European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1782

24.7.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1782

tat-23 ta’ Lulju 2026

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 771/2008 li jistipula r-regoli ta’ organizzazzjoni u proċedura tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 93(4) u 132 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (l-“Aġenzija”) iddeċieda li jwettaq tranżizzjoni tal-Bord tal-Appell għal mudell operattiv ġdid, skont liema t-tliet membri tiegħu ma għadhomx jiġu involuti bħala persunal permanenti tal-Aġenzija. Dik id-deċiżjoni ma taffettwax il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell, li jikkonsisti fi tliet membri, inkluż president, u s-supplenti tagħhom.

(2)

Ir-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura tal-Bord tal-Appell stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 771/2008 (2) (ir-“Regoli tal-Proċedura”) jenħtieġ li jiġu emendati biex jirriflettu l-mudell operattiv il-ġdid, u biex jiġu mmodernizzati r-regoli kurrenti.

(3)

Ir-regoli dwar is-sostituzzjoni tal-membri tal-Bord tal-Appell jenħtieġ li jiġu ċċarati, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħatra ta’ supplenti meta membru jkun prekluż milli jipparteċipa fil-proċedimenti jew meta pożizzjoni bħala membru tal-Bord tal-Appell tkun vakanti.

(4)

Sabiex jiġu żgurati l-koeżjoni u l-konsistenza bejn każijiet b’suġġett simili u biex tiżdied l-effiċjenza u jkun jista’ jitqies l-ammont ta’ xogħol, il-President jenħtieġ li jkun jista’ jaħtar membru ieħor bħala relatur, wara li jkun ikkonsulta lill-membri konċernati.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-proċedura tal-appelli tkompli tiffunzjona b’mod effiċjenti u konsistenti, sabiex l-appelli jiġu pproċessati b’rata sodisfaċenti. Għalhekk, jenħtieġ li t-tmexxija tal-proċedura tal-appelli tiġi fdata lir-Reġistratur, li jenħtieġ li jinħatar mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

(6)

Huwa meħtieġ ukoll li jiġi żgurat li l-qafas operazzjonali tal-Bord tal-Appell jibqa’ indipendenti u ħieles minn influwenzi mhux xierqa. Għalhekk, jenħtieġ li ssir dispożizzjoni speċifika għar-rwol u għall-pożizzjoni tar-Reġistratur u tar-Reġistru fi ħdan l-Aġenzija. Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li r-Reġistratur jirrapporta lill-President tal-Bord tal-Appell fir-rigward tat-twettiq tal-proċedura tal-appelli u tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell, u lid-direttur tal-Aġenzija responsabbli għar-riżorsi fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-persunal.

(7)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza skont il-mudell operattiv il-ġdid u sabiex tiġi segwita l-prattika kurrenti, ir-Reġistratur jenħtieġ li jirrieżamina l-avviż ta’ appell għall-konformità mhux biss mar-rekwiżiti dwar il-kontenut ta’ dak l-avviż, iżda wkoll mar-regoli ta’ implimentazzjoni u l-miżuri adottati mill-Bord tal-Appell skont l-Artikolu 27(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura (id-“direzzjonijiet ta’ prattika”). Ir-Reġistratur jenħtieġ li jkun jista’ jagħti perjodu lill-appellant biex jirrettifika l-avviż ta’ appell.

(8)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza proċedurali u fl-użu tar-riżorsi, il-perjodu ta’ xahrejn biex l-Aġenzija tissottometti d-difiża tagħha jenħtieġ li jibda meta jiskadi l-perjodu biex il-President jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-appell.

(9)

Sabiex jiġi żgurat li l-appelli jkomplu jiġu pproċessati b’rata sodisfaċenti, id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal permess biex wieħed jintervjeni jenħtieġ li jittieħdu mill-President, minflok mill-Bord tal-Appell sħiħ.

(10)

Sabiex jiġu ssimplifikati u mmodernizzati r-Regoli tal-Proċedura u tiżdied l-effiċjenza permezz tad-diġitalizzazzjoni, jenħtieġ li d-dokumenti proċedurali kollha jiġu ppreżentati u nnotifikati bil-posta elettronika jew b’mezzi ta’ komunikazzjoni diġitali oħrajn, bħall-formola tal-web stabbilita għal dak il-fini mill-Aġenzija.

(11)

Fid-dawl tan-natura kontradittorja tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali (3), ir-Regoli tal-Proċedura jenħtieġ li jiċċaraw li l-Bord tal-Appell għandu jqis biss dawk id-dokumenti proċedurali u l-annessi li jkunu saru disponibbli għall-appellant u għall-Aġenzija u li dwarhom ikunu ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom, soġġetti għar-regoli ta’ kunfidenzjalità.

