17.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/53


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/970

tas-16 ta’ Ġunju 2021

li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti molol tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġett għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-notifika ta’ bidu”), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti molol tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-proċediment anti-dumping”), wara lment imressaq fis-6 ta’ Novembru 2020 mill-European Industrial Fasteners Institute (“EIFI” jew “l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-molol tal-ħadid jew tal-azzar.

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(2)

Il-prodott soġġett għal reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa ċerti molol tal-ħadid jew tal-azzar, għajr tal-azzar inossidabbli, jiġifieri viti tal-injam (esklużi coach screws), viti self-tapping, viti oħrajn u boltijiet bl-irjus (bl-iskorfina jew bil-woxers tagħhom jew mingħajrhom, iżda esklużi viti u boltijiet għat-twaħħil ta’ materjal għall-bini ta’ binarji tal-ferrovija) u woxers, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”). Il-prodott bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċijiet NM 7318 12 90, 7318 14 91, 7318 14 99, 7318 15 58, 7318 15 68, 7318 15 82, 7318 15 88, ex 7318 15 95 (kodiċijiet TARIC 7318159519 u 7318159589), ex 7318 21 00 (kodiċijiet TARIC 7318210031, 7318210039, 7318210095 u 7318210098) u ex 7318 22 00 (kodiċijiet TARIC 7318220031, 7318220039, 7318220095 u 7318220098). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss.

2.   TALBA

(3)

Fit-22 ta’ Jannar 2021, l-ilmentatur ippreżenta talba għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri b’mod retroattiv kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ tali reġistrazzjoni, dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament bażiku.

(4)

Fil-11 ta’ Marzu 2021, l-ilmentatur ipprovda statistika aġġornata dwar l-importazzjoni insostenn tat-talba tiegħu għar-reġistrazzjoni.

(5)

Żewġ importaturi/distributuri tal-molol (Roth Blaas Srl u Eurotec GmbH) u assoċjazzjoni li tirrappreżenta d-distributuri tal-molol (European Fasteners Distributor Association jew “l-EFDA”), ippreżentaw kummenti b’reazzjoni għat-talba. L-EFDA talbet seduta ta’ smigħ li saret fid-9 ta’ Marzu 2021. Roth Blaas Srl u Eurotec GmbH ukoll talbu seduta ta’ smigħ, li saret fil-11 ta’ Mejju 2021.

3.   RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(6)

F’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’ tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jieħdu l-passi xierqa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ din ir-reġistrazzjoni, dment li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament bażiku jkunu ssodisfati. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni.

(7)

Abbażi tal-istatistika disponibbli, l-ilmentatur allega li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet fil-perjodu ta’ wara l-perjodu ta’ investigazzjoni (minn Lulju 2019 sa Ġunju 2020) (il-“PI”) tal-investigazzjoni attwali, u dik iż-żieda x’aktarx kienet se timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazji definittivi potenzjali. Barra minn hekk, l-ilmentatur argumenta li anki fid-dawl tal-istorja tad-dumping fuq il-prodott ikkonċernat (3), l-importaturi kienu, jew kellhom ikunu, konxji tal-prattiki tad-dumping mill-pajjiżi kkonċernati.

(8)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talba fid-dawl tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni vverifikat jekk l-importaturi kinux konxji, jew jekk kellhomx ikunu konxji, tad-dumping fir-rigward tal-livell tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub. Analizzat ukoll jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta’ meta seħħet u l-volum u ċirkostanzi oħra, x’aktarx imminat serjament l-effett ta’ rimedju tad-dazju anti-dumping definittiv li għandu jiġi applikat.

3.1.   Għarfien tal-importaturi dwar id-dumping, il-livell tiegħu u d-dannu allegat jew storja tad-dumping

(9)

F’dan l-istadju l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina huma l-oġġett ta’ dumping. L-ilment ipprovda provi biżżejjed ta’ dumping, abbażi ta’ tqabbil tal-valur normali mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Kumplessivament, u meta titqies il-portata tal-marġnijiet ta’ dumping allegat li jvarjaw minn 126 % sa 270 %, din l-evidenza pprovdiet biżżejjed indikazzjoni li l-produtturi esportaturi qed iwettqu dumping.

