Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
NORKUS
ippreżentati fl‑10 ta’ Settembru 2026 (1)
Kawża C‑108/26 RX
D S.A.
vs
P S.A.
“Eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea D (Deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru) (T‑134/25, EU:T:2026:35) – Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira – Kundizzjonijiet – Artikolu 5(3) – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – Deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru – Allokazzjoni ta’ slots tat-tluq imdewma minħabba kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena”
I. Introduzzjoni
1. Fuq proposta tal-Avukat Ġenerali Ewlieni, l-Awla għall-Eżami mill-Ġdid tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 194(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jsir eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Jannar 2026, D (Deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru) (T‑134/25, iktar ’il quddiem is-“sentenza taħt eżami mill-ġdid”, EU:T:2026:35).
2. Fid-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fil-punt 2 tad-dispożittiv tagħha:
“L-eżami mill-ġdid għandu jitratta l-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43) u tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp (C‑28/20, EU:C:2021:226), [is-sentenza tal-Qorti Ġenerali] tippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni peress li l-Qorti Ġenerali iddeċidiet li:
– deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ma hijiex inerenti, minħabba n-natura jew minħabba l-oriġini tagħha stess, għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, peress li ma tifformax parti mill-attività tiegħu, iżda tagħmel parti mill-attivitajiet u mill-kompetenza tas-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;
– tali deċiżjoni, irrispettivament mir-raġuni tagħha, ma taqax taħt il-kontroll effettiv ta’ dan l-operatur, sakemm dan ma kkontribwixxiex għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni; u
– konsegwentement, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (2), għandu jiġi interpretat fis-sens li tali deċiżjoni tista’ tikkostitwixxi ‘ċirkustanza straordinarja’, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, indipendentement mit-tul tad-dewmien li hija twassal għalih u mir-raġuni li timmotivaha, jekk jiġi stabbilit li din id-deċiżjoni ma taqax taħt il-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, b’mod partikolari meta jista’ jiġi eskluż li l-imsemmi trasportatur ikkontribwixxa għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni.”
II. Il-kuntest ġuridiku
3. Skont il-premessi 1, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004:
“(1) Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.
[...]
(14) Bħal taħt il-Konvenzjoni [għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli għat-trasport internazzjonali bl-ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 492)], obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.
(15) Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”
4. L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1(ċ) u fil-paragrafu 3 tiegħu:
“1. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:
[...]
(ċ) jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [...] huma informati [sakemm ma jkunux informati] bil-kanċellazzjoni[:]
[...]
3. Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”
5. L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi kumpens standardizzat għall-passiġġieri li l-ammont tiegħu jvarja, b’mod partikolari, skont id-distanza tat-titjira.
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża suġġetta għal eżami mill-ġdid
A. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6. A kienet passiġġiera fuq it-titjira LO 6110 li kellha ssir fil‑25 ta’ Lulju 2023 mit-trasportatur bl-ajru P.
7. L-ajruplan li kellu jagħmel din it-titjira kellu jitlaq mill-ajruport ta’ Izmir (it-Turkija) fis‑18:20 UTC u jinżel f’Varsavja (il-Polonja) fid‑21:10 UTC.
8. Fir-realtà, dan l-ajruplan telaq fl‑21:40 UTC u niżel l-għada f’00:17 UTC, jiġifieri b’dewmien fil-wasla ta’ iktar minn tliet sigħat.
9. It-titjira LO 6110 kienet ippreċeduta mit-titjira LO 6111, operata permezz tal-istess ajruplan fil-kuntest ta’ “rotazzjoni”. L-ajruplan li kellu jagħmel it-titjira LO 6111 kellu jitlaq minn Katowice (il-Polonja) fit‑14:55 UTC u jinżel f’Izmir fil‑17:20 UTC. Fis-12:55 UTC, it-trasportatur bl-ajru kkonċernat irċieva mingħand is-servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru messaġġ ta’ allokazzjoni ta’ slots (Slot Allocation Message, SAM) li indika li t-titjira LO 6111 kienet ingħatat slot għat-tluq tagħha fl‑16:30. Din id-deċiżjoni ta’ allokazzjoni oriġinat minn miżura ta’ ġestjoni tal-flussi tat-traffiku tal-ajru (Air Traffic Flow Management, ATFM) dwar ir-restrizzjonijiet tal-ispazju tal-ajru tal-Ungerija u tar-Rumanija implimentati minħabba kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena. Fit‑15:04 UTC, l-istess trasportatur bagħat messaġġ li kien jindika li huwa kien lest sabiex iwettaq it-titjira (Ready to depart, REA), u talab l-awtorizzazzjoni sabiex jitlaq qabel. Madankollu, dan il-messaġġ la wassal lis-servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru sabiex ibiddlu d-deċiżjoni tagħhom ta’ allokazzjoni ta’ slot u lanqas ma kellu l-effett li jippermetti li t-titjira LO 6111 titlaq qabel. Fl-aħħar, din it-titjira telqet fl‑16:02 UTC u niżlet fis‑18:32 UTC, jiġifieri b’dewmien fil-wasla ta’ siegħa u tnax-il minuta.
10. Wara l-inżul f’Izmir, instabet ħsara teknika fuq l-ajruplan. It-tiswija tagħha damet sagħtejn u tmien minuti.
11. Fis‑26 ta’ Lulju 2023, A ttrasferixxiet id-dritt tagħha għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa lil D, kumpannija speċjalizzata fl-irkupru ta’ krediti.
12. D għalhekk adixxiet is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja) b’azzjoni intiża li jinkiseb il-ħlas minn P ta’ ammont ta’ EUR 400, flimkien tal-interessi moratorji legali mis‑17 ta’ Awwissu 2023 sad-data tal-ħlas.
13. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, kieku t-telf ta’ ħin li jirriżulta mill-miżuri ta’ ġestjoni tal-flussi tat-traffiku tal-ajru imposti fuq it-trasportatur ikkonċernat kellu jitnaqqas mit-tul totali tad-dewmien, it-titjira LO 6110 jkollha dewmien ta’ inqas minn tliet sigħat. Madankollu, hija tistaqsi dwar il-possibbiltà li deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ slots imdewma jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.
14. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikolu 5(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li kull deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, irrispettivament mit-tul tiegħu, anki jekk ma twassalx, fiha nnifisha, għal dewmien ta’ mill-inqas tliet sigħat, tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja?
2) Jekk mhux kull deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja, il-qorti nazzjonali għandha teżamina r-raġuni li kienet il-bażi ta’ tali deċiżjonijiet ta’ ġestjoni, pereżempju kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżniena li jillimitaw il-kapaċità tas-setturi fuq ir-rotta tat-titjira, u, għalhekk, għandha d-dritt li tevalwa jekk din tkunx ċirkustanza straordinarja?
3) Jekk it-titjira ta’ passiġġier tiddewwem għal iktar minn tliet siegħat, inkluż peress li deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru kienet ġiet adottata għat-titjira li kienet tippreċedi immedjatament it-titjira tal-passiġġer minħabba l-kapaċità limitata tas-setturi fuq ir-rotta tat-titjira minħabba kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena, din id-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja?
4) F’sitwazzjoni bħal din, id-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għandha tikkonċerna direttament it-titjira mdewma jew tista’ tikkonċerna wkoll titjira preċedenti li kienet tagħmel parti mir-rotazzjoni?”
B. Is-sentenza taħt eżami mill-ġdid
15. Fis-sentenza taħt eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, irrispondiet għall-ewwel u għat-tieni domanda li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tista’ tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, indipendentement mit-tul tad-dewmien li hija twassal għalih u mir-raġuni li timmotivaha, jekk jiġi stabbilit li din id-deċiżjoni ma kinitx taqa’ taħt il-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat, b’mod partikolari meta jkun jista’ jiġi eskluż li l-imsemmi trasportatur ikkontribwixxa għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju (3).
16. Insostenn ta’ din ir-risposta, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, eskludiet li deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tikkostitwixxi, fil-każijiet kollha, “ċirkustanza straordinarja”. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” għandu jiġi interpretat b’mod strett u li dan jeżiġi li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu evalwati każ b’każ. Skont dawn il-kundizzjonijiet, l-avvenimenti li, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u ma jaqgħux taħt il-kontroll effettiv tiegħu, jaqgħu taħt tali ċirkustanzi (4).
17. Il-Qorti Ġenerali sussegwentement wettqet l-evalwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi.
18. F’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, hija qieset li deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ma tikkostitwixxix element inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur bl-ajru, peress li taqa’ taħt l-attivitajiet u l-kompetenza tas-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (5).
19. F’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li, indipendentement mir-raġunijiet li jiġġustifikawha, tali deċiżjoni ma taqax taħt il-kontroll effettiv ta’ dan it-trasportatur, sakemm dan ma jkunx ikkontribwixxa għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni. Hija speċifikat li, f’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanza rilevanti ma hijiex ir-raġuni għad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, iżda hija din id-deċiżjoni nnifisha, sa fejn hija din id-deċiżjoni li taffettwa, b’mod estern, l-eżekuzzjoni tat-titjira ppjanata, ħlief jekk it-trasportatur ikun ikkontribwixxa għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni (6).
20. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żiedet li avveniment bħal deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tista’ tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, anki jekk ma tkunx wasslet, fiha nnifisha, għal dewmien ta’ mill-inqas tliet sigħat (7).
21. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għat-tielet u għar-raba’ domanda li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk jiġi stabbilit barra minn hekk li din id-deċiżjoni ma kinitx taqa’ taħt il-kontroll effettiv tiegħu, trasportatur bl-ajru jista’ jinvoka, bħala “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li affettwat titjira preċedenti operata minnu stess bl-istess ajruplan, bil-kundizzjoni li tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkustanza u d-dewmien jew il-kanċellazzjoni tat-titjira li huwa jkun opera sussegwentement, ħaġa li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-metodu ta’ operat tal-inġenju tal-ajru inkwistjoni mill-imsemmi trasportatur (8).
IV. Analiżi ġuridika
A. Kummenti preliminari
22. Din il-kawża għandha portata istituzzjonali partikolari sa fejn tikkostitwixxi l-ewwel okkażjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex timplimenta l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 256(3) TFUE fir-rigward ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-kompetenza għal deċiżjonijiet preliminari li ġiet ittrasferita lilha, f’ċerti oqsma speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, fil-kuntest tal-aħħar riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni (9). Fost dawn l-oqsma speċifiċi hemm dak dwar il-kumpens u l-assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark, ta’ dewmien jew ta’ kanċellazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport, qasam li fih il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat ġurisprudenza abbundanti.
23. Skont id-dispożizzjonijiet applikabbli, huwa l-Avukat Ġenerali nnominat li għandu jissottometti s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għal eżami fil-fond, sabiex jagħti kjarifiki lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-azzjoni li għandha tittieħed f’dan l-eżami mill-ġdid. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid ma tistax tinftiehem bħala mezz ordinarju ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza ttrasferita. Hija tissodisfa skop speċifiku, li jikkonsisti f’li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tintervjeni meta s-sentenza taħt eżami mill-ġdid tqajjem kwistjonijiet li jistgħu jippreġudikaw l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni. Għalkemm il-Qorti Ġenerali hija mitluba tiddeċiedi b’mod awtonomu fl-oqsma li ġew fdati lilha, inkluż li tispeċifika u li tiżviluppa l-ġurisprudenza f’dawn l-oqsma, din l-awtonomija ġudizzjarja għandha neċessarjament tiġi eżerċitata b’osservanza tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-istruttura ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.