(12)

Fid-dawl tal-importanza tal-prinċipju tas-segretezza tad-deliberazzjonijiet u peress li l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri permanenti tal-Bord tal-Appell (4) se jiskadi bit-tranżizzjoni għall-mudell operattiv il-ġdid, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Bord tal-Appell jenħtieġ li jelenkaw l-elementi tad-deliberazzjonijiet li għandhom ikunu soġġetti għas-segretezza.

(13)

Sabiex jiġi żgurat li l-proċedura tal-appelli tkompli tiffunzjona b’mod effiċjenti u konsistenti, jenħtieġ li l-istabbiliment u l-estensjoni ta’ ċerti termini proċedurali jiġu fdati lir-Reġistratur. Parti jew intervenjent jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu estensjoni ta’ terminu.

(14)

Jenħtieġ li tiġi ċċarata l-proċedura għal bidliet fl-iżbalji klerikali, fl-iżbalji fil-kalkolu jew fl-iżbalji ovvji fid-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell li jkunu ġew innotifikati. Għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali u biex jiġu ssimplifikati l-proċessi, il-partijiet u l-intervenjenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub dwar żbalji klerikali, żbalji fil-kalkolu u żbalji ovvji fid-deċiżjoni li tkun ġiet innotifikata lilhom, biex id-deċiżjoni tkun tista’ tiġi kkoreġuta. Għall-koerenza u biex issir distinzjoni mill-proċedura ta’ rettifika prevista fl-Artikolu 93(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, it-terminoloġija jenħtieġ li tinbidel għall-korrezzjoni tad-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-proċedura għall-bidliet fid-dispożittiv tad-deċiżjoni jew f’waħda mir-raġunijiet li tikkostitwixxi l-appoġġ meħtieġ għad-dispożittiv tad-deċiżjoni.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 771/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1b

Għeluq tal-appelli mill-President

Meta jiġi rtirat appell, jew meta d-deċiżjoni kkontestata tiġi rtirata fl-intier tagħha mill-Aġenzija wara rettifika skont l-Artikolu 93(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, il-President għandu jagħlaq il-proċedimenti.”

;

(2)

fl-Artikolu 3(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-President jista’ jissostitwixxi kwalunkwe membru tal-Bord tal-Appell, fuq talba ta’ dak il-membru, b’supplent jekk dak il-membru jkun prekluż milli jipparteċipa fil-proċedimenti jew jekk il-pożizzjoni tkun vakanti. Il-kriterji għall-ħatra ta’ supplent għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27(3).”;

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   Sabiex titqies konnessjoni bejn il-każijiet fuq il-bażi tas-suġġett tagħhom, jew bl-għan li jiġi żgurat li l-appelli jiġu pproċessati b’rata sodisfaċenti, il-President jista’, wara konsultazzjoni mal-membri konċernati, jaħtar membru differenti tal-Bord tal-Appell biex jissostitwixxi lir-relatur.”

;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri tista’ tiġi fdata lir-Reġistratur.”;

(4)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Ir-Reġistratur għandu jkun responsabbli, fi ħdan il-qafas amministrattiv u finanzjarju tal-Aġenzija, għall-amministrazzjoni tal-Bord tal-Appell u għall-ġestjoni tar-Reġistru. Ir-Reġistratur għandu jiġi assistit f’dan id-dmir mid-dipartimenti rilevanti tas-segretarjat tal-Aġenzija.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Ir-Reġistratur għandu jiżgura t-tmexxija xierqa tal-proċedimenti ta’ appell u għandu jassisti lill-Bord tal-Appell. Ir-Reġistratur għandu jkun responsabbli mir-riċeviment, mit-trażmissjoni u mill-kustodja tad-dokumenti, u mit-twettiq ta’ servizzi oħrajn kif previst b’dan ir-Regolament.”

;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-Bord tal-Appell għandu jiġi assistit fl-eżerċitar ta’ dmirijietu minn Reġistratur. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaħtar ir-Reġistratur wara li jqis il-fehmiet tal-President. Ir-Reġistratur għandu jirrapporta lid-direttur tal-Aġenzija responsabbli għar-riżorsi dwar kwistjonijiet amministrattivi u lill-President għal kwistjonijiet relatati mal-appelli.

