Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Novembru 2026 (*)

“Appell – Ambjent u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem – Regolament (KE) Nru 1272/2008 – Klassifikazzjoni, ittikkettjar u imballaġġ tas-sustanzi u tat-taħlitiet – Regolament Delegat (UE) 2022/692 – Modifika għall-finijiet tal-adattament tagħha għall-progress tekniku u xjentifiku – Klassifikazzjoni tas-sustanza silanamina, 1,1,1-trimetil-N-(trimetilsilil)-, prodotti tal-idroliżi bis-siliċe; diossidu tas-siliċju piroġeniku, amorfu sintetiku, nano, bis-superfiċji ttrattata; – Rikors għal annullament”

Fil-Kawża C‑121/25 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil‑5 ta’ Frar 2025,

Evonik Operations GmbH, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Delille u M. Escorneboueu, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Farley, J. Jokubauskaitė u R. Lindenthal, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn W. Broere, M. Heikkilä u J.‑P. Trnka, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, N. Fenger, S. Rodin (Relatur), O. Spineanu-Matei u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ April 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Evonik Operations GmbH titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑27 ta’ Novembru 2024, Evonik Operations vs Il‑Kummissjoni (T‑449/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:866), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tagħha intiża għall-annullament tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/692 tas‑16 ta’ Frar 2022 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU 2022, L 129, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 146, p. 150, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”), inkwantu jikkonċerna l-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar armonizzati tas-sustanza silanamina, 1,1,1-trimetil-N-(trimetilsilil)-, prodotti tal-idroliżi bis-siliċe; diossidu tas-siliċju piroġeniku, amorfu sintetiku, nano, bis-superfiċji ttrattata (iktar ’il quddiem il-“klassifikazzjoni kontenzjuża”).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament REACH

2        L-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2008, L 141, p. 22, u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84, iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”), jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“L-[Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)] għandha tippubblika fil-website tagħha avviż li ġie preparat dossier skond l-Anness XV fir-rigward ta’ sustanza. L-[ECHA] għandha tistieden lill-partijiet kollha interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom lill-[ECHA] fil-limiti tat-terminu perentorju speċifikat.”

3        L-Artikolu 64 tar-Regolament REACH jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 5 tiegħu:

“1.      L-[ECHA] għandha tgħarraf id-data tar-riċezzjoni ta’ l-applikazzjoni. Il-Kumitati [tal-ECHA] għall-Istima tar-Riskji [(iktar ’il quddiem il-“KIR”)] u ta’ Analiżi Soċjo-ekonomika għandhom jagħtu l-abbozzi ta’ l-opinjonijiet tagħhom fi żmien għaxar xhur mid-data tar-riċezzjoni ta’ l-applikazzjoni

2.      L-[ECHA] għandha tagħmel disponibbli fil-website tagħha informazzjoni ġenerali dwar l-użi, filwaqt li jittieħed kont ta’ l-Artikoli 118 u 119 dwar l-aċċess għall-informazzjoni, li għalihom tkun irċeviet applikazzjonijiet u għal reviżjonijiet ta’ awtorizzazzjonijiet, b’terminu perentorju li fih tista’ tiġi preżentata l-informazzjoni dwar sustanzi jew teknoloġiji alternattivi minn terzi interessati.

3.      Meta jipprepara l-opinjoni tiegħu, kull Kumitat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu l-ewwel jivverifika li l-applikazzjoni tinkludi l-informazzjoni kollha speċifikata fl-Artikolu 62 li tkun relevanti għall-kompetenza tiegħu. Jekk ikun meħtieġ, il-Kumitati għandhom, f’konsultazzjoni ma’ xulxin, jagħmlu talba konġunta lill-applikant għal informazzjoni addizzjonali sabiex l-applikazzjoni tiġi konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 62. Il-Kumitat ta’ l-Analiżi Soċjo-ekonomika jista’, jekk iqis li jkun meħtieġ, jeżiġi mill-applikant jew jitlob lil terzi jippreżentaw, f’perjodu ta’ żmien speċifikat, informazzjoni addizzjonali dwar sustanzi jew teknoloġiji alternattivi possibbli. Kull Kumitat għandu wkoll jieħu kont ta’ kwalunkwe informazzjoni mogħtija minn terzi.

4.      L-abbozzi ta’ opinjonijiet għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin:

a)      [KIR]: stima tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent li ġej mill-użu(i) tas-sustanza, inklużi l-adegwatezza u l-effikaċja tal-miżuri għall-immaniġġar tar-riskji, kif deskritt fl-applikazzjoni u, jekk relevanti, stima tar-riskji minn alternattivi possibbli;

b)      Il-Kumitat ta’ l-Analiżi Soċjo-ekonomika: valutazzjoni tal-fatturi soċjo-ekonomiċi u d-disponibbiltà, l-idoneità u l-fattibbiltà teknika ta’ alternattivi assoċjati ma’ l-użu jew użi tas-sustanza kif deskritt fl-applikazzjoni, fejn applikazzjoni ssir skond l-Artikolu 62 u ta’ kwalunkwe kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi preżentati skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

5.      L-[ECHA] għandha tibgħat dawn l-abbozzi ta’ opinjonijiet lill-applikant sa tmiem it-terminu perentorju dispost fil-paragrafu 1. Fi żmien xahar minn meta jirċievi l-abbozz ta’ opinjoni, l-applikant jista’ jagħti notifika bil-miktub li huwa jixtieq jikkummenta. L-abbozz ta’ opinjoni għandu jiġi meqjus bħala riċevut sebat ijiem wara li l-[ECHA] tkun bagħtitu.

Jekk l-applikant ma jixtieqx jikkummenta, l-[ECHA] għandha tibgħat dawn l-opinjonijiet lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-applikant, fi żmien ħmistax-il jum mill-aħħar tal-perjodu li fih l-applikant jista’ jikkummenta, jew fi żmien ħmistax-il jum mir-riċezzjoni tan-notifika mingħand l-applikant li huwa ma jkollux il-ħsieb li jikkummenta.

Jekk l-applikant jixtieq jikkummenta, huwa għandu jibgħat l-argumentazzjoni tiegħu bil-miktub lill-[ECHA] fi żmien xahrejn mir-riċezzjoni ta’ l-abbozz ta’ opinjoni. Il-Kumitati għandhom iqisu l-kummenti u jadottaw l-opinjonijiet finali tagħhom fi żmien xahrejn mir-riċezzjoni ta’ l-argumentazzjoni bil-miktub, filwaqt li jieħdu kont ta' din l-argumentazzjoni fejn ikun il-każ. Fi żmien ħmistax-il jum ieħor l-[ECHA] għandha tibgħat l-opinjonijiet, bl-argumentazzjoni bil-miktub mehmuża, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-applikant.”

B.      Ir-Regolament CLP

4        Il-premessa 52 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1; fil-ĠU 2016, L 349, p. 1; u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/521 tas‑27 ta’ Marzu 2019 (ĠU 2019, L 86, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament CLP”), tistipula:

“Ir-riżorsi ta’ l-awtoritajiiet għandhom ikun iffukati fuq sustanzi bl-għola tħassib fir-rigward tas-saħħa u ta’ l-ambjent. Għandu għalhekk ikun hemm dispożizzjoni biex l-awtoritajiet kompetenti u l-manifatturi, l-importaturi u l-utenti ’downstream’ ikunu jistgħu jippreżentaw proposti lill-[ECHA] għal klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati tas-sustanzi klassifikati għall-karċinoġeniċità, il-mutaġeniċità għaċ-ċelloli ġerminali jew it-tossiċità għar-riproduzzjoni kategoriji 1A, 1B jew 2, għas-sensitizzazzjoni respiratorja, jew fir-rigward ta’ effetti oħra fuq bażi ta’ każ b’każ. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jipproponu klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati għal sustanzi attivi użati fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u prodotti bijoċidali. L-[ECHA] għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-proposta filwaqt li l-partijiet interessati għandu jkollhom l-opportunità li jikkummentaw. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni dwar l-elementi ta’ klassifikazzjoni u ttikkettar finali.”

5        L-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament CLP jipprevedi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent kif ukoll il-moviment liberu ta’ sustanzi, taħlitiet u oġġetti kif imsemmija fl-Artikolu 4(8) billi:

[...]

(d)      jistabbilixxi lista ta’ sustanzi bil-klassifikazzjonijiet u l-elementi ta’ tikkettar armonizzati tagħhom fil-livell Komunitarju fil-parti 3 ta’ l-Anness VI”.

6        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament:

“Sustanza jew taħlita li tissodisfa l-kriterji relatati ma’ perikli fiżiċi, perikli tas-saħħa jew perikli ambjentali, imniżżla fil-partijiet 2 sa 5 ta’ l-Anness I hija perikoluża u għandha tiġi kklassifikata f’relazzjoni mal-klassijiet ta’ periklu rispettivi previsti f’dak l-Anness.”

7        L-Artikolu 37 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-paragrafi 1, 2, 4 u 5 tiegħu:

“1.      Awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tippreżenta lill-[ECHA] proposta għal klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati ta’ sustanzi u, fejn adatt, limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni jew [fatturi ta’ multiplikazzjoni (iktar ’il quddiem “fatturi M”)], jew proposta għal reviżjoni tagħhom.

Il-proposta għandha ssegwi l-format stabbilit fil-Parti 2 ta’ l-Anness VI u jkun fiha l-informazzjoni rilevanti prevista fil-Parti 1 ta’ l-Anness VI.

2.      Manifattur, importatur jew utent ’downstream’ ta’ sustanza jistgħu jissottomettu lill-[ECHA] proposta għal klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati ta’ dik is-sustanza u, fejn ikun il-każ, limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi jew fatturi-M, bil-kondizzjoni li ma jkun hemm ebda entrata fil-Parti 3 ta’ l-Anness VI għal sustanza tali fir-rigward tal-klassi ta’ periklu jew id-differenzjazzjoni koperti minn dik il-proposta.

Il-proposta għandha titfassal skond il-Partijiet rilevanti tat-taqsimiet 1, 2 u 3 ta’ l-Anness I għar-[Regolament REACH] u għandha ssegwi l-format imniżżel fil-Parti B tar-Rapport dwar is-Sigurtà Kimika tat-taqsima 7 ta’ dak l-Anness. Il-proposta għandu jkun fiha l-informazzjoni rilevanti prevista fil-Parti 1 ta’ l-Anness VI għal dan ir-Regolament. L-Artikolu 111 tar-[Regolament REACH] għandu japplika.

[...]

4.      Il-[KIR] stabbilit skond l-Artikolu 76(1)(c) tar-[Regolament REACH] għandu jadotta opinjoni dwar kwalunkwe proposta ppreżentata skond il-paragrafi 1 jew 2 fi żmien 18‑il xahar mill-wasla tal-proposta, li jagħti lill-partijiet ikkonċernati opportunità biex jikkummentaw. L-[ECHA] għandha tgħaddi din l-opinjoni u kwalunkwe kumment lill-Kummissjoni.

5.      Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati mingħajr dewmien bla bżonn f’konformità mal-Artikolu 53a, fejn hija ssib li l-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u t-tikkettar tas-sustanza kkonċernata hija xierqa, sabiex temenda l-Anness VI permezz tal-inklużjoni ta’ dik is-sustanza flimkien mal-elementi rilevanti ta’ klassifikazzjoni u tikkettar fit-Tabella 3.1 tal-Parti 3 tal-Anness VI u, fejn ikunu xierqa, il-limiti speċifiċi ta’ konċentrazzjoni jew il-fatturi‑M.

[...]”

8        Skont l-Artikolu 50(1) tal-istess regolament:

“L-[ECHA] għandha tipprovdi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Komunità bl-aqwa pariri xjentifiċi u tekniċi possibbli dwar kwistjonijiet relatati ma’ sustanzi kimiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha u li huma riferuti lilha skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

9        Il-punt 1.1.1.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP jipprevedi:

“Is-saħħa tad-determinazzjoni ta’ l-evidenza tfisser li t-tagħrif kollu disponibbli li jinfluwenza d-determinazzjoni tal-periklu jitqies f’daqqa [...] Għas-sustanzi, jiġu kkunsidrati wkoll l-informazzjoni mill-applikazzjoni tal-approċċ tal-kategorija (raggruppament, read-across) u r-riżultati tal-(Q)SAR. [...]”