24. Għaldaqstant, il-mekkaniżmu tal-eżami mill-ġdid jidher li huwa l-korollarju tat-trasferiment parzjali ta’ kompetenza mwettaq permezz tar-riforma, sa fejn jippermetti li l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jiġi rrikonċiljat mar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita stħarriġ ġenerali tal-evalwazzjonijiet kollha magħmula mill-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, huwa l-kompitu tagħha li tiddetermina jekk il-kwistjonijiet imqajma mis-sentenza taħt eżami mill-ġdid għandhomx portata tali li huma ta’ natura li jiġġustifikaw l-intervent tagħha fid-dawl tal-kriterju, previst mit-Trattat, relatat mal-preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari meta tkun inkwistjoni l-osservanza ta’ prinċipji essenzjali stabbiliti mill-ġurisprudenza tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tintervjeni biss fl-aħħar istanza, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
25. Għaldaqstant, dan l-eżami mill-ġdid jeħtieġ eżami fi tliet stadji. Qabelxejn, għandhom jiġu identifikati l-aspetti tas-sentenza taħt eżami mill-ġdid li jistgħu jqajmu mistoqsijiet serji fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 (10). Sussegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn l-aspetti humiex ta’ natura li jippreġudikaw l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari jekk jirriflettux diverġenza sinjifikattiva mill-prinċipji essenzjali stabbiliti minn din il-ġurisprudenza (11). Fl-aħħar nett, minn dan għandhom jinsiltu l-konsegwenzi fir-rigward tar-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun il-każ, għandha tissostitwixxi għal dawk tal-Qorti Ġenerali (12). Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata s-sentenza taħt eżami mill-ġdid.
B. Fuq il-metodoloġija applikata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
26. Peress li, f’dan il-każ, hija inkwistjoni bidla possibbli fil-metodoloġija segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, jidhirli li huwa utli, għall-finijiet ta’ ċarezza, li nfakkar fil-qosor l-elementi prinċipali ta’ din il-metodoloġija qabel ma neżamina s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fid-dettall. Abbażi ta’ din l-espożizzjoni tal-kuntest ġuridiku applikabbli f’dan il-qasam, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, sussegwentement ser nesponi l-aspetti tas-sentenza taħt eżami mill-ġdid li jidhirli li huma ta’ natura li jnisslu mistoqsijiet serji dwar il-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni.
27. Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, trasportatur bl-ajru li jopera ma għandux ikun obbligat iħallas il-kumpens previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jekk jipprova li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil huma dovuti għal “ċirkustanzi straordinarji” li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku kienu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet skema ta’ analiżi f’żewġ stadji, li l-ewwel wieħed minnhom jinkludi huwa stess żewġ kundizzjonijiet kumulattivi (13).
28. Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-avveniment invokat għandux in-natura ta’ “ċirkustanza straordinarja”. Skont ġurisprudenza stabbilita, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza Wallentin-Hermann u li sussegwentement ġiet riprodotta mill-Awla Manja fis-sentenza Airhelp, dan huwa l-każ biss jekk l-avveniment inkwistjoni, minn naħa, ma jkunx inerenti, min-natura jew mill-oriġini tiegħu, għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, ma jaqax taħt il-kontroll effettiv tiegħu. Peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi, ma huwiex suffiċjenti li avveniment ma jkunx inerenti għall-attività tat-trasportatur jew li dan ma jkunx jista’, fil-prattika, jiġi kkontrollat minnu. Huwa wkoll meħtieġ li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti simultanjament (14).
29. F’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni bbażata fuq in-natura jew l-oriġini tal-avveniment. Fi kliem ieħor, hija tfittex li tiddetermina jekk is-sitwazzjoni kontenzjuża taqax taħt l-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat jew jekk titbigħedx verament minnu. Għaldaqstant, problema teknika ordinarja, anki jekk tkun imprevista, ma hijiex, bħala prinċipju, ta’ natura straordinarja, peress li taqa’ taħt ir-riskji inerenti għall-operat normali ta’ inġenju tal-ajru (15). Għall-kuntrarju, ċerti avvenimenti estranji għall-funzjonament normali tal-impriża, bħal kolliżjoni ma’ għasfur jew eruzzjoni ta’ vulkan li twassal għall-għeluq tal-ispazju tal-ajru, jista’ jkollhom tali natura (16).
30. It-tieni kundizzjoni hija relatata mal-assenza ta’ kontroll effettiv tat-trasportatur. Il-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk tagħmel distinzjoni, b’mod pjuttost ċar, bejn l-avvenimenti li jaqgħu taħt l-isfera interna tat-trasportatur u dawk li jirriżultaw minn ċirkustanzi esterni. Fis-sentenza Airhelp, hija enfasizzat din id-distinzjoni bejn avvenimenti “interni” u “esterni” għall-attività tat-trasportatur (17). Għaldaqstant, avveniment jista’ jkun imprevist mingħajr madankollu ma jkun straordinarju, jekk jibqa’ marbut mal-organizzazzjoni jew mal-funzjonament tal-impriża. Għall-kuntrarju, avveniment li jirriżulta minn kawża naturali, mill-intervent ta’ terz jew minn deċiżjoni imposta minn awtorità esterna jista’ jitqies, skont iċ-ċirkustanzi, li ma jaqax taħt il-kontroll effettiv tat-trasportatur.
31. Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk kienx il-każ li l-konsegwenzi taċ-ċirkustanza straordinarja ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. Dan ir-rekwiżit huwa ta’ natura awtonoma. Għalhekk ma huwiex suffiċjenti, għat-trasportatur, li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ avveniment straordinarju; għandu juri wkoll li huwa ħa, jew li ma kienx raġonevolment f’pożizzjoni li jieħu, il-miżuri li setgħu jevitaw il-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil. Fis-sentenza Wallentin-Hermann, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li t-trasportatur għandu jistabbilixxi li huwa implimenta l-mezzi adattati għas-sitwazzjoni, mingħajr madankollu ma jkun obbligat jagħmel sagrifiċċji insopportabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu (18).
32. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta dan ir-rekwiżit b’mod konkret u kawżali. Fis-sentenza Pešková u Peška, hija tabilħaqq aċċettat li avveniment straordinarju, f’dak il-każ kolliżjoni ma’ għasfur, seta’ jiġġustifika eżenzjoni, iżda speċifikat ukoll li kellu jiġi eżaminat bi preċiżjoni l-ħin effettivament imputabbli lil dan l-avveniment u kellu jiġi evalwat jekk, minkejja l-miżuri raġonevoli meħuda, id-dewmien twil kienx għadu inevitabbli (19). Għalhekk it-trasportatur ma jistax jinvoka ċirkustanza straordinarja b’mod astratt iżda għandu jistabbilixxi r-rabta konkreta bejn din tal-aħħar, id-dewmien kontenzjuż u l-impossibbiltà li jiġu evitati l-effetti tagħha.
33. Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li l-eżistenza ta’ ċirkustanzi straordinarji” ma tħassarx l-obbligi kollha imposti fuq it-trasportatur. Fis-sentenza McDonagh, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eruzzjoni ta’ vulkan u l-għeluq tal-ispazju tal-ajru tabilħaqq kienu jikkostitwixxu “ċirkustanzi straordinarji”, filwaqt li żammet l-obbligi ta’ assistenza previsti mir-Regolament Nru 261/2004. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament jeżenta biss mill-obbligu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, mingħajr ma jħassar, minnu nnifsu, l-obbligi l-oħra imposti fuq it-trasportatur (20).
34. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, skont il-metodoloġija stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-trasportatur għandu juri, l-ewwel nett, li avveniment partikolari ma kienx inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tiegħu u ma kienx jaqa’ taħt il-kontroll effettiv tiegħu u, it-tieni nett, li l-effetti ta’ dan l-avveniment ma setgħux jiġu evitati anki li kieku kien ħa l-miżuri raġonevoli kollha. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” għandu jingħata interpretazzjoni stretta peress li jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ kumpens lill-passiġġieri.
C. Fuq l-aspetti tas-sentenza taħt eżami mill-ġdid li jqajmu mistoqsijiet serji
1. Fuq l-assimilazzjoni kontestabbli tad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ma’ ċirkustanza mhux inerenti għall-attività tat-trasportatur bl-ajru
35. L-ewwel aspett tas-sentenza taħt eżami mill-ġdid jeħtieġ attenzjoni partikolari sa fejn jirrigwarda l-identifikazzjoni taċ-ċirkustanza ġuridikament rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Il-Qorti Ġenerali tidher, essenzjalment, li ddeċidiet li, għalkemm mhux kull deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tikkostitwixxi awtomatikament “ċirkustanza straordinarja”, tali deċiżjoni tista’ madankollu, fiha nnifisha, tikkostitwixxi ċ-ċirkustanza li dwarha għandha tittratta l-analiżi tan-natura straordinarja tal-avveniment invokat (21). Tali approċċ iwassal, fil-prattika, sabiex id-deċiżjoni adottata mis-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tiġi stabbilita bħala element ċentrali tal-klassifikazzjoni ġuridika, minkejja li tali deċiżjoni tista’ tkun biss it-traduzzjoni, fuq il-livell operattiv, ta’ sitwazzjoni fattwali iktar profonda, li l-eżami tagħha biss jippermetti li tinftiehem il-kawża reali tat-tfixkil kontenzjuż.
36. Dan l-approċċ jeħtieġ riżervi serji. Fid-dawl stess tal-formulazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, l-eżenzjoni tippreżupponi li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil ikunu “kkawżati” minn ċirkustanzi straordinarji. Tali formulazzjoni titlob li jiġu identifikati avveniment jew sitwazzjoni konkreti li jagħtu lok għat-tfixkil, u mhux li wieħed jieqaf biss mal-identifikazzjoni tal-miżura amministrattiva jew operattiva li permezz tagħha jimmanifesta ruħu dan it-tfixkil fl-operat tat-titjira. Għaldaqstant, jidhirli li la l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas l-istruttura tagħha ma jwasslu sabiex id-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru biss issir is-suġġett prinċipali tal-klassifikazzjoni ġuridika. Fi kliem ieħor, l-analiżi ma għandhiex tiffoka fuq il-forma li jieħu l-intervent estern, iżda fuq ir-realtà tal-avveniment invokat u fuq il-post li huwa jokkupa fis-sekwenza kawżali li wasslet għad-dewmien jew għall-kanċellazzjoni (22).
37. Għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-kawża tat-tfixkil u l-miżura li permezz tagħha jiġi rifless dan it-tfixkil fl-iżvolġiment konkret tat-titjira. Ħafna drabi, deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tikkostitwixxi reazzjoni għal sitwazzjoni partikolari – li tista’ tkun kundizzjonijiet meteoroloġiċi, restrizzjonijiet tal-kapaċità, restrizzjonijiet tal-ispazju tal-ajru jew diffikultajiet operattivi oħra. Billi tittratta din id-deċiżjoni bħala ċ-ċirkustanza rilevanti nnifisha, is-sentenza taħt eżami mill-ġdid ittendi li tissostitwixxi l-kawża vera tat-tfixkil bil-konsegwenza regolatorja tagħha (23). Barra minn hekk, jidhirli li tali approċċ huwa diffiċli li jkun jista’ jiġi rrikonċiljat mar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni awtonoma u uniformi tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fid-dritt tal-Unjoni (24). Kieku l-evalwazzjoni ta’ dan il-kunċett kellha tiddependi, fil-prattika, mis-sempliċi eżistenza ta’ miżura amministrattiva jew operattiva li tirriżulta mis-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 tirriskja li tiġi ddeterminata inqas mill-kriterji materjali stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja milli mill-forma esterna meħuda, f’każ partikolari, permezz tar-reazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Jidhirli li tali qari huwa inqas u inqas sodisfaċenti peress li jtendi li jqassar l-eżami tal-katina kawżali, billi jiffoka l-analiżi fuq l-aħħar ħolqa tagħha iktar milli fuq l-avveniment li lilu t-tfixkil huwa realment imputabbli (25).