(10)

L-ilment ipprovda wkoll biżżejjed evidenza ta’ dannu allegat lill-industrija tal-Unjoni, inkluż l-iżvilupp negattiv ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(11)

Din l-informazzjoni kienet tinsab kemm fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment kif ukoll fin-Notifika ta’ bidu għal dan il-proċediment ippubblikata fil-21 ta’ Diċembru 2020 (4). Permezz tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, in-Notifika ta’ bidu hija dokument pubbliku aċċessibbli għall-importaturi kollha. Barra minn hekk, bħala partijiet interessati fl-investigazzjoni, l-importaturi għandhom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment u għall-fajl mhux kunfidenzjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li, fuq din il-bażi, l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji, tad-dumping u tal-portata tiegħu kif ukoll tad-dannu allegat.

(12)

Iż-żewġ importaturi msemmija fil-premessa (5) stqarrew li ma kienx hemm evidenza li l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji mill-portata tal-allegat dumping u dannu. Iż-żewġ importaturi sostnew b’mod partikolari li l-evidenza pprovduta mill-ilmentatur dwar id-dumping u d-dannu li rriżulta kienet limitata biss għal dik ipprovduta fl-ilment u li l-“għarfien” ikun jeħtieġ “għarfien pożittiv” tal-fatt li l-importazzjonijiet kienu l-oġġett ta’ dumping, tal-portata tad-dumping u tal-firxa tad-dannu kkawżat minn tali dumping. L-EFDA u l-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products, CCCME) iddikjaraw ukoll li m’hemmx prova li l-importaturi kienu konxji li kien qed jitħejja lment mill-EIFI, jew li kienet qed tinbeda investigazzjoni, u għalhekk ma kien hemm l-ebda prova li l-importaturi kienu jafu bid-dumping dannuż li kien qed iseħħ.

(13)

L-istess partijiet iddikjaraw li ma nstab l-ebda dumping, u indikaw li d-dumping dannuż stabbilit fl-2009 (5) nstab li ma kienx konformi mal-Ftehim dwar l-Anti-Dumping tad-WTO mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO (6).

(14)

Kif stabbilit fil-premessa (11), permezz tal-pubblikazzjoni tan-notifika ta’ bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-importaturi ġew konxji, jew tal-anqas kellhom ikunu konxji tad-dumping. In-Notifika ta’ Bidu hija dokument pubbliku aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha, inklużi l-importaturi. Barra minn hekk, bħala partijiet interessati, l-importaturi għandhom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment. Kuntrarjament għad-dikjarazzjoni ta’ dawn il-partijiet, fir-Regolament bażiku ma jeżistix ir-rekwiżit li jkun hemm “għarfien pożittiv” tad-dumping, u lanqas li jkun hemm prova li huma kienu jafu effettivament dwar is-sottomissjoni tal-ilment u/jew bil-bidu tal-investigazzjoni, għax l-Artikolu 10(4)(c) jgħid “jew kellhom ikunu konxji” biex ikunu koperti b’mod ċar is-sitwazzjonijiet fejn l-importaturi ma jkunux attwalment konxji imma kellhom ikunu konxji dwar id-dumping. Wara l-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ bidu, il-Kummissjoni tqis li l-importaturi kienu tabilħaqq fil-pożizzjoni li jkollhom għarfien pożittiv dwar l-evidenza disponibbli b’rabta mad-dumping dannuż, jew tal-inqas kellhom ikunu konxji dwar tali evidenza. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew irrifjutati.

(15)

Barra minn hekk, b’kuntrarju għal dak li ġie ssuġġerit mill-partijiet interessati kkonċernati, l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku ma jeħtieġx li fil-passat il-Kummissjoni tkun ikkonstatat b’mod pożittiv li jeżisti dumping dannuż. Huwa suffiċjenti li l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji, tad-dumping, il-portata tiegħu u d-dannu allegat. Dan kien tabilħaqq il-każ fl-investigazzjoni preżenti kif deskritt fil-premessa (14). Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(16)

Fir-rigward tal-istorja tad-dumping, peress li l-Kummissjoni tqis li r-rekwiżit ta’ għarfien tad-dumping mill-importaturi huwa ssodisfat, mhuwiex meħtieġ li jiġi analizzat jekk dan ir-rekwiżit li hemm storja ta’ dumping intlaħaqx, għax dan huwa rekwiżit alternattiv għal dak tal-għarfien skont l-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni hija bla bażi.

(17)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-kriterju għar-reġistrazzjoni huwa ssodisfat skont l-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku.