10      Skont il-punt 3.6.2.2.1 ta’ dan l-anness:

“Il-klassifikazzjoni bħala karċinoġenu ssir abbażi ta’ evidenza minn studji affidabbli u aċċettati, u hi maħsuba sabiex tintuża għal sustanzi li għandhom karatteristika intrinsika li jikkawżaw il-kanċer. L-evalwazzjonijiet għandhom jiġu bbażati fuq id-data kollha eżistenti, studji ppubblikati u reveduti minn xjentisti oħra, u data aċċettabli addizzjonali.”

11      Il-punt 3.9.1.1 tal-imsemmi anness jipprovdi:

“Tossiċità speċifika għall-organi fil-mira - esponiment ripetut tfisser effetti tossiċi speċifiċi f’organi fil-mira li jseħħu wara esponiment ripetut għal sustanza jew taħlita. L-effetti kollha sinifikanti fuq is-saħħa li jistgħu jagħmlu ħsara lill-funzjoni, kemm riversibbli kif ukoll irriversibbli, immedjati u/jew ritardjati huma inklużi. Minkejja dan, effetti tossiċi oħra speċifiċi li huma indirizzati b’mod speċifiku fit-Taqsimiet 3.1 sa 3.8 u 3.10 mhumiex inklużi hawnhekk.”

12      Il-punt 3.9.2.1 tal-istess anness jipprevedi:

“Is-sustanzi huma klassifikati bħala tossikanti ta’ organi speċifiċi wara espożizzjoni ripetuta bl-użu ta’ ġudizzju espert (ara 1.1.1), abbażi tas-saħħa ta’ l-evidenza kollha li teżisti, inkluż l-użu ta’ valuri ta’ gwida rakkomandati li jqisu t-tul ta’ l- espożizzjoni u d-doża/il-konċentrazzjoni li ħolqot l-effett(i), (ara 3.9.2.9) , u huma mqiegħda f’waħda minn żewġ kategoriji, skond in-natura u l-kobor ta’ l-effett(i) osservat(i) (Tabella 3.9.1).”

13      Skont il-punt 3.9.2.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP:

“Il-klassifikazzjoni hi determinata permezz ta’ ġudizzju espert (ara t-taqsima 1.1.1), abbażi ta’ l-evidenza kollha disponibbli inkluża l-gwida ppreżentata hawn taħt.”

14      Il-punt 3.9.2.4 ta’ dan l-anness jipprevedi:

“Il-kejl ta’ l-evidenza tad-data kollha (ara t-taqsima 1.1.1), inklużi l-inċidenti umani, l-epidemjoloġija, u studji magħmula fuq annimali sperimentali, tintuża biex issaħħaħ l-effetti tossiċi fl-organi speċifiċi li jixraq li jiġu klassifikati. Dan jiġbor l-għadd konsiderevoli ta’ data tossikoloġika industrijali miġbura matul is-snin. L-evalwazzjoni għandha tiġi bbażata fuq id-data kollha eżistenti, inklużi studji pubblikati riveduti inter pares u d-data addizzjonali aċċettabbli.”

15      Skont il-punt 3.9.2.10.3 tal-imsemmi anness:

“Sustanza li ma ġietx ittestjata għat-tossiċità f’organi speċifiċi tista’, meta jkun opportun, tiġi klassifikata abbażi ta’ l-informazzjoni minn relazzjoni bejn l-istruttura u l-attività ġustifikata u estrapolazzjoni bbażata fuq ġudizzju espert minn analogu strutturali li qabel ġie kklassifikat flimkien ma’ appoġġ sostanzjali mill-konsiderazzjoni ta’ fatturi oħra importanti bħall-formazzjoni ta’ metaboliti komuni sinifikanti.”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-regolament kontenzjuż

16      Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif spjegati fil-punti 2 sa 10 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

17      L-appellanti hija kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li timmanifattura s-silanamina, 1,1,1-trimetil-N-(trimetilsilil)-, prodotti tal-idroliżi bis-siliċe; diossidu tas-siliċju piroġeniku, amorfu sintetiku, nano, bis-superfiċji ttrattata (SAS-HDMS) (iktar ’il quddiem is-“silanamina”).

18      Din hija tip ta’ siliċe amorfu sintetiku (iktar ’il quddiem “SAS”), li l-formula molekulari tiegħu hija “(SiO2)n-(OSi(CH3)3)m”, u li ġie ttrattat sabiex isir idrofobiku. Is-SAS, inkluż f’forom ittrattati fis-superfiċje, jintużaw f’diversi prodotti, bħall-prodotti mediċinali u farmaċewtiċi, il-prodotti tal-ikel u kożmetiċi, kif ukoll f’diversi applikazzjonijiet industrijali, bħala aġenti għat-tisħiħ u għat-tħaxxin f’diversi sistemi, bħall-elastomeri, ir-reżini u l-linka.

19      Is-silanamina hija wkoll sustanza attiva fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2012, L 167, p. 1, u r-rettifiki fil-ĠU 2017, L 280, p. 57, u ĠU 2023, L 71, p. 43).

20      Fis‑17 ta’ Diċembru 2018, l-agence nationale de sécurité sanitaire de l’alimentation, de l’environnement et du travail (l-Aġenzija Nazzjonali għas-Sigurtà Sanitarja tal-Ikel, tal-Ambjent u tax-Xogħol (ANSES, Franza) issottomettiet lill-ECHA, konformement mal-Artikolu 37(1) tar-Regolament CLP, proposta ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar armonizzati tas-silanamina (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar”) fil-klassi ta’ perikolu ta’ “Tossiċità speċifika għal ċerti organi fil-mira – espożizzjoni ripetuta” (iktar ’il quddiem il-“klassi ta’ perikolu STOT RE”) tal-Kategorija 2 (iktar ’il quddiem il-“klassi ta’ perikolu STOT RE 2”).

21      Matul il-perijodu bejn l‑4 ta’ Marzu u t‑3 ta’ Mejju 2019, diversi partijiet ikkonċernati ssottomettew, konformement mal-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP, l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-proposta ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar.

22      Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-KIR adotta opinjoni bid-data tal‑5 ta’ Diċembru 2019 (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tal-KIR”), li fiha ppropona l-klassifikazzjoni tas-silanamina fil-klassi ta’ perikolu STOT RE 2, bil-kodiċi ta’ dikjarazzjoni ta’ perikolu “H373” (pulmuni, inalazzjoni), kif ukoll fil-klassi ta’ perikolu tat-tossiċità akuta tal-Kategorija 2 permezz tal-inalazzjoni (H330) bi stima tat-tossiċità akuta ta’ 0.45 milligrammi għal kull litru (mg/L)

23      Matul il-perijodu bejn it‑3 u s‑17 ta’ Frar 2020, ġiet organizzata konsultazzjoni pubblika mmirata fuq il-klassifikazzjoni tas-silanamina fil-klassi ta’ perikolu tat-tossiċità akuta tal-kategorija 2 permezz tal-inalazzjoni (H330).

24      Fis‑16 ta’ Frar 2022, abbażi tal-opinjoni tal-KIR, il-Kummissjoni adottat ir-regolament kontenzjuż. Permezz ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni żiedet is-silanamina fil-Parti 3 tat-Tabella 3 tal-Anness VI tar-Regolament CLP, bi klassifikazzjoni u ttikkettjar armonizzati fil-klassi ta’ perikolu STOT RE 2, il-kodiċi ta’ dikjarazzjoni ta’ perikolu “H373” (pulmuni, inalazzjoni) u l-kodiċi ta’ pittogramma ta’ perikolu “GHS 08Wng”.

25      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li l-klassifikazzjoni tas-silanamina fil-klassi ta’ perikolu tat-tossiċità akuta tal-Kategorija 2, irrakkomandata fl-opinjoni tal-KIR, ma kellhiex tiġi inkluża f’din il-Parti 3, peress li dik l-istituzzjoni qieset, wara li evalwat l-informazzjoni xjentifika l-ġdida rċevuta, li din tal-aħħar kienet għadha trid tiġi eżaminata mill-KIR.

III. Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Lulju 2022, l-appellanti ressqet rikors għal annullament kontra r-regolament kontenzjuż.

27      Insostenn ta’ dak ir-rikors, l-appellanti qajmet erba’ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza fil-klassi ta’ perikolu STOT RE 2. Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti sostniet ksur tal-proċedura ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar armonizzati (iktar ’il quddiem il-“proċedura KTA”). It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina l-adegwatezza tal-klassifikazzjoni kkontestata. Permezz tar-raba’ motiv, l-appellanti sostniet assenza ta’ analiżi tal-impatt.

28      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż.

IV.    It-talbiet tal-partijiet

29      Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell kif ukoll dawk sostnuti fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell; u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

31      L-ECHA titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell; u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

V.      Fuq l-appell

32      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-legalità tar-regolament kontenzjuż fir-rigward tal-kriterji ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar armonizzati previsti fir-Regolament CLP. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 37(4) ta’ dan ir-regolament.

A.      Fuq l-ewwel aggravju

33      L-ewwel aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet. L-ewwel parti tiegħu hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ġenerali, li l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għalih fis-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2022, CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni (T‑279/20, T‑283/20 u T‑288/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni”, EU:T:2022:725, punt 136), li jgħid li kull perikolu li jiġġustifika klassifikazzjoni, fis-sens tar-Regolament CLP, għandu jirriżulta mill-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanza eżaminata. It-tieni parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata fuq żnaturament tal-argument invokat mill-appellanti fl-ewwel istanza li l-KIR ma kienx ħa inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tal-ittestjar fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-proprjetajiet tas-silanamina fir-rigward tal-klassi ta’ perikolu STOT RE u, għalhekk, ta’ assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju f’dan ir-rigward. It-tielet parti tal-imsemmi aggravju hija bbażata fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-klassifikazzjoni kkontestata kinitx ibbażata fuq effetti sinjifikattivi fuq is-saħħa. Ir-raba’ parti tal-istess aggravju hija bbażata fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-fondatezza tar-rikors, fl-opinjoni tal-KIR, dwar qari trażversali ma’ SAS li hija simili biżżejjed għas-silanamina (iktar ’il quddiem il-“qari trażversali”).

1.      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

34      L-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ġenerali li jgħid li kull perikolu li jiġġustifika klassifikazzjoni, fis-sens tar-Regolament CLP, għandu jirriżulta mill-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanza eżaminata, huwa maqsum fi tliet subpartijiet. L-ewwel u t-tieni subparti ta’ din il-parti, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma bbażati fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan il-prinċipju ġenerali. It-tielet subparti tal-imsemmija parti hija bbażata fuq ommissjoni, imwettqa mill-Qorti Ġenerali, li tistħarreġ jekk il-proprjetajiet intrinsiċi tas-silanamina kinux jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni kkontestata.

a)      Fuq l-ewwel u t-tieni subparti tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju

1)      L-argumenti tal-partijiet

35      Fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni subparti tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażati fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ġenerali li kull perikolu li jiġġustifika klassifikazzjoni, fis-sens tar-Regolament CLP, għandu jirriżulta mill-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanza eżaminata, l-appellanti tqajjem, essenzjalment, tliet ilmenti.

