Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
5 ta’ Novembru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi ta’ pagament fis-suq intern – Direttiva (UE) 2015/2366 – Artikolu 18(1)(a) – Awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas biex jipprovdu servizzi anċillari relatati mill-qrib – Servizz ta’ kambju – Futuri tal-munita – Servizzi u attivitajiet ta’ investiment – Strumenti finanzjarji – Direttiva (UE) 2014/65 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(1)(c) – Regolament Delegat (UE) 2017/565 – Artikolu 4 – Eżenzjoni”
Fil-Kawża C‑339/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de l’entreprise francophone de Brussell (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Mejju 2025, fil-proċedura
Iulicris Recycling SRL
vs
Ibanfirst SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, S. Gervasoni, A. Kumin, I. Ziemele u M. Bošnjak (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Iulicris Recycling SRL, minn T.G. Derval u R. Jafferali, avocats,
– għal Ibanfirst SA, minn D. Blommaert, advocaat, A. Guillaume u L. Van Muylem, avocates,
– għall-Gvern Belġjan, minn L. Jans, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, J. Očková u J. Vláčil, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Auvret u B. Stromsky, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Marzu 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1)(a) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35, rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97), tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2177 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑18 ta’ Diċembru 2019, (ĠU 2019, L 334, p. 155) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/65”) kif ukoll tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal‑25 ta’ April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU 2017, L 87, p. 1).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Iulicris Recycling SRL, kumpannija rregolata mid-dritt Rumen, u Ibanfirst SA, kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan, dwar in-nullità tal-futuri flessibbli tal-muniti konklużi bejn dawn iż-żewġ kumpanniji.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir‑Regolament (UE) Nru 648/2012
3 L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU 2012, L 201, p. 1, rettifika fil-ĠU L 183, p. 14), kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/834 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 (ĠU 2019, L 141, p. 42) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 648/2012”), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
(8) ‘kontribuzzjoni finanzjarja’,
a) ditta tal-investiment awtorizzata skont id-[Direttiva 2014/65],
b) istituzzjoni tal-kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95)].
c) impriża tal-assigurazzjoni jew impriża tar-riassigurazzjoni awtorizzata skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU 2009, L 335, p. 1];
d) [Impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli] UCITS u, fejn rilevanti, il-kumpannija ta’ ġestjoni tagħha, awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU 2009, L 302, p. 32)], sakemm dik l-UCITS ma tkunx stabbilita esklussivament bil-għan li sservi pjan wieħed jew aktar ta’ xiri ta’ azzjonijiet mill-impjegati;
e) istituzzjoni għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (IORP), kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs)(ĠU 2016, L 354, p. 37)];
f) fond ta’ investiment alternattiv (AIF), kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU 2011, L 174, p. 1)], li huwa jew stabbilit fl-Unjoni [Ewropea] jew inkella ġestit minn maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (AIFM) (iktar ’il quddiem ‘ġestjonarju ta’ FIA’) awtorizzat jew reġistrat f’konformità ma’ dik id-Direttiva, sakemm dak l-AIF ma jkunx stabbilit esklussivament bil-għan li jservi pjan wieħed jew aktar ta’ xiri ta’ azzjonijiet mill-impjegati, jew sakemm dak l-AIF ma jkunx entità bi skop speċjali ta’ titolizzazzjoni kif imsemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva [2011/61], u, fejn rilevanti, l-AIFM tagħha jkun stabbilit fl-Unjoni;
g) depożitorju ċentrali tat-titoli awtorizzat skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat‑23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU 2014, L 257, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 8)]”.
Id-Direttiva 2014/65
4 Il-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2014/65 jipprovdu:
“(3) Dawn l-aħħar snin iktar investituri saru attivi fis-swieq finanzjarji u qegħdin jiġu offruti sett saħansitra iktar kumpless u mifrux fil-wisa’ ta’ servizzi u strumenti. Minħabba dawk l-iżviluppi, il-qafas legali tal-Unjoni għandu jiġbor fih il-firxa sħiħa tal-attivitajiet orjentati lejn l-investitur. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li jiġi pprovdut il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex id-ditti ta’ investiment jitħallew jipprovdu servizzi fl-Unjoni kollha, peress li hi suq intern, fuq il-bażi tas-superviżjoni tal-pajjiż tad-domiċilju. Id-Direttiva tal-Kunsill [93/22/KEE ta’ l‑10 ta’ Mejju 1993 dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 2, p. 43)] għalhekk ġiet sostitwita bid-Direttiva 2004/39/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263)].
(4) Il-kriżi finanzjarja kixfet dgħufijiet fil-funzjonament u t-trasparenza tas-swieq finanzjarji. L-evoluzzjoni tas-swieq kixfet il-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas għar-regolamentazzjoni tas-swieq ta’ strumenti finanzjarji, anke meta n-negozjar f’dawn is-swieq iseħħ barra l-Borża (over-the-counter (OTC), sabiex iżid it-trasparenza, itejjeb il-protezzjoni tal-investituri, isaħħaħ il-fiduċja, jindirizza l-oqsma mhux regolati u jiżgura li s-superviżuri jingħataw setgħat xierqa biex iwettqu l-kompiti tagħhom.”
5 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/65, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jgħid dan li ġej:
“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għad-ditti tal-investiment, l-operaturi tas-swieq, u d-ditti ta’ pajjiżi terzi li jipprovdu servizzi ta’ investiment jew li jwettqu attivitajiet ta’ investiment permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa fl-Unjoni.
2. Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti b’rabta ma’ li ġej:
a) awtorizzazzjoni u kundizzjonijiet operatorji għad-ditti ta’ investiment;
[...]”
6 L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-eżenzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(c) tiegħu:
“Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:
[...]
c) il-persuni li jipprovdu servizz ta’ investiment meta dan is-servizz jiġi pprovdut f’manjiera inċidentali fil-kors ta’ attività professjonali u li din l-attività tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji jew minn kodiċi tal-etika li jirregola l-professjoni u li ma jeskludix il-provvediment ta’ dan is-servizz”.
