SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
20 ta’ Marzu 2025 ( *1 )
Werrej
|
I. Il-kuntest ġuridiku |
|
|
A. Id-Direttiva 2019/1161 |
|
|
B. Il-Komunikazzjoni tal‑2023 |
|
|
II. Il-proċedura prekontenzjuża |
|
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja |
|
|
IV. Fuq ir-rikors |
|
|
A. Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE |
|
|
1. L-argumenti tal-partijiet |
|
|
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
|
B. Fuq l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa taħt l-Artikolu 260(3) TFUE |
|
|
1. L-argumenti tal-partijiet |
|
|
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
|
Fuq l-ispejjeż |
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fit-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija – Direttiva (UE) 2019/1161 – Assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa”
Fil-Kawża C‑480/23,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 u l-Artikolu 260(3) TFUE, ippreżentat fis‑26 ta’ Lulju 2023,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Messina u E. Rousseva, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn T. Mitova, S. Ruseva u R. Stoyanov, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Ħames Awla, u J. Passer, Imħallef,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-Direttiva 2019/1161
|
2 |
Il-premessi 1, 2, 5, 8, 12 u 33 tad-Direttiva 2019/1161 jiddikjaraw:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
3 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Id-Direttiva 2009/33/KE hija emendata kif ġej: […]
[…]
[…]’
|
|
4 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat‑2 ta’ Awwissu 2021. Dawn għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni dwar dan. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi sabiex issir it-tali referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.” |
B. Il-Komunikazzjoni tal‑2023
|
5 |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2023/C 2/01, intitolata “Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2023, C 2, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2023”), tipprevedi, fil-punti 3 u 4 tagħha, ir-regoli dwar, rispettivament, il-“pagament ta’ penali” u l-“ħlas ta’ somma f’daqqa”. |
|
6 |
Il-punt 4.2 ta’ din il-komunikazzjoni jippreċiża l-metodu ta’ kalkolu tas-somma f’daqqa kif ġej: “Is-somma f’daqqa tiġi kkalkolata b’mod ġeneralment simili għall-metodu għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali, jiġifieri:
[…]” |
|
7 |
Il-punt 4.2.1 tal-istess komunikazzjoni jipprevedi: “Biex tiġi kkalkolata s-somma f’daqqa, l-ammont ta’ kuljum għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti. Dan tal-aħħar huwa ddefinit kif ġej: […]
[…]” |
|
8 |
Skont il-punt 4.2.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023: “Għall-kalkolu tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tapplika l-istess koeffiċjent għas-serjetà u l-istess fattur n fiss bħal għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali […] L-ammont b’rata fissa għas-somma f’daqqa huwa anqas minn dak għall-pagamenti ta’ penali. […] L-ammont b’rata fissa applikabbli għas-somma f’daqqa huwa stabbilit fil-punt 2 tal-Anness I. B’kuntrast għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali, il-koeffiċjent għal kemm idum ma jiġix applikat meta tiġi kkalkolata s-somma f’daqqa, minħabba li ż-żmien kemm idum il-ksur jitqies billi l-ammont ta’ kuljum jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti.” |
|
9 |
L-Anness I ta’ din il-komunikazzjoni, intitolat “Data użata għad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji proposti lill-Qorti”, jipprevedi, fil-punt 2 tiegħu, li l-ammont b’rata fissa għall-pagament ta’ somma f’daqqa msemmi fil-punt 4.2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni huwa stabbilit għal EUR 1000 kuljum, li jikkorrispondi għal terz tal-ammont b’rata fissa tal-pagamenti ta’ penalità, u, fil-punt 3 tiegħu, li l-fattur “n” għar-Repubblika tal-Bulgarija huwa stabbilit għal 0.18. Fil-punt 5 ta’ dan l-Anness I, huwa ppreċiżat li s-somma f’daqqa minima stabbilita għar-Repubblika tal-Bulgarija tammonta għal EUR 504000. |
II. Il-proċedura prekontenzjuża
|
10 |
Fid‑29 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija li permezz tagħha fakkritha li t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1161 kien skada u li l-miżuri li jittrasponu b’mod sħiħ din id-direttiva kienu għadhom ma ġewx ikkomunikati lilha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni stiednet lil dan l-Istat Membru jikkomunikalha l-miżuri adottati u fakkritha li anki jekk il-leġiżlazzjoni Bulgara fis-seħħ kienet diġà konformi ma’ din id-direttiva, huwa kien obbligat li jikkomunika t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti u li jindika wkoll il-miżuri ta’ traspożizzjoni b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti. |
|
11 |
Fit-tweġiba tagħha tad‑29 ta’ Novembru 2021, ir-Repubblika tal-Bulgarija indikat lill-Kummissjoni li d-Direttiva 2019/1161 kienet ser tiġi trasposta b’mod sħiħ bl-adozzjoni tal-liġi li temenda u tikkompleta l-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi, tal-liġi li temenda u tikkompleta l-liġi dwar it-trasport bit-triq, ta’ digriet li jistabbilixxi r-rekwiżiti applikabbli għall-vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija kif ukoll ta’ att tal-Kunsill tal-Ministri dwar id-determinazzjoni tal-entitajiet kontraenti obbligati jadottaw ir-rekwiżiti fil-qasam tal-vetturi nodfa u s-sehem tagħhom fin-numru totali ta’ vetturi. Ir-Repubblika tal-Bulgarija rreferiet għal kalendarju indikattiv li minnu kien jirriżulta li l-imsemmija atti leġiżlattivi kellhom jiġu adottati qabel l-aħħar tax-xahar ta’ April 2022 u l-imsemmija atti amministrattivi xahrejn wara l-adozzjoni ta’ dawn l-atti leġiżlattivi. |