3.2.   Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet

(18)

Il-Kummissjoni analizzat dan il-kriterju fl-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tad-data statistika li tikkonċerna l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina, disponibbli fil-bażi tad-data Surveillance 2. Biex tivvaluta jekk kienx hemm żieda oħra sostanzjali minn meta nbdiet l-investigazzjoni, il-Kummissjoni l-ewwel iddefiniet il-perjodi li kellhom jitqabblu. Minn naħa, hija vvalutat id-data tal-importazzjonijiet miċ-Ċina wara l-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping (jiġifieri l-punt fiż-żmien minn meta l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji, dwar il-prattiki tad-dumping) sal-perjodu l-aktar reċenti disponibbli, jiġifieri l-perjodu bejn Jannar 2021 u April 2021. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset l-importazzjonijiet Ċiniżi għall-istess perjodu matul il-PI kif ukoll il-volumi medji tal-importazzjonijiet fix-xahar fil-perjodu sħiħ tal-PI.

(19)

It-tqabbil juri li l-volum medju tal-importazzjonijiet fix-xahar miċ-Ċina żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Volumi ta’ importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati (f’tunnellati)

Volumi ta’ importazzjoni (medja fix-xahar)

Perjodu ta’ investigazzjoni (Lulju 2019 – Ġunju 2020)

Jannar–April 2020

Jannar–April 2021

Delta

Jannar–April 2021 vs Perjodu ta’ investigazzjoni

Jannar–April 2021 vs Jannar–April 2020

Iċ-Ċina

20 040

18 583

26 528

+ 32 %

+ 43 %

Sors: bażi tad-data Surveillance 2.

(20)

Abbażi ta’ din id-data statistika, il-Kummissjoni sabet li l-volum medju ta’ importazzjonijiet fix-xahar tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina fil-perjodu minn Jannar 2021 sa Marzu 2021, jiġifieri wara l-bidu tal-investigazzjoni ta’ anti-dumping, kien 32 % ogħla mill-volum medju ta’ importazzjonijiet fix-xahar matul il-PI u 43 % ogħla milli matul l-istess perjodu tas-sena preċedenti.

(21)

L-EFDA qalet li ma kienx hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet, waqt li ġibdet l-attenzjoni għall-ilment li wera tnaqqis fl-importazzjonijiet miċ-Ċina bejn l-2019 u l-PI u b’dikjarazzjoni li kwalunkwe żieda wara l-PI hija biss rifless tal-flussi kummerċjali storiċi u kwalunkwe żieda fl-2020 tirrifletti biss l-irkupru tas-suq wara l-istaġnar minħabba l-pandemija tal-COVID-19. L-EFDA qalet ukoll li minħabba n-nuqqas ta’ provvista ta’ molol standard fl-Unjoni, l-importaturi kienu mġiegħla jimportaw dawn il-prodotti miċ-Ċina bħala l-uniku sors vijabbli ta’ provvista. Huma żiedu li peress li l-industrija tal-Unjoni stess importat molol standard, din ikkawżaw iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-inqas parzjalment hija stess. Fl-aħħar nett, l-EFDA argumentat li l-importazzjonijiet Ċiniżi ħadu sempliċiment post l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra.

(22)

B’mod simili, is-CCCME argumentat li ma kien hemm l-ebda żieda fl-importazzjonijiet bejn l-2019 u l-PI u ddikjarat li għalkemm kien hemm żieda fl-importazzjonijiet bejn l-2019 u l-2020, din iż-żieda ma tistax titqies bħala sostanzjali, b’mod partikolari meta wieħed iqis li l-importazzjonijiet globali (miċ-Ċina u minn pajjiżi terzi oħra) naqsu matul dan il-perjodu. Is-CCCME ddikjarat ukoll li d-data pprovduta mill-ilmentatur fit-talba tiegħu għar-reġistrazzjoni ma kinitx rappreżentattiva, billi kienet tikkonċerna kunsinni li kienu diġà ordnati u mibgħuta qabel tmiem il-PI u qabel il-bidu tal-investigazzjoni. Is-CCCME allegat ukoll li l-industrija tal-Unjoni kienet mill-inqas ikkawżat parzjalment iż-żieda fl-importazzjonijiet hija stess.