7 L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punti 1, 2 u 15 tal-paragrafu 1 tiegħu:
“Għall-finijiet ta ‘din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:
1) ‘ditta tal-investiment’ tfisser kwalunkwe persuna ġuridika li x-xogħol jew in-negozju regolari tagħha huwa l-forniment ta’ servizz ta’ investiment wieħed jew aktar lil partijiet terzi u/jew it-twettiq ta’ attività ta’ investiment waħda jew aktar fuq bażi professjonali.
[...]
2) ‘servizzi u attivitajiet ta’ investiment’ tfisser kull wieħed jew waħda mis-servizzi u l-attivitajiet elenkati fit-Taqsima A tal-Anness I li għandhom x’jaqsmu ma’ kull wieħed mill-istrumenti elenkati fit-Taqsima Ċ tal-Anness I.
[...]
15) ‘strument finanzjarju’ tfisser dawk l-istrumenti speċifikati fit-Taqsima Ċ tal-Anness I”.
8 L-Anness I tal-istess direttiva, intitolat “Listi ta’ servizzi u attivitajiet u strumenti finanzjarji”, huwa fformulat kif ġej, fit-Taqsima C tiegħu:
“Strumenti finanzjarji
[...]
4. L-opzjonijiet, il-futuri, is-swaps, il-ftehimiet tar-rata forward u kwalunkwe kuntratt ieħor tad-derivattivi li għandu x’jaqsam mat-titoli, il-valuti, ir-rati jew ir-rendimenti tal-imgħax, il-kwoti tal-emissjonijiet jew strumenti tad-derivattivi oħra, l-indiċijiet finanzjarji jew il-miżuri finanzjarji li s-saldu tagħhom jista’ jsir b’mod fiżiku jew fi flus;
[...]”
Id-Direttiva 2015/2366
9 Il-premessa 6 tad-Direttiva 2015/2366 tipprovdi:
“Għandhom jiġu stabbiliti regoli ġodda sabiex jingħalqu l-lakuni regolatorji filwaqt li fl-istess ħin tiġi pprovduta aktar ċarezza legali u tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-qafas leġiżlattiv madwar l-Unjoni. Għandhom jiġu garantiti kundizzjonijiet operattivi ekwivalenti, għal sistemi eżistenti u għal atturi ġodda fis-suq, li jippermettu l-ilħuq ta’ suq usa’ permezz ta’ mezzi ġodda ta’ pagament u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fl-użu ta’ dawn is-servizzi ta’ pagament madwar l-Unjoni kollha. Dan għandu jiġġenera effiċjenzi fis-sistema ta’ pagament inġenerali u jwassal għal aktar għażla u aktar trasparenza fis-servizzi ta’ pagament filwaqt li jsaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi f’suq tal-pagamenti armonizzat.”
10 L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll regoli li jikkonċernaw:
a) it-trasparenza tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għas-servizzi ta’ pagament; u
b) id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-utenti ta’ servizzi ta’ pagament u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, b’rabta mal-għoti ta’ servizzi ta’ pagament bħala xogħol regolari jew attività ta’ negozju.”
11 L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Attivitajiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Minbarra l-forniment ta’ servizzi ta’ pagament, l-istituzzjonijiet ta’ pagament għandu jkollhom id-dritt li jkunu involuti fl-attivitajiet li ġejjin:
a) il-forniment ta’ servizzi operattivi u servizzi anċillari relatati mill-qrib bħall-iżgurar tal-eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas, servizzi tal-kambju ta’ valuta, attivitajiet ta’ salvagwardja, u l-ħażna u l-ipproċessar ta’ data;
b) it-tħaddim ta’ sistemi ta’ pagament, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35;
c) attivitajiet ta’ negozju minbarra l-forniment ta’ servizzi ta’ pagament, b’kont meħud tal-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali.”
Ir-Regolament Delegat 2017/565
12 Il-premessi 7, 8 u 10 tar-Regolament Delegat 2017/565 jistipulaw:
“(7) Id-Direttiva 2014/65/UE tistabbilixxi qafas ġenerali għal reġim regolatorju għas-swieq finanzjarji fl-Unjoni, u fit-Taqsima C tal-Anness I tistabbilixxi l-lista tal-istrumenti finanzjarji koperti. It-Taqsima C(4) tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tinkludi strumenti finanzjarji relatati mal-munita li għalhekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
(8) Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-Direttiva [2014/65], jeħtieġ li jiġu ċċarati d-definizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima C(4) tal-Anness I tad-Direttiva [2014/65] għal kuntratti ta’ derivattivi oħrajn relatati mal-muniti u li jiġi ċċarat li kuntratti spot relatati mal-muniti, mhumiex strumenti derivattivi oħrajn għall-finijiet tat-Taqsima C(4) tal-Anness I tad-Direttiva [2014/65].
[...]
(10) Il-kuntratti tal-kambju tal-muniti jistgħu jintużaw ukoll għall-finijiet ta’ twettiq ta’ pagamenti u dawk il-kuntratti għandhom jiġu kkunsidrati bħala strumenti finanzjarji sakemm ma jiġux innegozjati f’ċentru ta’ nnegozjar. Għalhekk, xieraq li jiġu kkunsidrati bħala kuntratti spot dawk il-kuntratti tal-kambju tal-muniti li jintużaw sabiex jitwettqu pagamenti għal strumenti finanzjarji meta l-perjodu tas-saldu għal dawk il-kuntratti huwa ta’ iktar minn jumejn (2) ta’ nnegozjar u inqas minn ħamest (5) ijiem ta’ nnegozjar. Huwa xieraq ukoll li jiġu kkunsidrati bħala mezzi ta’ pagament dawk il-kuntratti ta’ kambju li wieħed ikun daħal għalihom sabiex tintlaħaq ċertezza dwar il-livell ta’ pagamenti għal oġġetti, servizzi u investiment immobiljari. Dan se jirriżulta fl-esklużjoni mid- definizzjoni ta’ strumenti finanzjarji kuntratti tal-kambju tal-muniti li daħlu għalihom ditti mhux finanzjarji li jirċievu pagamenti f’muniti barranin għal esportazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi identifikabbli u ditti mhux finanzjarji li jagħmlu pagamenti f’muniti barranin sabiex jimportaw oġġetti u servizzi speċifiċi.”