|
12 |
Fl-assenza ta’ kwalunkwe komunikazzjoni ulterjuri dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1161, il-Kummissjoni, fis‑6 ta’ April 2022, bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Bulgarija fejn stednitha tieħu, f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċeviha, il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni. |
|
13 |
Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Mejju 2022, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kkontestatx il-ksur allegat, iżda fakkret li d-Direttiva 2019/1161 kienet ser tiġi trasposta b’mod sħiħ bl-adozzjoni tal-liġijiet u tal-atti amministrattivi msemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza. |
|
14 |
Peress li qieset li, iktar minn 20 xahar wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, il-miżuri li jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa tagħha kienu għadhom ma ġewx adottati jew, tal-inqas, kienu għadhom ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni, din l-istituzzjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
15 |
Il-fażi bil-miktub tal-proċedura f’din il-kawża ngħalqet fis‑7 ta’ Frar 2024. |
|
16 |
Permezz ta’ att tat‑3 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1161 mir-Repubblika tal-Bulgarija setgħet titqies li tlestiet fil‑5 ta’ Jannar 2024 u li, għaldaqstant, hija kienet qiegħda tirrinunzja parzjalment għar-rikors tagħha, billi rrinunzjat għat-talba tagħha għall-iffissar ta’ pagamenti ta’ penalità, filwaqt li adattat it-talbiet tagħha intiżi għall-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-ħlas ta’ somma f’daqqa fl-ammont ta’ EUR 1593000. |
|
17 |
Fit‑13 ta’ Mejju 2024, ir-Repubblika tal-Bulgarija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja parzjali għall-atti tal-Kummissjoni u dwar l-adattament tat-talbiet ta’ din tal-aħħar. |
|
18 |
Fil‑11 u fl‑14 ta’ Ġunju 2024, ir-Repubblika tal-Bulgarija ppreżentat dokument, li ddaħħal fil-proċess permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Ġunju 2024, konformement mal-Artikolu 128(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prova prodotta wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. |
|
19 |
F’dan id-dokument, dan l-Istat Membru ppreżenta, fl-ewwel lok, ir-riżultati tal-investigazzjonijiet dwar il-vetturi tat-trasport bit-triq akkwistati jew użati sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport b’eżekuzzjoni ta’ kuntratti pubbliċi u, fit-tieni lok, l-informazzjoni pprovduta mill-entitajiet kontraenti. |
|
20 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija ppreżentat din l-informazzjoni addizzjonali sabiex issostni l-argumenti tagħha intiżi għaċ-ċaħda tat-talba għall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tas-somma f’daqqa mitlub mill-Kummissjoni. |
|
21 |
Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni wieġbet għall-imsemmija provi ġodda. |
IV. Fuq ir-rikors
A. Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE
1. L-argumenti tal-partijiet
|
22 |
Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tfakkar preliminarjament li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari mas-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑362/10, EU:C:2011:703, punt 46) u tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑137/14, EU:C:2015:683, punt 51), id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali. Barra minn hekk, hija tirrileva li, meta direttiva tipprevedi espliċitament li d-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva għandhom jinkludu riferiment għaliha jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, kif jipprevedi f’dan il-każ it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2019/1161, skont din il-ġurisprudenza, ikun fi kwalunkwe każ neċessarju li jiġi adottat att pożittiv ta’ traspożizzjoni. Hija tinvoka f’dan ir-rigward il-punt 49 tas-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑29/14, EU:C:2015:379). |
|
23 |
Filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-punti 51 u 59 tas-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju ((Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573), il-Kummissjoni tesponi li l-Istati Membri huma, barra minn hekk, obbligati jipprovdulha informazzjoni ċara u preċiża dwar it-traspożizzjoni ta’ direttiva. L-Istati Membri għandhom jindikaw mingħajr ambigwità l-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li permezz tagħhom iqisu li ssodisfaw id-diversi obbligi imposti fuqhom mid-direttiva. L-Istati Membri huma obbligati wkoll jindikaw, għal kull dispożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni, id-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha, fejn din il-komunikazzjoni tista’ tkun akkumpanjata, jekk ikun il-każ, minn tabella ta’ korrispondenza. |
|
24 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonstata li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kinitx adottat il-miżuri neċessarji sabiex tittrasponi d-Direttiva 2019/1161 fid-dritt nazzjonali tagħha. |