38. Fil-fatt, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi kkontestat li t-trasportaturi bl-ajru, fl-eżerċizzju ta’ kuljum tal-attività tagħhom, huma kkonfrontati b’mod regolari bid-deċiżjonijiet li jirriżultaw mis-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. L-allokazzjoni ta’ slots, ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità, l-aġġustamenti marbuta mat-traffiku tal-ajru kif ukoll id-deċiżjonijiet li jaffettwaw l-ordni u r-ritmu tat-tluq u tal-wasliet, jaqgħu taħt il-funzjonament ta’ kuljum tat-trasport bl-ajru u jagħmlu parti mill-qafas operattiv ordinarju li fih il-kumpanniji tal-ajru jeżerċitaw l-attività tagħhom (26). Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li tali deċiżjoni toriġina minn awtorità esterna għat-trasportatur ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li din ma hijiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ dan tal-aħħar. Din il-konstatazzjoni twassal sabiex issir distinzjoni bir-reqqa bejn, minn naħa, l-esterjorità istituzzjonali ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni jekk is-sitwazzjoni li għaliha twieġeb din id-deċiżjoni hijiex, min-natura jew mill-oriġini tagħha, estranja għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru. L-assimilazzjoni ta’ waħda mal-oħra twassal sabiex l-applikazzjoni tal-ewwel kundizzjoni tkun tiddependi mis-sempliċi konstatazzjoni li terz ikun intervjena fl-organizzazzjoni konkreta tat-titjira. Issa, tali approċċ jirriskja li jisposta l-analiżi, billi jiffokaha fuq l-awtur immedjat tad-deċiżjoni iktar milli fuq in-natura vera tas-sitwazzjoni invokata (27).
39. Barra minn hekk, tali approċċ jidher li huwa kkaratterizzat minn ċertu formaliżmu, sa fejn jagħti importanza deċiżiva lis-sempliċi eżistenza ta’ deċiżjoni li tirriżulta mis-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, meta tali deċiżjoni, fir-realtà, tikkostitwixxi biss miżura amministrattiva jew operattiva meħuda bi tweġiba għal sitwazzjoni partikolari. Issa, is-sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal tali deċiżjoni jistgħu jkunu estremament diversi u ma jkunux neċessarjament ta’ natura straordinarja. Għalhekk, qari bbażat fuq is-sempliċi eżistenza ta’ din id-deċiżjoni ma jidhirx li huwa adegwat sabiex ikopri d-diversità tal-kawżi li fuqhom tista’ tkun ibbażata (28). Tali qari jidher li huwa iktar u iktar kontestabbli peress li, għalkemm il-Qorti Ġenerali tabilħaqq tieħu inkunsiderazzjoni l-ipoteżi li fiha t-trasportatur bl-ajru stess ikun ikkontribwixxa għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, hija tagħmel dan biss bħala eċċezzjoni għall-klassifikazzjoni bħala “avveniment ta’ oriġini esterna”, mingħajr ma tqiegħed inkwistjoni l-ispostament minn qabel tal-analiżi lejn id-deċiżjoni stess iktar milli lejn is-sitwazzjoni fattwali li tat lok għaliha (29).
40. Huwa minnu li t-trasportatur ma jiddeċidix huwa stess dwar tali miżura. Jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-funzjonament operattiv tan-network, huwa jista’ jinfluwenza, tal-inqas indirettament, il-kundizzjonijiet li fihom tittieħed tali deċiżjoni, b’mod partikolari permezz tal-komunikazzjoni fi żmien xieraq ta’ informazzjoni eżatta dwar l-istat ta’ preparazzjoni tat-titjira. Bl-istess mod, ma jistax jiġi eskluż li tfixkil inizjali imputabbli lit-trasportatur, bħal dewmien fl-operat tiegħu, ikun ikkontribwixxa sabiex jesponi t-titjira kkonċernata għal miżura regolatorja jew restrittiva sussegwenti. F’tali ipoteżi, is-sempliċi fatt li deċiżjoni fl-aħħar mill-aħħar tittieħed minn awtorità esterna ma huwiex suffiċjenti sabiex it-tfixkil inkwistjoni jiġi eskluż mill-isfera ta’ attività tat-trasportatur.
41. Kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem parti mill-ġurisprudenza nazzjonali, li l-partijiet fil-kawża prinċipali barra minn hekk irreferew għaliha fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004, fil-fehma tiegħi, ma tistax tiġi invokata b’mod utli insostenn tal-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali. Huwa minnu li din il-premessa tirrigwarda espressament id-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Madankollu, ma jidhirx li huwa possibbli li minnha jiġi dedott li tali deċiżjoni, fiha nnifisha u b’esklużjoni tar-raġuni li fuqha hija bbażata, għandha tiġi kklassifikata bħala “ċirkustanza straordinarja”. Fl-ewwel lok, premessa ma tistax tiġi interpretata fis-sens li jkollha l-effett li tinnewtralizza l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjoni normattiva nnifisha. Issa, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jkompli jeżiġi li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil ikunu dovuti għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku kienu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. Din il-formulazzjoni għalhekk dejjem teħtieġ evalwazzjoni li tirrigwarda n-natura tas-sitwazzjoni invokata, l-oriġini tagħha u l-effett konkret tagħha fuq it-titjira kkonċernata (30).
42. Fit-tieni lok, ma jidhirx li l-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004 tifformula regola ġenerali li skontha kull deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tikkostitwixxi, fiha nnifisha, ċirkustanza straordinarja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali lanqas ma tadotta espliċitament tali awtomatiżmu. Għall-kuntrarju, hija tiddeskrivi sitwazzjoni konkreta, jiġifieri dik li fiha deċiżjoni li tikkonċerna ajruplan speċifiku, għal ġurnata speċifika, tikkawża dewmien twil, dewmien sal-għada jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew iktar ta’ dan l-ajruplan, minkejja li kienu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. Din il-formulazzjoni, mhux talli ma tistabbilixxix klassifikazzjoni astratta u awtomatika, iżda għall-kuntrarju tissuġġerixxi evalwazzjoni kkuntestwalizzata, marbuta maċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.
43. Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004 f’sens li jsostni l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali twassal sabiex id-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tiġi sseparata mis-sitwazzjoni fattwali li tat lok għaliha. Issa, tali deċiżjoni spiss tkun biss ir-reazzjoni operattiva għal realtà sottostanti li, skont il-każijiet, tista’ taqa’ jew taħt avveniment verament eċċezzjonali, jew, għall-kuntrarju, taħt restrizzjonijiet iktar ordinarji marbuta mal-funzjonament ta’ kuljum tat-traffiku tal-ajru. Huwa preċiżament għaliex l-istess kategorija ta’ deċiżjonijiet tista’ twieġeb għal kawżi differenti ferm li huwa diffiċli li jiġi aċċettat li tali deċiżjoni tista’, bħala tali u indipendentement mir-raġuni għaliha, sistematikament titqies li hija straordinarja (31).
44. Fir-raba’ lok, jidher li huwa diffiċli li qari wiesa’ tal-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jiġi rrikonċiljat mal-iskop ta’ dan ir-regolament. Peress li l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ kumpens lill-passiġġieri, din l-eċċezzjoni għandha tibqa’ tiġi interpretata b’mod strett. L-aċċettazzjoni li s-sempliċi eżistenza ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru hija suffiċjenti, bħala prinċipju, sabiex tiftaħ it-triq għall-eżenzjoni tirriskja li twessa’ b’mod sinjifikattiv il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni u, għaldaqstant, li tnaqqas l-effett utli tad-dritt għal kumpens. Issa, ir-Regolament Nru 261/2004 ifittex li jilħaq għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru, li jimmilita favur qari moderat u kkuntestwalizzat tal-premessa 15 tiegħu.
45. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-intenzjoni li tagħti lill-eżempji msemmija fil-premessa 14 tar-Regolament Nru 261/2004 valur awtonomu jew awtomatikament kwalifikattiv (32). Għall-kuntrarju, dawn l-eżempji għandhom biss portata indikattiva u għandhom jinqraw fid-dawl tal-kriterji ġenerali stabbiliti mill-ġurisprudenza għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament. L-istess japplika għall-premessa 15 tal-imsemmi regolament, li ma tistax tinftiehem fis-sens li teżenta minn eżami tan-natura jew tal-oriġini tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (33). Jidher li tali preċiżazzjoni hija iktar u iktar neċessarja peress li interpretazzjoni iktar wiesgħa ta’ dan il-premessa 15 kultant ġiet invokata, b’mod speċifiku, fil-ġurisprudenza nazzjonali (34) u f’parti mill-kummentarji, insostenn ta’ klassifikazzjoni iktar awtomatika tad-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.
46. Barra minn hekk, dan il-qari huwa sostnut mill-prassi ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja stess. Meta din tal-aħħar tkun ikkonfrontata bi tfixkil tat-titjira li jiġi rifless, fuq il-livell operattiv, f’miżura esterna għat-trasportatur, hija ttendi li tevalwa l-eżistenza ta’ ċirkustanzi straordinarji fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali sottostanti iktar milli fid-dawl biss tal-miżura li tikkostitwixxi l-konsegwenza immedjata tagħha. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-għeluq tal-ispazju tal-ajru wara l-eruzzjoni tal-vulkan Iżlandiż Eyjafjallajökull, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset is-sitwazzjoni fid-dawl tal-avveniment naturali inkwistjoni u tal-effetti tiegħu, u mhux biss tal-miżura ta’ għeluq bħala tali (35). Dan l-approċċ jirriżulta wkoll mis-sentenza Moens, li fiha, minkejja li l-għeluq tar-runway kien jirriżulta minn deċiżjoni tal-awtoritajiet ajruportwarji imposta fuq it-trasportatur, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-preżenza ta’ karburant fuq ir-runway, l-oriġini tagħha esterna għat-trasportatur u l-fatt li l-manutenzjoni tar-runways ma kinitx taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dan tal-aħħar (36). Minn perspettiva simili, is-sentenza Pešková u Peška tikkonferma wkoll dan il-metodu peress li fiha l-klassifikazzjoni bħala ċirkustanza straordinarja hija evalwata fid-dawl tal-avveniment konkret invokat, jiġifieri l-kolliżjoni ma’ għasfur, kif ukoll tal-miżuri ta’ sigurtà li kienu jirriżultaw minnu (37). Jidhirli li din l-orjentazzjoni tikkonferma li, anki meta deċiżjoni esterna taffettwa direttament l-eżekuzzjoni tat-titjira, l-analiżi ma tistax tinjora r-realtà fattwali li wasslet għall-adozzjoni tagħha.
47. Minn dan jirriżulta li l-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004 ma tistax tinftiehem fis-sens li teżenta milli tiġi eżaminata n-natura jew l-oriġini tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Moqrija flimkien mal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, hija għaldaqstant titlob evalwazzjoni konkreta u ddettaljata, iktar milli klassifikazzjoni astratta ta’ kull deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Minn dan isegwi, b’mod iktar wiesa’, li s-sempliċi eżistenza ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru mhux bilfors tippermetti li jiġi konkluż li l-avveniment inkwistjoni ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru. Tali deċiżjoni tista’, skont iċ-ċirkustanzi, tkun biss il-konsegwenza operattiva ta’ sitwazzjoni fattwali li taqa’ jew taħt avveniment verament eċċezzjonali, jew, għall-kuntrarju, taħt restrizzjonijiet iktar ordinarji marbuta mal-funzjonament ta’ kuljum tat-traffiku tal-ajru. Huwa għalhekk billi tittieħed inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni sottostanti, fin-natura u fl-oriġini tagħha, li għandu jiġi evalwat jekk l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi hijiex issodisfatta.