(23)

Iż-żewġ importaturi msemmija hawn fuq iddikjaraw li ż-żieda fl-importazzjonijiet ma kinitx sinifikanti u fi kwalunkwe każ kienet ġustifikata b’żieda fid-domanda għall-molol wara staġnar fis-suq tal-Unjoni fl-ewwel nofs tal-2020 minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Huma sostnew ukoll li minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kien hemm tnaqqis fl-offerti tal-merkanzija u l-ispazju disponibbli ta’ kontenituri, li wassal għal żieda sinifikanti fil-kostijiet tal-merkanzija. Dan wassal biex il-konsenji miċ-Ċina saru aktar diffiċli u l-kumulazzjoni ta’ riżerva ma kinitx għażla vijabbli.

(24)

L-EFDA affermat li ma kienx hemm kumulazzjoni ta’ riżerva fl-Unjoni; għall-kuntrarju, il-membri tal-EFDA fil-fatt kien qed ikollhom diffikultà biex jissodisfaw id-domanda tal-klijenti tagħhom fl-Unjoni minħabba s-sitwazzjoni diffiċli tal-provvista deskritta aktar fil-premessa (44).

(25)

Kif stabbilit fil-premessa (18), il-Kummissjoni qieset li sabiex tiġi vvalutata żieda fl-importazzjonijiet, il-perjodu wara l-bidu tal-investigazzjoni attwali (Jannar 2021 sa Marzu 2021) jenħtieġ li jittieħed bħala referenza biss mill-perjodu minn meta l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji, dwar id-dumping. Kif muri fit-Tabella 1 ta’ hawn fuq, it-tqabbil tax-xejra tal-importazzjoni fit-tliet xhur wara l-bidu mal-istess perjodu fil-PI minn naħa waħda u mal-medja ta’ kull xahar matul il-PI min-naħa l-oħra, juri biċ-ċar żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet ta’ aktar minn 30 % f’kull każ.

(26)

L-argument li jikkonċerna d-domanda tal-Unjoni għall-prodott ikkonċernat bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 mhuwiex direttament rilevanti biex jiġi vvalutat jekk seħħitx żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku, li huwa kriterju oġġettiv u ma jeħtieġx valutazzjoni tar-raġunijiet għal din iż-żieda. Fi kwalunkwe każ, anki li kieku dan l-argument kien rilevanti, il-Kummissjoni tinnota li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina wkoll żdiedu b’35 % wara l-bidu (Jannar sa Marzu 2021) meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019 (qabel il-pandemija). Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ l-istatistika disponibbli ma tikkonfermax l-allegazzjonijiet li saru li ż-żieda fl-importazzjonijiet tirrappreżenta biss l-irkupru tal-istaġnar preċedenti fis-suq tal-Unjoni. Iż-żieda fl-importazzjonijiet tidher bl-istess mod meta jsir tqabbil mal-volum tal-importazzjonijiet matul l-ewwel tliet xhur tal-2019, jiġifieri meta s-suq ma kienx affettwat mill-pandemija.

(27)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-argument rigward is-sitwazzjoni tal-provvista fl-Unjoni, dan ukoll huwa kunsiderazzjoni mhux direttament rilevanti fil-kuntest tal-kriterju oġġettiv li jikkonċerna ż-żieda fl-importazzjonijiet fil-qafas tal-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet. Dawn it-tipi ta’ kunsiderazzjonijiet jistgħu jkunu rilevanti u jiġu vvalutati fil-kuntest tal-interess tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, dan l-argument kien irrelevanti u ma kellux għalfejn jiġi indirizzat f’dan il-kuntest.

(28)

Fir-rigward tal-argument li l-kumulazzjoni ta’ riżerva ma tkunx għażla vijabbli minħabba ż-żieda fil-kost tat-trasport, din id-dikjarazzjoni mhijiex appoġġata mill-istatistika tal-importazzjoni, li turi b’mod ċar żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet fl-ewwel tliet xhur wara l-bidu tal-investigazzjoni, kif muri hawn fuq fit-Tabella 1. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument ma jkollu l-ebda effett fuq ir-rekwiżit ta’ żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet, li hija kriterju oġġettiv. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ma ntlaqgħetx.

(29)

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tieni kriterju għar-reġistrazzjoni kien issodisfat ukoll.

3.3.   Imminar tal-effett rimedjali tad-dazju

(30)

Il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li żieda kontinwa fl-importazzjonijiet miċ-Ċina, anki fid-dawl taż-żmien u tal-volum tagħhom kif ukoll minħabba ċirkostanzi oħra, tikkawża dannu addizzjonali u b’hekk dan aktarx li jimmina b’mod serju l-effetti rimedjali ta’ dazji anti-dumping definittivi possibbli.