36      Permezz tal-ewwel ilment ta’ dawn l-ewwel u t-tieni subparti, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 105, 106 u 113 tas-sentenza appellata, iddistingwiet b’mod żbaljat il-kunċetti ta’ “effetti tossiċi speċifiċi” u ta’ “proprjetajiet intrinsiċi”, fis-sens tar-Regolament CLP, li wassalha b’mod żbaljat u f’kontradizzjoni mal-punti 119 u 146 ta’ dik is-sentenza sabiex tasal għal konklużjoni opposta għal dik li hija kienet adottat fis-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni. Hija ssostni li, sabiex isostnu klassifikazzjoni skont dan ir-regolament, inkluż fil-klassi ta’ perikolu STOT RE 2, l-effetti tossiċi osservati prodotti minn sustanza għandhom, bħalma kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 139 ta’ din is-sentenza tal-aħħar, ikunu speċifiċi għal din is-sustanza sa fejn għandhom ikunu r-riżultat ta’ proprjetà intrinsika perikoluża tal-imsemmija sustanza u mhux, kif il-Qorti Ġenerali fehmet b’mod żbaljat l-argument tagħha fl-ewwel istanza, sa fejn dawn għandhom ikunu speċifiċi għall-istess sustanza.

37      Permezz tat-tieni lment tal-ewwel u tat-tieni subparti, l-appellanti tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li rreferiet biss parzjalment għas-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni u li għalhekk naqset milli tqis, minkejja siltiet oħra kontradittorji tas-sentenza appellata, li l-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar armonizzati huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiġu ddeterminati l-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi.

38      Permezz tat-tielet ilment tal-ewwel u tat-tieni subparti tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li għamlet distinzjoni żbaljata, fil-punti 146 sa 150 tas-sentenza appellata, bejn il-kawża li kienet adita biha u dik li tat lok għas-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni. L-ewwel, il-fatt li l-kriterji ta’ klassifikazzjoni u s-sustanzi kkonċernati, il-motivazzjoni tal-opinjonijiet tal-KIR mogħtija kif ukoll l-istudji xjentifiċi meħuda inkunsiderazzjoni minnu kienu differenti f’dawn iż-żewġ kawżi ma huwiex rilevanti peress li, skont dik is-sentenza, il-klassifikazzjonijiet armonizzati kollha skont ir-Regolament CLP huma bbażati fuq il-kunċetti ta’ “proprjetajiet intrinsiċi” u ta’ “effetti speċifiċi”, li jinsabu f’rabta kawżali. It-tieni, kuntrarjament għal dak li għamlet fil-punt 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tibbaża ruħha fuq l-opinjonijiet tal-KIR sabiex tiddetermina jekk effetti osservati jirriżultawx mill-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanza kkonċernata u, fi kwalunkwe każ, il-KIR esprima dubji dwar il-fatt li dan ma kienx il-każ f’dan il-każ. It-tielet, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tossiċità osservata fis-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il-Kummissjoni ma kinitx speċifika għas-sustanza inkwistjoni, iżda kienet komuni għal partiċelli oħra ftit solubbli b’livell baxx ta’ tossiċità u li kemm din is-sustanza kif ukoll, b’analoġija, is-silanamina kellhom tossiċità mill-inalazzjoni ta’ partiċelli mhux speċifiċi.

39      Il-Kummissjoni u l-ECHA jqisu li l-ewwel u t-tieni subparti tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li s-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni kienet is-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, fis-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Franza u Il‑Kummissjoni vs CWS Powder Coatings et (C‑71/23 P u C‑82/23 P, EU:C:2025:601), il-Qorti tal-Ġustizzja ma adottatx l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali f’dik l-ewwel sentenza fir-rigward tal-kunċett ta’ “proprjetajiet intrinsiċi” u dak ta’ “sustanza intrinsikament kapaċi li tikkawża l-kanċer”, fis-sens tal-punt 3.6.2.2.1 tal-Anness I tar-Regolament CLP.

41      Fil-punti 96 sa 173 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem fl-ewwel istanza, li permezz tagħha l-appellanti sostniet li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ sustanza fil-klassi ta’ perikolu STOT RE, din is-sustanza għandha tipproduċi effetti tossiċi speċifiċi, jiġifieri effetti li jirriżultaw mill-proprjetajiet intrinsiċi tagħha, u li s-silanamina ma kinitx tipproduċi tali effetti, peress li l-effetti osservati rriżultaw mill-preżentata ta’ numru kbir ta’ partiċelli meħuda man-nifs fil-kuntest tal-istudji rilevanti u tad-doża jew tal-konċentrazzjoni għolja amministrata f’dawn l-istudji.

42      Mill-punt 121 tas-sentenza appellata jsegwi li huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 96 sa 120 ta’ dik is-sentenza li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti ppreżentati mill-appellanti insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem fl-ewwel istanza.

43      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod partikolari, fil-punti 104 sa 106 tas-sentenza appellata, li t-terminu “speċifiċi” li jinsab fil-kunċett ta’ “effetti tossiċi speċifiċi”, previst fil-punt 3.9.1.1 tal-Anness I tar-Regolament CLP, jirreferi għall-organu fil-mira, mingħajr ma huwa meħtieġ li dawn l-effetti tossiċi jkunu speċifiċi għas-sustanza kkonċernata. Fil-punt 113 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, fis-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni, hija kienet interpretat il-kunċett ta’ “proprjetajiet intrinsiċi”, li jirrigwarda l-kawża tal-perikolu, mingħajr ma ddeċidiet dwar il-kunċett ta’ “effetti tossiċi speċifiċi”, li jirreferi għar-riżultat tal-perikolu.

44      Barra minn hekk, fil-punti 117 sa 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, billi rreferiet għall-punti 136 u 138 sa 141 tas-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni, li minnha kien isegwi li, l-ewwel, ir-Regolament CLP jirrigwarda t-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar il-perikoli marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi, it-tieni, li l-kunċett ta’ “proprjetajiet intrinsiċi” għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-proprjetajiet ta’ sustanza li “jappartjenu lilha stess” u, it-tielet, li tali interpretazzjoni kienet b’mod partikolari konformi mal-fatt li l-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-perikoli, u mhux dik tar-riskji, u l-ewwel evalwazzjoni ma għandhiex tkun limitata għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi ta’ użu speċifiċi u tista’ titwettaq b’mod validu indipendentement mill-post ta’ użu tas-sustanza kkonċernata jew mil-livelli potenzjali ta’ espożizzjoni għaliha.

45      Il-Qorti Ġenerali sussegwentement eżaminat, fil-punti 122 sa 151 tas-sentenza appellata, l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq l-aspett li l-effetti osservati kienu jirriżultaw mid-depożitu ta’ numru kbir ta’ partiċelli meħuda man-nifs fil-kuntest tal-istudji rilevanti qabel ma evalwat, fil-punti 152 sa 173 ta’ dik is-sentenza, dawk ibbażati fuq l-aspett li l-effetti osservati kienu jirriżultaw mid-doża jew mill-konċentrazzjoni għolja amministrata fl-istudji rilevanti.

46      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dan l-ewwel grupp ta’ argumenti, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fl-ewwel lok, fil-punt 128 tas-sentenza appellata, li l-appellanti sempliċement irrepetiet l-argument tal-industrija invokat matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-regolament kontenzjuż li l-effetti osservati fl-istudji meħuda inkunsiderazzjoni fl-opinjoni tal-KIR kienu jirriżultaw mid-depożitu ta’ partiċelli meħuda man-nifs fil-pulmun li jikkawża reazzjoni infjammatorja, mingħajr ma wriet li r-reazzjoni morfoloġika tat-tessuti, li tikkonsisti f’diversi effetti osservati, ma setgħetx tkun il-bażi tal-klassifikazzjoni kkontestata sa fejn dawn l-effetti kienu wkoll effetti infjammatorji li jirriżultaw mid-depożitu ta’ numru kbir ta’ partiċelli meħuda man-nifs fil-kuntest tal-istudji meħuda inkunsiderazzjoni. Fil-punt 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li, fir-rigward ta’ fatti kumplessi, ma kienx il-kompitu tagħha li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-KIR, kif adottata mill-Kummissjoni, b’dik tagħha.

47      Fit-tieni lok, fil-punti 130 sa 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-KIR u l-Kummissjoni kienu ħadu inkunsiderazzjoni l-argumenti tal-industrija invokati matul il-proċedura ta’ adozzjoni tal-opinjoni tal-KIR, iżda, fl-aħħar mill-aħħar, kienu ċaħduhom.

48      Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, li l-analoġija magħmula mill-appellanti bejn il-kawża li kienet adita biha u dik li tat lok għas-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni ma kinitx fondata.

49      F’dan ir-rigward, mill-punti 146 sa 148 tas-sentenza appellata jsegwi li l-Qorti Ġenerali qieset li l-kriterji ta’ klassifikazzjoni, is-sustanza kkonċernata, il-motivazzjoni tal-opinjoni tal-KIR u l-istudji xjentifiċi meħuda inkunsiderazzjoni minn dan il-kumitat fil-kawża li tat lok għas-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni kienu differenti minn dawk inkwistjoni f’din il-kawża.

50      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 149 tas-sentenza appellata, li hija kienet ċertament ikkonstatat, fis-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni, li akkumulazzjoni ta’ partiċelli fil-pulmun fi kwantitajiet suffiċjenti sabiex jiġi prodott tnaqqis sinjifikattiv tal-mekkaniżmi ta’ eliminazzjoni tal-partiċelli, li seħħ biss meta ċerti kwantitajiet ta’ partiċelli ttieħdu man-nifs, ma setgħetx titqies li taqa’ taħt il-proprjetajiet intrinsiċi tal-partiċelli inkwistjoni. Fil-punt 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li ċ-ċirkustanzi speċifiċi msemmija fil-punt 158 tas-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni madankollu ma kinux jeżistu f’dan il-każ.

51      Fil-punt 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, fir-regolament kontenzjuż, il-klassifikazzjoni kkontestata ma kinitx marbuta ma’ daqs preċiż tal-partiċelli inkwistjoni, kuntrarjament għal dik tad-diossidu tat-titanju fil-kawża li tat lok għas-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni. Hija żiedet, f’dan il-punt 150, li ebda evalwazzjoni jew data numerika li tippermetti li jiġi konkluż li l-effetti identifikati kienu ġew osservati f’kundizzjonijiet għolja wisq fil-korp fil-mira, kif kien il-każ f’din il-kawża, ma kienet tinsab fil-proċess.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li sustanza jew taħlita li tissodisfa l-kriterji relatati mal-perikoli fiżiċi, mal-perikoli għas-saħħa jew mal-perikoli ambjentali, kif stipulati fil-partijiet 2 sa 5 tal-Anness I tar-Regolament CLP, hija, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tiegħu, meqjusa bħala perikoluża u kklassifikata f’waħda mill-klassijiet ta’ perikolu previsti f’dan l-anness.

53      Il-punt 3.9 tal-Anness I tar-Regolament CLP, intitolat “Tossiċità speċifika għall-organi fil-mira - esponiment ripetut”, li jinsab fil-Parti 3 tiegħu, intitolata “Periklu għas-saħħa”, jipprevedi, minn naħa, kriterji ta’ klassifikazzjoni fil-klassi ta’ perikolu STOT RE u, min-naħa l-oħra, rekwiżiti dwar il-komunikazzjoni ta’ dan il-perikolu.

54      Il-punt 3.9.1.1 ta’ dan l-anness jiddefinixxi t-“Tossiċità f’organi speċifiċi (espożizzjoni ripetuta)” bħala t-“tossiċità f’organi speċifiċi li tiġi minn espożizzjoni ripetuta għal sustanza jew taħlita. L-effetti kollha sinifikanti fuq is-saħħa li jistgħu jagħmlu ħsara lill-funzjoni, kemm riversibbli kif ukoll irriversibbli, immedjati u/jew ritardjati huma inklużi. Minkejja dan, effetti tossiċi oħra speċifiċi li huma indirizzati b’mod speċifiku fit-taqsimiet 3.1 sa 3.8 u 3.10 mhumiex inklużi hawn”.

55      Fir-rigward tal-ewwel ilment imqajjem fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni subparti tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq in-natura żbaljata tad-distinzjoni tal-kunċetti ta’ “effetti tossiċi speċifiċi” u ta’ “proprjetajiet intrinsiċi”, għandu ċertament jiġi rrilevat li, fil-punti 104 sa 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddistingwiet il-kunċetti ta’ “effetti tossiċi speċifiċi” u ta’ “proprjetajiet intrinsiċi” previsti mir-Regolament CLP sabiex tispjega li t-terminu “speċifiċi” inkluż fil-kunċett ta’ “effetti tossiċi speċifiċi”, li jinsab fil-punt 3.9.1.1 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, jirrigwarda l-korp fil-mira u mhux is-sustanza kkonċernata.

