European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/5531

22.10.2026

AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida tal-Kummissjoni biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet dwar il-possibbiltà li jitneħħew u jiġu sostitwiti l-batteriji portabbli u LMT fir-Regolament (UE) 2023/1542

(C/2026/5531)

WERREJ

1.

INTRODUZZJONI 2

2.

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI 2

2.1.

Tipi ta’ għodod 3

2.2.

Interazzjoni ma’ leġiżlazzjoni applikabbli oħra tal-UE 3

3.

POSSIBBILTÀ TA’ TNEĦĦIJA U TA’ SOSTITWIBBILTÀ MINN PROFESSJONISTI INDIPENDENTI 4

3.1.

Kunċett ta’ professjonisti indipendenti 4

3.2.

Derogi parzjali mir-regola ewlenija 4

3.2.1.

Tagħmir iddisinjat speċifikament biex jopera f’ambjent imxarrab 4

3.2.2.

Apparati mediċi u apparati mediċi dijanjostiċi in vitro 6

3.2.3.

Apparati li jintlibsu 7

3.2.4.

Proċedura biex jiżdiedu derogi ġodda 7

4.

DEROGI SĦAĦA GĦALL-OBBLIGI ĠENERIĊI DWAR IL-POSSIBBILTÀ TA’ TNEĦĦIJA U TA’ SOSTITWIBBILTÀ MILL-UTENT FINALI 7

4.1.

Kunsiderazzjonijiet ta’ sikurezza 8

4.2.

Kunsiderazzjonijiet ta’ integrità tad-data 9

5.

KUNSIDERAZZJONIJIET OĦRA 10

5.1.

Kunċett ta’ batterija kompatibbli 10

5.2.

Disponibbiltà bħala spare parts 10

5.3.

Limitazzjonijiet tas-software 11

1.   INTRODUZZJONI

Dawn il-linji gwida għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet dwar il-possibbiltà li jitneħħew u jiġu sostitwiti l-batteriji portabbli u l-batteriji għal mezzi tat-trasport ħfief (LMT) fir-Regolament (UE) 2023/1542 (1), li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Awwissu 2023. Wara l-ewwel sejħa għall-applikazzjoni msemmija fit-Taqsima 3, dawn il-linji gwida ġew aġġornati fir-rebbiegħa tal-2026.

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2023/1542 huwa applikabbli mit-18 ta’ Frar 2027 u fih obbligi dwar il-possibbiltà li jitneħħew u jiġu sostitwiti l-batteriji portabbli u LMT li persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jintroduċu fis-suq prodotti li jinkorporawhom jeħtiġilhom jissodisfaw.

Minħabba li l-batteriji portabbli u LMT jistgħu jkunu preżenti f’firxa wiesgħa ta’ prodotti, f’konformità mal-Artikolu 11(9) tar-Regolament (UE) 2023/1542, dan l-Avviż għandu l-għan li jipprovdi kuntest u elementi tekniċi addizzjonali biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni armonizzata tar-regoli dwar il-possibbiltà li jitneħħew u jiġu sostitwiti l-batteriji portabbli u l-batteriji LMT stipulati f’dak l-Artikolu. Iqis kif xieraq id-diskussjonijiet iddedikati mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati.

L-eżempji stabbiliti f’dan id-dokument mhumiex eżawrjenti u jservu biss biex juru kif għandhom jiġu interpretati ċerti rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11. Il-kontenut, inklużi l-eżempji, jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni Ewropea u, bħala tali, mhuwiex legalment vinkolanti. L-interpretazzjoni aħħarija għad-dritt tal-Unjoni hija l-prerogattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.   KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

Il-possibbiltà li jitneħħew il-batteriji portabbli u LMT tinftiehem li hija possibbli meta l-batterija tkun tista’ titneħħa b’mod sikur minn apparat mill-utent finali jew minn professjonist indipendenti, bl-użu ta’ għodod jew mingħajru, filwaqt li jiġi evitat li ssir ħsara lill-batterija u lill-apparat. Min-naħa l-oħra, is-sostitwibbiltà ta’ batteriji portabbli u LMT tfisser li l-batterija tista’ titneħħa u tiġi sostitwita b’batterija oħra mingħajr ma ssir ħsara jew tinqered il-batterija jew l-apparat li fih tkun inkorporata. Dan, għalhekk, jippermetti tħaddim ulterjuri mingħajr ma jaffettwa l-funzjonament, il-prestazzjoni jew is-sikurezza tal-apparat.

L-obbligu fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2023/1542 dwar il-possibbiltà li jitneħħew u jiġu sostitwiti l-batteriji portabbli mill-utent finali huwa applikabbli għal batteriji sħaħ, u mhux għal ċelluli individwali. L-utent finali għandu jkun persuna li tkun laħqet l-età maġġuri mingħajr ebda esperjenza speċifika jew kwalifiki relatati mat-tneħħija jew is-sostituzzjoni tal-batteriji.

Fil-każ ta’ batteriji portabbli, ta’ min ifakkar li l-Artikolu 11(1) sa 11(4) japplika biss għal prodotti li jitqiegħdu fis-suq li jinkorporaw batteriji portabbli. F’ċerti każijiet, meta l-funzjoni primarja tal-prodott tkun li jwassal l-enerġija elettrika lil prodotti oħra, jista’ jitqies li l-prodott innifsu jikkostitwixxi batterija portabbli, bħal batteriji esterni rikarikabbli, kaxex tal-iċċarġjar għal prodotti li jintlibsu (eż. apparat għall-għajnuna tas-smigħ jew earbuds) jew jump starters għall-batterija tal-vetturi, li jfisser li l-Artikolu 11 ma jkunx applikabbli mill-bidu nett.

Fil-każ tal-batteriji LMT, l-obbligu fl-Artikolu 11(5) dwar il-possibbiltà li jitneħħew u jiġu sostitwiti minn professjonisti indipendenti huwa, barra minn hekk, applikabbli fil-livell taċ-ċelluli tal-batteriji inklużi fil-batterija. It-Taqsima 3 ta’ dawn il-linji gwida tiddiskuti l-kunċett ta’ professjonisti indipendenti.

Meta jkunu meħtieġa għodod għajr għodod disponibbli kummerċjalment għall-professjonisti indipendenti biex jitneħħew u jiġu sostitwiti l-batteriji LMT, dawn għandhom ikunulhom disponibbli bi prezz raġonevoli u mhux diskriminatorju. Dan ma għandux jiskoraġġixxi l-aċċess għal tali għodod, u b’hekk jimpedixxi l-possibbiltà li l-batteriji jitneħħew u jiġu sostitwiti.

Ladarba l-batteriji jitneħħew, huwa importanti li jiġu indirizzati l-perikli assoċjati mal-iskart ta’ batteriji. L-informazzjoni pprovduta lill-utent għandha tinkludi parir ċar dwar il-passi sussegwenti meħtieġa biex jiġi żgurat li l-iskart ta’ batteriji ma jintremiex ma’ skart ieħor, b’mod partikolari skart muniċipali. Għandha tiġi pprovduta wkoll informazzjoni korretta dwar l-immaniġġar, l-imballaġġ, il-ħżin u t-trasport tal-iskart tal-batterija lejn punt tal-ġbir jew faċilità tat-trattament separata.