13 Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament delegat, intitolat “Għoti ta’ servizz ta’ investiment b’mod inċidentali (Artikolu 2(1) tad-Direttiva [2014/65])”:
“Għall-finijiet tal-eżenzjoni fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, sevizz ta’ investiment għandu jitqies li huwa pprovdut b’mod inċidentali matul attività professjonali meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
a) meta teżisti konnessjoni mill-qrib jew fattwali bejn l-attività professjonali u l-għoti ta’ servizz ta’ investiment lill-istess klijent, b’tali mod li s-servizz tal-investiment jista’ jitqies bħala aċċessorju għall-attività professjonali ewlenija;
b) l-għoti ta’ servizzi ta’ investiment lill-klijenti tal-attività professjonali ewlenija ma għandux l-għan li jipprovdi sors sistematiku ta’ dħul lill-persuna li tipprovdi l-attività professjonali; kif ukoll
c) il-persuna li tipprovdi l-attività professjonali la tikkummerċjalizza u lanqas timpromwovi l-kapaċità tagħha li tipprovdi servizzi ta’ investiment, minbarra meta dawn huma divulgati lill-klijenti bħala li huma aċċessorju għall-attività professjonali ewlenija.”
14 L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament delegat, intitolat “Karatteristiċi ta’ kuntratti derivattivi oħra relatati ma’ muniti” jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 2 tiegħu:
“1. Għall-finijiet tat-Taqsima C (4) tal-Anness I tad-Direttiva [2014/65], kuntratti derivattivi oħrajn relatati ma’ munita mhumiex strumenti finanzjarji meta l-kuntratt huwa wieħed minn dawn li ġejjin:
a) kuntratt spot skont it-tifsira tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;
b) mezz ta’ pagament li:
i) għandu jiġi fiżikament issaldat għal raġuni oħra għajr minħabba inadempjenza jew avveniment ieħor ta’ tmiem,
ii) li għalih tidħol talinqas persuna li mhix kontraparti finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 2(8) tar-[Regolament Nru 648/2012];
iii) li wieħed jidħol għalih sabiex jiffaċilita l-pagament għal oġġetti, servizzi jew investiment dirett,identifikabbli, kif ukoll
iv) mhuwiex innegozjat f’ċentru tan-negozjar.
2. Kuntratt spot għall-finijiet tal-paragrafu 1 huwa kuntratt għall-iskambju ta’ munita kontra munita oħra, li skont it-termini tiegħu, il-konsenja tkun skedata biex issir fl-itwal mill-perjodi li ġejjin:
a) Jumejn (2) ta’ negozju fir-rigward ta’ kwalunkwe par ta’ muniti ewlenin stabbiliti fil-paragrafu 3;
b) għal kwalunkwe par muniti, fejn tal-inqas munita waħda mhijiex munita ewlenija, l-itwal mill-jumejn (2) ta’ negozju jew il-perjodu ġeneralment aċċettat fis-suq għal dik il-komodità, assi jew dritt bħala l-perjodu standard ta’ konsenja;
c) meta l-kuntratt għall-iskambju ta’ dawk il-muniti jintuża għall-iskop ewlieni tal-bejgħ jew ix-xiri ta’ titolu trasferibbli jew ta’ unità f’intrapriża għal investiment kollettiv, il-perjodu ġeneralment aċċettat fis-suq għas-saldu ta’ dik it-titolu trasferibbli jew ta’ unità f’intrapriża għall-investiment kollettiv bħala l-perjodu standard ta’ konsenja jew ħamest (5) ijiem ta’ negozju, skont liema jkun l-iqsar.
Madankollu, kuntratt ma jiġix ikkunsidrat bħala kuntratt spot jekk, irrispettivament mit-termini espliċiti tiegħu, ikun hemm arranġament bejn il-partijiet għall-kuntratt li l-konsenja tat-titolu sottostanti għandha tiġi posposta u m’għandhiex titwettaq fil-perjodu li jissemma’ fl-ewwel sottoparagrafu.”
Id‑dritt Belġjan
15 Il-punt 4 tal-lista li tinsab fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65 ġie traspost fid-dritt Belġjan permezz tal-Artikolu 2(1)(d) tal-loi du 2 août 2002 relative à la surveillance du secteur financier et aux services financiers (il-Liġi dwar is-Sorveljanza tas-Settur Finanzjarju u dwar is-Servizzi Finanzjarji tat‑2 ta’ Awwissu 2002) (Moniteur belge tal‑4 ta’ Settembru 2002, p. 39121) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Finanzjarja”).
16 L-Artikolu 4(1) tal-loi du 25 octobre 2016 relative à l’accès à l’activité de prestation de services d’investissement et au statut et au contrôle des sociétés de gestion de portefeuille et de conseil en investissement (il-Liġi għall-Aċċess għall-Attività ta’ Provvista ta’ Servizzi ta’ Investiment u għall-Istatut u l-Kontroll tal-Kumpanniji ta’ Ġestjoni ta’ Portfolio u ta’ Konsulenza fl-Investiment tal 25 ta’ Ottubru 2016) (Moniteur belge tat‑18 ta’ Novembru 2016, p. 76915) ittraspona fid-dritt Belġjan l-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2014/65.
