4.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 702/2009

tat-3 ta' Awwissu 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 555/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid fir-rigward ta’ programmi ta’ appoġġ, kummerċ ma’ pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni u kontrolli fis-settur tal-inbid

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikoli 103za u 85x tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jitħaffef il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, u b’qies għall-ammont kbir ta’ informazzjoni mibgħuta minnhom fis-sensiela ta’ tabelli fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (2), kif ukoll għall-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri spiss tkun disponibbli b’mod elettroniku, jidher xieraq li jiġi pprovdut li n-notifikar lill-Kummissjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom marbuta mal-abbozzi tal-programmi ta’ appoġġ, kif mitluba fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament imsemmi, jista’ jsir billi jiġi notifikat is-sit li fih il-leġiżlazzjoni tinsab disponibbli.

(2)

L-Artikolu 10(b) tar-Regolament (KE) Nru 555/2008 jirreferi, bi żball, għal kundizzjonijiet stipulati fl-istess Artikolu. Billi l-ebda kundizzjoni mhi stipulata f’dak l-Artikolu, iżda l-kundizzjonijiet jiġu stipulati fl-istess Regolament, il-kliem tal-punt imsemmi għandu jiġi kkoreġut kif xieraq.

(3)

L-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 555/2008 jipprovdi għall-ġestjoni finanzjarja tal-miżura tal-investiment. Bil-għan li l-fondi jintużaw aħjar, jixraq li ssir dispożizzjoni għall-possibbiltà ta’ ħlasijiet wara l-eżekuzzjoni ta’ ċerti operazzjonijiet ta’ miżura partikulari, filwaqt li jiġi żgurat li titwettaq il-miżura sħiħa, kif ipprovdut fl-applikazzjoni kkonċernata. Barra minn hekk, sabiex jitħaffef it-twettiq ta’ proġetti ta’ investiment fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali, il-limitu massimu ta’ ħlasijiet bil-quddiem għandu jogħla fl-2009 u l-2010.

(4)

Skont l-Artikolu 103n u l-Artikolu 180 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna nazzjonali skont ir-regoli Komunitarji relevanti dwar l-għajnuna mill-istat, għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 103p, 103t u 103u tal-istess Regolament. Filwaqt li l-Artikoli 87 u 89 tat-Trattat japplikaw għall-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-Artikolu 88 tat-Trattat ma għandux japplika għall-ħlasijiet imwettqa skont l-Artikolu 103n(4) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 mill-Istati Membri, f’konformità mal-istess Regolament. Għaldaqstant, billi n-notifikar tal-għajnuna mill-istat mhuwiex meħtieġ fil-forma stipulata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (3) u r-Regolamenti li jimplimentawh, sabiex jiġi vverifikat li l-ħlasijiet jirrispettaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, jeħtieġ li jkun hemm dispożizzjoni għal notifika simplifikata.

(5)

Jekk il-produtturi jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom għall-primjum tal-qlugħ mill-għeruq, jew jaqilgħu biss parti jew xejn mill-erja indikata fl-applikazzjoni tagħhom, dan jipperikola l-użu effiċjenti tal-fondi Komunitarji pprovduti għal din il-miżura. Lil hinn mis-sanzjonijiet diġà pprovduti fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament (KE) Nru 555/2008, jixraq li jkun hemm dispożizzjoni biex l-Istati Membri jiddeċiedu li ma tingħata l-ebda prijorità lill-applikazzjoni tal-produtturi kkonċernati fis-snin finanzjarji ta’ wara.

(6)

L-applikazzjoni tal-perċentwal uniku għall-aċċettazzjoni tfisser piż amministrattiv sproporzjonat għall-Istati Membri fejn l-applikazzjonijiet għall-qlugħ mill-għeruq ikopru biss erja relattivament żgħira. Għaldaqstant, jixraq li l-Istati Membri jkunu eżenti mill-applikazzjoni ta’ dan il-perċentwal għall-aċċettazzjoni jekk l-erja li għaliha jirriferu l-applikazzjonijiet eliġibbli ma tilħaqx ċertu livell.