F’ċerti kategoriji ta’ prodotti bħal kartolini, tessuti intelliġenti, apparati li jintlibsu, u sigaretti elettroniċi, il-batteriji portabbli żgħar abbażi tal-litju jistgħu jikkawżaw inċidenti ta’ nirien f’faċilitajiet tat-trattament tal-iskart jekk jintremew flimkien ma’ dawk il-prodotti. Huwa importanti li l-batteriji portabbli jkunu jistgħu jitneħħew u jiġu sostitwiti mill-utent finali jew, f’każ li tkun applikabbli waħda mid-derogi fl-Artikolu 11(2), minn professjonisti indipendenti.

2.1.   Tipi ta’ għodod

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2023/1542 jiddikjara li batterija għandha titqies li tista’ titneħħa faċilment mill-utent finali meta tkun tista’ titneħħa minn prodott bl-użu ta’ għodod disponibbli kummerċjalment, mingħajr il-ħtieġa tal-użu ta’ għodod speċjalizzati, sakemm ma tkunx ipprovduta mingħajr ħlas mal-prodott, għodod proprjetarji, enerġija termali, jew solventi biex il-prodott jiġi żarmat.

Il-gwida dwar it-tipi ta’ għodod tista’ tittieħed mill-istandard EN 45554:2020e (2). Fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ prodott li jissewwa, jerġa’ jintuża u jiġi mtejjeb, dan l-istandard juża l-gruppi ta’ klassifikazzjoni li ġejjin: (i) għodod bażiċi (inklużi dawk ipprovduti mal-prodott bħala spare part) jew l-ebda għodda; (ii) għodod speċifiċi għall-grupp ta’ prodotti; (iii) għodod disponibbli kummerċjalment; u (iv) għodod proprjetarji.

Il-kunċett ta’ għodod disponibbli kummerċjalment imsemmi fl-Artikolu 11 jinkludi kemm il-kategoriji ta’ għodod bażiċi jew l-ebda għodda u l-kategoriji ta’ għodod disponibbli kummerċjalment skont EN 45554:2020e.

Il-kunċett ta’ għodod speċjalizzati stabbilit fir-Regolament jirreferi għal għodod speċifiċi għall-grupp ta’ prodotti li mhumiex disponibbli għax-xiri mill-pubbliku ġenerali iżda li lanqas ma huma protetti mill-privattivi. L-Artikolu 11 jirrikjedi li kwalunkwe għodda speċjalizzata bħal din li jaf ikollha bżonn titneħħielha jew tiġi sostitwita l-batterija portabbli tagħha, tiġi pprovduta mingħajr ħlas mal-prodott li fih tkun inkorporata l-batterija.

Skont EN 45554:2020e, l-għodod proprjetarji jirreferu għal għodod mhux disponibbli għax-xiri mill-pubbliku ġenerali, jew li għalihom kwalunkwe privattiva applikabbli ma tkunx disponibbli għal liċenzja skont termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji. Tali għodod ma għandhomx ikunu meħtieġa biex jitneħħew il-batteriji portabbli.

2.2.   Interazzjoni ma’ leġiżlazzjoni applikabbli oħra tal-UE

L-Artikolu 11(1) jistipula li d-dispożizzjonijiet fil-paragrafu tiegħu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika li tiżgura livell ogħla ta’ ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem b’rabta mal-possibbiltà li jitneħħew u jiġu sostitwiti l-batteriji portabbli mill-utenti finali stabbiliti fi kwalunkwe dritt tal-Unjoni dwar it-tagħmir elettriku u elettroniku kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2012/19/UE dwar Skart ta’ Tagħmir Elettriku u Elettroniku (3).

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1670 (4) jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ismartphones, għat-telefowns ċellulari għajr l-ismartphones, għat-telefowns bla fili u għall-islate tablets. Dwar is-sostitwibbiltà tal-batteriji portabbli, dan ir-regolament jirrikjedi li l-individwi mingħajr ebda esperjenza speċifika fit-tiswija jew kwalifiki relatati (imsejħa persuni mhux esperti) (5) jew dawk b’għarfien ġenerali tat-tekniki bażiċi tat-tiswija u l-prekawzjonijiet tas-sikurezza (imsejħa ġeneralisti) iridu jkunu jistgħu jissostitwixxu l-batterija. Madankollu, fil-każ tal-aħħar, il-batterija u l-apparat iridu jissodisfaw ukoll rekwiżiti ta’ durabbiltà aktar stretti (6).

Konsegwentement, fil-każ tal-batteriji portabbli inklużi fil-prodotti koperti mir-Regolament (UE) 2023/1670, l-obbligi dwar il-possibbiltà ta’ tneħħija u ta’ sostitwibbiltà stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament jipprevalu fuq dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/1542.

Ir-Regolament (UE) 2025/2509 (7) jistabbilixxi li l-ġugarelli elettriċi b’batteriji li jikkostitwixxu partijiet żgħar għandhom ikunu ddisinjati b’tali mod li jiżguraw li l-batterija ma tkunx tista’ tiġi aċċessata mingħajr l-użu ta’ għodda, u li meta d-daqs jew in-natura tal-ġugarell ikunu jirrikjedu dan biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ġugarell, batterija rikarikabbli tista’ minflok tkun magħmula inaċċessibbli, u tkun tista’ titneħħa jew tiġi sostitwita biss minn professjonisti indipendenti. Dan ir-regolament se jkun applikabbli mill-1 ta’ Awwissu 2030. Id-deroga d) fl-Artikolu 11(2) jew fil-ġugarelli elettriċi li jinkorporaw batteriji rikarikabbli hija konsistenti bis-sħiħ mad-dispożizzjoni msemmija hawn fuq.

3.   POSSIBBILTÀ TA’ TNEĦĦIJA U TA’ SOSTITWIBBILTÀ MINN PROFESSJONISTI INDIPENDENTI

3.1.   Kunċett ta’ professjonisti indipendenti

L-Artikolu 3(23) tar-Regolament (UE) 2023/1542 jipprovdi definizzjoni ta’ “operaturi indipendenti”, iżda mhux tal-“professjonisti indipendenti” li għalihom jirreferi l-Artikolu 11. Għalhekk qed jiġu proposti xi kjarifiki biex jiġi indirizzat il-kunċett ta’ “professjonisti indipendenti” fl-Artikolu 11(2) u (5). Dawn huma misluta u adattati minn speċifikazzjonijiet stabbiliti fi dritt ieħor tal-UE, jiġifieri l-Anness II tar-Regolament (UE) 2023/1670.

“Professjonisti indipendenti” jinftiehmu bħala operaturi indipendenti li għandhom il-kompetenza u l-kwalifika teknika biex isewwu l-prodott fejn il-batterija tkun integrata fih, u jwettqu n-negozju tagħhom fuq bażi kummerċjali u/jew f’bini kummerċjali.