(31)

Kif stabbilit fil-premessi (18) sa (29), hemm biżżejjed evidenza ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet globali tal-prodott ikkonċernat fil-perjodu wara l-bidu tal-investigazzjoni. Id-dimensjoni sostanzjali ta’ din iż-żieda diġà tindika lejn il-probabbiltà li jkun imminat l-effett rimedjali ta’ dazju definittiv jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet legali.

(32)

Skont il-bażi tad-data Surveillance 2, il-prezz medju tal-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat żdied b’6,0 % meta jsir tqabbil tal-perjodu minn Jannar 2021 sa April 2021 għall-istess perjodu fis-sena preċedenti u żdied b’7,3 % meta mqabbel mal-medja fix-xahar fil-perjodu ta’ investigazzjoni, kif ġie rifless fit-Tabella 2 hawn taħt.

Tabella 2

Prezzijiet tal-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat (EUR/tunnellata)

Prezz medju tal-importazzjonijiet

Perjodu ta’ investigazzjoni (Lulju 2019 – Ġunju 2020)

Jannar–April 2020

Jannar–April 2021

Żieda fil-prezz (%) Jannar–April 2021 vs Perjodu ta’ investigazzjoni

Żieda fil-prezz (%) Jannar–April 2021 vs Jannar 2020–April 2020

Iċ-Ċina

1 484

1 465

1 573

6,0 %

7,3 %

(33)

Madankollu, din iż-żieda fil-prezz trid titqies fil-kuntest ta’ żieda ta’ kemm il-materja prima ewlenija tal-prodott ikkonċernat kif ukoll tal-kostijiet internazzjonali tat-trasport, li t-tnejn jibdew mit-tieni nofs tal-2020 kif spjegat hawn taħt.

(34)

F’dak li jirrigwarda l-materja prima, il-prodott ikkonċernat huwa magħmul l-aktar mill-azzar, speċifikament il-kojls illaminati bis-sħana. Skont l-informazzjoni disponibbli f’dan l-istadju, l-azzar jirrappreżenta madwar 70 % tal-kost totali għall-manifattura tal-molol. Bejn April 2020 u April 2021 il-prezz tal-azzar żdied globalment b’aktar minn 50 % fis-swieq ewlenin kollha (7). Iċ-Ċina mhijiex eċċezzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet tal-kojls illaminati bis-sħana bejn April 2021 u April 2020 hija 74 % (8). Fl-ewwel tliet xhur tal-2021, iż-żieda fil-prezz tal-prodott ikkonċernat importat miċ-Ċina (jiġifieri 6,1 % meta mqabbel mal-istess perjodu ta’ 2020 jew 4,9 % meta mqabbel mal-valur medju ta’ kull xahar fil-PI) hija ferm aktar baxxa miż-żieda globali fil-kost tal-materja prima ewlenija, jiġifieri l-kojls illaminati bis-sħana (74 %). Għaldaqstant, meta meqjusa f’dan il-kuntest, iż-żieda fil-prezz hija fil-biċċa l-kbira insuffiċjenti biex tirkupra ż-żieda enormi fil-prezz tal-materja prima, li jindika tnaqqis sinifikanti fil-prezz u għalhekk x’aktarx li jimmina sostanzjalment l-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping definittiv possibbli.

(35)

B’rabta mal-merkanzija, il-partijiet interessati ddikjaraw li fit-tieni nofs tal-2020 il-kostijiet globali tat-tbaħħir, u b’mod partikolari dawk bejn l-Asja u l-Ewropa, saru għaljin b’mod eċċezzjonali. L-evidenza ta’ din iż-żieda, li spiss laħqet il-150 %, hija disponibbli pubblikament (9). Il-kostijiet tal-ġarr tal-merkanzija jammontaw għal madwar 3 % tal-prezz tal-fattura lejn l-Ewropa, skont tweġibiet mhux verifikati tal-produtturi esportaturi fil-kampjun. Dan jissuġġerixxi li aktar minn nofs iż-żieda fil-prezz osservata fil-prezz tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat tkun diġà spjegata mill-evoluzzjoni tal-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija. Dan il-fattur l-ieħor jissuġġerixxi li l-prezz tal-prodott ikkonċernat effettivament naqas, billi l-impatt tal-ġarr huwa għall-benefiċċju tal-fornitur tas-servizzi tat-trasport marittimu u huwa wkoll lil hinn mis-setgħa tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi.

