27.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/20


P9_TA(2022)0262

Qtugħ illegali ta' siġar fl-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-qtugħ illegali ta' siġar fl-UE (2022/2523(RSP))

(2023/C 32/04)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 227 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 191, 230 u 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (1) (ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (2) (id-Direttiva dwar il-Ħabitats),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (3) (id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (4) (ir-Regolament ta' Aarhus),

—

wara li kkunsidra l-każ ta' ksur INFR(2020)2033 inkluż fil-pakkett ta' ksur tal-Kummissjoni tal-12 ta' Frar 2020,

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 – Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (COM(2020)0380),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2021 bit-titolu “L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030” (COM(2021)0572),

—

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta' Novembru 2021 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni ta' ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (COM(2021)0706), bil-għan li titrażżan id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti kkważata mill-UE,

—

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2021 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali u li tissostitwixxi d-Direttiva 2008/99/KE (COM(2021)0851), u l-komunikazzjoni li takkumpanjaha (COM(2021)0814),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1767 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (5),

—

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-qtugħ illegali tas-siġar fl-UE (O-000020/2022 – B9-0016/2022),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 136(5) u l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

A.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva l-Petizzjonijiet 0289/2015, 0625/2018, 1248/2019, 0408/2020, 0722/2020 u 1056/2021 li jqajmu tħassib dwar il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u każijiet speċifiċi ta' prattiki bi ksur tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE f'xi Stati Membri, inklużi fl-aħħar foresti primarji u antiki li fadal fl-Ewropa, u li jitolbu miżuri preventivi biex jitnaqqsu r-riskju u l-iskala kbira tal-ħsara ambjentali u t-theddid għall-ħajja u l-benesseri tal-bniedem;

B.

billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam huwa attività ta' tħassib serju li tirriżulta fi ħsara ambjentali, telf tal-bijodiversità u degradazzjoni tal-ekosistema, deżertifikazzjoni u erożjoni tal-ħamrija li jwasslu għal diżastri naturali bħal valangi, u li rriżultat fil-qerda jew il-ħsara ta' diversi siti ta' Natura 2000 u foresti primarji u antiki; billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam tas-siġar jista' jirriżulta fl-estinzjoni ta' speċijiet protetti u ħabitats speċifiċi għal speċijiet differenti ta' pjanti u annimali minħabba li dawk involuti f'attivitajiet illegali għandhom it-tendenza li jinjoraw liġijiet li jipproteġu riżorsi forestali ta' valur;

C.

billi l-Europol tistima li r-reati ambjentali jiġġeneraw dħul daqs it-traffikar tad-drogi iżda b'ħafna inqas riskji ta' detezzjoni u pieni (6);

D.

billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam huwa fattur ewlieni fid-degradazzjoni tal-foresti, fid-deforestazzjoni u fit-tibdil fil-klima li jikkontribwixxi għad-deterjorament tal-kwalità tal-arja; billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam tas-siġar jirrappreżenta bejn 15 % u 30 % tal-produzzjoni internazzjonali tal-injam, u għandu konsegwenzi ambjentali, soċjali u ekonomiċi ulterjuri; billi l-biċċa l-kbira tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam jibqa' ma jiġix identifikat, b'tali mod li jxekkel l-isforzi tal-UE biex tilħaq l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Liġi dwar il-Klima u l-istrateġija għall-bijodiversità; billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam iseħħ ta' spiss ħafna f'uħud mill-aktar foresti ta' kwalità għolja u kkonservati bl-aqwa mod fl-UE;

E.

billi l-prodotti tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam jinbiegħu fl-UE bħala injam iċċertifikat (7); billi l-iskemi ta' ċertifikazzjoni ewlenin eżistenti mhumiex kapaċi jilħqu bis-sħiħ il-ħtiġiet tal-leġislazzjoni applikabbli; billi l-iskemi ewlenin ivvalutati fir-rapport tal-Kummissjoni ta' Lulju 2021 dwar l-iskemi ta' ċertifikazzjoni u verifika fis-settur tal-foresti għandhom lakuni fid-definizzjonijiet tal-legalità tagħhom u r-rekwiżiti legali tagħhom huma limitati fil-kamp ta' applikazzjoni jew ta' natura ambigwa; billi filwaqt li jipprovdu approċċ sistematiku għat-trasferiment tal-pretensjonijiet tul il-katina tal-provvista, fil-biċċa l-kbira tagħhom, dawn ma jinkludux il-kapaċità sistematika li jiġu vverifikati – f'ħin reali jew mod ieħor – it-tranżazzjonijiet ta' volumi, speċijiet u kwalitajiet bejn l-entitajiet, u b'hekk iħallu s-sistemi vulnerabbli għall-manipulazzjoni u l-frodi; billi l-iskemi ta' ċertifikazzjoni ewlenin kollha għandhom l-isfida f'dak li jikkonċerna l-identifikazzjoni u l-indirizzar b'mod effettiv il-kwistjonijiet ta' korruzzjoni, is-sistemi stabbiliti għall-identifikazzjoni ta' każijiet ta' korruzzjoni huma relattivament limitati u r-riskju ta' frodi ma jkopruhx sew (8);

F.

billi l-foresti huma essenzjalment bjar tal-karbonju li jgħinu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

G.