Jekk l-interventi ta’ tneħħija u ta’ sostitwibbiltà jitwettqu fuq ċelluli individwali fi ħdan pakkett ta’ batteriji LMT, il-“professjonist indipendenti” għandu jinftiehem li għandu l-kompetenza teknika biex jerġa’ jġib il-batterija taħdem kif maħsub.

Jekk jitwettqu azzjonijiet ta’ tneħħija u ta’ sostitwibbiltà fuq prodotti soġġetti għall-approvazzjoni tat-tip tal-batterija skont ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 u r-Regolament (UE) 2018/858, il-professjonisti indipendenti għandhom jinftiehmu bħala “operaturi indipendenti” kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 168/2013 (8) u fir-Regolament (UE) 2018/858 (9).

Il-konformità mal-punti ta’ hawn fuq tista’ tintwera, pereżempju, permezz ta’ referenza għal sistema ta’ reġistrazzjoni uffiċjali bħala sewwej professjonali (meta tali sistema teżisti fl-Istati Membri kkonċernati), jew permezz ta’ reġistrazzjoni ma’, jew taħriġ/ċertifikazzjoni mill-manifattur tal-prodott fejn il-batterija tkun integrata (meta meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali).

Fil-każijiet kollha, it-tneħħija u s-sostituzzjoni tal-batterija (kemm fil-livell tal-pakkett kif ukoll fil-livell taċ-ċellula) għandhom jitwettqu skont l-informazzjoni tas-sikurezza dwar l-użu, it-tneħħija u s-sostituzzjoni tal-batteriji pprovduta mill-manifattur tal-prodott.

3.2.   Derogi parzjali mir-regola ewlenija

L-Artikolu 11(2) jistabbilixxi derogi mir-rekwiżiti tal-possibbiltà ta’ tneħħija u ta’ sostitwibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 11(1) li l-batteriji portabbli inkorporati fi prodotti jkunu jistgħu jitneħħew u jiġu sostitwiti mill-utenti finali. Għal ċerti prodotti fejn ikun meħtieġ li tiġi żgurata s-sikurezza tal-utent tal-prodott, huwa biżżejjed li l-batteriji portabbli jkunu jistgħu jiġu sostitwiti u mneħħija minn professjonisti indipendenti b’għodod disponibbli kummerċjalment.

Biex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni uniformi tad-derogi fl-Artikolu 11(2), huwa utli li jiġu pprovduti xi kunsiderazzjonijiet addizzjonali hawn taħt.

3.2.1.   Tagħmir iddisinjat speċifikament biex jopera f’ambjent imxarrab

Tagħmir iddisinjat speċifikament biex jopera primarjament f’ambjent li huwa regolarment soġġett għal titjir tal-ilma, flussi tal-ilma jew immersjoni tal-ilma, u li huwa maħsub biex ikun jista’ jinħasel jew jitlaħlaħ, jista’ jkun iddisinjat b’tali mod li l-batterija tkun tista’ titneħħa u tinbidel biss minn professjonisti indipendenti.

Il-Premessa (39) tar-Regolament (UE) 2023/1542 tispeċifika li “jenħtieġ li din id-deroga tapplika biss meta ma jkunx possibbli, permezz tad-disinn mill-ġdid tal-apparat, li jiġu żgurati s-sikurezza tal-utent finali u l-użu kontinwu sikur tal-apparat wara li l-utent finali jkun segwa b’mod korrett l-istruzzjonijiet biex il-batterija titneħħa u tiġi sostitwita.”.

L-indikaturi li ġejjin huma kollha rilevanti għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kriterji għall-applikabbiltà ta’ deroga għal apparat li jopera f’ambjent imxarrab:

(i)

“speċifikament”: l-apparat huwa ddisinjat bl-għan ewlieni li jopera fl-ambjent deskritt;

(ii)

“primarjament”: l-ambjent deskritt huwa l-ambjent primarju tal-apparat, kif tispeċifika b’mod espliċitu l-Premessa 39, “għall-maġġoranza tas-servizz attiv tal-apparat”. Fi kliem ieħor, mhux biss ambjent li fih l-apparat jista’ jaħdem biss b’mod koinċidentali jew aċċidentali;

(iii)

“jista’ jinħasel jew jitlaħlaħ”: l-apparat huwa maħsub biex ikun jista’ jinħasel jew jitlaħlaħ;

(iv)

“jikkomprometti s-sikurezza”: ikun hemm evidenza fid-dokumentazzjoni tal-prodott meta l-prodott jiġi introdott fis-suq li s-sostitwibbiltà u l-possibbiltà ta’ tneħħija tal-batterija mill-utenti finali jikkompromettu s-sikurezza tal-utent jew tal-apparat;

(v)

“l-ebda mod kif jiġi ddisinjat mill-ġdid”: ikun hemm evidenza fid-dokumentazzjoni tal-prodott meta l-prodott jiġi introdott fis-suq li ma hemm l-ebda mod kif l-apparat jerġa’ jiġi ddisinjat mill-ġdid bit-teknoloġija attwali tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, mingħajr ma jiġu affettwati serjament is-saħħa u s-sikurezza tal-utent finali jew il-prestazzjoni u l-funzjonalità tal-prodott.

Is-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-Protezzjoni mill-Ingress (IP, Ingress Protection) definita fl-istandard IEC 60529 (speċifikament, it-tieni numru relatat mal-ilma, kif muri fl-Illustrazzjoni 1) toffri gwida indikattiva biex jiġi identifikat l-ambjent imsemmi fil-kriterji msemmija hawn fuq. Madankollu, klassifikazzjoni tal-IP tindika r-reżistenza ta’ kompartiment magħluq kontra l-intrużjoni ta’ trab jew likwidi; mhijiex limitata biss għal apparati li joperaw f’ċertu ambjent primarju għal parti partikolari tas-servizz attiv tagħhom, u lanqas ma tistabbilixxi jekk id-disinn mill-ġdid huwiex possibbli jew le. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni tal-IP waħedha ma titqiesx bħala suffiċjenti biex tintwera l-konformità mal-kriterji msemmija hawn fuq.

B’mod speċifiku, il-każ ta’ “titjir tal-ilma” imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament 2023/1542 huwa ekwivalenti għall-klassifikazzjoni IPX4 (in-numru tal-klassi 4 deskritt fl-Illustrazzjoni 1 hawn taħt), il-każ ta’ “flussi tal-ilma” huwa ekwivalenti għal IPX5 u IPX6 (in-numru tal-klassijiet 5 u numru 6), u l-każ ta’ “immersjoni tal-ilma” huwa ekwivalenti għal klassifikazzjoni IPX7 (numru tal-klassi 7).