(7)

L-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 555/2008 jirrikjedi informazzjoni dwar l-ammonti mħallsa fir-rigward tal-pagamenti taħt l-Iskema ta’ Pagament Uniku (SPS) għall-vinji. L-Anness VII għall-istess Regolament jirrikjedi informazzjoni dwar l-erja kopruta mill-ħlasijiet tal-SPS għall-vinji, flimkien mal-medja tal-ħlasijiet li jkunu saru. Madankollu, ladarba jkunu allokati d-drittijiet, ma jibqax possibbli li wieħed jiddistingwi rigward x’tip ta’ użu tal-art ġew inizjalment allokati għalih, u l-applikanti mhumiex mitluba jindikaw jekk l-art imħawwel bil-vinji tkun qed tintuża bħala appoġġ għall-applikazzjoni annwali tagħhom taħt l-SPS. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirċievi informazzjoni globali dwar l-SPS skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (4). Dik l-informazzjoni trid tinkludi wkoll l-artijiet bil-vinji. Għalhekk, ir-ringieli li jirrikjedu informazzjoni dwar il-ħlasijiet tal-SPS għandhom jitneħħew mit-tabelli relevanti tar-Regolament (KE) Nru 555/2008.

(8)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 555/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 555/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-leġiżlazzjoni marbuta mal-abbozzi tal-programmi ta’ appoġġ imsemmija fl-ewwel subparagrafu malli jkunu adottati jew immodifikati. Din in-notifika tista’ ssir billi jintbagħat lill-Kummissjoni l-indirizzi tas-sit li fih il-leġiżlazzjoni kkonċernata tinsab disponibbli għall-pubbliku”;

(2)

Fl-Artikolu 10, il-punt (b) għandu jinbidel b’li ġej:

“(b)

il-kontinwazzjoni tal-miżura tilħaq, wara adattamenti jekk ikunu meħtieġa, il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament”;

(3)

L-Artikolu 19 għandu jinbidel b’li ġej:

“Artikolu 19

Ġestjoni finanzjarja

1.   L-appoġġ għandu jitħallas ġaladarba jkun ġie aċċertat li operazzjoni waħda jew l-operazzjonijiet kollha koperti mill-applikazzjoni għall-appoġġ, skont l-għażla li jkun għamel l-Istat Membru għall-ġestjoni tal-miżura, ikunu ġew implimentati u kkontrollati fuq il-post.

Fejn l-appoġġ normalment ikun jista’ jitħallas biss wara l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet kollha, b’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-appoġġ għandu jitħallas għal operazzjonijiet singoli implimentati jekk il-bqija tal-operazzjonijiet ma setgħux jitwettqu minħabba forza maġġuri jew ċirkustanzi eċċezzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (*1).

Jekk mill-verifiki jirriżulta li operazzjoni komprensiva koperta mill-applikazzjoni għall-appoġġ ma tkunx ġiet implimentata kollha għal raġunijiet għajr forza maġġuri jew ċirkustanzi eċċezzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 31tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, u fejn l-appoġġ ikun tħallas wara operazzjonijiet singoli li jkunu parti mill-operazzjoni komprensiva koperta mill-applikazzjoni għall-appoġġ, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu li jirkupraw l-għajnuna li tkun tħallset.

2.   Il-benefiċjarji ta’ appoġġ għal investiment jistgħu jitolbu l-ħlas ta’ avvanz mill-aġenzija kompetenti tal-ħlas jekk din l-għażla tkun inkluża fil-programm nazzjonali ta’ appoġġ.

L-ammont tal-avvanzi m’għandux jaqbeż l-20 % tal-għajnuna pubblika marbuta mal-investiment, u l-ħlas għandu jkun soġġett għall-istabbiliment ta’ garanzija bankarja jew garanzija ekwivalenti, li tikkorrispondi għal 110 % tal-ammont tal-avvanz. Madankollu, fil-każ ta’ investimenti li għalihom id-deċiżjoni individwali biex jingħata l-appoġġ tittieħed fl-2009 jew fl-2010, l-ammont tal-avvanzi jista’ jitla’ sa 50 % tal-għajnuna pubblika marbuta ma’ dak l-investiment.

Il-garanzija msemmija għandha tinħeles meta l-aġenzija kompetenti ta’ ħlas tistabbilixxi li l-ammont ta’ nfiq reali li jkun jikkorrispondi mal-għajnuna pubblika marbuta mal-investiment jaqbeż l-ammont tal-avvanz.

(*1)   ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16 ”."