17 Il-punt 1 tal-Artikolu 43(1) tal-loi du 11 mars 2018 relative au statut et au contrôle des établissements de paiement et des établissements de monnaie électronique, à l’accès à l’activité de prestataire de services de paiement, et à l’activité d’émission de monnaie électronique, et à l’accès aux systèmes de paiement (il-Liġi dwar l-Istatus u l-Kontroll tal-Istituzzjonijiet ta’ Pagament u tal-Istituzzjonijiet ta’ Munita Elettronika, għall-Aċċess għall-Attività ta’ Fornitur ta’ Servizzi ta’ Pagament u għall-Attività ta’ Emissjoni ta’ Munita Elettronika, u għall-Aċċess għas-Sistemi ta’ Pagament tal‑11 ta’ Marzu 2018) (Moniteur belge tas‑26 ta’ Marzu 2018, p. 29444) ittraspona fid-dritt Belġjan l-Artikolu 18(1)(a) tad-Direttiva 2015/2366.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
18 Iulicris Recycling hija kumpannija attiva fir-riċiklaġġ ta’ materjali mhux maħduma.
19 Ibanfirst hija kumpannija awtorizzata bħala istituzzjoni ta’ ħlas mill-Bank Nationale de Belgique (il-Bank Nazzjonali tal-Belġju).
20 Iulicris Recycling taffaċċja numru kbir ta’ obbligi espressi f’lei Rumeni (RON) filwaqt li l-prezz tal-merkanzija li hija tbigħ regolarment lill-klijenti tagħha, jiġifieri ruttam irriċiklat, huwa espress f’dollari Amerikani (USD). Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, din il-kumpannija indikat li hija kienet qiegħda tipprova tnaqqas ir-riskju tal-kambju li hija esposta għalih minħabba l-varjazzjoni tar-rata tal-leu Rumen u tad-dollaru Amerikan.
21 Permezz ta’ kuntratt iffirmat fl‑1 ta’ Lulju 2021, Iulicris Recycling fetħet kont bankarju ma’ Ibanfirst, li fil-kuntest tiegħu hija ssottoskriviet għal ċerti servizzi, jiġifieri, il-ftuħ ta’ kont ta’ pagament f’diversi muniti, ir-riċeviment u l-ħruġ ta’ trasferimenti SEPA (Żona Unika ta’ Ħlas f’Euro) kif ukoll l-aċċess għall-pjattaforma Ibanfirst.
22 Fis‑17, fit‑28 u fit‑30 ta’ Settembru 2021, Iulcris Recycling u Ibanfirst ikkonkludew tliet futuri flessibbli (iktar ’il quddiem il-“futuri inkwistjoni”). Dawn il-kuntratti ffissaw ir-rata tal-kambju bejn id-dollaru Amerikan u l-leu Rumen rispettivament għal 4.20 għal ammont sa USD 3 000 000, għal 4.22 għal ammont sa USD 3 000 000 u għal 4.25 għal ammont sa USD 4 000 000.
23 Minn Marzu 2022, Ibanfirst bagħtet lil Iulicris Recycling ċertu numru ta’ sejħiet għall-marġni (margin calls) u din tal-aħħar, konsegwentement, għamlet pagamenti favur Ibanfirst. Bejn id‑9 ta’ Marzu 2022 u s‑7 ta’ Ottubru 2022, Iulicris Recycling għalhekk ħallset lil Ibanfirst is-somom ta’ USD 894 724 u USD 1 498 000 f’dan ir-rigward.
24 Fis‑26 ta’ Ottubru 2022, Iulicris Recycling talbet tiġdid tal-perijodu ta’ kopertura tal-kuntratti inkwistjoni għal sena ġdida. Ibanfirst iddikjarat li kienet biss lesta testendi dawn il-kuntratti għal perijodu addizzjonali ta’ xahar, billi tissuġġetta din l-estensjoni għall-ħlas ta’ sejħiet għall-marġni ġodda u għall-istabbiliment ta’ garanzija finanzjarja. Iulicris Recycling irrifjutat dawn il-kundizzjonijiet u fakkret lil Ibanfirst l-ammont tas-sejħiet għall-marġni diġà mħallsa u insistiet sabiex tikseb perijodu ta’ estensjoni tal-imsemmija kuntratti b’sena.
25 Fl‑21 ta’ Novembru 2022, Ibanfirst informat lil Iulicris Recycling li l-istess kuntratti kienu skadew u stednitha tikkunsinnalha l-muniti miftiehma. Ibanfirst indikat ukoll li, fin-nuqqas ta’ ħlas, u skont it-termini u l-kundizzjonijiet tagħha, hija kienet ser tbigħ il-pożizzjonijiet ta’ Iulicris Recycling f’lei Rumeni bil-prezz tas-suq.
26 Fit‑28 ta’ Frar 2023, permezz ta’ ittra tal-avukati tagħha, Iulicris Recycling ġibdet l-attenzjoni ta’ Ibanfirst b’mod partikolari għall-fatt li l-futuri inkwistjoni kienu tqassmu bi ksur tal-ordni pubbliku u li kienu suġġetti għal nullità assoluta. Permezz ta’ din l-ittra, Iulicris Recycling intimat ukoll lil Ibanfirst sabiex tirrimborsalha l-ammonti mħallsa minnha fil-kuntest tas-sejħiet għall-marġni.
27 Wara skambju ta’ ittri, fil‑25 ta’ Mejju 2023, Iulicris Recycling ħarrket lil Ibanfirst quddiem it-tribunal de l’entreprise francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju, fejn talbitha b’mod partikolari tiddikjara n-nullità ta’ dawn il-kuntratti u tikkundanna lil Ibanfirst tħallasha lura l-ammonti mħallsa b’eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti.
28 Insostenn tat-talba tagħha, Iulicris Recycling sostniet li Ibanfirst kienet kisret il-qafas regolatorju applikabbli għaliha. F’dan ir-rigward, hija qieset b’mod partikolari li, l-ewwel nett, il-futuri inkwistjoni kienu strumenti finanzjarji, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tal-Liġi Finanzjarja. It-tieni nett, dawn il-futuri ma jaqgħux fil-kamp tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(1)(a) u fl-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Delegat 2017/565. It-tielet nett, billi ddistribwiet l-imsemmija futuri, Ibanfirst ipprovdiet servizz ta’ investiment irregolat, u dan b’mod prinċipali u mhux anċillari. Ir-raba’ nett, Ibanfirst kisret ir-regoli applikabbli għad-distribuzzjoni tal-istess futuri. Il-ħames nett, il-kundizzjoni ta’ adeżjoni prevista fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2015/2366 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2014/65.