Dwar il-punti (ii) u (iii), eżempju rappreżentattiv ta’ prodotti li primarjament joperaw f’ambjent bħal dan jistgħu jkunu apparati għall-iġjene orali (eż. xkupilji tas-snien bħal fl-IEC 60335-2-52 jew water flossers), u magni għat-tqaxxir tal-leħja, magni tal-qtugħ tax-xagħar u magni għat-tneħħija tas-suf (bħal fl-IEC 60335-2-8). Apparati għall-pjaċir personali li huma ddisinjati speċifikament biex jiġu f’kuntatt ma’ partijiet intimi tal-ġisem tal-bniedem jistgħu jiġu assimilati wkoll mal-grupp ta’ apparati maħsuba għall-użu f’ambjent imxarrab. Fl-istess ħin, il-punt (iv) jindika li xorta jista’ jkun hemm apparat użat f’ambjent imxarrab li jinkorpora batteriji li jistgħu jitneħħew u jinbidlu mill-utenti finali, sakemm dan ma jikkompromettix is-sikurezza. Eżempji ta’ apparat bħal dan jinkludu xkupilji tas-snien u magni tat-tqaxxir tal-leħja li jaħdmu b’batteriji portabbli ta’ użu ġenerali.

Id-deroga fl-Artikolu 11(2)(a) hija rilevanti wkoll għall-apparati domestiċi ddisinjati speċifikament biex joperaw f’ambjenti mxarrbin, bħall-apparati tal-ħasil tal-art.

Eżempji oħra ta’ apparati maħsuba għall-użu f’ambjent imxarrab u ddisinjati speċifikament biex joperaw f’ambjent imxarrab, jistgħu jkunu apparati li jintlibsu, bħal earbuds mingħajr fili, ċineg ta’ monitoraġġ tar-rata tal-qalb, nuċċalijiet intelliġenti, jew arloġġi maħsuba biex jintlibsu fuq ir-ras, il-polz, is-sider jew l-idejn, jew speakers mingħajr fili għall-użu fuq barra, diment li jissodisfaw il-ħames indikaturi msemmija hawn fuq.

Illustrazzjoni 1

Gwida tal-klassifikazzjonijiet tal-Protezzjoni mill-Ingress (IP) għall-ilma (sors IEC 60529)

0

L-ebda protezzjoni

 

 

1

Protett kontra qtar tal-ilma li jaqa’ vertikalment

Image 1

Il-qtar li jaqa’ vertikalment ma għandux ikollu effetti ta’ ħsara

2

Protett kontra qtar tal-ilma li jaqa’ vertikalment meta l-kumpartiment ikun inklinat sa 15-il grad

Image 2

Qtar li jaqa’ vertikalment ma għandux ikollu effetti ta’ ħsara meta l-għeluq ikun inklinat fi kwalunkwe angolu ’l fuq minn 15-il grad fuq kull naħa tal-vertikal

3

Protett kontra l-isprejjar tal-ilma

Image 3

L-ilma sprejjat f’angolu sa 60 grad fuq kull naħa tal-vertikal ma għandux ikollu effetti ta’ ħsara

4

Protett kontra t-titjir tal-ilma

Image 4

L-ilma mtajjar lejn il-kompartiment minn kwalunkwe direzzjoni ma għandu jkollu l-ebda effett ta’ ħsara

5

Protett kontra l-ġettijiet tal-ilma

Image 5

L-ilma sparat f’ġettijiet kontra l-kompartiment minn kwalunkwe direzzjoni ma għandu jkollu l-ebda effett ta’ ħsara

6

Protett kontra ġettijiet tal-ilma b’saħħithom

Image 6

L-ilma sparat f’ġettijiet b’saħħithom kontra l-kompartiment minn kwalunkwe direzzjoni ma għandu jkollu l-ebda effett ta’ ħsara

7

Protett kontra l-effetti ta’ immersjoni temporanja fl-ilma

Image 7

Ma għandux ikun possibbli d-dħul ta’ ilma fi kwantitajiet li jikkawżaw effetti ta’ ħsara meta l-komportament ikun temporanjament mgħaddas fl-ilma taħt kundizzjonijiet standardizzati ta’ pressjoni u ħin

8

Protett kontra l-effetti ta’ immersjoni kontinwa fl-ilma

Image 8

Id-dħul tal-ilma fi kwantitajiet li jikkawżaw effetti ta’ ħsara ma għandux ikun possibbli meta l-kompartiment ikun kontinwament mgħaddas fl-ilma taħt kundizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma bejn il-manifattur u l-utent, iżda li jkunu aktar severi milli għan-numru 7

9

Protett kontra ġettijiet tal-ilma bi pressjoni u temperatura għoljin

Image 9

L-ilma pproġettat bi pressjoni għolja u temperatura għolja kontra l-kompartiment minn kwalunkwe direzzjoni ma għandux ikollu effetti ta’ ħsara

3.2.2.   Apparati mediċi u apparati mediċi dijanjostiċi in vitro

Apparati mediċi professjonali tal-immaġni u tar-radjoterapija, li huma apparati mediċi kif definiti fl-Artikolu 2 (1) tar-Regolament (UE) 2017/745 (10), u apparati mediċi dijanjostiċi in vitro, kif definiti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2017/746 (11), jistgħu jkunu ddisinjati b’tali mod li l-batteriji portabbli jkunu jistgħu jitneħħew u jinbidlu biss minn professjonisti indipendenti.

3.2.3.   Apparati li jintlibsu

L-apparati li jintlibsu huma apparati elettroniċi portabbli li jintlibsu fuq il-ġisem u spiss ikollhom sensuri u konnettività biex jiġbru u biex jittrażmettu d-data. Eżempji ta’ oġġetti li jintlibsu jinkludu arloġġi intelliġenti, trackers tal-fitness, nuċċalijiet intelliġenti jew apparat elettroniku ieħor integrat fil-ħwejjeġ u f’aċċessorji oħra.

Indipendentement mill-possibbiltà li apparati li jintlibsu jitqiesu bħala apparati maħsuba għall-użu f’ambjent imxarrab (ara t-taqsima 2.3.1 hawn fuq), id-deroga fl-Artikolu 11(2) tista’ tkun rilevanti wkoll għal apparati li jintlibsu abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet relatati mal-minjaturizzazzjoni. Għalhekk, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(2)(c) jiġu ssodisfati, il-batteriji portabbli inkorporati f’apparati li jintlibsu jeħtieġ biss li jkunu jistgħu jitneħħew u jinbidlu minn professjonisti indipendenti.

3.2.4.   Proċedura biex jiżdiedu derogi ġodda

Minbarra d-derogi msemmija hawn fuq diġà inklużi fl-Artikolu 11(2), il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati billi żżid aktar prodotti li għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżiti tal-possibbiltà ta’ tneħħija u ta’ sostitwibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 11(1). Tali atti delegati għandhom jiġu adottati biss minħabba żviluppi tas-suq u progress tekniku u xjentifiku, u dment li jkun hemm tħassib għal raġunijiet xjentifiċi dwar is-sikurezza tal-utenti finali li jneħħu jew jissostitwixxu l-batterija portabbli, jew fejn ikun hemm riskju li t-tneħħija jew is-sostituzzjoni tal-batterija mill-utenti finali tikser kwalunkwe rekwiżit tas-sikurezza tal-prodott previst mid-dritt applikabbli tal-UE.