|
25 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset mill-obbligu tagħha li tikkomunika immedjatament lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni. Il-Kummissjoni tenfasizza li dan l-Istat Membru ma jikkontestax in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’dan ir-rigward. |
|
26 |
Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1161 kien dovut għall-instabbiltà politika fil-Bulgarija, ikkawżata mill-bidliet frekwenti tal-gvern kif ukoll mix-xoljiment tal-Assemblea Nazzjonali. |
|
27 |
Dan l-Istat Membru jenfasizza li l-liġi li tittrasponi din id-direttiva ġiet adottata fil‑5 ta’ Ottubru 2023 u ppubblikata fid-Darzhaven vestnik Nru 88 tal‑20 ta’ Ottubru 2023. Din il-liġi daħlet fis-seħħ u ġiet ikkomunikata fis-sistema Themis tal-Kummissjoni bin-numru MNE(2023)05496. |
|
28 |
Għal din ir-raġuni u fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ tal-Kummissjoni fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk tkomplix jew le l-proċedura għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa ta’ Stat Membru, ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob lil din l-istituzzjoni tirrinunzja għar-rikors f’din il-kawża. |
|
29 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija tippreċiża li wħud mid-definizzjonijiet previsti fid-Direttiva 2019/1161 kienu jeżistu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata qabel it‑2 ta’ Awwissu 2021. |
|
30 |
B’mod partikolari, l-Artikolu 5(2) u (4) taż-Zakon za obshtestvenite porachki (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) (DV Nru 13, tas‑16 ta’ Frar 2016), kif emendata, jikkoinċidi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/33, kif emendata bid-Direttiva 2019/1161, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ “awtoritajiet kontraenti” u ta’ “entitajiet kontraenti”, sa fejn, meta stabbilixxa dawn id-definizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel riferiment għad-Direttiva 2014/24 kif ukoll għad-Direttiva 2014/25. |
|
31 |
Fir-rigward tal-Artikolu 149(1) taż-Zakon za Dvizhenieto po patishtata (il-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq) (DV Nru 20, tal‑5 ta’ Marzu 1999), kif emendata, din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/33, kif emendata bid-Direttiva 2019/1161, li jiddefinixxi l-“vettura tat-trasport bit-triq” b’riferiment għar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1). |
|
32 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li, fid-dawl tal-instabbiltà politika fil-livell nazzjonali, li tikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri, kif ukoll tad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom matul il-proċedura leġiżlattiva minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, għaliha kien oġġettivament impossibbli li timplimenta d-Direttiva 2019/1161 fit-termini mogħtija. |
|
33 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari mas-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas (C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (Dritt ta’ xoljiment mingħajr spejjeż) (C‑540/21, EU:C:2023:450, punti 80 u 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), anki jekk il-kunċett ta’ “forza maġġuri” ma jeħtieġx impossibbiltà assoluta, għal Stat Membru, li jikkonforma ruħu mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, dan il-kunċett madankollu jeżiġi li n-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni jkun dovut għal ċirkustanzi li jkunu indipendenti mir-rieda ta’ dan l-Istat, li jkunu barra min-normal u imprevedibbli, u li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata. |
|
34 |
Din l-istituzzjoni tenfasizza li kien biss fl-istadju tar-risposta tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li r-Repubblika tal-Bulgarija invokat għall-ewwel darba d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom matul il-proċedura leġiżlattiva u wara l-pandemija tal-COVID‑19. |
|
35 |
Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-pandemija tal-COVID‑19 kienet kriżi eċċezzjonali, imprevedibbli u esterna għar-Repubblika tal-Bulgarija, li ma kinitx taqa’ taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar. |
|
36 |
Madankollu, hija tqis li għandha tiġi stabbilita rabta konkreta bejn il-fatt invokat bħala forza maġġuri u n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, filwaqt li tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari skont is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas (C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-kunċett ta’ “forza maġġuri” ma għandux kontenut identiku fid-diversi oqsma ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li t-tifsira tiegħu għandha tiġi ddeterminata skont il-kuntest legali li fih huwa intiż li jipproduċi l-effetti tiegħu. |
|
37 |
Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma wrietx l-eżistenza ta’ rabta speċifika bejn il-pandemija tal-COVID‑19 u d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1161. Dan l-Istat Membru la indika t-tul tad-dewmien tat-traspożizzjoni dovut għal din il-pandemija u lanqas ma speċifika r-raġunijiet għaliex l-imsemmija pandemija pprekludietu milli jlesti din it-traspożizzjoni fit-termini meħtieġa. |
|
38 |
