food Co., Ltd., Guilin, Guangxi

Zhejiang Juda Industry Co., Ltd., Quzhou, Zhejiang

Zhejiang Iceman Group Co., Ltd., Jinhua, Zhejiang

Ningbo Guosheng Foods Co., Ltd., Ninghai

Yi Chang Yin He Food Co., Ltd., Yidu, Hubei

Yongzhou Quanhui Canned Food Co., Ltd., Yongzhou, Hunan

Ningbo Orient Jiuzhou Food Trade & Industry Co., Ltd., Yinzhou, Ningbo

Guangxi Guilin Huangguan Food Co., Ltd., Guilin, Guangxi

Ningbo Wuzhouxing Group Co., Ltd., Mingzhou, Ningbo


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2327/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)