56      Madankollu, fil-punti 128 sa 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq il-kunsiderazzjoni li ma huwiex meħtieġ li l-effetti osservati fil-kuntest tal-istudji rilevanti f’dan il-każ ikunu speċifiċi għas-sustanza kkonċernata sabiex jiġi miċħud bħala infondat l-argument tal-appellanti li dawn l-effetti ma kinux jirriżultaw mill-proprjetajiet intrinsiċi tas-silanamina, iżda mid-depożitu ta’ numru kbir ta’ partiċelli meħuda man-nifs fil-kuntest tal-istudji rilevanti.

57      Fil-fatt, mill-punt 128 tas-sentenza appellata jsegwi li l-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument sa fejn, b’mod partikolari, dan kien jirriżulta minn allegazzjoni mhux ipprovata u, kif jirriżulta mill-punt 150 ta’ dik is-sentenza, hija rrifjutat li tasal għal konklużjoni paragunabbli għal dik li kienet waslet għaliha fis-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni, peress li, b’mod partikolari, ir-regolament kontenzjuż ma kienx jippreċiża li l-klassifikazzjoni kkontestata kienet marbuta ma’ daqs preċiż tal-partiċelli inkwistjoni u li ebda evalwazzjoni jew data numerika li tinsab fil-fajl ma tippermetti li jiġi konkluż li l-effetti identifikati ġew osservati f’kundizzjonijiet ta’ ammonti għoljin fil-pulmun.

58      Bl-istess mod, fil-punti 152 sa 172 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti bbażat fuq l-aspett li l-effetti osservati jirriżultaw mid-doża jew mill-konċentrazzjoni għolja amministrata fl-istudji rilevanti mingħajr ma bbażat ruħha fuq il-kunsiderazzjoni msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li, fil-punti 104 sa 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddistingwiet il-kunċetti ta’ “effetti tossiċi speċifiċi” u ta’ “proprjetajiet intrinsiċi”, fis-sens tar-Regolament CLP, dan l-iżball ma kellux effett fuq il-fondatezza tad-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ effetti tossiċi speċifiċi fuq il-pulmun prodott mis-silanamina.

60      Barra minn hekk, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-fondatezza tal-argument tal-appellanti li l-effetti tossiċi osservati fil-kuntest tal-istudji rilevanti ma kinux jirriżultaw mill-proprjetajiet intrinsiċi tas-silanamina, l-allegat żnaturament ta’ dan l-argument fil-punt 105 tas-sentenza appellata, kif miġbur fil-qosor fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

61      Għaldaqstant, l-ewwel ilment imqajjem fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni subparti tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

62      Fir-rigward tat-tieni lment tal-imsemmija subpartijiet, li permezz tiegħu l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi, kif għamlet fil-punti 135 u 138 sa 140 tas-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni, li sustanza tista’ tiġi kklassifikata biss, fis-sens tar-Regolament CLP, fid-dawl tal-proprjetajiet intrinsiċi tagħha, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, fil-punti 117 sa 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali adottat preċiżament tali interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament u li, min-naħa l-oħra, hija eżaminat il-fondatezza tal-argument tal-appellanti li l-effetti osservati fil-kuntest tal-istudji rilevanti ma kinux jirriżultaw mill-kwalitajiet intrinsiċi tas-silanamina.

63      Għaldaqstant, dan it-tieni lment huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata b’tali mod li għandu jiġi miċħud bħala infondat.

64      Fir-rigward tat-tielet ilment tal-istess subpartijiet, li permezz tiegħu l-appellanti tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li għamlet distinzjoni żbaljata, fil-punti 146 sa 150 tas-sentenza appellata, bejn il-kawża li kienet adita biha u dik li tat lok għas-sentenza CWS Powder Coatings et vs Il‑Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li l-fatti inkwistjoni ta’ dawn iż-żewġ kawżi huma simili, din iċ-ċirkustanza ma hijiex ta’ natura, bħala tali, li tistabbilixxi li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar is-silanamina ġiet adottata bi ksur tar-rekwiżiti tar-Regolament CLP.

65      Issa, insostenn ta’ dan it-tielet ilment, l-appellanti sempliċement issostni li dawn il-fatti għandhom punti komuni, mingħajr ma turi kif dawn l-elementi jimplikaw neċessarjament li jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li ma kienx stabbilit li din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet tmur kontra dawn ir-rekwiżiti. Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, tali argument ma jistax juri li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 151 tas-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

66      Għaldaqstant, l-imsemmi tielet ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

67      Minn dan isegwi li l-ewwel u t-tieni subparti tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda.

b)      Fuq it-tielet subparti tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju

1)      L-argumenti tal-partijiet

68      Fil-kuntest tat-tielet subparti tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq l-aspett li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx, bi ksur tal-istħarriġ ġudizzjarju li kien il-kompitu tagħha li twettaq, jekk il-KIR u l-Kummissjoni kinux urew li l-proprjetajiet intrinsiċi tas-silanamina kienu jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni kkontestata, l-appellanti ssostni li, l-ewwel, fil-punti 125 u 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement iċċitat l-evalwazzjonijiet tal-KIR f’dan is-sens u, it-tieni, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, hija imponiet fuqha l-oneru tal-prova billi eżiġiet li hija turi, minn naħa, li l-KIR u l-Kummissjoni ma kinux ipprovaw li l-effetti osservati fi studji rilevanti kienu l-konsegwenza ta’ proprjetà intrinsika tas-silanamina u, min-naħa l-oħra, li din l-assenza ta’ prova kienet tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

69      Il-Kummissjoni u l-ECHA jqisu li t-tielet subparti tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70      Għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 125 u 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali semmiet l-effetti li l-KIR kien ibbaża l-klassifikazzjoni kkontestata fuqhom.

71      Fil-punti 127 u 128 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-appellanti ma kinitx uriet li l-KIR u, għaldaqstant, il-Kummissjoni, kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħadu inkunsiderazzjoni dawn l-effetti peress li hija sempliċement allegat li l-imsemmija effetti kienu rriżultaw mid-depożitu ta’ numru kbir ta’ partiċelli meħuda man-nifs fil-kuntest tal-istudji rilevanti.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, fl-assenza ta’ provi suffiċjenti sabiex titneħħa l-plawżibbiltà tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fl-opinjoni tal-KIR u riprodotti mill-Kummissjoni fir-regolament kontenzjuż, hija ma kellhiex, fir-rigward ta’ fatti kumplessi, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-KIR, riprodotta mill-Kummissjoni, b’dik tagħha.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-parti li tinvoka analiżi insuffiċjenti tal-elementi rilevanti mill-organu tal-Unjoni kkonċernat jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa minnu għandha tipproduċi provi li jistgħu jkunu ta’ bażi għall-plawżibbiltà ta’ tali insuffiċjenza jew ta’ tali żbalji, b’oneru fuq dan l-organu, skont il-każ, li jeskludi din il-plawżibbiltà, mingħajr ma dan jikkostitwixxi inverżjoni tal-oneru tal-prova (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Global Silicones Council et vs ECHA, C‑559/21 P, EU:C:2023:842, punt 47).

74      F’dan il-każ, hija għalhekk l-appellanti li kellha tipproduċi, quddiem il-Qorti Ġenerali, provi li jistgħu juru l-plawżibbiltà tal-insuffiċjenza tal-analiżi jew tal-iżbalji li hija allegat fil-konfront tal-awtorità kompetenti.

75      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament, wara li fakkret fil-punti 124 sa 126 tas-sentenza appellata r-raġunament li wassal għall-klassifikazzjoni tas-silanamina bħala li taqa’ fil-klassi ta’ perikolu STOT RE 2, sempliċement tevalwa jekk il-provi prodotti mill-appellanti kinux suffiċjenti sabiex juru l-plawżibbiltà tal-allegazzjonijiet tagħha.

76      Issa, il-Qorti Ġenerali wettqet din l-evalwazzjoni billi kkonstatat, fil-punti 127 u 128 ta’ dik is-sentenza, li l-appellanti sempliċement allegat li l-effetti li fuqhom il-KIR kien ibbaża l-klassifikazzjoni kkontestata kienu jirriżultaw mid-depożitu ta’ numru kbir ta’ partiċelli ta’ silanamina meħuda man-nifs fil-kuntest tal-istudji rilevanti u għalhekk ma kinitx uriet żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-KIR jew mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-effetti.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li naqset milli tivverifika jekk il-KIR u l-Kummissjoni kinux urew li l-proprjetajiet intrinsiċi tas-silanamina kienu jiġġustifikaw din il-klassifikazzjoni jew li poġġew fuq l-appellanti oneru tal-prova eċċessiv, b’tali mod li t-tielet subparti tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

2.      Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

a)      L-argumenti tal-partijiet

79      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, ir-rikorrenti ssostni li, fil-punt 99 tar-rikors promotur, kif ukoll fil-punti 43 u 44 tar-replika, hija kienet sostniet li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proprjetajiet tas-silanamina fir-rigward tar-rekwiżiti previsti għall-klassi ta’ perikolu STOT RE fir-Regolament CLP, il-KIR ma kienx ħa inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tal-ittestjar. Issa, il-Qorti Ġenerali żnaturat dan l-argument u għalhekk naqset milli twieġeb għalih meta semmiet, fil-punt 171 tas-sentenza appellata, li hija kienet invokat riskji potenzjali assoċjati mas-silanamina jew ċirkustanzi speċifiċi tal-użu tagħha, sabiex tikkonstata li dawn ir-riskji u dawn iċ-ċirkustanzi kienu irrilevanti fil-kuntest tar-Regolament CLP.

80      Il-Kummissjoni u l-ECHA jqisu li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      Fil-punt 153 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-appellanti allegat li l-effetti osservati ma kinux ir-riżultat tas-silanamina fil-forma jew fl-istat fiżiku li fih hija kienet tqiegħdet fis-suq jew li fihom kien raġonevolment possibbli li wieħed jistenna li din tintuża. Din l-allegazzjoni ġiet riprodotta mill-ġdid u eżaminata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 171 tas-sentenza appellata.

82      Minn dan isegwi li, skont il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kkontestat fl-ewwel istanza li l-KIR ma kienx ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-istudji msemmija fl-informazzjoni adottata insostenn tal-klassifikazzjoni kkontestata kienu twettqu bis-silanamina li l-forma u l-istat fiżiku tagħha ma kinux jikkorrispondu għat-tqegħid tagħha fis-suq jew għall-użu tagħha f’kundizzjonijiet normali.

83      Issa, il-punt 99 tar-rikors promotur kien ifformulat kif ġej:

“Dan huwa iktar u iktar minnu peress li l-forma tas-sustanza użata fl-istudji ta’ espożizzjoni ripetuta (bħall-istudji Reuzel) hija mmodifikata u ma tirriflettix il-forma tas-sustanza li l-bnedmin ikunu esposti għaliha f’kundizzjonijiet normali u prevedibbli ta’ użu. Dawn il-modifiki huma intiżi sabiex jirrendu s-sustanza respirabbli għall-finijiet tat-twettiq ta’ studji ta’ teħid man-nifs ta’ dożi repetuti, li huma maħsuba sabiex jipproduċu effetti fl-ogħla doża użata. Madankollu, il-ħaddiema u l-konsumaturi ma jkunux esposti għal dożi daqshekk għolja jew f’forma daqstant respirabbli fil-kundizzjonijiet normali u prevedibbli ta’ użu. Ir-rilevanza għas-saħħa tal-bniedem tal-effetti osservati f’dożi/konċentrazzjonijiet daqstant għolja ta’ sustanzi partikulati fl-istudji rilevanti hija għalhekk, l-iktar l-iktar, konġettura.”