(36)

Barra minn hekk, iż-żieda fil-prezz seħħet f’kuntest fejn l-evidenza prima facie wriet marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz li jvarja bejn 27 % u 72 % u marġni tal-bejgħ bil-prezz imwaqqa’ li jvarja bejn 41 % u 251 %. Għaldaqstant, il-livell tal-prezz tal-importazzjoni baqa’ f’livell dannuż b’mod sinifikanti u saħansitra naqas f’termini relattivi, fid-dawl taż-żieda fil-kost globali tal-azzar u tat-trasport.

(37)

Il-volumi ta’ importazzjoni addizzjonali sinifikanti rreġistrati wara l-bidu tal-investigazzjoni wisq probabbli jwasslu għal żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi.

(38)

Iż-żewġ importaturi msemmija hawn fuq, l-EFDA u s-CCCME ddikjaraw li huwa dubjuż li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali u li dan id-dannu hu kkawżat mill-importazzjonijiet Ċiniżi. Iż-żewġ importaturi affermaw li ma kienx hemm evidenza ta’ dannu materjali fl-ilment. L-EFDA u s-CCCME rreferew għall-Qorti Ġenerali (10) u qalu li meta jiġi vvalutat jekk l-importazzjonijiet jimminawx serjament l-effett rimedjali tad-dazji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk l-industrija tal-Unjoni sofrietx dannu materjali, filwaqt li ma hemm l-ebda evidenza bħal din fl-ilment.

(39)

Is-CCCME argumentat ukoll li kwalunkwe żieda fl-importazzjonijiet ma setgħetx “timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazji”, billi l-industrija tal-Unjoni qed tipproduċi predominantement molol speċjali li ma kinux f’kompetizzjoni mal-importazzjonijiet miċ-Ċina u li huma predominantement molol standard.

(40)

Kif stabbilit fin-notifika ta’ bidu, fir-rigward ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Kummissjoni qieset li hemm biżżejjed evidenza prima facie fl-ilment li turi li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali mill-importazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat u għalhekk dawn l-argumenti ġew miċħuda.

(41)

Fir-rigward tal-affermazzjoni tas-CCCME li l-importazzjonijiet Ċiniżi ma kinux f’kompetizzjoni mal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, din ma kienet sostnuta minn ebda evidenza u tikkontradixxi l-evidenza prima facie mogħtija fl-ilment, li wriet żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina li ħabtet mad-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, kif stabbilit fin-notifika ta’ bidu. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(42)

Fuq il-bażi tal-punti ta’ hawn fuq il-Kummissjoni kkonkludiet li l-elementi kollha ta’ hawn fuq jindikaw il-fatt li ż-żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet miċ-Ċina wara l-bidu tal-investigazzjoni, anki fid-dawl taż-żmien, tal-volum kif ukoll ta’ ċirkostanzi oħra, x’aktarx li timmina b’mod serju l-effetti rimedjali tad-dazji anti-dumping definittivi possibbli. Għaldaqstant, dan il-kriterju fl-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku ġie ssodisfat ukoll.

3.4.   Argumenti oħrajn imressqin mill-partijiet interessati

(43)

Iż-żewġ importaturi msemmija hawn fuq iddikjaraw li jenħtieġ li l-evidenza meħtieġa għar-reġistrazzjoni tkun ta’ standard ogħla mill-evidenza meħtieġa għall-bidu, partikolarment minħabba applikazzjoni retroattiva potenzjali tad-dazji.

(44)

L-EFDA qalet li l-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi jkun kuntrarju għall-interess tal-Unjoni. Huma argumentaw li l-ewwel nett l-industrija tal-Unjoni ma tkunx kapaċi tforni molol standard u b’hekk dawn il-molol standard ikollhom jinġiebu miċ-Ċina. F’dan il-kuntest, l-EFDA ddikjarat li l-ksib ta’ molol miċ-Ċina sar aktar diffiċli minħabba ż-żmien twil tal-kunsinna, ir-rifjut tal-esportaturi Ċiniżi li jfornu molol qabel l-eżitu tal-investigazzjoni attwali, in-nuqqas ta’ kapaċità ta’ riżerva fiċ-Ċina, u n-nuqqas ta’ kontejners mill-Asja li ġie aggravat bl-imblukkar tal-Kanal ta’ Suez. L-EFDA ġibdet ukoll l-attenzjoni għal nuqqas ġenerali ta’ materja prima għall-produtturi tal-molol fl-Unjoni u għall-fatt li m’hemm l-ebda sors vijabbli ieħor ta’ provvista għajr iċ-Ċina. It-tieni, l-EFDA affermat li minħabba din is-sitwazzjoni ħażina ta’ provvista, ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet u l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji jkollhom effett detrimentali fuq l-industrija downstream u m’hemmx bżonn li d-dazji definittivi jinġabru b’mod retroattiv mid-data tar-reġistrazzjoni.