(4)

Fil-Kapitolu III tat-Titolu II, għandu jiżdied l-Artikolu 37a li ġej:

“Artikolu 37a

Notifikar dwar l-għajnuna mill-istat

1.   Minkejja l-Artikolu 5(8), it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament, fejn l-Istati Membri jagħtu għajnuna mill-istat skont l-Artikolu 103n(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (*2), għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-tagħrif li ġej:

(a)

fejn applikabbli, il-lista tal-miżuri ta’ għajnuna diġà awtorizzati skont l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat maħsuba għall-implimentazzjoni tal-programmi, jew ir-raġuni għaliex l-għajnuna nazzjonali kkonċernata tkun ġiet eżentata mill-obbligi ta’ notifikar;

(b)

f’każijiet oħra, l-elementi meħtieġa għall-evalwazzjoni skont ir-regoli tal-kompetizzjoni.

2.   Jekk japplika l-paragrafu (1)(a), l-Istati Membri għandhom jimlew it-Tabella 1 tal-Anness VIIIc:

(a)

b’indikazzjoni jekk l-appoġġ ikunx se jingħata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007 (*3) għall-appoġġ de minimis għall-produzzjoni primarja fis-settur agrikolu, jew skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 (*4) għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli;

(b)

bin-numru tar-reġistrazzjoni u r-referenza għar-Regolament ta’ eżenzjoni tal-Kummissjoni adottat abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (*5) li skontu ddaħħlet il-miżura; jew

(c)

bin-numru tal-każ u n-numru tar-referenza li bihom il-miżura ġiet iddikjarata kompatibbli mat-Trattat mill-Kummissjoni.

3.   Jekk japplika l-paragrafu (1)(b), l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a)

it-Tabella 2 tal-Anness VIIIc għal kull waħda mill-miżuri, imsemmija fl-Artikoli 103p, 103t u 103u tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, li għalihom ingħatat għajnuna nazzjonali;

(b)

it-Tabella 3 tal-Anness VIIIc fil-każ ta’ għajnuna nazzjonali mogħtija għall-miżura ta’ promozzjoni fi swieq ta’ pajjiżi terzi, imsemmija fl-Artikolu 103p tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007;

(c)

it-Tabella 4 tal-Anness VIIIc fil-każ ta’ għajnuna nazzjonali mogħtija għall-miżura ta’ assigurazzjoni tal-ħsad, imsemmija fl-Artikolu 103t tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007;

(d)

it-Tabella 5 tal-Anness VIIIc fil-każ ta’ għajnuna nazzjonali mogħtija għall-miżura ta’ investiment, imsemmija fl-Artikolu 103u tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

4.   L-elementi kkomunikati permezz ta’ kwalunkwe waħda mit-tabelli tal-Anness VIIIc għandhom ikunu validi matul id-dewmien kollu tal-programm, mingħajr ħsara għal xi bidliet li jistgħu jsiru fil-programmi.

5.   Minkejja l-Artikolu 103n(4) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u mingħajr ħsara għall-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri li jagħtu għajnuna nazzjonali għandhom jimmodifikaw il-programm ta’ appoġġ għall-ġejjieni, billi jimlew it-tabelli relevanti tal-Anness VIIIb sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2009. L-Artikolu 103k(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 japplika għal dawn il-modifiki.

(*2)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1."

(*3)   ĠU L 337, 21.12.2007, p. 35."

(*4)   ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5."

(*5)   ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1 ”."

(5)

Fl-Artikolu 70, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3.   Jekk, f’sena finanzjarja partikolari, produttur ikun irtira l-applikazzjoni tiegħu għall-primjum għall-qlugħ mill-għeruq, jew ikun qala’ biss parti jew xejn mill-erja indikata fl-applikazzjoni, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma jagħtihx prijorità skont l-Artikolu 85s(5)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 fis-snin finanzjarji ta’ wara”.

(6)

Fl-Artikolu 71, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, il-perċentwal uniku għall-aċċettazzjoni ma japplikax għall-Istati Membri li jkunu kkomunikaw, skont l-Artikolu 85s(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-applikazzjonijiet eliġibbli għal erja iżgħar minn 50 ettaru”.

(7)

Fl-Anness VI, il-linja 1 dwar l-Iskema ta’ Pagament Uniku għandha titħassar.

(8)

Fl-Anness VII, il-linja 1 dwar l-Iskema ta’ Pagament Uniku għandha titħassar.

(9)

Wara l-Anness VIIIb, għandu jiddaħħal l-Anness VIIIc, li t-test tiegħu jingħata fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(4) u (9) għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   GU L 170, 30.6.2008, p. 1.