84      Barra minn hekk, fil-punti 43 u 44 tar-replika ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti sostniet dan li ġej:

“43.      Minn dan isegwi li l-forma li fiha s-sustanza titqiegħed fis-suq jew tista’ raġonevolment tintuża u l-kompożizzjoni granulometrika użata għal finijiet ta’ ttestjar kellhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat (i) jekk l-effetti osservati fl-istudji setgħux jitqiesu bħala rilevanti għall-bniedem u (ii) jekk dawn kinux għadhom jistgħu jitqiesu bħala speċifiċi għas-sustanza. Dan la sar mill-KIR u lanqas, sussegwentement, mill-[Kummissjoni].

44.      Issa, huwa ta’ importanza kbira li jiġi żgurat li l-effetti osservati jistgħu jiġu attribwiti lis-sustanza fil-forma li fiha titqiegħed fis-suq u li fiha wieħed jista’ raġonevolment jistenna li tintuża, peress li ‘diversi modifiki tas-superfiċji tas-siliċi amorfi sintetiċi, bħas-[sustanza], jistgħu jaffettwaw il-proprjetajiet perikolużi tas-sustanza, li jista’ jwassal għal klassifikazzjonijiet differenti’, bħalma tirrikonoxxi l-[Kummissjoni] stess.”

85      Għaldaqstant, ma jistax jitqies li mill-punt 99 tar-rikors promotur jew mill-punti 43 u 44 tar-replika ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta manifestament li l-appellanti invokat argument differenti minn dak li l-Qorti Ġenerali eżaminat fil-punt 171 tas-sentenza appellata. Fl-assenza ta’ żnaturament, lanqas ma jista’ jitqies li l-Qorti Ġenerali naqset milli twieġeb għal dan l-argument.

86      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

3.      Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

a)      L-argumenti tal-partijiet

87      Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq l-aspett li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-klassifikazzjoni kkontestata kinitx ibbażata fuq effetti sinjifikattivi fuq is-saħħa, l-appellanti tinvoka, essenzjalment, tliet argumenti.

88      L-ewwel, mill-punt 65 tas-sentenza appellata jsegwi li l-Qorti Ġenerali sempliċement ivverifikat li l-KIR kien identifika, insostenn ta’ din il-klassifikazzjoni, effetti oħra minbarra l-fibrożi biss, mingħajr ma vverifikat jekk, u sa fejn, il-KIR kienx wera n-natura sinjifikattiva ta’ wieħed minn dawn l-effetti l-oħra minkejja li l-fibrożi ma kinitx suffiċjenti, waħedha, sabiex tiġġustifika l-klassifikazzjoni tas-silanamina.

89      It-tieni, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ikkritikat lill-appellanti li ma pproduċietx provi sabiex tneħħi l-plawżibbiltà tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fl-opinjoni tal-KIR u, għalhekk, qalbet l-oneru tal-prova.

90      It-tielet, fil-punt 147 tar-rikors promotur, l-appellanti, fi kwalunkwe każ, uriet li l-imsemmija effetti l-oħra ma kinux ta’ natura sinjifikattiva.

91      Il-Kummissjoni u l-ECHA jsostnu li t-tielet parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli sa fejn tirrigwarda dan l-aħħar argument u, fi kwalunkwe każ, infondata fl-intier tagħha.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

92      Għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 60 sa 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti invokati mill-appellanti insostenn tal-allegazzjoni tagħha li l-KIR ibbaża ruħu fuq konklużjonijiet li ma kinux jissodisfaw il-kriterji previsti fil-punt 3.9 tal-Anness I tar-Regolament CLP.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, wara li elenkat fil-punt 65 tas-sentenza appellata l-effetti minbarra l-fibrożi kkunsidrati fl-opinjoni tal-KIR, il-Qorti Ġenerali eżaminat mill-punt 67 ta’ dik is-sentenza l-argumenti tal-appellanti intiżi sabiex juru li dawn l-effetti ma kinux ta’ natura li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni kkontestata.

94      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari, fil-punt 69 tal-imsemmija sentenza, li l-klassi ta’ perikolu STOT RE tkopri l-effetti sinjifikattivi kollha li jistgħu jfixklu funzjoni. Barra minn hekk, fil-punt 90 tal-istess sentenza, hija kkonstatat li qari globali tal-opinjoni tal-KIR u tal-analiżi tal-istudji li huwa ħa inkunsiderazzjoni jippermetti li jinftiehmu r-raġunijiet li wasslu lil dan tal-aħħar iqis li l-effetti osservati kienu jikkostitwixxu effetti li jistgħu jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni kkontestata konformement mal-kriterji previsti fit-Taqsima 3.9 tal-Anness I tar-Regolament CLP.

95      Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, fl-imsemmija sentenza, li ssemmi l-effetti identifikati mill-KIR, mingħajr ma eżaminat jekk huwa kienx ivverifika li dawn l-effetti setgħu jitqiesu li jikkostitwixxu effetti negattivi sinjifikattivi fuq is-saħħa.

96      F’dan il-kuntest, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, kienet l-appellanti li kellha tipproduċi, quddiem il-Qorti Ġenerali, provi li jistgħu juru l-plawżibbiltà tal-allegazzjoni tagħha li l-effetti identifikati mill-KIR ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala effetti negattivi sinjifikattivi fuq is-saħħa.

97      Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova meta kkonstatat li, fl-assenza ta’ provi prodotti mill-appellanti sabiex tneħħi l-plawżibbiltà tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fl-opinjoni tal-KIR, il-KIR ma jistax jiġi kkritikat li ġġustifika l-klassifikazzjoni kkontestata tal-inqas abbażi tar-reazzjoni morfoloġika tat-tessuti (ipertrofija, leżjonijiet pulmonari, iperplażja parzjali tal-epitelju bronkiolari, immudellar mill-ġdid tal-kollaġen).

98      Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-appellanti li hija wriet li l-effetti identifikati mill-KIR ma humiex ta’ natura notevoli, għandu jiġi kkonstatat li jekk din l-allegazzjoni tintlaqa’ jkun jippreżupponi li jiġu evalwati l-provi prodotti mill-appellanti.

99      Issa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha kompetenza biss sabiex teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom u l-konsegwenzi legali li jkunu nsiltu minnhom. Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

100    Barra minn hekk, meta appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll skont l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Żnaturament tar-rikors promotur għandu madankollu jidher b’mod manifest mid-dokumenti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

101    F’dan il-każ, l-appellanti ma tinvoka ebda żnaturament ta’ provi, b’tali mod li l-allegazzjoni msemmija fil-punt 98 ta’ din is-sentenza għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

102    Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

4.      Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju

103    Ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-fondatezza tar-rikors għall-qari trażversali fl-opinjoni tal-KIR, hija maqsuma f’żewġ subpartijiet. Permezz tal-ewwel subparti ta’ din ir-raba’ parti, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem fl-ewwel istanza, li wassalha sabiex tikkonstata li wieħed mill-argumenti huwa inammissibbli. It-tieni subparti tal-imsemmija raba’ parti hija bbażata fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-konformità tar-rikors għall-qari trażversali fl-opinjoni tal-KIR mar-rekwiżiti previsti fil-punt 3.9.2.10.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP.

a)      Fuq l-ewwel subparti tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju

1)      L-argumenti tal-partijiet

104    Permezz tal-ewwel subparti tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem fl-ewwel istanza, billi ssuġġeriet li hija kienet invokat biss, fil-kuntest ta’ din il-parti, l-assenza ta’ prova fl-opinjoni tal-KIR li s-SAS-DDS, użata bħala sustanza sors f’din l-opinjoni, kienet tikkostitwixxi “analogu strutturali li qabel ġie kklassifikat”, fis-sens tal-punt 3.9.2.10.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP.

105    Għalhekk, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, iddikjarat bħala ġdid u, għaldaqstant, inammissibbli, l-argument tal-appellanti invokat fil-kuntest tar-replika fl-ewwel istanza, li l-KIR la kien wera li d-data dwar is-SAS‑DDS kienet relatata ma’ relazzjoni “struttura-attività” vvalidata bejn is-SAS-DDS u s- silanamina, u lanqas li kien jeżisti ġudizzju espert li jippermetti estrapolazzjoni għal dan l-għan. Fil-punti 112 u 113 tar-rikors promotur, l-appellanti fil-fatt indikat, billi ċċitat il-punt 3.9.2.10.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP kollu, li hija kienet tqis li ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt ma kienet ġiet issodisfatta mill-KIR. Tali lment ġie sostnut mill-assenza ta’ identifikazzjoni ta’ klassifikazzjoni armonizzata eżistenti għas-sustanzi li fuqhom il-KIR kien ibbaża l-qari trażversali, filwaqt li l-iżvilupp ta’ dan l-ilment jinsab fil-punt 66 tar-replika bi tweġiba għar-risposta.

106    Il-Kummissjoni u l-ECHA jsostnu li l-ewwel subparti tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju hija ineffettiva u, fi kwalunkwe każ, infondata.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

107    Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 200 tas-sentenza appellata, li mir-rikors promotur bl-ebda mod ma jirriżulta li dan kien jinkludi argument dwar id-data relatata ma’ relazzjoni struttura-attività vvalidata u mal-eżistenza ta’ ġudizzju espert li jippermetti estrapolazzjoni, peress li t-tieni parti tal-ewwel motiv żviluppat f’dan ir-rikors kienet tirrigwarda essenzjalment ir-rekwiżit ta’ analogu strutturali li ġie kklassifikat qabel. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 201 ta’ dik is-sentenza, li dan l-argument kien ġdid u kellu, konsegwentement, jiġi ddikjarat inammissibbli.

108    F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi rrilevat li, fil-punt 112 tal-imsemmi rikors, l-appellanti kienet sostniet li “l-kundizzjonijiet ta’ qari trażversali tas-SAS-DDS (is-sustanza sors) [mas-]sustanza fil-mira, kif previsti [fil-punt] 3.9 tal-Anness I tar-Regolament CLP, [ma kinux] issodisfatti f’dan il-każ” u, fil-punt 113 ta’ dan ir-rikors, kienet iċċitat il-punt 3.9.2.10.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP fl-intier tiegħu, li jipprovdi li, “[s]ustanza li ma ġietx ittestjata għat-tossiċità f’organi speċifiċi tista’, meta jkun opportun, tiġi klassifikata abbażi ta’ l-informazzjoni minn relazzjoni bejn l-istruttura u l-attività ġustifikata u estrapolazzjoni bbażata fuq ġudizzju espert minn analogu strutturali li qabel ġie kklassifikat flimkien ma’ appoġġ sostanzjali mill-konsiderazzjoni ta’ fatturi oħra importanti bħall-formazzjoni ta’ metaboliti komuni sinifikanti”.

109    Madankollu, billi ċċitat il-punt 3.9.2.10.3 ta’ dan l-anness, ir-rikorrenti kienet enfasizzat it-termini “analogu strutturali li qabel ġie kklassifikat” u mhux il-kriterji l-oħra li jinsabu f’dan il-punt. Barra minn hekk, fil-bqija tat-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem fl-ewwel istanza, hija ma kienet invokat ebda argument ieħor ħlief dak dwar il-kriterju li jirriżulta minn dawn it-termini.

110    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod manifestament żbaljat ir-rikors promotur b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li żnaturat dan ir-rikors meta qieset li l-argument tal-appellanti invokat fir-replika fl-ewwel istanza, li l-KIR la wera relazzjoni “struttura-attività vvalidata” bejn is-SAS-DDS u s-silanamina, u lanqas l-eżistenza ta’ ġudizzju espert li jippermetti estrapolazzjoni għal dan l-għan, kien jikkostitwixxi argument ġdid.

111    Minn dan isegwi li l-ewwel subparti tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fuq it-tieni subparti tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju

1)      L-argumenti tal-partijiet

112    It-tieni subparti tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-konformità tar-rikors għall-qari trażversali fl-opinjoni tal-KIR mar-rekwiżiti previsti fil-punt 3.9.2.10.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP, tinkludi żewġ ilmenti.