29 Min-naħa l-oħra, Ibanfirst irrilevat quddiem il-qorti tar-rinviju li hija kienet awtorizzata tiddistribwixxi l-kuntratti inkwistjoni skont il-qafas regolatorju applikabbli għaliha fil-kwalità tagħha ta’ istituzzjoni ta’ ħlas. Barra minn hekk, is-servizzi marbuta ma’ dawn il-futuri huma tabilħaqq anċillari għas-servizzi ta’ pagament li hija toffri lil Iulicris Recycling u hija rċeviet awtorizzazzjoni f’dan is-sens mingħand il-Bank Nazzjonali tal-Belġju.
30 Skont Ibanfirst, ir-regolamenti applikabbli għas-servizzi ta’ pagament u dawk applikabbli għas-servizzi ta’ investiment huma distinti, b’tali mod li s-setgħa speċifikament prevista favur l-istituzzjonijiet ta’ pagament li tibbenefika minnhom ma għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli applikabbli għas-servizzi ta’ investiment. Barra minn hekk, in-natura anċillari għal servizz ta’ pagament ma għandhiex tiġi vvalutata fid-dawl tad-definizzjoni ta’ “anċillari” prevista għas-servizzi ta’ investiment.
31 Sussidjarjament, Ibanfirst enfasizzat li, anki skont id-definizzjonijiet applikabbli għas-servizzi ta’ investiment, il-kuntratti inkwistjoni setgħu jitqassmu minnha minħabba li s-servizzi marbuta ma’ dawn il-futuri la kienu servizzi ta’ investiment u lanqas servizzi awżiljarji għal tali servizzi. Barra minn hekk, is-servizzi marbuta ma’ dawn il-futuri ma jitwettqux fuq “strumenti finanzjarji” u jaqgħu fi kwalunkwe każ taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Delegat 2017/565. Ibanfirst sostniet ukoll li s-servizzi marbuta mal-imsemmija futuri huma anċillari, fis-sens tad-Direttiva 2014/65 u tar-Regolament Delegat 2017/565.
32 Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima li għandha quddiemha tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjonijiet ta’ ħlas li jixtiequ joffru, b’mod abitwali u professjonali, strumenti derivattivi relatati ma’ muniti fil-kuntest ta’ servizz awżiljarju tal-kambju għandhomx jiżguraw li dawn l-istrumenti jaqgħu taħt waħda miż-żewġ eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Delegat 2017/565 u, għalhekk, ma jikkostitwixxux strumenti finanzjarji fis-sens tad-Direttiva 2014/65.
33 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal de l’entreprise francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 18(1)(a) tad-[Direttiva 2015/2366] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jitqiesu bħala servizzi awżiljarji marbuta mill-qrib li l-istituzzjonijiet ta’ ħlas ikunu awtorizzati ipso iure jeżerċitaw, il-futuri tal-munita għandhom:
a) jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 10(1)(b) (l-eżenzjoni ta’ ħlas) tar-Regolament Delegat [2017/565]?
b) ikunu ta’ natura anċillari fis-sens tal-Artikolu 2(1)(c) tad-[Direttiva 2014/65], u għaldaqstant jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-[Regolament Delegat 2017/565]?”
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari (punt a)
34 Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Ibanfirst issostni li l-punt (a) tad-domanda preliminari huwa inammissibbli, minħabba li la huwa neċessarju u lanqas rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju.
35 Skont Ibanfirst, il-punt (a) tad-domanda preliminari kien ikun rilevanti biss li kieku l-qorti tar-rinviju kienet qieset mill-bidu li l-futuri inkwistjoni jikkostitwixxu “kuntratti derivattivi relatati ma’ munita”, fis-sens tad-Direttiva 2014/65 u tal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Delegat 2017/565. Issa, dawn il-kuntratti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’tali mod li ma hemmx lok li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet iddefiniti fl-imsemmija dispożizzjonijiet għandhomx jiġu ssodisfatti sabiex is-servizzi tal-kambju futuri offruti mill-istituzzjonijiet ta’ pagament ikunu jistgħu jitqiesu li huma “servizzi anċillari relatati mill-qrib bħall-iżgurar tal-eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tad-Direttiva 2015/2366. Kieku dawn il-kuntratti ma kinux jikkostitwixxu “kuntratti derivati relatati ma’ munita”, imsemmija fl-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Delegat 2017/565, fil-fatt ma jkun hemm ebda dubju li din id-dispożizzjoni ma tkunx applikabbli.
36 Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Belġjan jistaqsi dwar l-interess, għall-qorti tar-rinviju, li tagħmel il-punt (a) tad-domanda preliminari, mingħajr madankollu ma jikkontesta espliċitament l-ammissibbiltà ta’ dan il-punt tad-domanda. Fil-fatt, dan il-gvern iqis li għandu jieħu pożizzjoni biss dwar il-punt (b) tad-domanda preliminari.
37 L-imsemmi gvern iqis, billi jirreferi għall-premessi 7, 8 u 10 tad-Direttiva 2014/65, li, peress li l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Delegat 2017/565 jeskludi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-klassifikazzjoni ta’ strument finanzjarju fir-rigward tal-futuri, ma hemmx lok li tqum il-kwistjoni dwar jekk l-“istatus ta’ kontroll” stabbilit mid-Direttiva 2014/65 huwiex applikabbli.