(3)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(4)   ĠU L 141, 30.4.2004, p. 1.


ANNESS

“ANNESS VIIIc

Tabella 1

Tagħrif dwar l-iskemi ta’ għajnuna diġà awtorizzati skont l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat, jew dwar l-eżenzjoni ta’ miżura partikolari mill-obbligi tan-notifikar  (1)

Stat Membru (2): …

Reġjun(i) konċernat(i) (fejn applikabbli): …

Kodiċi tal-miżura

Isem il-miżura ta’ għajnuna

Indikazzjoni tal-bażi legali tal-iskema

Tul ta’ żmien tal-miżura ta’ għajnuna

 

 

 

 

Jekk jogħġbok indika, skont il-każ:

—

għall-miżuri koperti minn Regolament de minimis: ‘Kwalunkwe għajnuna mogħtija taħt din il-miżura għandha tkun konformi mar-Regolament de minimis (KE) Nru 1535/2007 (il-produzzjoni primarja) jew Nru 1998/2006 (l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli)’  (3),

—

għall-iskemi ta’ għajnuna approvati: referenza għad-deċiżjoni approvata tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-istat, inklużi n-numru tal-għajnuna mill-istat u r-referenzi tal-ittra ta’ approvazzjoni,

—

għall-għajnuna eżenti bis-sħiħ: referenza għar-Regolament għal Eżenzjoni Sħiħa individwali (jiġifieri, ir-Regolament (KE) Nru 1857/2006 (4) jew ir-Regolament (KE) Nru 800/2008 (5)) u n-numru tar-reġistrazzjoni.

Tabella 2

Folja ta’ tagħrif ġenerali  (6)

Stat Membru (7): …

Reġjun(i) konċernat(i) (fejn applikabbli): …

1.   Identifikazzjoni tal-għajnuna

1.1.

Titlu tal-għajnuna (jew isem il-kumpanija benefiċjarja fil-każ ta’ għajnuna individwali):

…

1.2.

Deskrizzjoni fil-qosor tal-għan tal-għajnuna:

…

Għan ewlieni (jekk jogħġbok immarka wieħed biss):

Promozzjoni f’pajjiżi terzi (Artikolu 103p tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007)

Assigurazzjoni tal-ħsad (Artikolu 103t tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007)

Investiment (Artikolu 103u tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007)

1.3.

Skema ta’ għajnuna – Għajnuna individwali

In-notifika tirreferi għal:

skema ta’ għajnuna

għajnuna individwali;

2.   Bażi legali nazzjonali

Titolu tal-bażi legali nazzjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni:

…

…

…

3.   Benefiċjarji

3.1.

Fejn jinsab(u) (i)l-benefiċjarju/i

f’reġjun(i) mhux assistit(i)

f’reġjun(i) eliġibbli għall-għajnuna skont l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE (speċifika jekk hux fil-livell 3 tan-NUTS jew anqas)

f’reġjun(i) eliġibbli għall-assistenza skont l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE (speċifika jekk hux fil-livell 2 tan-NUTS jew anqas)

f’aktar minn reġjun wieħed (speċifika): …

3.2.

F’każ ta’ għajnuna individwali:

Isem il-benefiċjarju: …

Tip ta’ benefiċjarju:

SME

Numru ta’ impjegati: …

Fatturat annwali: …

Karta tal-bilanċ annwali: …

Indipendenza: …

impriża kbira

3.3.

F’każ ta’ skema ta’ għajnuna:

Tip ta’ benefiċarji:

l-impriżi kollha (impriżi kbar u żgħar u ta’ daqs medju)

impriżi kbar biss

impriżi żgħar u ta’ daqs medju

impriżi ta’ daqs medju

impriżi żgħar

impriżi mikro

il-benefiċjarji li ġejjin: …

Stima tal-għadd ta’ benefiċjarji:

taħt l-10

minn 11 sa 50

minn 51 sa 100

minn 101 sa 500

minn 501 sa 1 000

iktar minn 1 000

4.   Forma tal-għajnuna u mezzi tal-finanzjament

Forma tal-għajnuna mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju (speċifika; fejn xieraq, separatament għal kull miżura) (eż. għotja diretta, self bi mgħax baxx …):

…

…

Tabella 3

Folja ta’ tagħrif supplimentari dwar l-għajnuna għall-promozzjoni fi swieq ta’ pajjiżi terzi (Artikolu 103p tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007)  (8)