48. Barra minn hekk, jidher li huwa diffiċli li interpretazzjoni li tagħti importanza determinanti lill-eżistenza ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tiġi rrikonċiljata mal-istruttura tal-oneru tal-prova li tirriżulta mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Fil-fatt, huwa t-trasportatur bl-ajru li għandu jistabbilixxi mhux biss l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, iżda wkoll il-fatt li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati anki li kieku kienu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha (38). Issa, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali għandu l-effett li jnaqqas dan l-oneru probatorju b’mod sinjifikattiv peress li l-eżistenza ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, flimkien mal-assenza ta’ kontribuzzjoni tat-trasportatur għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ittendi li tkun suffiċjenti fil-prattika. Għaldaqstant, il-prova sostanzjali tal-avveniment straordinarju tirriskja li tiġi ssostitwita bil-produzzjoni ta’ prova essenzjalment formali, jiġifieri l-eżistenza ta’ miżura esterna li taffettwa l-eżekuzzjoni tat-titjira (39).
49. Din l-ewwel diffikultà twassal sabiex wieħed jistaqsi b’mod iktar wiesa’ dwar il-mod kif is-sentenza taħt eżami mill-ġdid torbot iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
2. Fuq ir-riskju ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
50. It-tieni aspett tas-sentenza taħt eżami mill-ġdid jeħtieġ eżami partikolarment bir-reqqa sa fejn jirrigwarda r-rabta taż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, jiġifieri, minn naħa, l-assenza ta’ natura inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ kontroll effettiv tal-avveniment invokat. Kull waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha loġika distinta u tissodisfa funzjoni proprja fl-istruttura tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Għaldaqstant, jidhirli li huwa essenzjali li jiġi żgurat li dawn jibqgħu separati b’mod ċar fl-implimentazzjoni tagħhom (40).
51. Għad hemm dubji serji dwar jekk ir-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali jippreżervax b’mod suffiċjentement ċar l-awtonomija ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet. Fil-fatt, is-sentenza taħt eżami mill-ġdid tidher li tagħti importanza determinanti lill-fatt li deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru toriġina minn servizz estern għat-trasportatur bl-ajru u hija imposta fuqu. Huwa inkontestabbli li tali kunsiderazzjoni hija rilevanti fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, relatata mal-assenza ta’ kontroll effettiv (41). Madankollu, hija ma tistax tkun suffiċjenti, waħedha, sabiex jiġi stabbilit li l-avveniment inkwistjoni ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur. Il-fatt li trasportatur bl-ajru ma jkollux kontroll fuq avveniment mhux bilfors ifisser li dan l-avveniment ma jaqax, min-natura jew mill-oriġini tiegħu, taħt il-qafas normali li fih tiġi eżerċitata l-attività tiegħu.
52. F’dan ir-rigward, jidher li billi enfasizzat l-oriġini esterna tad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, il-Qorti Ġenerali ttendi li tissuġġetta l-ewwel kundizzjoni, tal-inqas parzjalment, għat-tieni waħda. Tali qari jirriżulta li huwa problematiku. Fil-fatt, li kieku l-intervent ta’ terz jew ta’ awtorità esterna kellu jkun suffiċjenti, fil-prattika, sabiex l-avveniment invokat jitqies li ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur, l-ewwel kundizzjoni titlef parti sinjifikattiva mill-portata awtonoma tagħha. Issa, din il-kundizzjoni għandha preċiżament il-funzjoni li tevita li kull avveniment mhux ikkontrollat jitqiegħed awtomatikament fil-livell ta’ ċirkustanza straordinarja, minkejja li jista’ jaqa’ taħt restrizzjonijiet ordinarji li għalihom l-operat tat-trasport bl-ajru jesponi strutturalment lit-trasportaturi.
53. Tali żvilupp jirriskja li jdgħajjef b’mod sinjifikattiv l-istruttura tat-test ġurisprudenzjali. Fil-fatt, diversi avvenimenti esterni għat-trasportatur jistgħu jaqgħu taħt ir-restrizzjonijiet ordinarji li għalihom dan tal-aħħar ikun espost fl-operat ta’ kuljum tat-traffiku tal-ajru. Il-fatt li dawn jiġu imposti minn barra ma jfissirx neċessarjament li huma esterni, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, għall-qafas normali li fih tiġi eżerċitata l-attività tat-trasportatur. Huwa għalhekk li jidher li huwa neċessarju li tinżamm separazzjoni ċara bejn dawn iż-żewġ kriterji: l-ewwel kundizzjoni teħtieġ evalwazzjoni li tirrigwarda n-natura jew l-oriġini tas-sitwazzjoni invokata, filwaqt li t-tieni waħda tikkonċerna l-kwistjoni jekk din is-sitwazzjoni kinitx taqa’ barra mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru (42).
54. Barra minn hekk, jidhirli li l-metodu adottat mill-Qorti Ġenerali jtendi li jċajpar id-diversi stadji tal-eżami meħtieġ skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. F’dan l-approċċ, jidher li ssir distinzjoni insuffiċjenti bejn l-identifikazzjoni taċ-ċirkustanza rilevanti, l-evalwazzjoni tan-natura mhux inerenti tal-avveniment invokat, il-kwistjoni jekk dan kienx jaqa’ barra mill-kontroll effettiv tat-trasportatur kif ukoll, downstream, l-eżami tal-miżuri raġonevoli. Issa, il-metodoloġija stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata preċiżament fuq evalwazzjoni suċċessiva u rigoruża ta’ dawn id-diversi elementi (43).
55. Huwa biss abbażi ta’ din id-distinzjoni li tista’ tiġi ppreżervata n-natura stretta tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, li jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ kumpens lill-passiġġieri. Li kieku ż-żewġ kundizzjonijiet kellhom jiġu konfużi, il-kamp tal-eżenzjoni miftuħa għat-trasportatur jirriskja li jespandi b’mod sinjifikattiv, għad-detriment tal-koerenza tal-metodoloġija stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod iktar ġenerali, tal-bilanċ tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 261/2004.
56. Il-konfużjoni hekk irrilevata timmanifesta ruħha b’mod partikolarment ċar fl-importanza li l-Qorti Ġenerali tagħti lir-raġuni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.
3. Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tar-raġuni għad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru
57. It-tielet aspett tas-sentenza taħt eżami mill-ġdid jeħtieġ eżami bir-reqqa sa fejn jirrigwarda l-importanza mogħtija, mill-Qorti Ġenerali, lir-raġuni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Fuq dan il-punt, is-sentenza taħt eżami mill-ġdid tidher li tagħti importanza determinanti lid-deċiżjoni nnifisha, indipendentement mir-raġuni li timmotivaha. Tali mod ta’ raġunament jidher li huwa problematiku, sa fejn itendi li jinnewtralizza element li, mhux talli ma huwiex anċillari, iżda għall-kuntrarju jista’ jirriżulta li jkun deċiżiv għall-evalwazzjoni tan-natura straordinarja jew le tas-sitwazzjoni kontenzjuża.
58. F’dan ir-rigward, tali approċċ jeħtieġ riżervi serji. Fil-fatt, jidher li huwa diffiċilment konċepibbli li r-raġuni għad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tiċċaħħad minn kwalunkwe rilevanza fl-evalwazzjoni tan-natura straordinarja tas-sitwazzjoni inkwistjoni. Skont jekk din id-deċiżjoni tirriżultax minn avveniment naturali eċċezzjonali, minn riskju gravi għas-sigurtà, minn kundizzjonijiet meteoroloġiċi inkompatibbli mat-twettiq tat-titjira kkonċernata jew, għall-kuntrarju, minn restrizzjoni iktar ordinarja marbuta mal-ġestjoni ta’ kuljum tat-traffiku tal-ajru, l-evalwazzjoni tan-natura jew tal-oriġini tal-avveniment tista’ tvarja b’mod sinjifikattiv. Issa, hija preċiżament din in-natura jew din l-oriġini li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk f’dan il-każ teżistix jew le “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.
59. Jekk, bħala prinċipju, ir-raġuni għad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru titqies li ma għandhiex rilevanza deċiżiva, dan ikun ifisser li jitqiegħdu fuq l-istess livell sitwazzjonijiet li madankollu la għandhom l-istess intensità u lanqas l-istess tifsira fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni. Deċiżjoni imposta minħabba eruzzjoni ta’ vulkan, għeluq eċċezzjonali tal-ispazju tal-ajru jew kundizzjonijiet meteoroloġiċi ta’ gravità partikolari ma tistax tiġi assimilata, mingħajr eżami ulterjuri, ma’ deċiżjoni ddettata minn restrizzjonijiet iktar ordinarji li jirregolaw it-traffiku (44). Fl-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni suffiċjenti tar-raġuni għad-deċiżjoni, l-analiżi tirriskja li tiffoka esklużivament fuq il-forma esterna tal-intervent, għad-detriment tan-natura reali tal-avveniment invokat.
60. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li mhux id-deċiżjonijiet kollha dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru jirriżultaw minn sitwazzjonijiet li jkunu ta’ natura straordinarja. Uħud jistgħu jirriżultaw minn restrizzjonijiet ordinarji tas-sistema ta’ trasport bl-ajru, bħal konġestjoni tat-traffiku, aġġustamenti tal-kapaċità ta’ rutina jew restrizzjonijiet operattivi oħra ta’ kuljum. Min-naħa l-oħra, oħrajn jistgħu joriġinaw minn ċirkustanzi verament eċċezzjonali, bħal kundizzjonijiet meteoroloġiċi estremi jew riskji partikolari għas-sigurtà. Li kieku r-raġuni għad-deċiżjoni kellha titqies li ma għandhiex rilevanza deċiżiva, kif ittendi li taċċetta s-sentenza taħt eżami mill-ġdid fl-applikazzjoni taż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, id-distinzjoni bejn dawn id-diversi ipoteżijiet ma tkunx tista’ titwettaq iżjed b’mod sodisfaċenti. Issa, tali distinzjoni tidher preċiżament li hija indispensabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.
61. Jidher ukoll li huwa diffiċli li tali teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tar-raġuni jiġi rrikonċiljat mal-iskop tar-Regolament Nru 261/2004. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-premessa 1 ta’ dan ir-regolament, li dan tal-aħħar ifittex li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru (45). Peress li l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ kumpens, din id-dispożizzjoni ma tistax tinftiehem b’mod li tippermetti eżenzjoni wisq faċli tat-trasportatur bis-sempliċi effett ta’ deċiżjoni formalment esterna għalih, mingħajr ma l-kawża konkreta li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni tiġi stabbilita b’mod sostanzjali. Tali approċċ ikollu l-effett li jwessa’ l-kamp tal-eżenzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni u li jnaqqas b’mod korrelattiv il-portata tal-protezzjoni mogħtija lill-passiġġieri.
62. Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni tan-natura straordinarja ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ma tistax tiġi sseparata miċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tagħha. Ir-raġuni għal din id-deċiżjoni tikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni rilevanti, jew saħansitra neċessarju, peress li tippermetti preċiżament li jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni sottostanti hijiex, jew le, estranja għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru. Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, u mhux biss tal-eżistenza tad-deċiżjoni bħala att li joriġina minn servizz estern għat-trasportatur, li għandu jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza humiex issodisfatti (46).
63. Fl-aħħar nett, dawn il-kunsiderazzjonijiet jeħtieġu eżami tal-portata iktar ġenerali tal-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fl-istruttura tar-Regolament Nru 261/2004.