38 Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑13 ta’ Inteligo Media, C‑654/23, EU:C:2025:871, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 Għalkemm huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ma tistaqsix espliċitament lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ kuntratti bħal dawk inkwistjoni, tali domanda tqum b’mod preliminari, peress li l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Delegat 2017/565 jirreferi għal “kuntratti derivattivi oħra relatati ma’ munita”. Issa, il-possibbiltà li jiġu kklassifikati b’dan il-mod il-futuri inkwistjoni ma tidhirx li hija eskluża fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ dawn il-kuntratti. Għaldaqstant, din id-domanda għandha rabta stretta mas-suġġett tat-tilwima li hija adita biha l-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-kwistjoni tal-portata tal-Artikolu 18(1)(a) tad-Direttiva 2015/2366 sabiex jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tippermettix lil istituzzjoni ta’ ħlas tipproponi kuntratti bħall-futuri inkwistjoni, kwistjoni li hija marbuta mal-invokazzjoni tan-nullità ta’ dawn il-kuntratti.
40 Għaldaqstant, il-punt (a) tad-domanda preliminari huwa ammissibbli u hemm lok li jiġi eżaminat fil-mertu.
Fuq il-mertu
41 Permezz tad-domanda unika tagħha, li ż-żewġ sottodomandi tagħha għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1)(a) tad-Direttiva 2015/2366 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-istituzzjonijiet ta’ ħlas li għandhom awtorizzazzjoni bħala fornituri ta’ servizzi ta’ pagament skont din id-direttiva huma awtorizzati jipproponu futuri relatati ma’ muniti, bħala servizzi anċillari marbuta mill-qrib mal-provvista ta’ servizzi ta’ pagament biss sa fejn dawn is-servizzi anċillari, meta jikkostitwixxu servizzi ta’ investiment, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65, dwar strument finanzjarju li jinsab fil-punt 4 tat-Taqsima C tal-Anness I ta’ din id-direttiva, kif speċifikat fl-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Delegat 2017/565, jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1)(c) tal-imsemmija direttiva, kif speċifikati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament delegat.
42 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni ta’ eventwali rilevanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/65 tqum biss fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 18(1)(a) tad-Direttiva 2015/2366 ma jikkostitwixxix bażi legali suffiċjenti sabiex fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ikun jista’ joffri futuri fissi relatati ma’ muniti.
43 Din id-dispożizzjoni tirregola l-attivitajiet li l-istituzzjonijiet ta’ ħlas huma awtorizzati jwettqu, lil hinn mis-servizzi ta’ pagament. Skont l-imsemmija dispożizzjoni, l-istituzzjonijiet ta’ ħlas, minbarra l-provvista ta’ servizzi ta’ pagament, huma awtorizzati jipprovdu “il-forniment ta’ servizzi operattivi u servizzi anċillari relatati mill-qrib bħall-iżgurar ta’, [...] servizzi tal-kambju ta’ valuta”.
44 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 91).
45 Skont is-sens abitwali tal-kunċett ta’ “servizz tal-kambju”, tali servizz jikkonsisti tal-inqas fi tranżazzjoni ta’ konverżjoni bejn muniti differenti. Għandu jiġi enfasizzat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2015/2366 ma tippreċiżax b’mod espliċitu jekk it-tranżazzjonijiet imsemmija humiex biss dawk li jikkonsistu fil-konverżjoni ta’ muniti billi tintuża r-rata tal-kambju fis-seħħ fid-data ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, jew jekk il-kuntratti li jiffissaw ir-rata tal-kambju applikabbli f’data sussegwenti għal dik tal-konklużjoni tagħhom humiex imsemmija wkoll.
46 Fir-rigward tal-kunċett ta’ “servizzi anċillari relatati mill-qrib”, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2015/2366 ma jimponi ebda kundizzjoni speċifika ħlief in-natura marbuta u awżiljarja għas-servizz operattiv ta’ ħlas offrut.
47 Fl-assenza ta’ definizzjoni li tinsab fid-Direttiva 2015/2366, dawn it-termini għandhom jinftiehmu fis-sens li s-servizz tal-kambju jista’ jiġi offrut biss b’rabta stretta mas-servizzi ta’ pagament ipprovduti mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament f’isem utent ta’ dawn is-servizzi, li għandhom jiġu pprovduti b’mod prinċipali minn dan il-fornitur.
48 Kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2015/2366 ma jirreferix espliċitament għal test leġiżlattiv ieħor għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kontenut tiegħu. Barra minn hekk, il-kuntest leġiżlattiv ta’ din id-direttiva ma jagħtix indikazzjoni konkreta dwar il-portata li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “servizzi anċillari relatati mill-qrib”.
49 Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva, għandu jiġi enfasizzat li din għandha bħala għan, konformement mal-Artikolu 1(2) tagħha, l-istabbiliment ta’ regoli li jikkonċernaw, minn naħa, “it-trasparenza tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għas-servizzi ta’ pagament” u, min-naħa l-oħra, “id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-utenti ta’ servizzi ta’ pagament u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, b’rabta mal-għoti ta’ servizzi ta’ pagament bħala xogħol regolari jew attività ta’ negozju”.
50 Barra minn hekk, mill-premessa 6 tad-Direttiva 2015/2366 jirriżulta li din hija intiża li tistabbilixxi regoli li jiggarantixxu ċarezza legali kbira u applikazzjoni koerenti tal-qafas leġiżlattiv fil-qasam tas-servizzi ta’ pagament fl-Unjoni kollha. Barra minn hekk, minn din il-premessa jirriżulta li “[g]ħandhom jiġu garantiti kundizzjonijiet operattivi ekwivalenti [...] għal atturi [...] fis-suq, li jippermettu l-ilħuq ta’ suq usa’ permezz ta’ mezzi ġodda ta’ pagament u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fl-użu ta’ dawn is-servizzi ta’ pagament madwar l-Unjoni kollha”, li “għandu jiġġenera effiċjenzi fis-sistema ta’ pagament inġenerali u jwassal għal aktar għażla u aktar trasparenza fis-servizzi ta’ pagament filwaqt li jsaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi f’suq tal-pagamenti armonizzat”.
51 Mill-punti preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-Direttiva 2015/2366 għandha l-għan li tistabbilixxi regoli ċari u koerenti sabiex issaħħaħ l-effettività tas-sistema ta’ ħlas u, għaldaqstant, fost oħrajn, li tiffaċilita l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament.