113    Permezz tal-ewwel ilment ta’ din is-subparti, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma eżerċitatx l-istħarriġ ġudizzjarju meħtieġ fir-rigward tal-użu tal-qari trażversali fl-opinjoni tal-KIR. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, qieset li l-ġustifikazzjoni ġenerali ta’ dan il-qari trażversali kienet suffiċjenti meta hija kellha tivverifika jekk il-KIR kienx eżamina l-kundizzjonijiet speċifiċi msemmija fil-punt 3.9.2.10.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP. B’mod iktar speċifiku, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li naqset milli teżamina diversi aspetti rilevanti, jiġifieri, l-ewwel, li, fl-opinjoni tal-KIR, dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi ma humiex iċċitati, it-tieni, li l-klassifikazzjoni tas-sustanzi użati għar-referenza trażversali ma tinsabx f’din l-opinjoni u, it-tielet, li l-KIR ma ġġustifikax l-għażla tiegħu li jibbaża ruħu fuq qari trażversali ma’ żewġ sustanzi li ma kinux is-suġġett ta’ klassifikazzjoni armonizzata.

114    Permezz tat-tieni lment tal-imsemmija subparti, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ssostitwixxiet il-motivazzjoni tal-KIR b’dik tagħha f’dak li jirrigwarda l-użu tal-qari trażversali fl-opinjoni tal-KIR.

115    Hija ssostni, l-ewwel, li, mingħajr ma l-KIR indika dan, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 192 tas-sentenza appellata, li s-SAS-DDS “[kienet] ġiet innotifikata minn tmien notifikaturi, li tlieta minnhom [kienu] espliċitament semmew il-pulmun bħala organu fil-mira”, li ppermettielha tiddeduċi, fil-punt 193 tas-sentenza appellata, li s-SAS-DDS setgħet titqies bħala analogu strutturali li qabel ġie kklassifikat, fis-sens tal-punt 3.9.2.10.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP.

116    It-tieni, fil-punt 180 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-KIR kien qies li “diversi karatteristiċi, bħall-kompożizzjoni kimika, id-daqs u l-forma tal-partiċelli, il-kimika tal-wiċċ, il-wiċċ, is-solubbiltà u r-rata ta’ xoljiment, l-idrofobija, il-potenzjal taż-żeta, it-tferrix u l-forma ta’ trab, kienu favur l-użu tas-SAS-DDS bħala sustanza sors”, filwaqt li, fil-paġna 6 tal-opinjoni tal-KIR, dan tal-aħħar ma ħax dawn il-karatteristiċi inkunsiderazzjoni għall-klassifikazzjoni fil-klassi ta’ perikolu STOT RE.

117    It-tielet, f’dan il-punt 180, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “approċċ ta’ aggregazzjoni simili kien ġie aċċettat u użat b’mod wiesa’ fil-letteratura pubblika kemm fir-rigward tal-perikolu għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll fir-rigward tal-perikolu għall-ambjent”, mingħajr ma din iċ-ċirkustanza kienet rilevanti, fid-dawl tal-kriterji speċifiċi previsti fil-punt 3.9.2.10.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP, għall-klassifikazzjoni fil-klassi ta’ perikolu STOT RE u mingħajr ma l-KIR kien semma dan fl-opinjoni tiegħu.

118    Il-Kummissjoni u l-ECHA jsostnu li l-istess subparti hija ineffettiva u, fi kwalunkwe każ, infondata.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

119    Għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 52, 178, 180 u 182 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fl-opinjoni tal-KIR, studji li jirrigwardaw kemm is-silanamina kif ukoll is-sustanza SAS-DDS kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-pulmuni bħala organu fil-mira, u s-SAS-DDS intużat bħala sustanza sors minħabba l-fatt li din kienet strutturalment simili għas-silanamina u kellha l-istess proprjetajiet fiżiċi, kimiċi u tossikoloġiċi bħal din tal-aħħar. Barra minn hekk, fil-punt 181 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li kien abbażi tas-saħħa probatorja tad-data kollha disponibbli li l-KIR kien qies li s-silanamina kellha tiġi kklassifikata fil-klassi ta’ perikolu STOT RE.

120    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 183 u 184 tal-istess sentenza, li, konformement mal-punt 1.1.1.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP, ir-riżultati tal-istudji li jużaw is-SAS-DDS kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni, fl-opinjoni tal-KIR, abbażi tad-determinazzjoni tas-saħħa probatorja tad-data kollha disponibbli u, b’mod iktar partikolari, tal-approċċ skont il-kategoriji ta’ sustanzi (raggruppament, read across).

121    Fil-punti 186 sa 194 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, sussegwentement, eżaminat l-argument tal-appellanti li s-SAS-DDS ma setgħetx titqies bħala “analogu strutturali li qabel ġie kklassifikat”, fis-sens tal-punt 3.9.2.10.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP, peress li hija ma kinitx is-suġġett ta’ klassifikazzjoni armonizzata.

122    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punti 3.9.2.1, 3.9.2.3 u 3.9.2.4 tal-Anness I tar-Regolament CLP, il-klassifikazzjoni tas-sustanzi fil-klassi ta’ perikolu STOT RE u l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ tossiċità speċifika għal organu fil-mira huma ddeterminati minn ġudizzju espert abbażi tas-saħħa probatorja tad-data kollha disponibbli, fis-sens tal-punt 1.1.1 ta’ dan l-anness, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-valuri indikattivi msemmija fil-punt 3.9.2.9 tal-imsemmi anness.

123    Dan il-punt 1.1.1 jinkludi, b’mod partikolari, il-punt 1.1.1.3 tal-istess anness, li jipprovdi li “[i]s-saħħa tad-determinazzjoni ta’ l-evidenza tfisser li t-tagħrif kollu disponibbli li jinfluwenza d-determinazzjoni tal-periklu jitqies f’daqqa; [...] jiġu kkunsidrati [...] l-informazzjoni mill-applikazzjoni tal-approċċ tal-kategorija (raggruppament, read-across) u r-riżultati tal-(Q)SAR”.

124    Min-naħa l-oħra, il-punt 3.9.2.10.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP jipprovdi li “[s]ustanza li ma ġietx ittestjata għat-tossiċità f’organi speċifiċi tista’, meta jkun opportun, tiġi klassifikata abbażi ta’ l-informazzjoni minn relazzjoni bejn l-istruttura u l-attività ġustifikata u estrapolazzjoni bbażata fuq ġudizzju espert minn analogu strutturali li qabel ġie kklassifikat flimkien ma’ appoġġ sostanzjali mill-konsiderazzjoni ta’ fatturi oħra importanti bħall-formazzjoni ta’ metaboliti komuni sinifikanti”.

125    Minn dan isegwi li, bħalma essenzjalment ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, kif ukoll, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali fil-punt 177 tas-sentenza appellata, il-punti 3.9.2.1, 3.9.2.3 u 3.9.2.4 tal-Anness I tar-Regolament CLP, moqrija flimkien mal-punt 1.1.1.3 tiegħu, jipprevedu r-regoli ġenerali għall-klassifikazzjoni tas-sustanzi fil-klassi ta’ perikolu STOT RE, minn naħa, u li l-punt 3.9.2.10.3 ta’ dan l-anness jipprevedi regola speċjali għal dan l-istess għan għall-każ fejn it-tossiċità speċifika għal organu fil-mira tas-sustanza kkonċernata ma kinitx is-suġġett ta’ testijiet, min-naħa l-oħra.

126    Għalhekk, il-kundizzjonijiet previsti minn dan il-punt 3.9.2.10.3 huma suġġetti għar-rekwiżit li t-tossiċità speċifika tas-sustanza li għandha tiġi kklassifikata ma kinitx is-suġġett ta’ testijiet għall-organu fil-mira, b’tali mod li, meta tali testijiet jeżistu, il-klassifikazzjoni tas-sustanza għandha ssir konformement mal-punti 3.9.2.1, 3.9.2.3 u 3.9.2.4 tal-Anness I tar-Regolament CLP, moqrija flimkien mal-punt 1.1.1.3 ta’ dan l-anness.

127    F’dan il-każ, bħalma jsegwi mill-punt 119 ta’ din is-sentenza, ir-riżultati tal-istudji li jużaw is-silanamina fir-rigward tat-tossiċità speċifika fuq il-korp fil-mira, jiġifieri l-pulmun, kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-opinjoni tal-KIR għad-determinazzjoni tas-saħħa probatorja tad-data kollha disponibbli, fis-sens tal-punti 3.9.2.1, 3.9.2.3 u 3.9.2.4 tal-Anness I tar-Regolament CLP, moqrija flimkien mal-punt 1.1.1.3 tagħha.

128    Issa, l-appellanti ma tikkontestax l-eżistenza tad-data relatata mas-silanamina li tirriżulta mill-istudji li jużaw din is-sustanza.

129    Għaldaqstant, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni kkontestata, il-KIR ma kien obbligat jissodisfa ebda kundizzjoni applikabbli għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-analogi strutturali, prevista fil-punt 3.9.2.10.3 tal-Anness I tar-Regolament CLP, sabiex ikun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-istudji li jużaw is-SAS-DDS.

130    F’dan il-kuntest, hemm lok li jitqies li l-motivi li jinsabu fil-punti 186 sa 194 tas-sentenza appellata, li jirrigwardaw l-ewwel ilment kif ukoll parti mit-tieni ilment tat-tieni subparti tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, huma superfluwi.

131    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-aggravji, partijiet, subpartijiet jew ilmenti indirizzati kontra motivi superfluwi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni u għalhekk huma ineffettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni (C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Għaldaqstant, it-tieni subparti tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva sa fejn tirrigwarda l-punti 186 sa 194 tas-sentenza appellata.

133    Barra minn hekk, fir-rigward tal-punt 180 tas-sentenza appellata, peress li dan il-punt ma għandux l-għan li jsemmi l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, iżda li jesponi l-kontenut tal-opinjoni tal-KIR, l-imsemmi punt ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies li wettaq sostituzzjoni tal-motivi.

134    Minn dan isegwi li r-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

135    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li l-ewwel aggravju jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

B.      Fuq it-tieni aggravju

136    It-tieni aggravju, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, huwa bbażat fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP. L-ewwel parti tat-tieni aggravju hija bbażata fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-osservanza tat-terminu, previst f’din id-dispożizzjoni, li fih kellha tiġi adottata l-opinjoni tal-KIR. It-tieni parti tat-tieni aggravju hija bbażata fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni parti tat-tieni motiv imqajjem fl-ewwel istanza, li l-KIR kiser l-obbligu tiegħu li jorganizza, konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-opinjoni tiegħu.

1.      Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

137    L-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-osservanza tat-terminu, previst fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP, li fih kellha tiġi adottata l-opinjoni tal-KIR, hija maqsuma f’erba’ subpartijiet. L-ewwel subparti tagħha hija bbażata fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-bidu tad-dekorrenza, f’dan il-każ, ta’ dan it-terminu. Permezz tat-tieni subparti ta’ din l-ewwel parti, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, minn naħa, naqset milli tannulla r-regolament kontenzjuż minħabba l-assenza ta’ data verifikabbli tal-adozzjoni tal-opinjoni tal-KIR u, min-naħa l-oħra, żnaturat il-provi f’dan ir-rigward. Permezz tat-tielet subparti tal-imsemmija l-ewwel parti, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma kklassifikatx in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-adozzjoni tal-opinjoni previst fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP bħala ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali li jwassal għall-annullament tar-regolament kontenzjuż. Permezz tar-raba’ subparti tal-istess l-ewwel parti, imqajma fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu ma jikkostitwixxix tali ksur, l-appellanti ssostni li n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi terminu kellu, fi kwalunkwe każ, iwassal għall-annullament tar-regolament kontenzjuż peress li l-proċedura inkwistjoni setgħet twassal għal riżultat differenti.