4. Fuq il-portata tal-interpretazzjoni adottata fl-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 261/2004
64. Il-mistoqsijiet imqajma mis-sentenza taħt eżami mill-ġdid ma jistgħux jiġu evalwati indipendentement mill-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 261/2004. L-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament ma jikkostitwixxix dispożizzjoni iżolata, iżda jikkostitwixxi l-klawżola ta’ eżenzjoni li tillimita l-obbligu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. L-interpretazzjoni adottata tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” għalhekk ma tibqax mingħajr effett fuq l-arkitettura ġenerali tas-sistema stabbilita mill-istess regolament. Dan huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami tas-sentenza taħt eżami mill-ġdid.
65. Barra minn hekk, għandu jiġi evitat li minħabba l-inklużjoni tat-trasport bl-ajru f’sistema regolatorja esterna densa stess, it-trasportaturi bl-ajru jingħataw, de facto, possibbiltà ta’ eżenzjoni iktar wiesgħa minn dik li tirriżulta min-natura eċċezzjonali tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Il-fatt li l-operat tat-trasport bl-ajru jaqa’ neċessarjament f’ambjent ikkoordinat ħafna minn awtoritajiet esterni ma jistax, minnu nnifsu, jiġġustifika estensjoni tal-kategorija ta’ “ċirkustanzi straordinarji”. Jekk jiġi aċċettat il-kuntrarju, dan iwassal sabiex dan is-settur jibbenefika minn tnaqqis partikolari tal-piż marbut mal-eċċezzjoni, minkejja li dan il-piż għandu jibqa’ strettament irregolat fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni li dan ir-regolament ifittex li jilħaq.
66. Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija sostnuta fuq il-livell sistematiku. Id-dritt tal-Unjoni għandu wkoll, f’setturi oħra tat-trasport tal-passiġġieri, b’mod partikolari fit-trasport ferrovjarju, bil-baħar u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, mekkaniżmi ta’ protezzjoni u ta’ kumpens li magħhom huma marbuta eċċezzjonijiet ta’ interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, huwa diffiċli li jiġi ġġustifikat li s-sempliċi inklużjoni tat-trasport bl-ajru f’qafas regolatorju estern dens twassal, minnha nnifisha, għal estensjoni tal-portata tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 (47).
67. Din il-kunsiderazzjoni iktar u iktar għandha importanza peress li l-obbligu ta’ kumpens jikkostitwixxi wieħed mill-elementi strutturali tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni favur il-passiġġieri tal-ajru. Minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” taffettwa direttament il-portata prattika tad-dritt għal kumpens u, għaldaqstant, il-bilanċ ġenerali tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 261/2004. Qari tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament li jwassal sabiex jiġi rrikonoxxut b’mod wiesa’ wisq li deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għandhom in-natura ta’ “ċirkustanzi straordinarji” jkun ta’ natura li jwessa’ b’mod sinjifikattiv il-kamp tal-eżenzjoni miftuħa għat-trasportatur bl-ajru (48) u li għaldaqstant jagħti lil dan is-settur trattament iktar favorevoli minn dak adottat, essenzjalment, f’sistemi oħra ta’ protezzjoni tal-passiġġieri stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.
68. Tali żvilupp jirriskja li jaffettwa l-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex li jilħaq bejn il-protezzjoni tal-passiġġieri u l-kawżi ta’ eżenzjoni aċċettati għall-benefiċċju tat-trasportatur. Għalhekk id-diffikultajiet imqajma mis-sentenza taħt eżami mill-ġdid ma humiex limitati għal kwistjoni speċifika ta’ klassifikazzjoni ġuridika. Huma jikkonċernaw, b’mod iktar wiesa’, il-mod kif għandha tiġi ppreżervata, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, il-koerenza tas-sistema kollha stabbilita minn dan ir-regolament. Huwa wkoll fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit li ser ikollha tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali mad-dritt tal-Unjoni.
5. Konklużjoni intermedja
69. L-argumenti preċedenti juru, lil hinn mid-diversità tal-kwistjonijiet eżaminati, żewġ sensiliet prinċipali ta’ żbalji ta’ liġi. Għalkemm il-Qorti Ġenerali la affermat li kull deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tikkostitwixxi awtomatikament “ċirkustanza straordinarja” u lanqas ma injorat l-ipoteżi ta’ kontribuzzjoni tat-trasportatur għat-teħid ta’ tali deċiżjoni, jibqa’ l-fatt li s-sentenza taħt eżami mill-ġdid hija affettwata minn tensjoni metodoloġika interna. Fil-fatt, filwaqt li teskludi espressament klassifikazzjoni awtomatika, il-Qorti Ġenerali tirrikostitwixxi parzjalment il-loġika tagħha billi tistabbilixxi d-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru nnifisha bħala ċirkustanza ġuridikament rilevanti.
70. Għaldaqstant, l-ewwel żball jirrigwarda l-identifikazzjoni taċ-ċirkustanza rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, peress li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, issostitwixxiet is-sitwazzjoni fattwali li tat lok għat-tfixkil bid-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, li kienet tikkostitwixxi biss il-manifestazzjoni operattiva immedjata tagħha. It-tieni żball jirrigwarda l-applikazzjoni tal-metodoloġija stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn is-sentenza taħt eżami mill-ġdid ittendi li ċċajpar id-diversi stadji tal-eżami meħtieġ u li ddgħajjef ir-rabta bejn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi relatati maċ-ċirkustanzi straordinarji. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ żbalji prinċipali huma inkompatibbli mal-metodoloġija stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn iwasslu sabiex tingħata importanza insuffiċjenti lir-raġuni għad-deċiżjoni inkwistjoni u jaffettwaw il-portata tal-interpretazzjoni adottata fl-istruttura ġenerali ta’ dan ir-regolament.
71. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li s-sentenza taħt eżami mill-ġdid ma tillimitax ruħha li tqajjem diversi diffikultajiet serji dwar il-mod kif il-Qorti Ġenerali fehmet il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. L-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali jidher, minn diversi aspetti marbuta mill-qrib, li huwa inkompatibbli mal-metodoloġija stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
D. Fuq l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni
1. Proposta ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni applikabbli fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid
72. Wara li ntwerew l-iżbalji ta’ liġi li jaffettwaw is-sentenza taħt eżami mill-ġdid, għandu jiġi eżaminat jekk dawn tal-aħħar għandhomx il-grad ta’ gravità meħtieġ sabiex ikun hemm preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni. Din l-evalwazzjoni tikkostitwixxi stadju awtonomu tal-analiżi, li huwa distint mis-sempliċi konstatazzjoni ta’ żball ta’ liġi. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ tali żball ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jeħtieġ ukoll li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, minħabba l-portata tagħha, tkun tista’ taffettwa, lil hinn mill-kawża prinċipali biss, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jew il-koerenza ġenerali tiegħu.
73. F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 256(3) TFUE huwa fformulat, fir-rigward tal-iskop tiegħu, f’termini simili ħafna għal dawk tal-mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid previst fl-Artikolu 256(2) TFUE. Din il-prossimità fil-formulazzjoni tirrifletti, b’mod iktar fundamentali, il-funzjoni analoga li jissodisfaw dawn iż-żewġ mekkaniżmi fl-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni, sa fejn it-tnejn li huma huma intiżi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tintervjeni meta dan ikun neċessarju sabiex jiġu ppreżervati l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni. Għandu jitfakkar ukoll li l-eżami mill-ġdid jikkostitwixxi mekkaniżmu eċċezzjonali, li ma huwiex intiż li jikkorreġi kull żball ta’ liġi, iżda biss dawk li l-portata tagħhom tista’ taffettwa l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.
74. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 256(2) TFUE għandha rilevanza ċerta għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-mekkaniżmu preżenti ta’ eżami mill-ġdid. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm id-dispożizzjonijiet dwar il-mekkaniżmi ta’ eżami mill-ġdid previsti fl-Artikolu 256(2) u (3) TFUE ma jinkludux definizzjoni preċiża tal-kunċetti ta’ “unità” u ta’ “koerenza” tad-dritt tal-Unjoni, din il-ġurisprudenza pjuttost twassal sabiex tingħata preferenza lil evalwazzjoni bbażata fuq ġabra ta’ elementi, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi stabbilita fruntiera riġida bejn dawn iż-żewġ kunċetti. Dawn l-elementi huma relatati, b’mod partikolari, mal-gravità u mal-portata tal-iżbalji ta’ liġi rrilevati, mal-kapaċità tagħhom li jipproduċu effetti lil hinn mit-tilwima inkwistjoni kif ukoll mal-importanza, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tar-regola, tal-prinċipju jew tal-metodu inkwistjoni.
75. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid previst fl-Artikolu 256(2) TFUE u fir-rigward ta’ sentenzi tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara appell fil-qasam tal-kontenzjuż dwar is-servizz pubbliku tal-Unjoni, adottat, essenzjalment, erba’ kriterji prinċipali sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni: l-ewwel nett, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tista’ tikkostitwixxi preċedent għal kawżi futuri; it-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tbiegħdet minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja; it-tielet nett, l-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali jikkonċernaw kunċett li ma jaqax esklużivament taħt id-dritt tas-servizz pubbliku, iżda li jista’ japplika indipendentement mill-qasam inkwistjoni; u, ir-raba’ nett, ir-regoli jew il-prinċipji miksura mill-Qorti Ġenerali jokkupaw post importanti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (49). Għaldaqstant, dawn il-kriterji ġew riprodotti u applikati b’mod kostanti mill-Avukati Ġenerali f’diversi kawżi (50).
76. B’dan premess, dawn il-kriterji ma jistgħux jiġu trasposti b’mod purament mekkaniku għal dan l-eżami mill-ġdid. Għall-kuntrarju, il-mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 256(3) TFUE jeħtieġ adattament ta’ dawn il-kriterji għan-natura partikolari tiegħu. Din l-ispeċifiċità hija relatata, minn naħa, mal-fatt li dan il-mekkaniżmu jirrigwarda sentenzi mogħtija mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-kompetenza għal deċiżjonijiet preliminari li ġiet ittrasferita lilha, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 256(3) TFUE, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE. Din l-ispeċifiċità hija relatata, min-naħa l-oħra, mal-fatt li dan il-mekkaniżmu jidħol f’kuntest ġudizzjarju mġedded, ikkaratterizzat mit-trasferiment lill-Qorti Ġenerali ta’ diversi oqsma speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, u mhux iktar ta’ kontenzjuż speċjalizzat wieħed biss (51). Tali sentenzi, b’differenza mis-sentenzi mogħtija wara appell, ma humiex limitati għall-partijiet fil-kawża inkwistjoni, iżda jipproduċu l-effetti tagħhom lil hinn minnha f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali.
77. Huwa preċiżament fuq dan il-punt li huwa differenti mill-mekkaniżmu ta’ reviżjoni previst fl-Artikolu 256(2) TFUE. Filwaqt li s-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ġenerali wara appell jirrigwardaw prinċipalment l-istħarriġ ta’ deċiżjoni diġà adottata fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża bejn partijiet, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, min-natura tagħha, għandha l-iskop li tiżgura l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha (52). Għaldaqstant, żball ta’ liġi li jaffettwa sentenza preliminari tal-Qorti Ġenerali jista’ iktar faċilment jipproduċi effetti li jmorru lil hinn mis-sempliċi kawża prinċipali u jinfluwenza l-prassi futura tal-qrati nazzjonali.