(45)

B’mod simili, is-CCCME ddikjarat li l-molol standard bilkemm huma disponibbli fl-Unjoni u li ma kien l-ebda sors vijabbli ieħor ta’ provvista għajr iċ-Ċina.

(46)

Fir-rigward tal-istandard tal-evidenza għar-reġistrazzjoni, il-Kummissjoni analizzat id-data statistika mill-bażi tad-data Surveillance 2 kif ukoll informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tagħha li wriet żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet bi prezzijiet li bi probabbiltà kbira huma dannużi. Din l-evidenza hija kompletament affidabbli u dawn il-partijiet ma ssostanzjawx kif din l-evidenza hija inaffidabbli jew liema evidenza aħjar hija disponibbli u ma ntużatx. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(47)

Rigward l-istandard tal-evidenza meħtieġ fil-kuntest tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq l-aħjar informazzjoni disponibbli f’dan l-istadju, inkluż l-ilment li wassal għall-bidu tal-investigazzjoni. Mhuwiex meħtieġ li jkun hemm sejbiet pożittivi f’dan ir-rigward, billi skont id-definizzjoni tagħhom dawn is-sejbiet qatt ma jistgħu jsiru qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Kull approċċ ieħor ineħħi kompletament l-effet utile tal-għodda ta’ reġistrazzjoni. Fir-rigward tal-argumenti l-oħra mressqa mill-EFDA, dawn jikkonċernaw jew il-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi u/jew l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-Kummissjoni tinnota li d-deċiżjoni li jiġu imposti miżuri proviżorji u sussegwentement id-deċiżjoni li possibbilment jinġabru d-dazji b’mod retroattiv fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament ta’ reġistrazzjoni se tittieħed biss fi stadju aktar tard fil-proċediment. Għalhekk, dawn l-argumenti huma meqjusa irrelevanti fil-kuntest ta’ dan ir-regolament ta’ reġistrazzjoni. L-istess jgħodd għall-argumenti rigward l-interess tal-Unjoni, li l-Kummissjoni tinnota li huwa wieħed mill-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping proviżorji jew definittivi f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, imma ma għandux għalfejn jiġi analizzat meta tiġi vvalutata l-ħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew l-applikazzjoni retroattiva ta’ tali dazji definittivi. Għaldaqstant, dan l-argument kien irrelevanti u ma kellux għalfejn jiġi indirizzat f’dan il-kuntest.

(48)

L-EFDA indikat li l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku speċifikament jirrikjedi li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(4)(c) u (d) tar-Regolament bażiku jiġu ssodisfati. Fi kliem ieħor, hija argumentat li deċiżjoni tal-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jenħtieġ li tqis dawn il-kriterji anki meta l-importazzjonijiet jiġu rreġistrati skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, jiġifieri meta din tkun ibbażata fuq talba mill-industrija tal-Unjoni.

(49)

Huwa nnotat li, kif stabbilit fil-premessa (8), b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni u mal-prattika kostanti tagħha fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14(5), il-Kummissjoni eżaminat it-talba għar-reġistrazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sostantivi biex wieħed jipproċedi bir-reġistrazzjoni. Kif deskritt fid-dettall fil-premessi (9) sa (42), l-Artikolu 10(4)(c) u (d) tar-Regolament bażiku tassew tqiesu li ġew issodisfati u b’hekk l-argumenti tal-EFDA f’dan ir-rigward ġew miċħuda.

3.5.   Drittijiet tad-difiża u żvelar

(50)

L-EFDA u s-CCCME ddikjaraw li ċerta informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-EIFI dwar it-talba tiegħu għar-reġistrazzjoni kienet magħmula disponibbli għall-partijiet interessati diversi ġimgħat wara, li ċaħħadhom milli jeżerċitaw id-drittijiet leġittimi tad-difiża.