138    Qabel kollox, għandha tiġi eżaminata t-tielet subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, imbagħad, suċċessivament, ir-raba’, l-ewwel u t-tieni subparti tiegħu.

a)      Fuq it-tielet subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju

1)      L-argumenti tal-partijiet

139    Fil-kuntest tat-tielet subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, li permezz tagħha l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma kklassifikatx in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-adozzjoni tal-opinjoni prevista fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP bħala ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali li jwassal għall-annullament tar-regolament kontenzjuż, hija ssostni li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu jista’, fih innifsu, iwassal għall-annullament ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu prodotti provi tal-effett ta’ tali ksur fuq l-eżitu tal-proċedura deċiżjonali. Fil-punti 218 u 219 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali madankollu rrilevat li n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi terminu jista’ jwassal għall-annullament ta’ tali att biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

140    Skont l-appellanti, il-verb “jadotta”, użat fil-preżent indikattiv fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP, jindika li l-istess terminu huwa imperattiv, u n-natura sostanzjali tiegħu tirriżulta wkoll mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni. Hija ssostni li l-approċċ irrakkomandat mill-Ombudsman fir-rakkomandazzjoni tiegħu dwar il-ġestjoni tar-riskju ta’ sustanzi kimiċi perikolużi mill-Kummissjoni Ewropea tat‑8 ta’ Ġunju 2023 (Każ OI/2/2023/MIK), li skontu applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi għandha tiġi miċħuda meta t-terminu previst fir-Regolament REACH ma jkunx jista’ jiġi osservat, għandu jiġi segwit fir-rigward tat-terminu previst fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP.

141    Il-Kummissjoni u ECHA jqisu li t-tielet subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

142    Għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 205 sa 226 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel parti tat-tieni motiv imqajjem fl-ewwel istanza, li permezz tagħha l-appellanti sostniet li l-opinjoni tal-KIR ma kinitx ġiet adottata fit-terminu ta’ 18‑il xahar previst fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP, li kien jikkostitwixxi ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali.

143    Fil-punti 218 sa 225 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat il-kwistjoni dwar jekk, jekk jitqies li l-opinjoni tal-KIR ma ġietx adottata f’dan it-terminu, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan tal-aħħar jistax iwassal għall-annullament tar-regolament kontenzjuż.

144    Fil-punt 219 ta’ dik is-sentenza, hija qieset f’dan ir-rigward li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, irregolarità proċedurali tista’ twassal għall-annullament tal-att finalment adottat biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

145    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP jipprovdi li “[l-KIR] għandu jadotta opinjoni dwar kwalunkwe proposta ppreżentata skond il-paragrafi 1 jew 2 [ta’ dan l-artikolu] fi żmien 18‑il xahar mill-wasla tal-proposta, li jagħti lill-partijiet ikkonċernati opportunità biex jikkummentaw” u li l-ECHA “għandha tgħaddi din l-opinjoni u kwalunkwe kumment lill-Kummissjoni”.

146    Għalhekk, minn din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma jsegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiggarantixxi li ksur ta’ dan it-terminu ta’ 18‑il xahar għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura KTA.

147    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li bl-ebda mod ma huwa allegat jew a fortiori muri li, b’mod ġenerali, kull qbiż ta’ dan it-terminu huwa ta’ natura li jkollu influwenza fuq l-eżitu ta’ din il-proċedura.

148    Barra minn hekk, filwaqt li l-imsemmi terminu ġie stabbilit sabiex jiġi żgurat teħid ta’ deċiżjoni rapidu fuq il-proposti ppreżentati skont l-Artikolu 37(1) u (2) tar-Regolament CLP, soluzzjoni li tikkonsisti fl-annullament ta’ kull regolament adottat abbażi ta’ opinjoni mogħtija bi ksur tal-istess terminu tirriskja, fil-prattika, li tipprekludi lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi tagħha f’termini raġonevoli billi tobbligaha terġa’ tibda l-proċedura KTA fl-intier tagħha meta l-opinjoni tal-KIR tiġi adottata tard.

149    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 116 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali soluzzjoni tirriskja, fl-aħħar mill-aħħar, li tostakola t-twettiq tal-għanijiet tar-Regolament CLP, billi ddewwem il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

150    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li qieset, billi rreferiet għas-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Il‑Ġermanja u Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni (C‑465/02 u C‑466/02, EU:C:2005:636), li ksur tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP jista’ jwassal għall-annullament tar-regolament kontenzjuż biss jekk, minħabba l-ksur ta’ dan it-terminu, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

151    Minn dan isegwi li t-tielet subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fuq ir-raba’ subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju

1)      L-argumenti tal-partijiet

152    Fil-kuntest tar-raba’ subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, li permezz tagħha l-appellanti ssostni li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ 18‑il xahar previst fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP ma jikkostitwixxix ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu kellu, fi kwalunkwe każ, iwassal għall-annullament tar-regolament kontenzjuż, hija tqajjem, essenzjalment, żewġ ilmenti.

153    Permezz tal-ewwel ilment ta’ din ir-raba’ subparti, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, b’mod żbaljat, eżiġiet li hija turi li l-osservanza tat-terminu ta’ 18‑il xahar previst f’din id-dispożizzjoni kien iwassal għal riżultat differenti f’dan il-każ, filwaqt li hija kienet biss obbligata tipprova li tali ipoteżi ma kinitx kompletament eskluża.

154    Permezz tat-tieni lment tal-imsemmija raba’ subparti, l-appellanti ssostni li hija wriet, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-possibbiltà ta’ eżitu differenti tal-proċedura KTA li kieku dan it-terminu kien ġie osservat mill-KIR. Fil-fehma tagħha, minn naħa, ma jistax jiġi eskluż li, li kieku l-imsemmi terminu ma kienx inqabeż, l-informazzjoni fil-pussess tal-KIR kienet tkun insuffiċjenti peress li l-KIR ma kellux informazzjoni addizzjonali li huwa kiseb minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-istess terminu.

155    Il-Kummissjoni u l-ECHA jqisu li r-raba’ subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

156    Fil-punt 220 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-osservanza tat-terminu ta’ 18‑il xahar għall-finijiet tal-adozzjoni tal-opinjoni tal-KIR ma setgħetx twassal għal riżultat differenti.

157    Sabiex tiġġustifika din l-evalwazzjoni, fil-punti 221 sa 224 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, l-ewwel, l-opinjoni tal-KIR kienet ipproponiet, fil-verżjoni tagħha tal‑5 ta’ Diċembru 2019, il-klassifikazzjoni kkontestata, proposta li ma kinitx is-suġġett tal-konsultazzjoni pubblika mmirata li seħħet fi Frar 2020, it-tieni, din il-proposta kienet ibbażata fuq l-informazzjoni li tinsab fil-proposta ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar kif ukoll fuq studji li jirriżultaw mil-letteratura pubblika u, it-tielet, l-appellanti ma stabbilixxietx li din il-konsultazzjoni pubblika mmirata seta’ jkollha wkoll effett fuq il-klassifikazzjoni kkontestata.

158    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti permezz tal-ewwel ilment tar-raba’ subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, permezz ta’ eżami ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma eżiġietx minnha li hija turi li l-osservanza tat-terminu ta’ 18‑il xahar previst fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP kienet twassal għal riżultat differenti f’dan il-każ.

159    Fil-fatt, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proposta tal-KIR fil-verżjoni inizjali tal-opinjoni tiegħu tikkorrispondi għall-verżjoni finali ta’ din l-opinjoni f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni kkontestata, minn naħa, u l-oriġini tal-informazzjoni li fuqha kienet ibbażata l-proposta finali ta’ din il-klassifikazzjoni, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tqis li l-informazzjoni li dak iż-żmien kienet fil-pussess tal-KIR f’din il-verżjoni inizjali kienet suffiċjenti sabiex tibbaża l-klassifikazzjoni kkontestata u li l-informazzjoni miksuba mill-KIR wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 18‑il xahar previst fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP, ma setax ikollha effett fuq ir-riżultat tal-proċedura KTA. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk l-appellanti kinitx stabbilixxiet li l-konsultazzjoni pubblika mmirata kellha effett fuq il-klassifikazzjoni kkontestata, iżda jekk din il-konsultazzjoni setax ikollha tali effett.

160    Għaldaqstant, dan l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

161    Fir-rigward tat-tieni lment imqajjem fil-kuntest tar-raba’ subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, li permezz tiegħu l-appellanti ssostni li wriet, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-possibbiltà ta’ eżitu differenti mill-proċedura KTA li kieku t-terminu previst fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP kien ġie osservat mill-KIR, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan it-tieni lment, l-appellanti tfittex, essenzjalment, li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 220 sa 223 tas-sentenza appellata, li taqa’, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 99 u 100 ta’ din is-sentenza, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti Ġenerali, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiemha, kwistjoni li l-appellanti ma tallegax f’dan il-każ.

162    Għaldaqstant, hemm lok li dan it-tieni lment jiġi miċħud bħala inammissibbli.

163    Minn dan isegwi li r-raba’ subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli.

c)      Fuq l-ewwel u t-tieni subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju

1)      L-argumenti tal-partijiet

164    Permezz tal-ewwel subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li r-raġunament magħmul mill-Qorti Ġenerali fil-punt 212 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu previst fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP, li fih kellha tiġi adottata l-opinjoni tal-KIR, huwa vvizzjat bi żbalji.

165    Permezz tat-tieni subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, minn naħa, naqset milli tannulla r-regolament kontenzjuż minħabba “l-assenza ta’ data ta’ adozzjoni verifikabbli” tal-opinjoni tal-KIR u, min-naħa l-oħra, żnaturat il-provi f’dan ir-rigward.

166    Il-Kummissjoni u l-ECHA jsostnu li l-ewwel u t-tieni subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

167    Għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel u tat-tieni subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti għandha l-intenzjoni turi li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li t-terminu previst fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP ma kienx ġie osservat matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż.

168    Issa, mill-fatt li t-tielet u r-raba’ subparti ta’ din l-ewwel parti ġew miċħuda, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 225 tas-sentenza appellata, li, anki jekk jitqies li l-KIR ma osservax dan it-terminu, tali ċirkustanza ma setax ikollha effett fuq l-inklużjoni tas-silanamina fil-klassi ta’ perikolu STOT RE permezz ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li tali irregolarità ma setgħetx twassal għall-annullament ta’ dan tal-aħħar.

169    Minn dan isegwi li l-ewwel u t-tieni subparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

2.      Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju

170    It-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni parti tat-tieni motiv imqajjem fl-ewwel istanza, li l-KIR kiser l-obbligu tiegħu li jorganizza, konformement mal-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP, konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-opinjonijiet tiegħu, hija maqsuma f’żewġ subpartijiet.

171    Għandha tiġi eżaminata, qabelxejn, it-tieni subparti tat-tieni parti tat-tieni aggravju.

a)      Fuq it-tieni subparti tat-tieni parti tat-tieni aggravju

1)      L-argumenti tal-partijiet

172    It-tieni subparti tat-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali meta interpretat l-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP, sa fejn din id-dispożizzjoni tiggarantixxi d-dritt ta’ preżentata tal-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, tista’ tinqasam f’żewġ ilmenti.

173    Permezz tal-ewwel ilment ta’ din it-tieni subparti, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punt 236 tas-sentenza appellata, interpretat din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat, fis-sens li l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jistgħu jiġu ppreżentati biss fuq proposta ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar armonizzati ta’ sustanzi, u mhux fuq l-opinjoni tal-KIR. Skont l-appellanti, il-KIR għandu jadotta l-opinjoni tiegħu wara li jkun ta lil dawn il-partijiet l-opportunità li jifformulaw osservazzjonijiet dwar din l-opinjoni jew dwar l-abbozz tal-imsemmija opinjoni.

174    L-appellanti ssostni, l-ewwel, li l-Qorti Ġenerali injorat it-test tal-imsemmija dispożizzjoni, li huwa nieqes minn kull ambigwità u, fil-punt 234 tas-sentenza appellata, ibbażat, kuntrarjament għas-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 1980, Roudolff (C‑803/79, EU:C:1980:166, punt 7) u tas‑6 ta’ Settembru 2018, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑4/17 P, EU:C:2018:678, punt 45), l-interpretazzjoni tagħha tal-istess dispożizzjoni fuq l-iżvolġiment tal-proċedura KTA, kif prevista fl-Artikolu 37 tar-Regolament CLP. Issa, skont qari flimkien tal-Artikolu 37 ta’ dan ir-regolament mal-premessa 52 tiegħu, dan l-Artikolu 37 jikkonċerna biss il-kundizzjonijiet ta’ redazzjoni tal-opinjoni tal-KIR u ma jagħmilx riferiment għall-proposta ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar armonizzati.