Il-Kummissjoni żżid, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (Dritt ta’ xoljiment mingħajr spejjeż) (C‑540/21, EU:C:2023:450, punti 80 u 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li l-argument ibbażat fuq il-forza maġġuri jista’ jiġi invokat biss għall-perijodu neċessarju sabiex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet affaċjati. |
|
39 |
Hija ssostni li t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1161 beda jiddekorri seba’ xhur qabel ma ġie ddikjarat l-istat ta’ emerġenza fir-Repubblika tal-Bulgarija minħabba l-pandemija tal-COVID‑19. Issa, kif jirriżulta mir-risposta, kien biss matul is-sena 2021 li bdew ix-xogħlijiet preparatorji dwar l-abbozz ta’ liġi ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
40 |
L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tal-Estonja u tar-Repubblika tal-Bulgarija, ittrasponew id-Direttiva 2019/1161 qabel tmiem is-sena 2022, filwaqt li r-Repubblika tal-Estonja lestiet it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva matul April 2023. |
|
41 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-pandemija tal-COVID‑19 ma tistax tiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza, mir-Repubblika tal-Bulgarija, tal-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/1161, u dan għal iktar minn sentejn wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni. |
|
42 |
Fir-rigward tal-argument invokat mir-Repubblika tal-Bulgarija li l-instabbiltà politika pprekludietha milli tittrasponi d-Direttiva 2019/1161 fit-termini meħtieġa, il-Kummissjoni tfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari mas-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑319/99, EU:C:2000:649, punt 10), tas‑7 ta’ Diċembru 2000, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑423/99, EU:C:2000:681, punt 10), tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 85), u tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 77), Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fit-terminu previst minnha. |
|
43 |
Fi kwalunkwe każ, il-kriżi parlamentari li għaliha tirreferi r-Repubblika tal-Bulgarija bdiet matul April 2021, erba’ xhur biss qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1161. |
|
44 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li, għalkemm ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li d-dritt intern kien diġà jinkludi wħud mid-definizzjonijiet introdotti minn din id-direttiva, kien biss fir-risposta tagħha li hija pproduċiet dokument ta’ spjegazzjoni f’dan ir-rigward. |
|
45 |
Barra minn hekk, il-komunikazzjoni ta’ dokument ta’ spjegazzjoni dwar l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva permezz ta’ dispożizzjonijiet eżistenti tad-dritt nazzjonali ma tippermettix, waħedha, li jiġi kkunsidrat li jeżisti att ta’ traspożizzjoni. Fil-fatt, meta direttiva tipprevedi espliċitament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkun fihom riferiment għal din id-direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali riferiment meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, ikun meħtieġ li l-Istati Membri jadottaw att pożittiv ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq is-sentenzi tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑551/08, EU:C:2009:683, punt 23), tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑29/14, EU:C:2015:379, punt 49), tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑599/17, EU:C:2018:813, punt 21) u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 31). |
|
46 |
F’dan il-każ, tali rekwiżit huwa previst espliċitament fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2019/1161. |
|
47 |
Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet eżistenti tad-dritt Bulgaru ma jistgħux jitqiesu li huma att pożittiv ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1161. |
|
48 |
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, kemm fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża kif ukoll fir-risposta, dan l-Istat Membru pprovda informazzjoni konkreta, oġġettiva u preċiża dwar l-iżvilupp tal-proċess ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1161. |
|
49 |
Fir-rigward tal-pandemija tal-COVID‑19, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li, sa fejn il-proċess leġiżlattiv huwa twil, it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ma setgħetx titwettaq immedjatament wara t-tmiem ta’ din il-pandemija. |
|
50 |
Dan l-Istat Membru jirreferi wkoll għal perijodi estiżi li matulhom ma kienx hemm korp leġiżlattiv kompetenti sabiex jadotta l-atti leġiżlattivi neċessarji għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. |
|
51 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija pproduċiet, fir-risposta tagħha, tabella ta’ korrispondenza li fiha jinsabu d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jikkorrispondu għad-diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1161. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
52 |
Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2019/1161, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mit‑2 ta’ Awwissu 2021 u kellhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dan immedjatament. Skont it-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 2(1), meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu riferiment għall-imsemmija direttiva, jew għandu jkollhom tali riferiment magħhom meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. |
|
53 |