78. Minn dan isegwi li, fil-kuntest tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 256(3) TFUE, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni għandha tagħti importanza partikolari lill-fatt li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija kapaċi teżerċita, fil-qasam ittrasferit, influwenza li tiggwida sinjifikattiva, li titbiegħed mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-metodi ta’ interpretazzjoni stabbiliti minnha, li tirrigwarda kunċett, kriterju jew metodu li huwa ta’ natura strutturali għall-qasam ittrasferit u li taffettwa regola, prinċipju jew bilanċ normattiv li jokkupaw post importanti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
79. F’dan ir-rigward, għandha tiġi speċifikata l-portata tal-kriterju bbażat fuq l-eżistenza ta’ diverġenza mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-metodi ta’ interpretazzjoni stabbiliti minnha. Dan il-kriterju ma jistax jinftiehem fis-sens li jissuġġetta, fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjoni ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni għall-identifikazzjoni ta’ preċedent li jista’ jiġi direttament traspost u li s-sentenza taħt eżami mill-ġdid tkun tbiegħdet minnu. Fil-fatt, għalkemm l-eżistenza ta’ korp ġurisprudenzjali sinjifikattiv fl-oqsma kkonċernati kkostitwixxiet wieħed mill-elementi li jiġġustifikaw it-trasferiment parzjali tal-kompetenza għal deċiżjonijiet preliminari lill-Qorti Ġenerali (53), ma jistax jiġi eskluż li jqumu ċerti kwistjonijiet ġodda f’dawn l-oqsma jew li ma tkunx teżisti, fuq aspett partikolari, ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tiggwida direttament lill-Qorti Ġenerali. F’tali ipoteżi, għandu jiġi vverifikat jekk ir-raġunament adottat minn din tal-aħħar jibqax kompatibbli kemm mal-metodi ta’ interpretazzjoni stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mal-istruttura ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.
80. Dawn il-kriterji għandhom jiġu evalwati fl-intier tagħhom. Dawn ma humiex ta’ natura kumulattiva, b’mod li ma huwiex neċessarju li kollha jkunu ssodisfatti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni (54). Il-funzjoni tagħhom hija li jiċċaraw l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-gravità u tal-portata tal-iżbalji ta’ liġi rrilevati fis-sentenza taħt eżami mill-ġdid. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li għandu jiġi eżaminat, fl-argumenti li ġejjin, jekk l-iżbalji ta’ liġi li jaffettwaw is-sentenza tal-Qorti Ġenerali jikkostitwixxux tali preġudizzju.
2. Fuq l-applikazzjoni tal-kriterji proposti għal dan l-eżami mill-ġdid
a) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija kapaċi teżerċita, fil-qasam ittrasferit, influwenza li tiggwida sinjifikattiva
81. L-ewwel kriterju huwa relatat mal-kapaċità tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li teżerċita, fil-qasam ittrasferit, influwenza li tiggwida sinjifikattiva. Dan il-kriterju huwa ssodisfatt f’dan il-każ (55). Fil-fatt, is-sentenza taħt eżami mill-ġdid ma tillimitax ruħha li tagħti tweġiba strettament marbuta maċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-kawża prinċipali, iżda tadotta tabella ta’ analiżi ta’ portata ġenerali fir-rigward tal-mod kif għandhom jinftiehmu, fid-dawl tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, id-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Għaldaqstant, din tmur lil hinn mis-sempliċi soluzzjoni tal-każ inkwistjoni u tista’ tiggwida, fil-qasam ittrasferit, il-mod kif għandha ssir l-analiżi tan-natura straordinarja jew le ta’ tfixkil tat-titjira.
82. Din il-kapaċità li teżerċita influwenza li tiggwida hija relatata mal-għan innifsu tal-interpretazzjoni adottata. Is-sentenza taħt eżami mill-ġdid ma tirrigwardax aspett marġinali tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 261/2004, iżda tirrigwarda l-metodu li għandu jiġi segwit sabiex tiġi kklassifikata, fid-dawl tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, kategorija ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jseħħu b’mod rikorrenti fil-prattika tat-trasport bl-ajru, jiġifieri dawk li fihom l-eżekuzzjoni tat-titjira hija affettwata minn deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Peress li għandu jiġi ddeterminat jekk tali deċiżjoni tistax, waħedha u indipendentement mir-raġuni li fuqha hija bbażata, titqies li hija “ċirkustanza straordinarja”, is-sentenza taħt eżami mill-ġdid hija kapaċi tipprovdi punt ta’ riferiment metodoloġiku f’numru potenzjalment sinjifikattiv ta’ kawżi sussegwenti.
83. Jidher li din l-influwenza li tiggwida hija msaħħa min-natura nnifisha tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari (56). L-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali hija intiża li tiggwida l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali mitluba jieħdu konjizzjoni ta’ kwistjonijiet analogi. Issa, fil-preżenza ta’ kriterju użat daqstant ta’ spiss bħalma huwa dak taċ-“ċirkustanzi straordinarji”, il-metodu ta’ analiżi adottat mill-qorti tal-Unjoni għandu neċessarjament portata ta’ gwida sinjifikattiva, iktar u iktar peress li s-sentenza taħt eżami mill-ġdid tidher li tistabbilixxi gwida ta’ prinċipju, li tista’ tiġi riprodotta f’kawżi oħra li jaqgħu taħt il-qasam ittrasferit.
84. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel kriterju għandu jitqies li huwa ssodisfatt.
b) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali titbiegħed mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-metodi ta’ interpretazzjoni stabbiliti minnha
85. It-tieni kriterju huwa relatat mal-eżistenza ta’ diverġenza mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-metodi ta’ interpretazzjoni stabbiliti minnha. Dan il-kriterju huwa wkoll issodisfatt f’dan il-każ. Kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, is-sentenza taħt eżami mill-ġdid ma tillimitax ruħha li tadotta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-każ, applikazzjoni diskutibbli tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda tadotta approċċ li jitbiegħed minnha fuq diversi punti essenzjali, li issa għandu jiġi eżaminat f’iktar dettall.
86. Preliminarjament, għandu jiġi speċifikat li l-Qorti Ġenerali la affermat li kull deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tikkostitwixxi awtomatikament “ċirkustanza straordinarja” u lanqas ma injorat l-ipoteżi ta’ kontribuzzjoni tat-trasportatur għat-teħid ta’ tali deċiżjoni. Dawn il-preċiżazzjonijiet madankollu ma jeliminawx l-iżball metodoloġiku li jaffettwa s-sentenza taħt eżami mill-ġdid.
87. Fl-ewwel lok, dan l-approċċ jitbiegħed mill-metodu segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn huwa intiż li jissostitwixxi l-eżami tas-sitwazzjoni fattwali li tat lok għat-tfixkil bit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sempliċi deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, li tikkostitwixxi biss il-manifestazzjoni operattiva tagħha. L-iżball tal-Qorti Ġenerali għalhekk huwa relatat mal-fatt li, filwaqt li teskludi espressament klassifikazzjoni awtomatika, hija tirrikostitwixxi parzjalment il-loġika tagħha billi tagħmel minn din id-deċiżjoni nnifisha, u mhux mis-sitwazzjoni fattwali li tat lok għaliha, iċ-ċirkustanza ġuridikament rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 (57). Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-identifikazzjoni tal-avveniment invokat fin-natura u fl-oriġini tiegħu, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex il-każ li dan ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru u jekk jaqax barra mill-kontroll effettiv tiegħu (58).
88. Fit-tieni lok, is-sentenza taħt eżami mill-ġdid ittendi li ċċajpar id-distinzjoni bejn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi relatati maċ-“ċirkustanzi straordinarji” (59). Billi tenfasizza, essenzjalment, in-natura esterna tad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-fatt li din hija imposta fuq it-trasportatur, il-Qorti Ġenerali tagħti lil elementi li jaqgħu prinċipalment taħt it-tieni kundizzjoni – dik dwar l-assenza ta’ kontroll effettiv – portata li taffettwa wkoll l-evalwazzjoni tal-ewwel kundizzjoni, relatata man-natura mhux inerenti tal-avveniment. Tali approċċ jitbiegħed mill-metodoloġija stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija kkaratterizzata mill-eżami suċċessiv u rigoruż taż-żewġ kundizzjonijiet distinti (60).
89. Fit-tielet lok, is-sentenza taħt eżami mill-ġdid tagħti importanza insuffiċjenti lir-raġuni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (61). Għalkemm il-Qorti Ġenerali ma teskludix kompletament ir-rilevanza taċ-ċirkustanzi li jikkonċernaw din id-deċiżjoni, hija madankollu ttendi, fl-applikazzjoni taż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, li tagħti importanza sekondarja lin-natura u lill-oriġini tas-sitwazzjoni sottostanti. Issa, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jimponi preċiżament li jiġu eżaminati n-natura u l-oriġini tal-avveniment invokat. Billi tagħmel mid-deċiżjoni esterna biss il-punt ċentrali tal-analiżi, is-sentenza taħt eżami mill-ġdid ittendi li tinnewtralizza d-distinzjoni bejn sitwazzjonijiet li, skont il-kawża konkreta tagħhom, jistgħu jaqgħu jew taħt restrizzjonijiet ordinarji tat-trasport bl-ajru, jew taħt ċirkustanzi verament straordinarji.
90. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sentenza taħt eżami mill-ġdid ma titbigħedx biss, fuq punt iżolat, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda tqiegħed inkwistjoni, fuq diversi aspetti konverġenti, il-metodu ta’ analiżi stabbilit minn din tal-aħħar għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Għalhekk għandu jitqies li anki t-tieni kriterju huwa ssodisfatt.
c) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tirrigwarda kunċett, kriterju jew metodu li huwa ta’ natura strutturali għall-qasam ittrasferit
91. It-tielet kriterju huwa relatat man-natura strutturali, għall-qasam ittrasferit, tal-kunċett, tal-kriterju jew tal-metodu inkwistjoni. Anki dan il-kriterju huwa ssodisfatt f’dan il-każ. Is-sentenza taħt eżami mill-ġdid ma tirrigwardax kunċett marġinali u lanqas aspett anċillari tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 261/2004, iżda tirrigwarda d-determinazzjoni stess tal-kundizzjonijiet li fihom trasportatur bl-ajru jista’ jiġi eżentat mill-obbligu ta’ kumpens billi jinvoka l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament.
92. Issa, il-metodu ta’ analiżi applikabbli għal dan il-kunċett huwa ta’ natura strutturali evidenti. Huwa jikkundizzjona, upstream, ir-raġunament kollu li l-qrati mitluba japplikaw l-imsemmi regolament ikollhom isegwu sabiex jidentifikaw l-avveniment rilevanti, sabiex jiddistingwu bejn sitwazzjonijiet ordinarji u sitwazzjonijiet straordinarji, sabiex jorbtu ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi relatati maċ-“ċirkustanzi straordinarji” u sabiex jevalwaw, jekk ikun il-każ, il-portata tad-deċiżjonijiet esterni li jaffettwaw l-eżekuzzjoni tat-titjira. Għaldaqstant, il-punt inkwistjoni ma jirrigwardax element sekondarju tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 261/2004, iżda l-kuntest innifsu tal-applikazzjoni ġudizzjarja tagħha f’kontenzjuż li huwa mistenni li jiżdied.
93. Din id-dimensjoni strutturali tidher iktar u iktar ċara peress li d-delimitazzjoni bejn restrizzjonijiet ordinarji tat-trasport bl-ajru u ċirkustanzi verament straordinarji hija ta’ importanza essenzjali għall-applikazzjoni tas-sistema prevista minn dan ir-regolament. Sentenza li tbiddel, anki jekk b’mod impliċitu, il-mod kif issir din id-delimitazzjoni neċessarjament taffettwa element strutturali tal-qasam ikkonċernat.
94. Minn dan isegwi li anki t-tielet kriterju għandu jitqies li huwa ssodisfatt.
d) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali taffettwa regola, prinċipju jew bilanċ normattiv li jokkupaw post importanti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni
95. Ir-raba’ kriterju huwa relatat mal-post importanti li jokkupaw, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ir-regola, il-prinċipju jew il-bilanċ normattiv affettwat mis-sentenza taħt eżami mill-ġdid. Dan il-kriterju huwa wkoll issodisfatt f’dan il-każ. Fil-fatt, l-interpretazzjoni inkwistjoni tikkonċerna l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, dispożizzjoni li tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom it-trasportatur bl-ajru jista’ jiġi eżentat mill-obbligu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.