52 Fid-dawl b’mod partikolari ta’ dan l-għan, għandu jiġi kkunsidrat li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18(1)(a) tad-Direttiva 2015/2366 mhux biss it-tranżazzjonijiet li jikkonsistu fil-konverżjoni ta’ muniti billi tintuża r-rata tal-kambju fis-seħħ fid-data ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, iżda wkoll il-kuntratti li jiffissaw ir-rata tal-kambju applikabbli f’data sussegwenti għal dik tal-konklużjoni tagħhom.
53 Madankollu, ebda element ta’ din id-direttiva ma jindika li hija għandha tirregola b’mod komplet u esklużiv il-provvista ta’ tali servizzi pprovduti minn istituzzjoni ta’ ħlas, u dan bl-esklużjoni ta’ atti oħra tad-dritt tal-Unjoni, fil-każ fejn dawn is-servizzi, meta jiġu offruti b’mod anċillari, jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ att ieħor tal-Unjoni, f’dan il-każ tad-Direttiva 2014/65.
54 Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal sabiex l-għanijiet tad-Direttiva 2015/2366 jipprevalu fuq dawk tad-Direttiva 2014/65 minħabba s-sempliċi fatt li strument finanzjarju huwa propost bħala servizz awżiljarju marbut ma’ servizz ta’ pagament. Issa, l-għan intiż li jiffaċilita l-provvista ta’ servizzi ta’ pagament ma jistax waħdu jwassal għal tali riżultat.
55 Fir-rigward tad-Direttiva 2014/65, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) tagħha, hija tistabbilixxi rekwiżiti li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni u ta’ eżerċizzju applikabbli għall-impriżi ta’ investiment.
56 Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, għandu jiġi enfasizzat li, konformement mal-premessi 3 u 4 tagħha, din hija intiża li toffri livell għoli ta’ protezzjoni lill-investituri, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi u ta’ strumenti li jistgħu jużaw u li l-kumplessità tagħhom qegħda “dejjem tikber”, u li żżid it-trasparenza tat-tranżazzjonijiet imwettqa fis-swieq tal-istrumenti finanzjarji.
57 L-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/65 hija suġġetta għall-eżistenza ta’ tip ta’ servizz karatteristiku, jiġifieri “servizzi u attivitajiet ta’ investiment”, li l-punt 2 tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi bħala s-servizzi u l-attivitajiet elenkati fit-Taqsima A tal-Anness I tal-imsemmija direttiva u li jirrigwardaw wieħed mill-istrumenti finanzjarji, li l-lista tagħhom tinsab fit-Taqsima C ta’ dan l-Anness I.
58 Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn id-Direttivi 2014/65 u 2015/2366 tqum biss fl-ipoteżi fejn is-servizzi awżiljarji inkwistjoni jirrigwardaw strument finanzjarju fis-sens tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 41 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħu.
59 F’din il-lista jinsabu, fil-punt 4 ta’ din it-taqsima, il-“futuri” u l-“kuntratt [...] tad-derivattivi li għandu x’jaqsam [...] mal-valuti”. Madankollu, id-Direttiva 2014/65 lanqas ma tinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ “futuri” jew ta’ dak, iktar ġenerali, ta’ “kuntratt tad-derivattivi”.
60 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “futuri” għandu jiġi interpretat skont it-tifsira abitwali tiegħu fid-dritt finanzjarju, fejn il-futuri huma tipi ta’ kuntratt derivattiv li permezz tiegħu żewġ partijiet jorbtu lilhom innifishom, wieħed li jixtri u l-ieħor li jbigħ, f’data ulterjuri, attiv imsejjaħ “sottostanti” għal prezz li huwa stabbilit mal-konklużjoni tal-kuntratt (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Banif Plus Bank, C‑312/14, EU:C:2015:794, punt 69). Għalkemm tali definizzjoni ġiet adottata fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/39, jiġifieri d-direttiva mħassra bid-Direttiva 2014/65, fid-dawl tas-similarità tal-formulazzjoni adottata fil-listi tal-istrumenti finanzjarji li jinsabu f’dawn iż-żewġ direttivi, għandu jitqies li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tal-lista li tinsab fl-Anness I ta’ din l-aħħar direttiva. Skont din id-definizzjoni, fil-każ ta’ futuri relatati mal-muniti, l-assi “sottostanti” huwa munita.
61 F’dan il-każ, u skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-kuntratti inkwistjoni, li barra minn hekk għandhom id-denominazzjoni ta’ “kuntratti forward flessibbli”, iffissaw ir-rata tal-kambju bejn id-dollaru Amerikan u l-leu Rumen meta ġew konklużi. Kif jirriżulta mid-definizzjoni ta’ “kuntratt forward” li tinsab fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-iffissar tar-rata tal-kambju permezz ta’ stipulazzjonijiet kuntrattwali huwa karatteristika tipika ta’ kuntratt tad-derivattivi forward relatat ma’ muniti.
62 Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/65 ma humiex applikabbli meta l-kuntratti kkonċernati huma esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ “strumenti finanzjarji” skont dispożizzjoni leġiżlattiva. Dan huwa l-każ meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Delegat 2017/565.
63 B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni tapplika jekk l-erba’ kundizzjonijiet li hija tipprevedi jkunu ssodisfatti kumulattivament, jiġifieri jekk il-kuntratt ikkonċernat huwiex mezz ta’ ħlas li, l-ewwel nett, għandu jiġi mħallas fiżikament għal raġunijiet differenti minn nuqqas jew inċident li jikkawża x-xoljiment, it-tieni nett, jiġi konkluż tal-inqas minn persuna li ma tkunx kontroparti finanzjarja fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 648/2012, it-tielet nett, jiġi konkluż sabiex jiġi ffaċilitat il-ħlas ta’ merkanzija, servizzi jew investimenti diretti identifikabbli u, ir-raba’ nett, ma jiġix innegozjat f’ċentru tan-negozjar.