Sabiex jiġi segwit approċċ strutturat fil-kunsiderazzjoni ta’ liema prodotti kandidati għandhom jiġu inklużi f’att delegat skont l-għoti tas-setgħa msemmi hawn fuq, il-Kummissjoni se tippubblika regolarment sejħiet għall-applikazzjoni.

Meta jiġu ppubblikati s-sejħiet, l-applikanti li jixtiequ juru li l-prodotti kandidati jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(4) se jkollhom il-possibbiltà li jippreżentaw evidenza, għal perjodu ta’ 3 xhur, biex jispjegaw li r-rekwiżit dwar il-possibbiltà li jitneħħew u jiġu sostitwiti l-batteriji portabbli mill-utent finali joħloq riskji għas-sikurezza tal-utent finali jew jirriskja l-ksur ta’ kwalunkwe rekwiżit tas-sikurezza tal-prodott previst fid-dritt applikabbli tal-UE.

L-applikanti se jkunu meħtieġa jissottomettu formola tal-applikazzjoni bl-informazzjoni li ġejja:

—

l-isem tal-kumpanija, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tal-applikant

—

il-kategorija tal-prodott

—

id-dokumentazzjoni teknika li tappoġġa l-każ għal deroga

—

informazzjoni rilevanti oħra

Il-Kummissjoni tivvaluta d-dokumentazzjoni dwar il-prodotti kandidati għal derogi addizzjonali u, jekk tkun ġustifikata, tipproponi l-adozzjoni ta’ att delegat skont l-Artikolu 11(4).

Peress li din is-setgħa ngħatat lill-Kummissjoni minħabba l-iżvilupp tas-suq u l-progress tekniku u xjentifiku, il-Kummissjoni biħsiebha tirrepeti perjodikament l-eżerċizzju spjegat hawn fuq. Dan jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ aktar atti delegati b’derogi addizzjonali.

4.   DEROGI SĦAĦA GĦALL-OBBLIGI ĠENERIĊI DWAR IL-POSSIBBILTÀ TA’ TNEĦĦIJA U TA’ SOSTITWIBBILTÀ MILL-UTENT FINALI

L-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2023/1542 jistipula li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 11(1) ma għandhomx japplikaw meta l-kontinwità tal-provvista tal-enerġija tkun meħtieġa u meta tkun meħtieġa konnessjoni permanenti bejn il-prodott u l-batterija portabbli rispettiva biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-utent u tal-apparat, jew għall-prodotti li jiġbru u jipprovdu d-data bħala l-funzjoni ewlenija tagħhom, għal raġunijiet ta’ integrità tad-data. Dan ifisser li f’każijiet bħal dawn, il-batteriji portabbli ma għandhomx għalfejn ikunu jistgħu jitneħħew u jinbidlu mill-utenti finali.

4.1.   Kunsiderazzjonijiet ta’ sikurezza

Eżempji ta’ apparati fejn hija meħtieġa konnessjoni permanenti bejn il-prodott u l-batterija portabbli rispettiva biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-utent u l-apparat jinkludu apparati li jsalvaw il-ħajja, apparati li jsostnu l-ħajja, u apparati kritiċi għas-sikurezza.

L-Artikolu 11(2) isemmi apparati professjonali tal-immaġni medika u tar-radjoterapija fejn ikun biżżejjed li l-batteriji portabbli jkunu jistgħu jitneħħew u jiġu sostitwiti biss minn professjonisti indipendenti. Madankollu, l-apparati mediċi u l-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro, kif definiti rispettivament fir-Regolamenti (UE) 2017/745 u (UE) 2017/746, ikopru firxa wiesgħa ta’ prodotti li jintużaw f’applikazzjonijiet b’livelli differenti ta’ kritikalità. It-tħaddim mingħajr interruzzjoni ta’ xi apparati mediċi huwa kruċjali meta tingħata l-kura lil pazjent, u għalhekk huwa propost approċċ avvers għar-riskju għall-apparati mediċi kif xieraq.

Is-sistemi ta’ klassifikazzjoni previsti mir-Regolament (UE) 2017/745 (l-Artikolu 51 l-Anness VIII) u r-Regolament (UE) 2017/746 (l-Artikolu 47 u l-Anness VIII) jistgħu jintużaw għal dan. Il-klassifikazzjonijiet jużaw sistema “bbażata fuq ir-riskju” bbażata fuq il-vulnerabbiltà tal-ġisem tal-bniedem filwaqt li jitqiesu r-riskji potenzjali assoċjati mal-apparati.

Apparati mediċi impjantabbli (eż. pacemakers kardijaċi, defibrillaturi kardijaċi impjantabbli, ġeneraturi impjantabbli tal-polz) u ċerti apparati mediċi dijanjostiċi in vitro (eż. strumenti użati għad-detezzjoni ta’ aġenti trażmissibbli għall-iskrinjar tad-demm għat-trasfużjoni, miters tal-glukożju fid-demm li għandhom jintużaw mal-istrixxi tat-test għall-pazjenti dijabetiċi) huma assoċjati ma’ riskji għoljin. Għalhekk, nuqqas ta’ kontinwità tal-provvista tal-enerġija u interruzzjoni tal-konnessjoni bejn il-prodott u l-batterija portabbli rispettiva jinvolvu riskju għoli li tiġi kompromessa s-sikurezza tal-pazjent (l-utent finali). L-apparati mediċi attivi impjantabbli u ċerti apparati dijanjostiċi mediċi in vitro jitqiesu li huma rilevanti għad-deroga fl-Artikolu 11 (3). Apparati mediċi oħra li għalihom din id-deroga hija rilevanti jinkludu strumenti kirurġiċi u diżinfettaturi tal-ħasil tal-endoskopji. Ta’ min jinnota li l-klassifikazzjoni msemmija hawn fuq hija ddeterminata mill-użu maħsub. Huwa l-użu maħsub, u mhux l-użu aċċidentali tal-apparat, li jiddetermina l-klassi tal-apparat.

Barra minn hekk, u simili għall-apparati impjantati, apparati akustiċi jikkostitwixxu apparati mediċi li t-tul ta’ ħajja utli tagħhom huma ddettati speċifikament minn raġunijiet mediċi (jiġifieri, telf progressiv tas-smigħ). Fl-istess ħin, is-sostitwibbiltà tal-batterija tista’ toħloq riskju għas-sikurezza tal-pazjent. Għalhekk, l-apparati tas-smigħ jitqiesu li huma rilevanti għad-deroga fl-Artikolu 11(3).

Ċerti apparati tas-sikurezza li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini (CPR) (12) jeħtieġu l-kontinwità tal-provvista tal-enerġija biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-utent u tal-apparat, b’mod partikolari xi wħud mill-prodotti li jappartjenu għall-familji ta’ prodotti 2, 10, 27, 28 u 35 tal-Anness VII tas-CPR. Prodotti tipiċi bħal dawn huma tagħmir għall-kxif ta’ nar, ta’ duħħan u ta’ gass (eż. allarmi tan-nar, allarmi tad-duħħan, detetturi tal-monossidu tal-karbonju, allarmi tal-gass), tagħmir fiss għat-tifi tan-nar, bibien tal-ħrib, apparati għat-tisħin tal-ispazju, pompi jew apparati għall-kontroll tal-enerġija.