Il-President għandu jkollu l-poter li jagħti direzzjonijiet lir-Reġistratur dwar kwistjonijiet relatati mal-eżerċitar tal-funzjonijiet tal-Bord tal-Appell.”

;

(5)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (a), (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

l-isem, l-indirizz u l-indirizz elettroniku tal-appellant;

(b)

meta l-appellant ikun ħatar rappreżentant, l-isem, l-indirizz tan-negozju u l-indirizz elettroniku tar-rappreżentant;

(c)

indirizz u indirizz elettroniku għan-notifika tad-dokumenti, jekk differenti minn dawk imsemmija fil-punti (a) u (b)”;

(ii)

il-punt (h) jitħassar;

(b)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Jekk avviż ta’ appell ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punti (a) sa (d), u l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jew kwalunkwe direzzjoni ta’ prassi adottata f’konformità mal-Artikolu 27(2), ir-Reġistratur jista’ jippreskrivi perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih l-appellant għandu jkun konformi magħhom. Ir-Reġistratur jista’ jippreskrivi tali perjodu darba biss.”;

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Għandu jiġi ppubblikat avviż fuq is-sit web tal-Aġenzija, li jindika li d-data tal-wasla ta’ appell li se jibda l-proċedimenti, l-isem tal-appellant, is-suġġett tal-proċedimenti, ir-rimedju mitlub mill-appellant u sunt tal-motivi u tal-argumenti ta’ sostenn ewlenin.

Il-President għandu jiddeċiedi jekk l-informazzjoni indikata minn appellant skont il-paragrafu 1, il-punt (g), għandhiex titqies bħala kunfidenzjali u għandu jiżgura li kwalunkwe informazzjoni li titqies bħala kunfidenzjali ma tiġix ippubblikata fl-avviż. L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex titqies bħala kunfidenzjali. Id-dettalji prattiċi tal-pubblikazzjoni għandhom jiġu preskritti f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 27(3).”

;

(6)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Aġenzija għandha tippreżenta d-difiża fi żmien xahrejn mill-iskadenza tal-perjodu biex il-President jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-appell stabbilit fl-Artikolu 93(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

Ir-Reġistratur jista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jestendi dak it-terminu b’applikazzjoni motivata mill-Aġenzija.”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

meta l-Aġenzija tkun ħatret rappreżentant, l-isem, l-indirizz tan-negozju u l-indirizz elettroniku tar-rappreżentant”;

(ii)

jitħassar il-punt (e);

(7)

L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, il-punti (c), (d) u (e) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

l-isem, l-indirizz u l-indirizz elettroniku tal-intervenjent;

(d)

meta l-intervenjent ikun ħatar rappreżentant f’konformità mal-Artikolu 9, l-isem, l-indirizz tan-negozju u l-indirizz elettroniku tar-rappreżentant;

(e)

indirizz u indirizz elettroniku għan-notifika tad-dokumenti, jekk differenti minn dawk imsemmija fil-punti (c) u (d);”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-applikazzjoni għal intervent għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet sabiex tinkiseb kwalunkwe osservazzjoni li huma jixtiequ jagħmlu dwar dik l-applikazzjoni qabel il-President jiddeċiedi dwarha.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Meta l-President jiddeċiedi li jippermetti l-intervent, l-intervenjent għandu jirċievi kopja ta’ kull dokument proċedurali nnotifikat lill-partijiet pprovdut għal dak l-iskop lill-Bord tal-Appell mill-partijiet. L-annessi jew id-dokumenti kunfidenzjali għandhom jiġu esklużi minn tali komunikazzjoni.”

;

(c)

il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“Il-President għandu jiddeċiedi jekk jippermettix l-applikazzjoni għal intervent jew le.

Meta l-President jippermetti l-intervent, ir-Reġistratur għandu jippreskrivi perjodu li fih l-intervenjent jista’ jissottometti nota ta’ intervent.”;

(ii)

ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Wara li tkun tressqet in-nota ta’ intervent, ir-Reġistratur jista’ jippreskrivi terminu li fih il-partijiet jistgħu jwieġbu għal dik in-nota.”;

(8)

fl-Artikolu 10(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Id-dokumenti proċedurali kollha għandhom jiġu ppreżentati bil-posta elettronika jew b’mezzi ta’ komunikazzjoni diġitali oħrajn iddeterminati mill-Bord tal-Appell.”;

(9)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej

“(a)

l-avviż tal-appell ma huwiex f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1), il-punti (a) sa (e), u fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament;”;

(b)

il-paragrafu 2 jitħassar;

(10)

jiddaħħal l-Artikolu 11a li ġej:

“Artikolu 11a

Natura kontradittorja tal-proċedimenti

1.   Il-Bord tal-Appell għandu jqis biss dawk id-dokumenti u l-annessi proċedurali li jkunu saru disponibbli għall-appellant u għall-Aġenzija u li dwarhom ikunu ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

2.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità ta’ dan ir-Regolament u għal kwalunkwe deċiżjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 27, id-dokumenti u l-annessi proċedurali kollha inklużi fil-proċess tal-kawża għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet.”