L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2019/1161 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet essenzjali tad-dritt intern li jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-direttiva. |
|
54 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’tali mod li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 15, kif ukoll tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tas‑6 ta’ April 2022, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kinitx adottat id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha b’mod sħiħ mad-Direttiva 2019/1161 u, għaldaqstant, ma kinitx ikkomunikat dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. |
|
56 |
Dan l-Istat Membru jsostni, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni eżistenti kienet diġà tinkludi wħud mill-kunċetti ddefiniti mid-Direttiva 2019/1161, b’mod partikolari dawk ta’ “awtoritajiet kontraenti”, ta’ “entitajiet kontraenti” u ta’ “vettura tat-trasport bit-triq”. |
|
57 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2019/1161 mhux biss emendat id-definizzjoni tat-tliet kunċetti msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza u li jinsabu fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/33, iżda ddefinixxiet ukoll żewġ kunċetti oħra, jiġifieri dawk ta’ “vettura nadifa” u ta’ “vettura tqila b’emissjonijiet żero”. Barra minn hekk, id-Direttiva 2019/1161 emendat dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2009/33. |
|
58 |
Issa, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma wrietx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti kienet tiżgura l-implimentazzjoni tal-emendi kollha introdotti permezz tad-Direttiva 2019/1161. |
|
59 |
Fit-tieni lok, dan l-Istat Membru jsostni li għalih kien oġġettivament impossibbli li jiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1161 minħabba, minn naħa, l-instabbiltà politika fil-Bulgarija pprovokata mill-bidliet frekwenti tal-gvern kif ukoll mix-xoljiment tal-Assemblea Nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-pandemija tal-COVID‑19, li kkawżat dewmien fil-ħidma leġiżlattiva, żewġ elementi dawn li jikkostitwixxu wkoll każijiet ta’ forza maġġuri. |
|
60 |
L-argument tar-Repubblika tal-Bulgarija dwar l-instabbiltà politika ma jistax jintlaqa’ peress li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, bħalma hija l-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fit-terminu mogħti (sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 33). |
|
61 |
Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Bulgarija dwar il-pandemija tal-COVID‑19, huwa biżżejjed li jitfakkar li, anki jekk il-kunċett ta’ “forza maġġuri” ma jeħtieġx impossibbiltà assoluta ta’ konformità mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, dan il-kunċett xorta waħda jeżiġi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi inkwistjoni jkun dovut għal ċirkustanzi li ma jkunux taħt il-kontroll ta’ dak li jinvoka l-forza maġġuri, li jkunu barra min-normali u imprevedibbli, u li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata, u dan sa fejn, barra minn hekk, sitwazzjoni ta’ forza maġġuri tista’ tiġi invokata biss għall-perijodu neċessarju sabiex jiġu rrimedjati dawn id-diffikultajiet (sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Is-Slovakkja (Dritt ta’ xoljiment mingħajr spejjeż), C‑540/21, EU:C:2023:450, punt 81, u tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 36). |
|
62 |
Issa, għalkemm kriżi sanitarja ta’ skala bħal dik tal-pandemija tal-COVID‑19 hija avveniment li ma jaqax taħt il-kontroll tar-Repubblika tal-Bulgarija u li huwa barra min-normali u imprevedibbli, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-Istat Membru kellu jaġixxi bid-diliġenza kollha meħtieġa billi jinforma fi żmien xieraq lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom, minn tal-inqas qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tas‑6 ta’ April 2022 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 36). Issa, kif jirriżulta mill-punti 5 sa 8 tal-kontroreplika, u kif ikkonfermat il-Kummissjoni fl-att tagħha tat‑3 ta’ Mejju 2024 li permezz tiegħu hija tirrinunzja parzjalment għat-talbiet tagħha, kien biss fil‑5 ta’ Jannar 2024 li r-Repubblika tal-Bulgarija ttrasponiet b’mod sħiħ id-Direttiva 2019/1161. |
|
63 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2019/1161 fit-termini meħtieġa u, għaldaqstant, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva. |
B. Fuq l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa taħt l-Artikolu 260(3) TFUE
1. L-argumenti tal-partijiet
|
64 |
Il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE u li l-Komunikazzjoni tal‑2023 hija applikabbli għal din il-kawża. |
|
65 |
Hija tfakkar li, skont il-punt 2 ta’ din il-komunikazzjoni, is-sanzjonijiet finanzjarji imposti skont l-Artikolu 260 TFUE għandhom ikunu bbażati fuq tliet kriterji, jiġifieri l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu kif ukoll in-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni finanzjarja nnifisha sabiex jiġu evitati r-reċidivi. |
|