Stat Membru (9): …

Reġjun(i) konċernat(i) (fejn applikabbli): …

B’dan huwa kkonfermat li:

il-kampanja ta’ reklamar mhijiex immirata lejn impriżi speċifiċi

il-kampanja ta’ riklamar ma tipperikolax il-bejgħ u ma tbaxxix il-valur tal-prodotti minn Stati Membri oħra

il-kampanja ta’ riklamar hija skont il-prinċipji tar-Regolament (KE) Nru 3/2008, inkluż ir-rekwiżit li l-kampanja ta’ riklamar ma tkunx immirata lejn marki kummerċjali. (Bħala prova ta’ din id-dikjarazzjoni, għandhom jingħataw l-elementi li juru l-konformità mal-prinċipji tar-Regolament (KE) Nru 3/2008).

Tabella 4

Folja ta’ tagħrif supplimentari dwar l-għajnuna lejn il-ħlas tal-primjums għall-assigurazzjoni tal-ħsad (Artikolu 103t tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007)  (10)

Stat Membru (11): …

Reġjun(i) konċernat(i) (fejn applikabbli): …

1.

B’dan huwa kkonfermat li:

il-miżura ta’ għajnuna ma tipprevedix il-ħlas ta’ primjums tal-assigurazzjoni favur kumpaniji kbar u/jew kumpaniji attivi fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli

il-possibbiltà li jiġi kopert ir-riskju mhijiex marbuta ma’ kumpanija tal-assigurazzjoni waħda biss, jew ma’ grupp ta’ kumpaniji

l-għajnuna ma tiddependix mill-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma’ kumpanija stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat.

2.

It-telf li ġej għandu jiġi kopert mill-assigurazzjoni li għaliha l-primjums ikunu ffinanzjati parzjalment taħt il-miżura ta’ għajnuna kkonċernata:

a)

unikament it-telf ikkaġunat minn avvenimenti klimatiċi negattivi li jistgħu jitqiesu bħala diżastri naturali, kif iddefinit fl-Artikolu 2, il-punt 8 tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006

b)

it-telf imsemmi hawn fuq flimkien ma’ telf ieħor ikkaġunat minn avvenimenti klimatiċi

c)

it-telf ikkaġunat minn mard tal-annimali jew tal-pjanti, jew mill-infestazzjoni tal-pesti (waħdu jew flimkien ma’ telf ieħor imsemmi f’dan il-punt).

3.

Intensità tal-għajnuna proposta: …%

NB:

Jekk japplika biss l-ewwel każ (taħt 2a), ir-rata massima tal-għajnuna tkun ta’ 80 %. Fil-każijiet l-oħra (jiġifieri fejn ikunu ġew immarkati l-kaxxi b) u/jew c) tal-punt 2 hawn fuq), ir-rata massima tal-għajnuna tkun ta’ 50 %.

Dawn il-kundizzjonijiet jirrelataw mal-intensitajiet massimi tal-ammont ikkumulat kemm tal-kontribut nazzjonali kif ukoll ta’ dak Komunitarju, skont l-Artikolu 103n(4) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

Tabella 5

Folja ta’ tagħrif supplimentari dwar l-għajnuniet għall-investiment (Artikolu 103u tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007)  (12)

Stat Membru (13): …

Reġjun(i) konċernat(i) (fejn applikabbli): …

1.   Ambitu u benefiċjarji tal-għajnuna

1.1.

L-appoġġ jingħata għall-investimenti tanġibbli jew intanġibbli li ġejjin, li jtejbu r-rendiment globali tal-impriża (jekk jogħġbok immarka):

f’faċilitajiet tal-ipproċessar

f’infrastruttura tal-inbid

fil-kummerċjalizzazzjoni tal-inbid.

1.2.

L-għajnuna tikkonċerna (jekk jogħġbok immarka):

il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness XIb għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007

l-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda relatati mal-prodotti msemmijin fl-Anness XIb għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

1.3.

B’dan huwa kkonfermat li l-għajnuna mhijiex tingħata lil impriża f’diffikultà fit-tifsira tal-linjigwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-istat għas-salvazzjoni u r-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà:

iva

1.4.