96. Issa, din id-dispożizzjoni tokkupa post ċentrali fl-istruttura tar-Regolament Nru 261/2004. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-regolament jistabbilixxi, għall-benefiċċju tal-passiġġieri, dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa u standardizzat fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil fil-wasla, filwaqt li l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament jikkostitwixxi biss deroga ta’ interpretazzjoni stretta minn dan il-prinċipju (62). Hija ma tillimitax ruħha li tirregola aspett sekondarju tas-sistema stabbilita minn dan it-test, iżda tistabbilixxi l-limitu nnifsu tal-obbligu ta’ kumpens u, għaldaqstant, il-linja li tifred il-protezzjoni mogħtija lill-passiġġieri mill-kawżi ta’ eżenzjoni aċċettati għall-benefiċċju tat-trasportatur. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) ta’ dan l-istess regolament tinfluwenza direttament il-bilanċ normattiv li l-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex li jilħaq bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi verament eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw eżenzjoni.
97. Barra minn hekk, is-sentenza taħt eżami mill-ġdid ma taffettwax biss dispożizzjoni partikolari, iżda tirrigwarda, permezz tal-interpretazzjoni tagħha, prinċipji ta’ metodu li huma stess jokkupaw post importanti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Hawnhekk hawn inkwistjoni, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni stretta tad-derogi minn sistema ta’ protezzjoni, l-identifikazzjoni korretta tal-avveniment ġuridikament rilevanti kif ukoll l-osservanza tal-metodu ta’ analiżi stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-applikazzjoni ta’ kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-effett tas-sentenza taħt eżami mill-ġdid ma jitkejjilx biss fid-dawl tat-test applikat, iżda wkoll fid-dawl tal-bilanċ metodoloġiku u normattiv li din is-sentenza tista’ taffettwa.
98. Din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar peress li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” jinsab fil-qalba ta’ kontenzjuż abbundanti, li jista’ jippreżenta ruħu f’numru sinjifikattiv ta’ sitwazzjonijiet konkreti. Għaldaqstant, bidla fl-interpretazzjoni tiegħu, speċjalment meta twassal sabiex twessa’, permezz ta’ approċċ essenzjalment formali, il-kamp tal-eżenzjoni miftuħa għat-trasportatur, hija ta’ natura li tipproduċi effetti sinjifikattivi fuq l-applikazzjoni futura tar-Regolament Nru 261/2004.
99. Minn dan isegwi li anki r-raba’ kriterju għandu jitqies li huwa ssodisfatt.
3. Konklużjoni intermedja
100. Mill-applikazzjoni tal-kriterji preċedenti jirriżulta li l-iżbalji ta’ liġi li jaffettwaw is-sentenza taħt eżami mill-ġdid għandhom, f’dan il-każ, il-grad ta’ gravità meħtieġ sabiex ikun hemm preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali teżerċita influwenza li tiggwida sinjifikattiva fil-qasam ittrasferit, titbiegħed mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-metodi ta’ interpretazzjoni stabbiliti minnha, tirrigwarda metodu li huwa ta’ natura strutturali għall-qasam ikkonċernat u taffettwa bilanċ normattiv li jokkupa post ċentrali fl-istruttura tar-Regolament Nru 261/2004.
101. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi ġġustifikat l-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid huma ssodisfatti.
E. Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dan l-eżami mill-ġdid
102. Peress li għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza taħt eżami mill-ġdid hija ta’ natura li tippreġudika l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jinsiltu l-konsegwenzi minn din il-konstatazzjoni. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet li jkunu suġġetti għal eżami mill-ġdid jieħdu post dawk tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma huwa previst rinviju quddiem din tal-aħħar fil-kuntest tal-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 256(3) TFUE. Għandhom għalhekk jiġu proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja r-risposti li għandhom jiġu ssostitwiti għal dawk mogħtija mill-Qorti Ġenerali għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.
1. Fuq ir-risposti li għandhom jiġu ssostitwiti għal dawk tal-Qorti Ġenerali
a) Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
103. Fl-ewwel lok, għandha tiġi ddeterminata r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari, li jikkostitwixxu, essenzjalment, is-suġġett ta’ dan l-eżami mill-ġdid. Dawn id-domandi jeħtieġu risposta komuni. Huma jirrigwardaw, essenzjalment, il-punt jekk deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, bħala tali u indipendentement mir-raġuni li fuqha hija bbażata, tistax titqies li hija “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, ma tistax tingħata risposta għal din id-domanda billi tiġi injorata s-sitwazzjoni fattwali li tat lok għal tali deċiżjoni.
104. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jeżiġi li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil ikunu dovuti għal “ċirkustanzi straordinarji”. Din il-formulazzjoni timponi li jiġu identifikati l-avveniment jew is-sitwazzjoni konkreta li taw lok għat-tfixkil, u mhux li wieħed jibbaża ruħu biss fuq il-miżura amministrattiva jew operattiva li permezz tagħha jimmanifesta ruħu dan it-tfixkil fl-eżekuzzjoni tat-titjira. Ħafna drabi, deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru hija l-konsegwenza operattiva ta’ sitwazzjoni partikolari. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li hija ta’ natura esterna għat-trasportatur ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li hija taqa’, minnha nnifisha, taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”.
105. Minn dan isegwi li tali deċiżjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 biss bil-kundizzjoni li jiġu eżaminati r-raġuni li wasslet għall-adozzjoni tagħha u, b’mod iktar wiesa’, in-natura u l-oriġini tas-sitwazzjoni sottostanti. Huwa fil-fatt fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni li għandu jiġi evalwat jekk huwiex il-każ li l-avveniment invokat ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru u jekk jaqax barra mill-kontroll effettiv tiegħu.
106. Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, bħala tali u indipendentement mir-raġuni li fuqha hija bbażata, ma tistax titqies li hija “ċirkustanza straordinarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Tali deċiżjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni biss sa fejn tikkostitwixxi l-manifestazzjoni operattiva ta’ sitwazzjoni li dwarha hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tan-natura u tal-oriġini tagħha, jekk huwiex il-każ li ma hijiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u jekk taqax barra mill-kontroll effettiv tiegħu.
b) Fuq it-tielet u r-raba’ domanda
107. Fit-tieni lok, għandha tiġi ddeterminata r-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domanda preliminari. Dawn tal-aħħar jirrigwardaw, essenzjalment, il-punt jekk deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li affettwat titjira preċedenti tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ titjira sussegwenti operata mill-istess trasportatur bl-ajru permezz tal-istess inġenju tal-ajru u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, taħt liema kundizzjonijiet.
108. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu, trasportatur bl-ajru jista’ jinvoka “ċirkustanza straordinarja” li affettwat titjira preċedenti operata minnu stess permezz tal-istess inġenju tal-ajru, bil-kundizzjoni li tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkustanza u d-dewmien twil jew il-kanċellazzjoni tat-titjira sussegwenti, ħaġa li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-metodu ta’ operat tal-inġenju tal-ajru inkwistjoni. Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “ċirkustanza straordinarja” ma għandhiex neċessarjament tkun affettwat direttament it-titjira kontenzjuża, sakemm tkompli tipproduċi l-effetti tagħha fil-kuntest tal-operat tal-istess inġenju tal-ajru (63).
109. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament irreferiet, bħala prinċipju, għal din il-ġurisprudenza. Madankollu, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tiġi speċifikata fid-dawl ta’ dik adottata għall-ewwel u għat-tieni domanda. Fil-fatt, deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li affettwat titjira preċedenti ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ titjira sussegwenti sempliċement minħabba li kienet tikkonċerna titjira preċedenti tal-istess rotazzjoni mwettqa permezz tal-istess inġenju tal-ajru. Jeħtieġ ukoll, upstream, li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi l-manifestazzjoni operattiva ta’ sitwazzjoni li dwarha jiġi stabbilit, fid-dawl tan-natura u tal-oriġini tagħha, li din kienet taqa’ taħt “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.
110. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn din is-sitwazzjoni u d-dewmien twil jew il-kanċellazzjoni tat-titjira sussegwenti ma tistax tiġi preżunta. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk it-tfixkil inizjali effettivament kompliex jipproduċi l-effetti tiegħu fuq it-titjira kkonċernata. Għal dan l-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-metodu ta’ operat tal-inġenju tal-ajru kkonċernat, is-sekwenza konkreta tar-rotazzjonijiet, il-perijodu ta’ żmien bejn it-titjiriet inkwistjoni kif ukoll il-kwistjoni jekk it-trasportatur bl-ajru kellux, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, marġni suffiċjenti sabiex jillimita l-effetti tat-tfixkil inizjali permezz tal-miżuri raġonevoli li setgħu jintalbu minnu (64).
111. Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur bl-ajru jista’ jinvoka, fir-rigward ta’ titjira sussegwenti, deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li affettwat titjira preċedenti operata permezz tal-istess inġenju tal-ajru, sakemm din id-deċiżjoni tikkostitwixxi l-manifestazzjoni operattiva ta’ sitwazzjoni li, fid-dawl tan-natura u tal-oriġini tagħha, taqa’ taħt “ċirkustanzi straordinarji” u sakemm bejn din is-sitwazzjoni u d-dewmien twil jew il-kanċellazzjoni tat-titjira sussegwenti tkun teżisti rabta kawżali diretta, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-metodu ta’ operat tal-inġenju tal-ajru kkonċernat.
V. Konklużjoni
112. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi propost li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑21 ta’ Jannar 2026, D (Deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru) (T‑134/25, EU:T:2026:35) tippreġudika l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni u tissostitwixxi r-risposti tal-Qorti Ġenerali bir-risposti li ġejjin:
L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
– deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, bħala tali u indipendentement mir-raġuni li fuqha hija bbażata, ma tistax titqies li hija “ċirkustanza straordinarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Tali deċiżjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni biss sa fejn tikkostitwixxi l-manifestazzjoni operattiva ta’ sitwazzjoni li dwarha hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl tan-natura u tal-oriġini tagħha, jekk huwiex il-każ li ma hijiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u jekk taqax barra mill-kontroll effettiv tiegħu;
– trasportatur bl-ajru jista’ jinvoka, fir-rigward ta’ titjira sussegwenti, deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li affettwat titjira preċedenti operata permezz tal-istess inġenju tal-ajru, bil-kundizzjoni li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi l-manifestazzjoni operattiva ta’ sitwazzjoni li, fid-dawl tan-natura u tal-oriġini tagħha, taqa’ taħt “ċirkustanzi straordinarji” u bil-kundizzjoni li bejn din is-sitwazzjoni u d-dewmien twil jew il-kanċellazzjoni tat-titjira sussegwenti tkun teżisti rabta kawżali diretta, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-metodu ta’ operat tal-inġenju tal-ajru kkonċernat u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.
3 Punt 41 u punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza taħt eżami mill-ġdid.
4 Punti 17 sa 25 tas-sentenza taħt eżami mill-ġdid.
5 Punti 28 u 29 tas-sentenza taħt eżami mill-ġdid.
6 Punti 33 sa 36 tas-sentenza taħt eżami mill-ġdid.
7 Punt 40 tas-sentenza taħt eżami mill-ġdid.
8 Punti 42 sa 45 tas-sentenza taħt eżami mill-ġdid.
9 Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2019 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ April 2024 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L, 2024/2019), ippreveda trasferiment parzjali tal-kompetenza għal deċiżjonijiet preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali. Dan it-trasferiment jikkonċerna sitt oqsma speċifiċi: is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, id-dazji tas-sisa, il-Kodiċi Doganali, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija, il-kumpens u l-assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark, ta’ dewmien jew ta’ kanċellazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport kif ukoll is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra.