66 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-gravità tal-ksur, din l-istituzzjoni ssostni li, fil-każ tar-rikorsi ppreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, hija tapplika sistematikament koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 fil-każ ta’ nuqqas sħiħ tat-twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni. Il-Kummissjoni tqis li, konformement mal-punt 3.2.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023, f’Unjoni bbażata fuq l-osservanza tal-Istat tad-dritt, id-direttivi kollha għandhom jitqiesu li huma ta’ importanza ugwali u għandhom ikunu s-suġġett ta’ traspożizzjoni sħiħa mill-Istati Membri fit-termini stabbiliti fihom. |
|
67 |
Il-Kummissjoni żżid li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istat Membru li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni jinkludi obbligu li jipprovdi informazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punti 51 u 59), il-fatt li dan l-Istat Membru ma jkunx wettaq dan l-obbligu jista’ jiġi ssanzjonat taħt l-Artikolu 260(3) TFUE. |
|
68 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li f’dan il-każ jiġi applikat koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 fuq skala ta’ bejn 1 u 20. Hija tippreċiża li dan il-koeffiċjent ta’ 10 huwa partikolarment moderat fil-każ ta’ assenza ta’ traspożizzjoni u ta’ assenza totali ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni. L-applikazzjoni orizzontali ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 fil-każijiet kollha ta’ assenza totali ta’ traspożizzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tiggarantixxi ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tal-azzjoni meħuda minn din l-istituzzjoni, kif ukoll l-ugwaljanza fit-trattament tal-Istati Membri. |
|
69 |
Il-Kummissjoni tfakkar li l-obbligu li jiġu adottati miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa ta’ gravità ċerta. F’dan ir-rigward, hija tiċċita s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali) (C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
70 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tesponi li dan huwa ekwivalenti, fir-rigward tal-kalkolu tas-somma f’daqqa, għan-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur. Dan it-tul għandu jiġi kkalkolat skont il-punt 4.2.1 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 u jikkorrispondi għan-numru ta’ ġranet bejn dik ta’ wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni u dik li fiha jintemm il-ksur. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tippreċiża li l-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak bejn it‑3 ta’ Awwissu 2021, peress li t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/1161 skada fit‑2 ta’ Awwissu 2021, u l‑4 ta’ Jannar 2024, peress li d-Direttiva 2019/1161 ġiet trasposta b’mod sħiħ fid-dritt Bulgaru fil‑5 ta’ Jannar 2024, perijodu dan li jikkorrispondi għal 885 ġurnata. |
|
71 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-effett dissważiv tas-sanzjoni fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tindika li dan huwa espress bil-“fattur n” stabbilit għal kull Stat Membru fil-punt 3 tal-Anness I tal-Komunikazzjoni tal‑2023. Il-metodu ta’ kalkolu tagħha, li ġie rrevedut minn din il-komunikazzjoni, issa huwa bbażat prinċipalment fuq il-prodott domestiku gross (PDG) tal-Istati Membri u, sussidjarjament, fuq il-popolazzjoni tagħhom. Skont dan il-punt 3, il-fattur “n” tar-Repubblika tal-Bulgarija huwa ta’ 0.18. |
|
72 |
Il-Kummissjoni tipproponi li l-ammont tas-somma f’daqqa jiġi ffissat billi jiġi mmultiplikat l-ammont ta’ kuljum iddeterminat skont il-punti 4.2 u 4.2.2 tal-Komunikazzjoni tal‑2023 u li jikkorrispondi għal EUR 1800 kuljum (1 000x10x0.18), bin-numru ta’ ġranet ta’ persistenza tal-ksur (885 ġurnata). L-ammont totali tas-somma f’daqqa mitluba jammonta għalhekk għal EUR 1593000, li huwa fi kwalunkwe każ ogħla mill-ammont tas-somma f’daqqa minima, stabbilita għar-Repubblika tal-Bulgarija bħala EUR 504000 fil-punt 5 tal-Anness I ta’ din il-komunikazzjoni. |
|
73 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, prinċipalment, tiċħad it-talba tal-Kummissjoni għall-kundanna tal-ħlas ta’ somma f’daqqa jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tas-somma f’daqqa mitluba. |
|
74 |
Fir-rigward tal-ammont tas-somma f’daqqa, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li d-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom dan l-Istat Membru, imsemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-koeffiċjent ta’ gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. |
|
75 |
Dan l-Istat Membru jżid li, minkejja li l-leġiżlazzjoni Bulgara eżistenti ma kinitx tagħmel riferiment espliċitu għad-Direttiva 2019/1161, dan ma kienx jipprekludi lill-individwi milli jinvokaw id-drittijiet misluta minn din il-leġiżlazzjoni li kienet tikkorrispondi għar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. |
|
76 |
Dan l-aħħar fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fil-kuntest tal-eżami tal-gravità tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u għandu jwassal, fil-każ li t-talba tal-Kummissjoni mressqa skont l-Artikolu 260(3) TFUE ma tiġix kompletament miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-iffissar tal-ammont tas-somma f’daqqa fl-iktar livell baxx possibbli. |
|
77 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, kif sostniet fil-kuntest tal-eżami tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tistax tqajjem argument ibbażat fuq sitwazzjoni ta’ forza maġġuri sabiex tevita l-obbligu ta’ ħlas tagħha. |
|
78 |