;

(11)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi perjodu raġonevoli għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-Bord tal-Appell għandu jinnotifika lill-partijiet dwar l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedimenti.”

;

(12)

fl-Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“It-talba għandha tiġi sottomessa fi żmien ġimagħtejn minn notifika lill-parti tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedimenti. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż mir-Reġistratur.”;

(13)

fl-Artikolu 19, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   Is-segretezza tad-deliberazzjonijiet għandha tapplika għal:

(a)

l-opinjonijiet orali u bil-miktub ta’ membru tal-Bord tal-Appell relatati mal-aspetti legali, xjentifiċi jew tekniċi ta’ kawża ta’ appell u li jiġu espressi matul l-eżami u d-deliberazzjoni ta’ dik il-kawża, inkluż matul l-abbozzar tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw dik il-kawża;

(b)

il-votazzjoni f’konformità mal-Artikolu 20.”

;

(14)

fl-Artikolu 22, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Id-deċiżjonijiet u l-komunikazzjonijiet kollha għandhom jiġu nnotifikati bil-posta elettronika jew b’mezzi ta’ komunikazzjoni diġitali oħrajn iddeterminati mill-Bord tal-Appell, wara li l-partijiet konċernati jkunu qablu ma’ dawk il-mezzi ta’ komunikazzjoni.”;

(15)

fl-Artikolu 23, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Kwalunkwe perjodu stabbilit fl-Artikolu 92(2), fl-Artikolu 93(1) jew fl-Artikolu 93(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew f’dan ir-Regolament għall-finijiet ta’ proċedimenti tal-appell għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu.”

;

(16)

fl-Artikolu 24, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Kwalunkwe terminu preskritt skont dan ir-Regolament jista’ jiġi estiż mir-Reġistratur fuq talba motivata minn parti jew mill-intervenjent.

Jekk parti jew intervenjent jikkontesta d-deċiżjoni tar-Reġistratur fuq talba għal estensjoni tal-iskadenza, ir-Reġistratur għandu jirreferi l-kwistjoni lill-President li għandu jiddeċiedi jekk jagħtix l-estensjoni.”

;

(17)

L-Artikolu 26 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 26

Korrezzjoni

Il-Bord tal-Appell jista’ fuq inizjattiva proprja jew fuq applikazzjoni minn parti jew intervenjent li saret fi żmien xahar wara li d-deċiżjoni ġiet innotifikata, jiddeċiedi li jikkoreġi l-iżbalji klerikali, l-iżbalji fil-kalkolu u l-iżbalji ovvji fid-deċiżjoni.

Meta l-korrezzjoni tikkonċerna d-dispożittiv jew waħda mir-raġunijiet li tikkostitwixxi l-appoġġ meħtieġ għad-dispożittiv, il-partijiet u l-intervenjenti jistgħu jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub fi ħdan it-terminu preskritt mir-Reġistratur. Il-Bord tal-Appell jista’ jiddeċiedi li jikkoreġi d-deċiżjoni wara dak it-terminu.

Id-deċiżjoni ta’ korrezzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet u lill-intervenjenti f’konformità mal-Artikolu 22.;”

(18)

fl-Artikolu 27, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-President u żewġ membri oħrajn maħtura f’konformità mal-Artikolu 89(3), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandhom jadottaw, filwaqt li jikkunsidraw il-proposta preparata mir-Reġistratur, ir-regoli u l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament b’maġġoranza ta’ voti.”

.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 771/2008 tal-1 ta’ Awwissu 2008 li jistipula r-regoli ta’ organizzazzjoni u proċedura tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 206, 2.8.2008, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/771/oj).

(3)  Is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2019, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, T-755/17, ECLI:EU:T:2019:647 u BASF Grenzach GmbH vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, T-125/17, ECLI:EU:T:2019:638.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tal-14 ta’ Marzu 2023 li tadotta Kodiċi tal-Kondotta għall-Membri Permanenti tal-Bord tal-Appell 07fb9783-2840-21ac-f9ee-b6d1ca1164b8.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1782/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)