(51)

Is-CCCME ddikjarat ukoll li l-Kummissjoni jenħtieġ li tiżvela kwalunkwe deċiżjoni biex l-importazzjonijiet jiġu rreġistrati biżżejjed minn qabel u b’hekk tippermetti lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar tali deċiżjoni.

(52)

Il-Kummissjoni tinnota li l-informazzjoni mhux kunfidenzjali pprovduta mill-ilmentatur kienet tabilħaqq disponibbli għall-partijiet interessati li pprovdew kummenti addizzjonali. Il-Kummissjoni aċċettat u vvalutat dawn il-kummenti kollha qabel ma ħadet deċiżjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ingħataw b’mod sħiħ f’dan ir-rigward.

(53)

Fir-rigward tat-talba għal żvelar minn qabel, huwa nnotat li dan il-pass mhuwiex previst fir-Regolament bażiku u lanqas ma huwa meħtieġ minnu. F’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’ tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jieħdu l-passi xierqa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet wara talba li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni. Huwa nnotat ukoll li skont l-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, il-partijiet interessati tabilħaqq jingħataw l-opportunità li jipprovdu kummenti u li jinstemgħu fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu. Finalment, il-Kummissjoni tirrimarka wkoll li kwalunkwe deċiżjoni biex jiġu applikati miżura anti-dumping definittivi b’mod retroattiv se tiġi żvelata lill-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 10(5) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, din it-talba ġiet miċħuda.

4.   PROĊEDURA

(54)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(55)

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn jenħtieġ li jinstemgħu.

5.   REĠISTRAZZJONI

(56)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiġi żgurat li, f’każ li l-investigazzjonijiet jirriżultaw f’konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jkunu jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jkunu ssodisfati, jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(57)

Kull obbligazzjoni fil-futur tiġi mill-konklużjonijiet tal-investigazzjoni anti-dumping.

(58)

L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob li jingħata bidu għal investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġnijiet ta’ dumping ta’ bejn 126 % u 270 % u livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu li jvarja minn 41 % sa 251 % għall-prodott ikkonċernat. L-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur normalment jiġi stabbilit fl-aktar livell baxx skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku.

6.   IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(59)

Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (11).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet ta’ ċerti molol tal-ħadid jew tal-azzar, għajr tal-azzar inossidabbli, jiġifieri viti tal-injam (esklużi coach screws), viti self-tapping, viti oħrajn u boltijiet bl-irjus (bl-iskorfina jew bil-woxers tagħhom jew mingħajrhom, iżda esklużi viti u boltijiet għat-twaħħil ta’ materjal għall-bini ta’ binarji tal-ferrovija) u woxers. Dawn il-prodotti bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7318 12 90, 7318 14 91, 7318 14 99, 7318 15 58, 7318 15 68, 7318 15 82, 7318 15 88, ex 7318 15 95 (kodiċijiet TARIC 7318159519 u 7318159589), ex 7318 21 00 (kodiċijiet TARIC 7318210031, 7318210039, 7318210095 u 7318210098) u ex 7318 22 00 (kodiċijiet TARIC 7318220031, 7318220039, 7318220095 u 7318220098) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta’ sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)   ĠU C 442, 21.12.2020, p. 6.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 tas-26 ta’ Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 29, 31.1.2009, p. 1) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/519 tas-26 ta’ Marzu 2015 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinnati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarat li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 82, 27.3.2015, p. 78).

(4)  Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti molol tal-ħadid jew tal-azzar mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 442, 21.12.2020, p. 6).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 tas-26 ta’ Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 29, 31.1.2009, p. 1).

(6)  Il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO: Report of the Panel, WT/DS397/RW, is-7 ta’ Awwissu 2015 u Report of the Appellate Body, AB-2015-7, WT/DS397/AB/RW, it-18 ta’ Jannar 2016.

(7)  https://www.fitchratings.com/research/corporate-finance/global-steel-price-rally-will-be-short-lived-02-02-2021; https://tradingeconomics.com/commodity/steel; https://ihsmarkit.com/solutions/steel-forecast.html

(8)  https://www.investing.com/commodities/shfe-hot-rolled-coil-futures-historical-data

(9)  https://www.ft.com/content/ad5e1a80-cecf-4b18-9035-ee50be9adfc6

(10)  Is-sentenza fil-Kawża Stemcor London u Samac Steel Supplies vs Il-Kummissjoni, T-749/16, ECLI:EU:T:2019:310, il-punt 83.

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).