Meta tali apparati jkunu koperti minn speċifikazzjoni teknika armonizzata jew minn dokument Ewropew ta’ valutazzjoni, u meta dawn jintroduċu rekwiżiti speċifiċi għas-sostitwibbiltà tal-batterija portabbli għal dawk l-apparati, minħabba li tkun meħtieġa l-kontinwità tal-provvista tal-enerġija u minħabba li tkun meħtieġa konnessjoni permanenti bejn il-prodott u l-batterija portabbli rispettiva biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-utent u tal-apparat, dawn ir-rekwiżiti jitqiesu rilevanti meta jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet għad-deroga fl-Artikolu 11(3) humiex issodisfati. Il-Pjan ta’ Ħidma tas-CPR għall-2026-2029 jistabbilixxi l-pjan direzzjonali għall-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati l-ġodda.

Għalhekk, f’allarmi tad-duħħan (13) li huma ddisinjati għal mill-inqas 10 snin ta’ tħaddim mingħajr interruzzjoni, abbinat ma’ batterija bl-istess ħajja operattiva, u fejn il-kontinwità tal-provvista tal-enerġija u konnessjoni permanenti bejn il-prodott u l-batterija portabbli rispettiva huma meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-utent u tal-apparat, jitqies li l-batterija portabbli ma għandhiex għalfejn tkun tista’ titneħħa u tinbidel mill-utent finali.

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(4)(g) tad-Direttiva 2012/19/UE jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu “apparat mediku u apparat mediku dijanjostiku in vitro, fejn dan l-apparat ikun mistenni li jkun infettiv qabel tmiem il-ħajja tiegħu, u apparat mediku attiv li jista’ jiġi impjantat”. Għalhekk, dawk l-apparati għandhom jinftiehmu wkoll bħala rilevanti għal deroga mir-rekwiżiti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2023/1542.

Ta’ min ifakkar ukoll li l-Premessa 38 tar-Regolament (UE) 2023/1542 tiddikjara li d-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament għandhom japplikaw mingħajr ma jaffettwaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza u tal-manutenzjoni għall-apparati mediċi professjonali tal-immaġni u tar-radjoterapija kif definiti fir-Regolament (UE) 2017/745 u għall-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro kif definit fir-Regolament (UE) 2017/746, u jistgħu jiġu kkomplementati b’rekwiżiti stabbiliti għal prodotti partikolari li jaħdmu bil-batteriji skont il-miżuri ta’ implimentazzjoni skont id-Direttiva 2009/125/KE. Meta dritt ieħor tal-UE jistabbilixxi rekwiżiti aktar speċifiċi għal raġunijiet ta’ sikurezza, fir-rigward tat-tneħħija tal-batteriji mill-prodotti, għandhom japplikaw dawk ir-regoli speċifiċi.

Fis-settur awtomobilistiku jistgħu jinstabu wkoll prodotti li għalihom id-deroga fl-Artikolu 11(3) hija rilevanti. Prodotti bħal dawn jinkludu s-sistemi eCall fil-vetturi, is-sistemi ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers (14), is-sistemi ta’ allarm kontra s-serq, is-sistemi ta’ twissija tat-temperatura tal-batterija, is-sistemi ta’ Assistenza Intelliġenti tal-Veloċità (ISA), it-takografi u r-Reġistraturi tad-Data f’Każ ta’ Avveniment (EDRs).

4.2.   Kunsiderazzjonijiet ta’ integrità tad-data

L-Artikolu 11(3) jagħmilha ċara li biex id-deroga relatata mad-data tkun applikabbli, il-funzjoni ewlenija tal-prodott jeħtieġ li tkun il-ġbir u l-provvista tad-data, u li jeħtieġ li jkun hemm riskju ta’ telf tal-integrità tad-data.

Eżempji ta’ prodotti fejn, għal raġunijiet ta’ integrità tad-data, hija meħtieġa konnessjoni permanenti bejn il-batterija portabbli u l-prodott huma apparati li jaħdmu bil-batterija użati fi stazzjonijiet tat-temp professjonali jew f’laboratorji. Is-sensuri tat-temperatura u tal-umdità fejn il-ġbir kontinwu tad-data huwa kritiku għall-ħżin u għat-trasport ta’ oġġetti sensittivi għat-temperatura, inkluż it-trasport refriġerat, il-kontenituri tal-ħżin, l-imħażen u l-inkubaturi, jikkostitwixxu grupp ieħor ta’ prodotti rilevanti. Dawn huma kollha każijiet fejn il-funzjoni tal-prodott hija l-ġbir kontinwu ta’ data u fejn il-kontinwità u l-integrità ta’ tali data huma vitali għal dik il-funzjoni.

Każ simili huwa l-batteriji li l-funzjoni ewlenija tagħhom hija li jħaddmu memorja volatili jew li jwasslu funzjonijiet ta’ backup fl-arloġġ intern ta’ apparat, bħall-batteriji CMOS (apparat semikonduttur tal-ossidu tal-metall komplimentari) li jinsabu f’kameras diġitali, proċessuri, sensuri, u apparati mediċi irrispettivament mill-klassi tagħhom skont ir-Regolamenti (UE) 2017/745 u (UE) 2017/746 (eż. moniters tal-glukożju fid-demm jew apparati għal trattamenti tad-dijaliżi). F’dan il-każ, il-kontinwità tal-provvista tal-enerġija titqies ukoll meħtieġa għal raġunijiet ta’ integrità tad-data. Fil-kriptografija, is-sistemi ta’ distribuzzjoni kwantistika tal-kjavi qed jintużaw dejjem aktar għal telekomunikazzjonijiet siguri kontinwi. Peress li l-integrità tad-data għandha rwol ewlieni fil-funzjonament xieraq tagħha, id-deroga fl-Artikolu 11(3) titqies ġustifikata.

Jeżistu wkoll aktar eżempji fil-każ ta’ applikazzjonijiet mediċi u veterinarji li jaħdmu bil-batteriji fejn l-integrità tad-data hija kruċjali għall-funzjonament xieraq tagħhom. Għalhekk, is-sistemi ta’ bijosensuri tal-glukożju li jintlibsu fuq il-ġisem, kif ukoll l-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro veterinarji li huma maħsuba biex jiġu pplaggjati f’sokit tal-elettriku u li jużaw batteriji ċellula buttuna biex jappoġġaw Arloġġ f’Ħin Reali (RTC) huma t-tnejn eżempji rilevanti ta’ apparati fejn l-integrità tad-data tista’ tiġi kompromessa minn batteriji li jistgħu jitneħħew mill-utent finali.