Din l-istituzzjoni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus), (C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 76), tfakkar li l-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa hija essenzjalment ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jippersisti għal perijodu twil. |
|
79 |
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li, billi applikat sistematikament koeffiċjent ta’ 10 għal kull ksur paragunabbli ma’ dak ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni turi nuqqas ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjoni fir-rigward tal-ksur imwettaq. |
|
80 |
Issa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan l-Istat Membru, l-applikazzjoni, f’dan il-każ, ta’ dan il-koeffiċjent hija eċċessiva. |
|
81 |
Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-assenza ta’ individwalizzazzjoni fl-approċċ tal-Kummissjoni ma tippermettix li jintlaħaq l-effett dissważiv mixtieq u tista’ twassal għal tnaqqis fil-kwalità tat-traspożizzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri ser ikunu mħeġġa jittrasponu, jiġri x’jiġri, id-direttivi fit-terminu mogħti. |
|
82 |
Barra minn hekk, tali approċċ imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali. |
|
83 |
Fir-risposta tagħha għall-att ta’ rinunzja parzjali tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 78 u 79 tas-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi) (C‑147/23, EU:C:2024:346), li din l-istituzzjoni ma tistax tinvoka l-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-Istati Membri quddiem it-Trattati, kif stabbilit fl-Artikolu 4(2) TUE, sabiex tiġġustifika applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità uniku fil-każ ta’ assenza ta’ traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u, għaldaqstant, ta’ assenza ta’ komunikazzjoni tal-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni tagħha. Fil-fatt, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi imposti fuq l-Istati Membri fuq l-interessi privati u pubbliċi inkwistjoni jistgħu jvarjaw mhux biss minn Stat Membru għal ieħor iżda wkoll skont il-kontenut normattiv tad-direttiva mhux trasposta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tinħeles mill-obbligu tagħha li tevalwa, f’kull Stat Membru u għal kull każ speċifiku, il-konsegwenzi tal-ksur ikkonstatat fuq l-interessi privati u pubbliċi billi tillimita ruħha għall-applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità fil-kuntest tal-iffissar tas-sanzjonijiet pekunjarji, u dan filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni eventwali ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti. |
|
84 |
F’dan il-każ, fid-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ gravità, il-Kummissjoni la ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tar-relazzjonijiet soċjali kkonċernati min-nuqqas ta’ traspożizzjoni, u lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti oħra, imqajma mir-Repubblika tal-Bulgarija matul il-proċedura bil-miktub. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
85 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi li meta l-Kummissjoni tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE peress li tkun tqis li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jikkomunika miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement ma’ proċedura leġiżlattiva, hija tista’, meta jidhrilha li jkun xieraq, tindika l-ammont ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagament ta’ penalità li għandu jitħallas minn dan l-Istat Membru, li hija tkun tqis xieraq għaċ-ċirkustanzi. Konformement mat-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 260(3) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija tkun tista’ timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat il-ħlas ta’ somma f’daqqa jew pagament ta’ penalità li ma jkunx jaqbeż l-ammont indikat mill-Kummissjoni u l-obbligu tal-ħlas jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha. |
|
86 |
Peress li, kif jirriżulta mill-punt 63 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tas‑6 ta’ April 2022, ir-Repubblika tal-Bulgarija la kienet adottat u lanqas, għaldaqstant, ma kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni fid-dritt intern tagħha tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/1161, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE. |
|
87 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tevalwa l-opportunità li timponi sanzjoni pekunjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, tiddeċiedi dwar is-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari għall-finijiet tal-prevenzjoni tar-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
88 |
Għandu jitqies li l-elementi legali u fattwali kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, jiġifieri l-assenza totali ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tas‑6 ta’ April 2022, u anki fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħalma hija l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali), C‑658/19, EU:C:2021:138, punt 70, u tad‑29 ta’ Frar 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Servizzi tal-media awdjoviżiva), C‑679/22, EU:C:2024:178, punt 73). |
|
89 |