175    It-tieni, skont l-appellanti, interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP kellha twassal lill-Qorti Ġenerali tikkonkludi li kien obbligatorju li tiġi organizzata konsultazzjoni dwar l-opinjoni tal-KIR, li tikkostitwixxi l-bażi xjentifika prinċipali tal-klassifikazzjonijiet u tal-ittikkettjar armonizzati u għandha tinkludi evalwazzjoni tal-informazzjoni kollha disponibbli.

176    It-tielet, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tirraġuna b’analoġija mas-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Exxonmobil Petroleum & Chemical vs ECHA (T‑177/19, EU:T:2021:336), li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 59(4) tar-Regolament REACH, li l-istruttura tiegħu hija differenti minn dik tal-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP. Din l-aħħar dispożizzjoni la tikkonċerna l-adozzjoni ta’ opinjoni mill-ECHA, u lanqas il-possibbiltà għall-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw osservazzjonijiet.

177    Permezz tat-tieni lment tal-imsemmija tieni subparti, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha sa fejn hija ma pprovdietx ġustifikazzjoni suffiċjenti sabiex tifhem l-interpretazzjoni tagħha u tippermetti stħarriġ ġudizzjarju. Il-Qorti Ġenerali sempliċement iddeskriviet id-diversi stadji tal-proċedura KTA fil-punt 234 tas-sentenza appellata, mingħajr madankollu ma indikat kif dawn jippermettu li jiġi ssostanzjat il-fatt li l-konsultazzjoni tirrigwarda l-fajl KTA pjuttost milli l-opinjoni tal-KIR.

178    Il-Kummissjoni u l-ECHA jsostnu li t-tieni subparti tat-tieni parti tat-tieni aggravju hija infondata.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

179    Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 227 sa 243 tas-sentenza appellata, l-argumenti invokati mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju mqajjem fl-ewwel istanza, li permezz tagħha hija sostniet li hija kellha, skont l-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP, dritt li tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-opinjoni tal-KIR, jew saħansitra dwar l-abbozz ta’ opinjoni tiegħu.

180    Fl-ewwel lok, fil-punti 229 sa 232 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-appellanti kellhiex id-dritt għal smigħ dwar l-opinjoni tal-KIR skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u ddeċidiet li dan ma kienx il-każ f’din il-kawża peress li r-regolament kontenzjuż kien jistabbilixxi miżuri ta’ portata ġenerali, bħall-klassifikazzjoni kkontestata.

181    Fit-tieni lok, fil-punti 233 sa 242 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-appellanti kellhiex dritt li tiġi kkonsultata fuq l-opinjoni tal-KIR skont l-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP u ddeċidiet li dan ma kienx il-każ.

182    L-ewwel, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 234 tas-sentenza appellata, li din id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata fid-dawl tal-iżvolġiment tal-proċedura KTA, li tinkludi, qabelxejn, is-sottomissjoni ta’ proposta ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar armonizzati ta’ sustanzi konformement mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu 37, sussegwentement, l-adozzjoni ta’ opinjoni mill-KIR “li jagħti lill-partijiet ikkonċernati opportunità biex jikkummentaw”, imbagħad, it-trażmissjoni, mill-ECHA, ta’ din l-opinjoni u tal-osservazzjonijiet kollha lill-Kummissjoni, konformement mal-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu u, fl-aħħar nett, l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ att delegat, meta hija tqis li l-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u tal-ittikettjar tas-sustanza kkonċernata hija xierqa, konformement mal-paragrafu 5 tal-istess artikolu.

183    It-tieni, fil-punti 235 u 236 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, minn naħa, il-konsultazzjoni pubblika prevista fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP kienet intiża sabiex tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jifformulaw l-osservazzjonijiet u l-elementi esposti minn dawn il-partijiet matul din il-fażi u li, min-naħa l-oħra, dan ir-regolament ma kienx jipprevedi mill-banda l-oħra l-possibbiltà, għall-imsemmija partijiet, li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar l-opinjoni tal-KIR. Fil-punt 237 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sussegwentement ikkonstatat li, f’dan il-każ, l-appellanti kellha d-dritt li tifformula osservazzjonijiet dwar il-proposta ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar u li tinstema’ f’dan ir-rigward quddiem il-KIR.

184    It-tielet, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 240 u 241 tas-sentenza appellata, eżaminat, minn naħa, l-argument tal-appellanti li d-dritt għal smigħ fuq l-opinjoni tal-KIR ikun iktar iġġustifikat fil-każ fejn il-klassifikazzjoni proposta mill-KIR tkun differenti minn dik imsemmija fil-proposta ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar u, min-naħa l-oħra, l-argument tal-appellanti li konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati dwar l-abbozz ta’ opinjoni tkun partikolarment neċessarja meta din l-opinjoni tieħu inkunsiderazzjoni studji li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-proposta ta’ klassifikazzjoni. Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-argumenti, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-KIR ma kienx marbut bi proposta ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar armonizzati ta’ sustanzi u li l-konsultazzjoni pubblika prevista fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP ma kellhiex bħala suġġett l-opinjoni tal-KIR. Fir-rigward tat-tieni wieħed mill-imsemmija argumenti, il-Qorti Ġenerali qieset li r-riferiment għad-“data kollha disponibbli”, previst fil-punt 3.9.2.1 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, mingħajr ebda limitazzjoni, kien suffiċjenti sabiex jitqies li l-KIR seta’ jieħu inkunsiderazzjoni studji li ma jagħmlux parti minn proposta ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar armonizzati ta’ sustanzi.

185    Fir-rigward tal-ewwel ilment tat-tieni subparti tat-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li “[l-KIR] għandu jadotta opinjoni dwar kwalunkwe proposta ppreżentata skond il-paragrafi 1 jew 2 [ta’ dan l-artikolu] fi żmien 18‑il xahar mill-wasla tal-proposta, li jagħti lill-partijiet ikkonċernati opportunità biex jikkummentaw” u li l-ECHA “għandha tgħaddi din l-opinjoni u kwalunkwe kumment lill-Kummissjoni”. Il-premessa 52 ta’ dan ir-regolament tistipula f’dan ir-rigward li “[l-ECHA] għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-proposta filwaqt li l-partijiet interessati għandu jkollhom l-opportunità li jikkummentaw.”

186    Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, la mill-kliem ta’ dan il-paragrafu 4 u lanqas minn dak ta’ din il-premessa 52 ma jista’ jiġi dedott li l-KIR għandu jadotta dokument differenti mill-opinjoni dwar il-proposta ppreżentata konformement mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, bħal abbozz ta’ opinjoni li jkun is-suġġett tal-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u, sussegwentement, opinjoni definittiva li tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-osservazzjonijiet.

187    Il-proċedura KTA hija għalhekk distinta minn dik prevista fl-Artikolu 64 tar-Regolament REACH, li tipprevedi espressament li l-ECHA għandha tibgħat l-abbozzi ta’ opinjonijiet tagħha lill-applikant, li l-osservazzjonijiet tiegħu għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-ECHA, qabel ma sussegwentement tadotta opinjoni definittiva.

188    Bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 135 tal-konklużjonijiet tiegħu, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti lill-partijiet ikkonċernati, fil-kuntest tal-proċedura KTA, il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-opinjoni tal-KIR, huwa kien jipprevedi dan espressament, bħalma juri l-Artikolu 64 tar-Regolament REACH.

189    Barra minn hekk, l-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jistgħu jiġu ppreżentati wara li l-KIR jadotta l-opinjoni tiegħu sabiex il-Kummissjoni jkollha dawn l-osservazzjonijiet għad-dispożizzjoni tagħha.

190    Skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament CLP, il-kompitu tal-ECHA, li l-KIR huwa wieħed mill-kumitati tagħha, huwa li tipprovdi, b’mod partikolari lill-Kummissjoni, l-aħjar pariri xjentifiċi u tekniċi possibbli dwar il-kwistjonijiet dwar il-prodotti kimiċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha u li jiġu ppreżentati lilha konformement ma’ dan ir-regolament.

191    Għalhekk, sabiex tkun tista’ twettaq dan il-kompitu, il-KIR għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-osservazzjonijiet potenzjali tal-partijiet ikkonċernati qabel ma jadotta l-opinjoni tiegħu.

192    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 235 u 236 tas-sentenza appellata, li l-konsultazzjoni pubblika prevista fl-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP hija intiża sabiex tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jifformulaw osservazzjonijiet dwar proposta ta’ klassifikazzjoni u ta’ ttikkettjar armonizzati ta’ sustanzi biss.

193    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tat-tieni subparti tat-tieni parti tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

194    Fir-rigward tat-tieni lment ta’ din is-subparti, li permezz tiegħu l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali b’nuqqas ta’ motivazzjoni fl-eżami tat-tieni parti tat-tieni motiv imqajjem fl-ewwel istanza, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni ta’ sentenza jew ta’ digriet għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. L‑obbligu ta’ motivazzjoni ma jobbligax lill‑Qorti Ġenerali tipprovdi spjegazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir‑raġunamenti kollha mqajma mill‑partijiet fil‑kawża. Din il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tas‑16 ta’ April 2026, HG vs Il‑Kummissjoni, C‑899/24 P, EU:C:2026:306, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

195    Issa, ir-raġunament ċar u inekwivoku tal-Qorti Ġenerali, li ppermetta lill-appellanti li tikkontestah u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fil-punti 185 sa 192 ta’ din is-sentenza, jirriżulta mill-punti 227 sa 243 tas-sentenza appellata.

196    Għaldaqstant, it-tieni lment tal-imsemmija subparti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

197    Minn dan isegwi li t-tieni subparti tat-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fuq l-ewwel subparti tat-tieni parti tat-tieni aggravju

1)      L-argumenti tal-partijiet

198    Fil-kuntest tal-ewwel subparti tat-tieni parti tat-tieni aggravju, li permezz tagħha l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat it-tieni parti tat-tieni motiv imqajjem fl-ewwel istanza, hija ssostni li, fil-punti 229 sa 232, 238 u 240 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat din it-tieni parti tat-tieni motiv imqajjem fl-ewwel istanza bħala li tirreferi għad-dritt għal smigħ quddiem il-KIR dwar l-opinjoni adottata minnu. Madankollu, ir-rikorrenti bbażat ruħha fuq l-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP sabiex tinvoka d-dritt li tagħmel osservazzjonijiet. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet b’mod żbaljat, fil-punti 232 u 236 tas-sentenza appellata, analoġija mas-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2023, TIB Chemicals vs Il‑Kummissjoni (T‑639/20, EU:T:2023:374).

199    Il-Kummissjoni u l-ECHA jsostnu li l-ewwel subparti tat-tieni parti tat-tieni aggravju hija ineffettiva u, fi kwalunkwe każ, infondata.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

200    Mill-punti 233 sa 242 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-appellanti kellhiex dritt li tiġi kkonsultata fuq l-opinjoni tal-KIR skont l-Artikolu 37(4) tar-Regolament CLP u, bħalma jsegwi mill-punt 192 ta’ din is-sentenza, iddeċidiet, ġustament, li dan ma kienx il-każ.

201    Għalhekk, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali żnaturat it-tieni parti tat-tieni motiv imqajjem fl-ewwel istanza, billi qieset li din il-parti kienet tirreferi għad-dritt għal smigħ quddiem il-KIR dwar l-opinjoni adottata minnu, dan l-iżnaturament ma kellu ebda effett fuq l-eżami tal-imsemmija parti.

202    Għaldaqstant, l-ewwel subparti tat-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

203    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

204    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu u, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud.

VI.    Fuq l-ispejjeż

205    Abbażi tal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

206    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

207    F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni u l-ECHA talbu li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fl-appell, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni u mill-ECHA, konformement mat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Evonik Operations GmbH għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.