Eżempju ieħor ta’ apparati li jiġbru u jipprovdu d-data bħala l-funzjoni ewlenija tagħhom, u li jeħtieġu l-kontinwità tal-provvista tal-enerġija biex iwassluha, huwa t-tagħmir abbord (OBE) li jinġarr jew li jiġi installat fil-vetturi u jintuża bħala parti mis-servizzi tal-pedaġġ, kif definit fid-Direttiva (UE) 2019/520 (15). Jekk ikun hemm interruzzjoni fil-provvista tal-enerġija, tiġi kompromessa d-data li hija essenzjali biex tikkalkola l-pedaġġi dovuti.

Fl-aħħar nett, il-hardware tal-punti tal-bejgħ użat mill-industrija tal-pagamenti diġitali huwa eżempju ieħor ta’ apparati fejn hija neċessarja konnessjoni permanenti ma’ batterija portabbli biex tiġi protetta l-integrità tad-data assoċjata mal-pagamenti, kif meħtieġ mill-Istandards tas-Sigurtà tad-Data fl-Industrija tal-Kards tal-Ħlas (16). B’mod simili, il-hardware tal-kredenzjali elettroniċi, li jippermetti lill-klijenti jżommu u jittrażmettu data tal-kredenzjali ta’ pagament diġitali personali biex il-fondi jew l-assi finanzjarji jkunu jistgħu jiġu riċevuti jew trasferiti, ukoll jista’ jitqies li jaqa’ taħt id-deroga dwar l-integrità tad-data fl-Artikolu 11(3).

Id-deroga fl-Artikolu 11(3) għall-obbligu ġeneriku dwar il-possibbiltà li jitneħħew u jiġu sostitwiti l-batteriji portabbli stabbilit fl-Artikolu 11(1) mhijiex meqjusa applikabbli għal apparati li:

—

jipprovdu funzjoni ta’ ġbir u provvista tad-data bħala karatteristika addizzjonali (lil hinn mill-funzjoni ewlenija tiegħu) jew jista’ jkun fihom komponent li jipprovdi funzjoni ta’ ġbir u provvista tad-data;

—

jipprovdu funzjoni ta’ ġbir u provvista tad-data, bħala funzjoni primarja, iżda ma joħolqux riskju ta’ telf tal-integrità tad-data, minħabba, pereżempju, il-preżenza ta’ memorja mhux volatili fl-apparat

5.   KUNSIDERAZZJONIJIET OĦRA

5.1.   Kunċett ta’ batterija kompatibbli

Il-kunċett ta’ batterija kompatibbli huwa msemmi fl-Artikolu 11 (6) u (8) bħala kundizzjoni biex batterija portabbli jew LMT titqies li tista’ tinbidel faċilment. Dan ifisser li l-batteriji kollha u l-apparati rispettivi tagħhom għandhom ikunu ddisinjati b’tali mod li jagħmilha possibbli li jintużaw kemm il-batteriji oriġinali kif ukoll dawk kompatibbli.

Batterija titqies kompatibbli jekk ma toħloqx riskju għas-sikurezza tal-utent jew tal-apparat, filwaqt li tippermetti lill-apparat jaħdem kif maħsub.

Għall-batteriji li jikkonsistu f’ċelluli multipli, ċellula titqies kompatibbli jekk ma trendix il-pakkett tal-batteriji perikoluż, filwaqt li jkollha l-istess parametri tekniċi, inkluż il-kapaċità, l-istat tas-saħħa, id-disinn u l-kimika tagħha.

Għall-prodotti li jinkorporaw batteriji li huma soġġetti għall-approvazzjoni tat-tip skont ir-Regolament (UE) Nru 168/2013, batterija titqies kompatibbli biss jekk is-sostituzzjoni tal-batterija oriġinali ma jkollha l-ebda impatt fuq l-ispeċifikazzjonijiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-prodott.

Fil-każ tal-batteriji LMT għal vetturi LMT mingħajr approvazzjoni tat-tip, is-sostituzzjoni tal-batterija, inkluż fil-livell taċ-ċelluli, għandha tkun possibbli u ssir b’mod li ma jrendix iċ-ċertifikazzjonijiet tas-sikurezza oriġinali invalidi, li jiġu osservati protokolli tas-sikurezza applikabbli u jiġu osservati l-istandards u f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-manifattur.

Bl-istess mod, batterija ta’ sostituzzjoni ma titqiesx kompatibbli f’każijiet fejn tali sostituzzjoni tirriżulta fi ksur ta’ kwalunkwe rekwiżit tas-sikurezza tal-prodott previst f’leġiżlazzjoni applikabbli oħra tal-UE dwar l-armonizzazzjoni.

Għalhekk, id-disinn tal-batteriji portabbli u LMT jeħtieġ li jiżgura li l-kundizzjonijiet relatati mas-sikurezza, mal-prestazzjoni u mal-funzjonalità jkunu jistgħu jiġu ssodisfati kemm mill-batteriji oriġinali kif ukoll minn dawk kompatibbli. F’dan il-kuntest, jista’ jitqies xieraq ukoll li jitqies id-disinn tal-apparat.

Huwa rrakkomandat bil-qawwa li jiġu inklużi struzzjonijiet għas-sostituzzjoni ta’ batteriji portabbli u LMT fil-manwal tal-utent jew dokumentazzjoni rilevanti oħra, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li batteriji kompatibbli jeħtieġ li jissodisfaw sabiex ikunu sikuri, b’referenzi għal standards tal-UE jew internazzjonali, jekk ikun meħtieġ.

5.2.   Disponibbiltà bħala spare parts

L-Artikolu 11(7) jirrikjedi li l-batteriji portabbli jew il-batteriji LMT ikunu disponibbli bħala spare parts tat-tagħmir li jħaddmu, għal minimu ta’ 5 snin wara l-introduzzjoni fis-suq tal-aħħar unità tal-mudell tat-tagħmir, bi prezz raġonevoli u mhux diskriminatorju għall-professjonisti indipendenti u għall-utenti finali. Bħala gwida, dispożizzjonijiet simili f’leġiżlazzjoni eżistenti oħra tal-UE dwar l-armonizzazzjoni, bħar-regolamenti ta’ implimentazzjoni tal-ekodisinn, jirrikjedu l-konsenja tal-ispare part fi żmien 5 ijiem ta’ xogħol wara li tkun ġiet riċevuta l-ordni.

Tali rekwiżit mhuwiex applikabbli għal prodotti introdotti fis-suq li jinkorporaw batteriji portabbli jew LMT qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 11, li hija t-18 ta’ Frar 2027.

Is-sostituzzjoni ta’ batterija portabbli jew LMT tista’ teħtieġ elementi fiżiċi, bħal elementi tal-irbit, għajr il-batterija nnifisha. Jekk iż-żarmar u l-armar mill-ġdid tal-batterija jkunu jeħtieġu elementi tal-irbit li jistgħu jerġgħu jintużaw, dawn jistgħu jerġgħu jintużaw għas-sostituzzjoni. Jekk l-elementi tal-irbit ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw, tali elementi tal-irbit għandhom ikunu disponibbli wkoll bħala spare parts sabiex il-batterija tkun tista’ tiġi sostitwita faċilment.