10 Ara l-punti 35 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
11 Ara l-punti 72 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
12 Ara l-punti 102 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
13 Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza Wallentin-Hermann”, EU:C:2008:771, punti 17 sa 23).
14 Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 23); tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp (C‑28/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Airhelp”, EU:C:2021:226, punti 23 u 24); u tat‑13 ta’ Ġunju 2024, D. (Difett fid-disinn tal-magna) (C‑411/23, EU:C:2024:498, punt 27).
15 Ara s-sentenzi Wallentin-Hermann (punti 23 sa 26); tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings (C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 22); u tat‑13 ta’ Ġunju 2024, D. (Difett fid-disinn tal-magna) (C‑411/23, EU:C:2024:498, punti 31 u 32).
16 Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342, punti 23 u 24), u tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punti 29 sa 34).
17 Ara s-sentenzi Airhelp (punti 31, 39 sa 41), u tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International – Azores Airlines (Ħsara fis-sistema ta’ provvista ta’ karburant) (C‑308/21, EU:C:2022:533, punt 25).
18 Ara s-sentenza Wallentin-Hermann (punti 39 sa 41).
19 Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 54).
20 Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punti 38 sa 44).
21 Ara s-sentenzi Wallentin-Hermann (punt 23) u Airhelp (punti 23, 24 u 31 sa 45).
22 Ara, f’dan is-sens, Schmid, R., f’BeckOK Fluggastrechte-VO, it-tmienja u tletin edizzjoni, l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, punt 176, li skontu l-klassifikazzjoni ta’ miżuri meħuda mis-servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru bħala “ċirkostanzi straordinarji” għandha dejjem tiġi evalwata każ b’każ. Skont dan l-awtur, il-premessi 14 u 15 għandhom biss valur indikattiv, b’mod li l-qorti adita għandha tkun tista’ tieħu konjizzjoni u tevalwa r-raġunijiet konkreti li wasslu għad-deċiżjoni ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Għaldaqstant, id-diversità tar-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw tali miżuri teskludi kull tweġiba ġenerali għall-mistoqsija jekk dawn jikkostitwixxux “ċirkustanzi straordinarji”.
23 Ara s-sentenzi Wallentin-Hermann (punti 23 sa 26), u tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Moens (C‑159/18, EU:C:2019:535, punti 17 sa 20).
24 F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Airhelp (C‑28/20, EU:C:2021:203, punt 140).
25 Ara wkoll, b’mod indikattiv, ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti Nru 261/2004 u 2027/97, adottat definittivament mill-Kunsill fit‑13 ta’ Lulju 2026 (PE‑CONS 39/1/26 REV 1). Dan ir-regolament jintroduċi, fl-Artikolu 2(r) tar-Regolament Nru 261/2004, definizzjoni espliċita tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, li tirriproduċi ż-żewġ kriterji kumulattivi żviluppati mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan ir-regolament jipprevedi wkoll lista mhux eżawrjenti ta’ tali ċirkustanzi li, fir-rigward tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, tkopri r-restrizzjonijiet marbuta ma’ din il-ġestjoni, kemm-il darba l-avveniment jirriżulta minn deċiżjoni li ma taqax tal-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru effettiv (punt 3(d) tal-Anness I). Għandu jiġi rrilevat li, fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni (COM(2013) 130 final), ir-restrizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru kienu inklużi fil-lista taċ-ċirkustanzi meqjusa bħala straordinarji, mingħajr ma din il-kategorija kienet, bħala tali, marbuta, fl-anness, ma’ tali kundizzjonijiet speċifika. Din l-evoluzzjoni fil-formulazzjoni għalhekk għandha t-tendenza li tikkonferma li s-sempliċi eżistenza ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ma hijiex biżżejjed sabiex tikkaratterizza “ċirkustanza straordinarja” u li għandu jiġi evalwat b’mod konkret jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan humiex issodisfatti. Dan ir-regolament ma japplikax ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali.
26 Ara, f’dan is-sens, Bischof, C., “Slot Postponements as Extraordinary Circumstances of EU261”, Air and Space Law, 2023, Vol. 48, Nru 1, p. 85.
27 Ara s-sentenza Airhelp (punti 23, 24 u 31 sa 45).
28 Ara s-sentenzi Wallentin-Hermann (punt 23), u Airhelp (punti 36 sa 41).
29 Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Moens (C‑159/18, EU:C:2019:535, punti 18 sa 20).
30 Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 76), u tas‑17 ta’ April 2018, Krüsemann et (C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17, EU:C:2018:258, punt 34).
31 Ara s-sentenzi Wallentin-Hermann (punt 23), u Airhelp (punti 23, 24 u 36 sa 41).
32 Ara s-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Krüsemann et (C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17, EU:C:2018:258, punt 34).
33 Ara, f’dan is-sens, Markova, P., “Consumer Protection while Travelling – Enforcement of Air Passenger Rights during ‘Extraordinary Circumstances’ in Light of Regulation (EC) No 261/2004”, Journal of European Consumer and Market Law, 2019, Vol. 8, Nru 3, p. 115; Pantazi, T., “‘I Know that I Know Nothing’: Extraordinary Circumstances in Air Passenger Rights Regulation”, European Review of Private Law, 2020, Vol. 28, Nru 5, p. 1096 et seq.
34 Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal-Court of Appeal (England and Wales) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales)) tas‑6 ta’ Frar 2019, Blanche vs easyJet Airline Company Ltd [2019] EWCA Civ 69, li adottat qari tal-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004 li jiffavorixxi l-klassifikazzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru bħala “ċirkustanza straordinarja”.
35 Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punti 29 sa 34).
36 Sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Moens (C‑159/18, EU:C:2019:535, punti 17 sa 20).
37 Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342, punti 23 u 24).
38 Blankenburg, D., “10 Jahre Art. 5 Abs. 3 VO (EG) Nr. 261/2004 – bisherige und aktuelle Probleme im Rahmen der außergewöhnlichen Umstände”, ReiseRecht aktuell 2015, p. 175, jirrileva li, fid-dawl tal-oneru tal-allegazzjoni, huwa t-trasportatur bl-ajru li għandu jesponi b’mod preċiż liema ċirkustanzi straordinarji seħħew konkretament. F’dan ir-rigward, sempliċi riferiment għal istruzzjoni jew għal deċiżjoni tal-kontroll tal-ajru ma jistax ikun suffiċjenti.
39 Ara s-sentenzi Wallentin-Hermann (punti 39 sa 41), u tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 54).
40 Ara s-sentenzi Wallentin-Hermann (punt 23); Airhelp (punti 23 u 24); u tat‑13 ta’ Ġunju 2024, D. (Difett fid-disinn tal-magna) (C‑411/23, EU:C:2024:498, punti 27 u 28).
41 Ara s-sentenza Airhelp (punti 31 sa 45).
42 Ara s-sentenza Airhelp (punti 23, 24 u 36 sa 41).
43 Ara s-sentenzi Wallentin-Hermann (punti 22, 23 u 40); tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 54); u Airhelp (punti 23 u 24).
44 Ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punti 29 sa 34), u tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342, punti 23 u 24).
45 Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:604, punt 23), u tat‑13 ta’ Ġunju 2024, D. (Difett fid-disinn tal-mutur) (C‑411/23, EU:C:2024:498, punti 26 u 41). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Verein für Konsumenteninformation (Kummissjoni miġbura minn intermedjarju) (C‑45/24, EU:C:2025:468, punt 35).
46 Ara s-sentenzi Wallentin-Hermann (punt 23); Airhelp (punti 23, 24 u 36 sa 41); u tas‑17 ta’ April 2018, Krüsemann et (C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17, EU:C:2018:258, punt 34).
47 F’dak li jirrigwarda t-trasport ferrovjarju, ara r-Regolament (UE) 2021/782 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2021 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU 2021, L 172, p. 1), b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) u (10) tiegħu, kif ukoll, f’dak li jirrigwarda t-trasport bil-baħar u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, ara r-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2010, L 334, p. 1), b’mod partikolari l-Artikoli 19 u 20(4) tiegħu.
48 Delpech, X., “Retard de vol : une décision relative à la gestion du trafic aérien est susceptible de constituer une ‘circonstance extraordinaire’”, Dalloz actualité, 10 ta’ Frar 2026, josserva ġustament li s-sentenza taħt eżami mill-ġdid tiffavorixxi lit-trasportatur bl-ajru.
49 Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M vs EMEA (C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punti 62 sa 65); tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punti 50 sa 53); u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punti 84 sa 90).
50 Ara l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2012:733, punti 69 sa 76), l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:573, punt 58), l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Eżami mill-ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:593, punt 54), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawżi Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2019:977, punt 144).
51 Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
52 Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 176) u s-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 37); tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 27); u tal‑15 ta’ Ottubru 2024, KUBERA (C‑144/23, EU:C:2024:881, punt 35).
53 Ara l-premessa 6 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2019 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ April 2024 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
54 Fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ eżami mill-ġdid previst fl-Artikolu 256(2) TFUE, ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punti 50 sa 54); tad‑19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 58); u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Eżami mill-ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 57).
55 Heger, A., “Fluggastrechte: Entbindung von Ausgleichszahlungspflicht aufgrund Zuweisung verspäteter Zeitnische”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 2026, S. 306; Delpech, X., “Retard de vol : une décision relative à la gestion du trafic aérien est susceptible de constituer une ‘circonstance extraordinaire’”, Dalloz actualité, 10 ta’ Frar 2026. L-awturi jattribwixxu lis-sentenza taħt eżami mill-ġdid importanza prattika kunsiderevoli għall-miżuri li jirregolaw il-flussi tat-traffiku imposti minħabba kundizzjonijiet meteoroloġiċi. Huma jenfasizzaw li din tispeċifika iktar il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” u tagħti tweġiba għal kwistjoni ta’ liġi li ilha kontroversjali għal żmien twil fil-ġurisprudenza u fil-kummentarji.
56 Ara l-punti 76 u 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
57 Ara l-punti 35 sa 37 u l-punti 69 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
58 Ara l-punti 38 sa 49 u l-punti 69 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
59 Ara l-punti 49 sa 55 u l-punti 69 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
60 F’dan ir-rigward, ara Bobek, M., “Preliminary Rulings before the General Court: What Judicial Architecture for the European Union?”, Common Market Law Review, Vol. 60, Nru 6, 2023, p. 1540. Kuntrarjament għall-ipoteżi li l-awtur ipprospetta li tista’ tiġi ppreżentata quddiem il-qrati tal-Unjoni, din il-kawża ma tirrigwardax biss il-kwistjoni jekk sitwazzjoni partikolari, bħal kundizzjonijiet meteoroloġiċi jew ħsarat tekniċi, għandhiex tiġi kklassifikata bħala “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Dan l-eżami mill-ġdid pjuttost jirrigwarda l-applikazzjoni korretta tal-metodu li jippermetti preċiżament li titwettaq tali klassifikazzjoni. Huwa għalhekk iqajjem kwistjoni ta’ prinċipju li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu konjizzjoni tagħha.
61 Ara l-punti 57 sa 62 u l-punti 69 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
62 Dwar id-dritt tal-passiġġieri għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa u standardizzat fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil fil-wasla, kif ukoll dwar l-interpretazzjoni stretta tad-deroga prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, ara s-sentenzi Wallentin-Hermann (punt 23); tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 51, 52 u 61); tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punti 38 sa 40); tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu (C‑354/18, EU:C:2019:637, punt 28); tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 37); Airhelp (punti 23 u 24); kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2024, D. (Difett fid-disinn tal-magna) (C‑411/23, EU:C:2024:498, punti 25 u 26).
63 Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punti 51 sa 58), u tat‑22 ta’ April 2021, Austrian Airlines (C‑826/19, EU:C:2021:318, punti 51 sa 57).
64 Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punti 51 sa 55).