Għall-finijiet tal-kalkolu tas-somma f’daqqa li għall-ħlas tagħha Stat Membru jista’ jiġi kkundannat skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, għandha tistabbilixxi l-ammont tagħha b’tali mod li jkun, minn naħa, adattat għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonat mal-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jinsabu b’mod partikolari elementi bħalma huma l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, il-perijodu li matulu dan tal-aħħar ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
90 |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-gravità tal-ksur imwettaq, din ma tistax tiġi stabbilita bl-applikazzjoni awtomatika ta’ koeffiċjent ta’ gravità (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punti 79 u 88). |
|
91 |
Sabiex tiġi eżaminata l-gravità tal-ksur ikkonstatat f’din il-kawża, għandu jitfakkar li l-obbligu li jiġu adottati miżuri sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva u l-obbligu li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa ta’ gravità ċerta (sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
92 |
F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2019/1161 hija, kif jiddikjaraw il-premessi 2, 5, 8, 12 u 33 tagħha, strument importanti tad-dritt tal-Unjoni sa fejn hija intiża li tistabbilixxi dinamika ta’ domanda għall-vetturi nodfa insostenn ta’ tranżizzjoni lejn mobbiltà b’emissjonijiet baxxi bil-għan, minn naħa, li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 tal-vetturi u li jitnaqqas it-tniġġis atmosferiku u akustiku, filwaqt li tiġi promossa d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u, min-naħa l-oħra, li tittejjeb il-kwalità tal-arja fl-ibliet u f’żoni oħra mniġġsa, filwaqt li jiġu promossi l-kompetittività u t-tkabbir tal-industrija tal-Unjoni fis-swieq globali, li qegħdin ixaqilbu dejjem iktar lejn vetturi b’emissjonijiet baxxi jew żero. |
|
93 |
Issa, l-assenza ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva neċessarjament tippreġudika l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u l-applikazzjoni uniformi u effettiva tiegħu. |
|
94 |
Huwa minnu li, kif tfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Bulgarija sostniet, fir-risposta tagħha, li wħud mill-kunċetti ddefiniti fid-Direttiva 2019/1161 kienu diġà jeżistu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti, b’mod partikolari l-kunċetti ta’ “awtoritajiet kontraenti”, ta’ “entitajiet kontraenti” u ta’ “vettura tat-trasport bit-triq”, previsti f’din id-direttiva. |
|
95 |
Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija direttiva mhux biss emendat id-definizzjonijiet ta’ dawn it-tliet kunċetti li jinsabu fl-Artikolu 4 tagħha, iżda ddefinixxiet ukoll żewġ kunċetti oħra, jiġifieri dawk ta’ “vettura nadifa” u ta’ “vettura tqila b’emissjonijiet żero”. Issa, dawn iż-żewġ kunċetti tal-aħħar għandhom importanza fundamentali fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2019/1161 imfakkra fil-punt 92 ta’ din is-sentenza. |
|
96 |
Barra minn hekk, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2019/1161, il-leġiżlatur tal-Unjoni emenda dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2009/33. |
|
97 |
Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma wrietx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti kienet tiżgura l-implimentazzjoni tal-emendi kollha introdotti permezz ta’ din id-direttiva. |
|
98 |
Għaldaqstant, l-assenza ta’ adozzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji għat-traspożizzjoni sħiħa tal-imsemmija direttiva hija ta’ gravità serja. |
|
99 |
It-tieni nett, fir-rigward tat-tul tal-ksur, huwa paċifiku li r-Repubblika tal-Bulgarija, fl-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/1161, jiġifieri fit‑2 ta’ Awwissu 2021, ma kinitx adottat id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, lanqas ma kienet ikkomunikat dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. |
|
100 |
Kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika tal-Bulgarija ttrasponiet b’mod sħiħ id-Direttiva 2019/1161 fil‑5 ta’ Jannar 2024, b’tali mod li, b’hekk, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni dam 885 ġurnata. |
|
101 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika tal-Bulgarija, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx lok li, fil-metodu ta’ kalkolu tal-fattur “n”, id-daqs tal-popolazzjoni ta’ dan l-Istat Membru jittieħed inkunsiderazzjoni sal-estent li għamlet il-Kummissjoni skont il-Komunikazzjoni tal‑2023 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Direttiva dwar l-informaturi), C‑147/23, EU:C:2024:346, punti 84 sa 86 u 102). |
|
102 |
Għall-kuntrarju, il-PDG tar-Repubblika tal-Bulgarija għandu jittieħed bħala bażi bħala fattur predominanti. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-evoluzzjoni reċenti tal-PDG ta’ dan l-Istat Membru, kif tkun din l-evoluzzjoni fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali II), C‑123/22, EU:C:2024:493, punt 131). |
|
103 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li din tal-aħħar ma tistax, fir-rigward tas-somma f’daqqa li timponi l-ħlas tagħha, tistabbilixxi ammont li jeċċedi l-ammont indikat mill-Kummissjoni, għandu jitqies li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu għal dak li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/1161 u li jippreġudika l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat għal EUR 1593000. |
Fuq l-ispejjeż
|
104 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika tal-Bulgarija tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.