Din in-notifika tikkorrispondi għad-dispożizzjoni li ġejja tal-Linjigwida Agrikoli – u għaldaqstant, kif xieraq, huwa kkonfermat dan li ġej:

1.4.1.

il-punt IV.B.2. (a) [Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 800/2008]; f’dan il-każ, b’dan huwa kkonfermat li:

l-għajnuna tilħaq il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 800/2008 (għajnuna mill-istat lil impriżi żgħar u ta’ daqs medju)

1.4.2.

il-punt IV.B.2. (b) [Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 800/2008]; f’dan il-każ, b’dan huwa kkonfermat li:

l-għajnuna tilħaq il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 800/2008 (għajnuna għall-investiment reġjonali)

1.4.3.

il-punt IV.B.2. (c) [il-Linjigwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007–2013 (14)]; f’dan il-każ, b’dan huwa kkonfermat li:

l-għajnuna tilħaq il-kundizzjonijiet stipulati fil-Linjigwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (f’dan il-każ, l-evalwazzjoni ta’ tali għajnuna għandha ssir abbażi tal-Linjigwida dwar l-għajnuna Reġjonali Nazzjonali. Għandha timtela l-parti relevanti tal-formola ġenerali ta’ notifika (l-Anness għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1627/2006 (15) )).

1.4.4.

il-punt IV.B.2. (d) [għajnuna għal kumpaniji intermedji f’reġjuni li mhumiex eliġibbli għall-għajnuna reġjonali] f’dan il-każ:

hemm benefiċjarji li huma SMEs?:

iva

le

Jekk iva, japplika l-punt 1.4.1 hawn fuq [il-punt IV.B.2(a) tal-Linjigwida Agrikoli].

Jekk le, b’dan huwa kkonfermat li l-għajnuna tingħata biss lil kumpaniji intermedji (jiġifieri ta’ inqas minn 750 impjegat u/jew fatturat ta’ inqas minn EUR 200 miljun):

iva

F’dan il-każ, għandha timtela l-parti relevanti tal-formola ġenerali ta’ notifika (l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1627/2006) rigward l-infiq eliġibbli.

2.   Għajnuna individwali

L-investimenti eliġibbli jistgħu jaqbżu l-EUR 25 miljun, jew l-għajnuna tista’ tammonta għal EUR 12 miljun:

iva

le

Jekk iva, dan hu t-tagħrif kollu li jippermetti evalwazzjoni individwali tal-għajnuna:

…

3.   Intensità tal-għajnuna

NB:

Dawn il-kundizzjonijiet jirrelataw mal-intensitajiet massimi tal-ammont ikkumulat kemm tal-kontribut nazzjonali kif ukoll ta’ dak Komunitarju, skont l-Artikolu 103n(4) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

3.1.

Jekk il-benefiċjarji huma SMEs (l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 800/2008), l-intensità massima tal-għajnuna għal investimenti eliġibbli hija kif ġej:

3.1.1.

ir-reġjuni l-aktar imbiegħda: … (massimu 75 %)

3.1.2.

l-iżgħar Gżejjer tal-Eġew (16): … (massimu 65 %)

3.1.3.

reġjuni eliġibbli skont l-Artikolu 87(3)(a): … (massimu 50 %)

3.1.4.

reġjuni oħra: … (massimu 40 %)

3.2.

Għall-għajnuna li taqa’ taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 800/2008 (għajnuna għall-investiment reġjonali) jew il-linjigwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013, l-intensità massima tal-għajnuna hija kif ġej:

3.2.1.

għall-SMEs:

3.2.1.1.

fir-rigward ta’ investimenti f’reġjuni li huma eliġibbli skont l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat: … (massimu: 50 % jew l-ammont massimu determinat fil-mappa reġjonali approvata għall-Istat Membru kkonċernat għall-perjodu 2007-2013)

3.2.1.2.

fir-rigward ta’ investimenti eliġibbli f’reġjuni oħra li huma eliġibbli għall-għajnuna reġjonali: … (massimu: 40 % jew l-ammont massimu determinat fil-mappa reġjonali approvata għall-Istat Membru kkonċernat għall-perjodu 2007-2013)

3.2.2.

għal impriżi intermedji fit-tifsira tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 (mhux SME iżda b’inqas minn 750 impjegat jew b’fatturat ta’ inqas minn EUR 200 miljun):

3.2.2.1.

fir-rigward ta’ investimenti eliġibbli f’reġjuni li huma eliġibbli skont l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat: … (massimu: 25 % jew l-ammont massimu determinat fil-mappa reġjonali approvata għall-Istat Membru kkonċernat għall-perjodu 2007-2013)

3.2.2.2.

fir-rigward ta’ investimenti eliġibbli f’reġjuni oħra li huma eliġibbli għall-għajnuna reġjonali: … (massimu: 20 % jew l-ammont massimu determinat fil-mappa reġjonali approvata għall-Istat Membru kkonċernat għall-perjodu 2007-2013)

3.2.3.