Ir-Regolament (UE) 2023/1670 jirrikjedi li, mill-20 ta’ Ġunju 2025, il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tat-telefowns jagħmlu disponibbli għas-sewwejja professjonali u għall-utenti finali batteriji portabbli (17), inklużi elementi tal-irbit meħtieġa, jekk ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw, sa mill-inqas 7 snin wara d-data ta’ tmiem it-tqegħid fis-suq.

Kif iddikjarat fil-Premessa (38) tar-Regolament (UE) 2023/1542 “[i]d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan ir-Regolament […] jistgħu jiġu kkomplementati b’rekwiżiti stipulati għal prodotti partikolari li jaħdmu bil-batteriji skont miżuri ta’ implimentazzjoni skont id-Direttiva 2009/125/KE”. F’każijiet fejn kemm ir-Regolament (UE) 2023/1542 kif ukoll ir-Regolament (UE) 2023/1670 ikunu applikabbli għall-batteriji portabbli inkorporati fl-ismartphones u fl-islate tablets li jkunu disponibbli bħala spare parts, għalhekk japplikaw ir-rekwiżiti deskritti fiż-żewġ partijiet ta’ leġiżlazzjoni.

5.3.   Limitazzjonijiet tas-software

L-Artikolu 11(8) jirrikjedi li s-software ma għandux jintuża biex jimpedixxi s-sostituzzjoni ta’ batterija portabbli jew batterija LMT, jew tal-komponenti ewlenin tagħhom, b’batterija kompatibbli oħra jew komponenti ewlenin oħra.

Filwaqt li s-software jista’ jintuża biex tiġi stabbilita komunikazzjoni bejn prodott u batterija ta’ sostituzzjoni biex jiġu żgurati l-funzjonalità u s-sikurezza korretti tal-prodott, tali software ma għandux jimpedixxi s-sostituzzjoni tal-batterija oriġinali b’batterija kompatibbli kif deskritt hawn fuq.

Eżempju ta’ software li jxekkel is-sostituzzjoni huwa l-prattika magħrufa bħala “tqabbil tal-parts”. Dan huwa possibbli permezz ta’ serjalizzazzjoni ta’ xi spare parts (inkluż batteriji) li huma akkoppjati ma’ unità individwali ta’ apparat bl-użu ta’ software. Meta twassal għall-akkoppjament ta’ parti ma’ unità ta’ prodott, is-serjalizzazzjoni tista’ tkun ta’ detriment għat-tiswija. F’każijiet bħal dawn, jekk komponent ta’ prodott, inkluża batterija, ikun jeħtieġ sostitwibbiltà waqt it-iswija, dan jista’ ma jiġix aċċettat, jew jista’ jitlef parti mill-funzjonalità tiegħu sakemm ma jkunx akkoppjat mill-bogħod mal-apparat mill-ġdid permezz ta’ software kkontrollat mill-manifattur oriġinali.

Skont ir-Regolament (UE) 2023/1670, il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-ismartphones u tal-islate tablets li jipprovdu spare parts bħala parts serjalizzati, iridu jipprovdu aċċess mhux diskriminatorju għas-sewwejja professjonali għal kwalunkwe għodda tas-software, firmware jew mezzi awżiljarji simili meħtieġa biex tiġi żgurata l-funzjonalità sħiħa ta’ dawk l-ispare parts u tal-apparat li fih jiġu installati tali spare parts matul u wara s-sostituzzjoni (18).

Kif iddikjarat fil-Premessa (38) tar-Regolament (UE) 2023/1542 “[i]d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ dan ir-Regolament […] jistgħu jiġu kkomplementati b’rekwiżiti stipulati għal prodotti partikolari li jaħdmu bil-batteriji skont miżuri ta’ implimentazzjoni skont id-Direttiva 2009/125/KE”. F’każijiet fejn kemm ir-Regolament (UE) 2023/1542 kif ukoll ir-Regolament (UE) 2023/1670 ikunu applikabbli għal batteriji portabbli inkorporati fl-ismartphones u fl-islate tablets, japplikaw ir-rekwiżiti deskritti fiż-żewġ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni dwar is-serjalizzazzjoni.

Meta jitqies dan ta’ hawn fuq, jistgħu jiġu pprovduti notifiki ta’ software lill-konsumaturi li jinfurmawhom li qed tintuża batterija żejda mhux oriġinali, sakemm tali notifiki ma jaffettwaw l-ebda funzjonalità tal-apparat (jew tal-batterija kompatibbli) jew l-esperjenza tal-utent. F’kull ħin, is-software ma għandu jostakola bl-ebda mod is-sostituzzjoni għall-fini ta’ tiswija.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1542/oj).

(2)  EN 45554:2020e — Metodi ġenerali għall-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ tiswija, użu mill-ġdid u aġġornament ta’ prodotti relatati mal-enerġija.

(3)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/19/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1670 tas-16 ta’ Ġunju 2023 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ismartphones, għat-telefowns ċellulari għajr l-ismartphones, għat-telefowns bla fili u għall-islate tablets skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/826 (ĠU L 214, 31.8.2023, p. 47, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1670/oj).

(5)  Ara l-Anness II, il-punti A 1.1. (5) (c) (i), B 1.1 (5) (c) (i) u D 1.1. (5) (c) (i) tar-Regolament (UE) 2023/1670.

(6)  Ara l-Anness II, il-punti A 1.1. (5) (c) (ii), B 1.1 (5) (c) (ii) u D 1.1. (5) (c) (ii) tar-Regolament (UE) 2023/1670.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2025/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2025 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli u li jħassar id-Direttiva 2009/48/KE (ĠU L, 2025/2509, 12.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2509/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/168/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/858/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/745/oj).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u li jħassar id-Direttiva 98/79/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/227/UE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 176, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/746/oj).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2024/3110 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-bini u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 (ĠU L, 2024/3110, 18.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3110/oj).

(13)  L-allarmi tad-duħħan huma koperti mill-istandard tas-CPR EN 14604:2005/AC 2008.

(14)  Is-sistemi ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers jistgħu jinstabu wkoll f’makkinarju mobbli mhux tat-triq b’tajer tal-lastiku li jintuża fil-kostruzzjoni, fil-forestrija, fl-estrazzjoni u fl-agrikoltura (eż. gradaturi mmotorizzati, trakkijiet tal-estrazzjoni u loaders tar-roti).

(15)  Id-Direttiva (UE) 2019/520 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/520/oj).

(16)  Ara https://listings.pcisecuritystandards.org/documents/PCI_DSS-QRG-v3_2_1.pdf.

(17)  Bil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Anness II, il-punti A 1.1. (1); B 1.1. (1); C 2.1 (1); u D 1.1 (1) tar-Regolament (UE) 2023/1670.

(18)  L-Anness II, il-punti B 1.1. (7) u D 1.1. (7) tar-Regolament (UE) 2023/1670.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/5531/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)