64 Kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għandu jiġi enfasizzat li l-kundizzjonijiet meħtieġa fl-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Delegat 2017/565 jirrigwardaw, minħabba l-kumulu tagħhom, tip speċifiku ta’ kuntratt tad-derivattivi relatat ma’ muniti. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Delegat 2017/565 huwa, f’dan il-każ, applikabbli, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Li kieku dan kien il-każ, id-Direttiva 2014/65 ma tkunx applikabbli, kif jirriżulta mill-punt 57 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li l-kwistjoni dwar jekk is-servizzi inkwistjoni f’din il-kawża humiex servizzi awżiljarji marbuta mill-qrib mal-provvista ta’ servizzi ta’ pagament u jissodisfawx, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(1)(a) tad-Direttiva 2015/2366, ikollha tiġi evalwata indipendentement mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/65.
65 Għaldaqstant, u bla ħsara għall-verifiki indikati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, futuri flessibbli relatati ma’ muniti jistgħu, bħala prinċipju, jikkostitwixxu strumenti finanzjarji fis-sens tad-Direttiva 2014/65. Minn dan isegwi li tali futuri jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65 sa fejn, konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, u mal-punt 2 tal-Artikolu 4(1) tagħha, dawn jiġu proposti fil-kuntest ta’ servizz ta’ investiment u l-fornitur jista’ jiġi kklassifikat bħala “ditta ta’ investiment”, peress li dan jipproponi tali futuri bħala okkupazzjoni jew attività abitwali.
66 Madankollu, l-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2014/65 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-persuni li jipprovdu servizz ta’ investiment b’mod anċillari fil-kuntest ta’ attività professjonali, peress li din tkun irregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji jew minn kodiċi deontoloġiku li ma jeskludix il-provvista ta’ dan is-servizz (ara, fir-rigward tad-Direttiva 2004/39, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag et, C‑542/16, EU:C:2018:369, punt 61).
67 Il-kunċett ta’ “servizz ta’ investiment b’mod inċidentali” ġie ppreċiżat mill-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat 2017/565, li jipprevedi tliet kundizzjonijiet f’dan ir-rigward. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teżiġi, l-ewwel nett, konnessjoni mill-qrib u fattwali bejn l-attività professjonali u l-provvista tas-servizz ta’ investiment lill-istess klijent, b’tali mod li dan is-servizz jista’ jitqies bħala aċċessorju għall-attività professjonali prinċipali. It-tieni nett, hija tippreċiża li l-provvista ta’ servizzi ta’ investiment mill-persuna li teżerċita l-attività professjonali tagħha lill-klijenti tal-attività professjonali prinċipali tagħha ma għandhiex tkun intiża sabiex tipprovdi lil din tal-aħħar sors ta’ dħul sistematiku u li, it-tielet nett, il-persuna li teżerċita din l-attività professjonali ma tikkummerċjalizzax u lanqas ma tagħmel b’xi mod ieħor il-promozzjoni tal-kapaċità tagħha li tipprovdi servizzi ta’ investiment, ħlief jekk dawn tal-aħħar ikunu ppreżentati lill-klijent bħala inċidentali għall-attività professjonali prinċipali.
68 F’dan il-każ, l-attività professjonali ta’ istituzzjoni ta’ ħlas tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ pagament. Sa fejn tali istituzzjoni tipproponi futuri relatati ma’ muniti, għandu jitqies li dawn il-kuntratti huma offruti b’mod anċillari, peress li huma offruti sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-kambju waqt l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament, attività li hija suġġetta għal ċerti dispożizzjonijiet leġiżlattivi tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri dawk tad-Direttiva 2015/2366 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag et, C‑542/16, EU:C:2018:369, punt 62).
69 Madankollu, għandu jitfakkar li hija l-qorti tar-rinviju, li hija biss għandha l-elementi rilevanti, li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza humiex issodisfatti. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 68 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata mill-għan ta’ ċarezza legali, li jinsab fost l-għanijiet tad-Direttiva 2015/2366, kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, fl-assenza ta’ preċiżjoni leġiżlattiva fir-rigward tal-portata tas-servizzi tal-kambju li jistgħu jiġu proposti skont l-Artikolu 18(1)(a) tad-Direttiva 2015/2366, il-verifika tal-kundizzjonijiet deskritti fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza ma tirriżultax biss min-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tad-Direttiva 2015/2366 u ta’ dawk tad-Direttiva 2014/65, iżda hija intiża wkoll li tiggarantixxi ċ-ċarezza legali fid-determinazzjoni tas-servizzi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jistgħu joffru.
70 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 18(1)(a) tad-Direttiva 2015/2366 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istituzzjonijiet ta’ ħlas li għandhom awtorizzazzjoni bħala fornituri ta’ servizzi ta’ pagament skont din id-direttiva huma awtorizzati jipproponu futuri relatati ma’ muniti, bħala servizzi anċillari marbuta mill-qrib mal-provvista ta’ servizzi ta’ pagament. Meta dawn is-servizzi anċillari jikkostitwixxu servizzi ta’ investiment, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65, fir-rigward ta’ strument finanzjarju li jinsab fil-punt 4 tat-Taqsima C tal-Anness I ta’ din id-direttiva, kif ippreċiżat fl-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Delegat 2017/565, huma għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1)(c) ta’ din id-direttiva, kif ippreċiżati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament delegat.
Fuq l-ispejjeż
71 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 18(1)(a) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
l-istituzzjonijiet ta’ ħlas li għandhom awtorizzazzjoni bħala fornituri ta’ servizzi ta’ pagament skont din id-direttiva huma awtorizzati jipproponu futuri relatati ma’ muniti, bħala servizzi anċillari marbuta mill-qrib mal-provvista ta’ servizzi ta’ pagament. Meta dawn is-servizzi anċillari jikkostitwixxu servizzi ta’ investiment, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2177 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑18 ta’ Diċembru 2019, fir-rigward ta’ strument finanzjarju li jinsab fil-punt 4 tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65, kif ippreċiżat fl-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal‑25 ta’ April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva, huma għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1)(c) ta’ din id-direttiva, kif ippreċiżati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament delegat.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.