Hemm benefiċjarji li huma ikbar mill-impriżi intermedji msemmija taħt il-punt 3.2.2? (jiġifieri impriżi kbar):

iva

le

Jekk iva, b’dan huwa kkonfermat li l-intensità massima tal-għajnuna hija ugwali għal jew inqas mill-ammont massimu determinat fil-mappa ta’ għajnuna reġjonali approvata għall-Istat Membru kkonċernat għall-perjodu 2007 – 2013:

iva

F’dan il-każ, l-intensità massima tal-għajnuna għandha tissemma fil-mappa reġjonali tal-għajnuna msemmija hawn fuq.

L-intensità massima tal-għajnuna rilevanti fil-mappa ta’ għajnuna reġjonali korrispondenti hija ta’: … %.

3.3.

Għall-għajnuna għall-investiment favur kumpaniji intermedji f’reġjuni li mhumiex eliġibbli għall-għajnuna reġjonali, l-intensità massima tal-għajnuna hija ta’: … (massimu: 20 %).

4.   Kriterji tal-eliġibbiltà u nfiq

4.1.

B’dan huwa kkonfermat li:

l-għajnuna ma tappoġġjax investimenti li għalihom organizzazzjoni komuni tas-suq, inklużi skemi ta’ appoġġ dirett, iffinanzjati mill-FAEG, tqiegħed restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni jew inkella limiti fuq l-appoġġ Komunitarju fil-livell tal-bdiewa, azjendi jew impjanti ta’ proċessar individwali, li jistgħu jżidu l-produzzjoni lil hinn minn dawk ir-restrizzjonijiet jew limiti;

l-għajnuna ma tikkonċernax ix-xiri ta’ tagħmir użat fil-każ ta’ għajnuna lil kumpaniji intermedji jew kbar.

4.2.

Għall-għajnuna għall-investimenti f’reġjuni li mhumiex eliġibbli għall-għajnuna reġjonali:

L-infiq għall-investiment li huwa eliġibbli jikkorrispondi bis-sħiħ għat-tipi eliġibbli ta’ nfiq elenkata fil-linjigwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013:

iva

le

Jekk le, u jekk il-benefiċjarji huma SMEs, b’dan huwa kkonfermat li l-infiq eliġibbli huwa konformi mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 800/2008:

iva

5.   Tagħrif ieħor

In-notifika hija akkumpanjata b’dokumentazzjoni li turi li dak l-appoġġ huwa mmirat lejn għanijiet definiti b’mod ċar li jirriflettu ħtiġijiet strutturali u territorjali identifikati kif ukoll żvantaġġi strutturali:

iva

le

Jekk iva, jekk jogħġbok ipprovdi d-dokumentazzjoni f’Anness ma’ dan il-folja ta’ tagħrif supplimentari.”


(1)  Notifikar imsemmi fl-Artikolu 37a(2) ta’ dan ir-Regolament.

(2)  Għandu jintuża l-akronimu tal-OPOCE.

(3)  Jekk jogħġok indika liema Regolament japplika.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għal għajnuna mill-istat għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001, ĠU L 358, 16.12.2006, p. 3.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(6)  Notifikar imsemmi fl-Artikolu 37a(3)(a) ta’ dan ir-Regolament.

(7)  Għandu jintuża l-akronimu tal-OPOCE.

(8)  Notifikar imsemmi fl-Artikolu 37a(3)(b) ta’ dan ir-Regolament.

(9)  Għandu jintuża l-akronimu tal-OPOCE.

(10)  Notifikar imsemmi fl-Artikolu 37a(3)(c) ta’ dan ir-Regolament.

(11)  Għandu jintuża l-akronimu tal-OPOCE.

(12)  Notifikar imsemmi fl-Artikolu 37a(3)(d) ta’ dan ir-Regolament.

(13)  Għandu jintuża l-akronimu tal-OPOCE.

(14)   ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

(15)   GU L 302, 1.11.2006, p. 10.

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2019/93, ĠU L 184, 27.7.93, p. 1.