billi l- qtugħ illegali tas-siġar għall-injam għandu effetti soċjoekonomiċi negattivi sinifikanti, bil-komunitajiet lokali u responsabbli jiġu mċaħħda mill-għajxien ekonomiku tagħhom minħabba l-kummerċjalizzazzjoni illeċita ta' injam maqtugħ illegalment, li min-naħa tiegħu jinkoraġġixxi d-delinkwenza u għandu effett detrimentali fuq l-iżvilupp lokali sostenibbli u n-negozji leġittimi; billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam huwa ta' spiss assoċjat mal-evażjoni tat-taxxa, li tippermetti lil dawk li jaqtgħu b'mod illegali s-siġar għall-injam inaqqsu l-valur tas-suq tal-prodotti forestali, li jwassal għal distorsjoni tas-suq u għal kompetizzjoni inġusta; billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam jiġġenera telf ta' dħul għall-gvern mil-lat ta' taxxi mitlufa u dazji, u jikkontribwixxi għal żieda fil-kostijiet tal-ġestjoni tal-foresti u kostijiet ta' tranżazzjoni; billi l-injam spiss jinqata' fi Stat Membru wieħed iżda jiġi kkummerċjalizzat f'ieħor; billi l-biċċa l-kbira tal-injam illegali jiġi nnegozjat u użat bħala injam maqtugħ legalment;

H.

billi hemm nuqqas ta' data konsistenti, armonizzata u komparabbli dwar il-qtugħ tas-siġar għall-injam fl-UE, kif ukoll definizzjoni komuni tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam;

I.

billi f'xi każijiet dawk li jaqtgħu s-siġar b'mod illegali kienu vjolenti fil-konfront tal-uffiċjali forestali, il-gwardji forestali, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-attivisti ambjentali u l-ġurnalisti investigattivi, u din il-vjolenza rriżultat f'telf ta' ħajjiet f'mill-inqas sitt każijiet u bosta episodji ta' vjolenza u intimidazzjoni kontra dawk responsabbli mill-protezzjoni tal-foresti;

J.

billi jeżistu problemi li joriġinaw min-nuqqas ta' definizzjoni rikonoxxuta fuq livell internazzjonali tal-attivitajiet koperti mill-kunċett ta' “qtugħ illegali tas-siġar għall-injam”; billi dan in-nuqqas ta' preċiżjoni huwa lakuna legali serja;

K.

billi l-korruzzjoni u l-frodi huma l-fatturi mexxejja ewlenin tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, u jwasslu għal infurzar mhux suffiċjenti u impunità. billi dan ikompli jkabbar id-diversi attivitajiet kriminali, bħall-finanzjament tal-kunflitti u l-ħasil tal-flus; billi hija meħtieġa azzjoni tal-UE biex jitwaqqfu l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u d-deforestazzjoni, kif ukoll biex jitrażżan il-kummerċ ta' injam maħsud illegalment u prodotti magħmula minn injam maħsud illegalment;

L.

billi, skont il-Eurojust, ir-reati ambjentali saru r-raba' l-aktar attività kriminali mifruxa fil-livell internazzjonali;

M.

billi r-Regolament tal-UE dwar l-Injam jistabbilixxi r-regoli għat-tqegħid fis-suq tal-injam u tal-prodotti tal-injam u għandu jimpedixxi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; billi l-Kummissjoni biħsiebha tħassar ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam permezz tal-proposta tagħha għal regolament dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni min-naħa tal-Unjoni ta' ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; billi l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja lill-Istati Membri fejn hemm nuqqas ta' governanza tajba tal-foresti fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-kriminalità organizzata li għandhom fil-mira l-foresti, u għandha tippromwovi l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti skont id-Direttiva 2008/99/KE tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (9) u f'konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija għall-bijodiversità, il-Pjan ta' Azzjoni għat-Tniġġis Żero u l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari;

N.

billi l-attivitajiet illegali jwasslu għal prattiki mhux sostenibbli, inaqqsu l-valur tal-foresti u jirriżultaw fid-deprezzament tad-diversi servizzi ambjentali, ekonomiċi u soċjali li l-foresti jipprovdu, u b'hekk iwasslu għal deforestazzjoni u degradazzjoni totali tal-foresti;

O.

billi l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam huwa marbut mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u mal-vjolenza, kif ukoll ma' reati marbuta ma' frodi u korruzzjoni bħal ħasil tal-flus u evażjoni tat-taxxa;

P.

billi hemm bosta proċeduri ta' ksur miftuħa kontra Stati Membri għal allegat nuqqas ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan ir-rigward;

Q.

billi skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u fondi oħra ġestiti mill-Istati Membri, is-sidien tal-foresti bħalissa huma eliġibbli għal kumpens għal servizzi forestali ambjentali u klimatiċi, appoġġ għall-konservazzjoni, ir-restawr u l-protezzjoni tal-foresti, u kumpens għaż-żoni forestali ta' Natura 2000 u l-manutenzjoni u l-attivitajiet li jtejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti;

R.

billi l-pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti tal-Istati Membri ma jikkorrispondux mal-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità fil-foresti, u għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku; jinnota li mhux il-pjanijiet għall-ġestjoni tas-siti ta' Natura 2000 kollha jirrikonoxxu l-valur espliċitu tal-foresti primarji u antiki, u li l-miżuri ta' konservazzjoni ta' foresti protetti b'mod strett ma jeskludux għalkollox il-qtugħ tas-siġar għall-injam, u dan jista' jkun inkompatibbli mal-konservazzjoni fit-tul ta' foresti primarji u antiki;

1.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw u jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi b'mod aktar rapidu, effettiv u trasparenti, inkluż permezz ta' għoti ta' segwitu regolari għall-każijiet, u biex tiftaħ proċeduri ta' ksur sabiex jiġu rimedjati l-każijiet kollha ta' nuqqas ta' konformità; jistieden lill-Kummissjoni talloka riżorsi suffiċjenti sabiex jingħeleb id-dewmien attwali; jemmen li livell suffiċjenti ta' persunal kwalifikat u riżorsi huwa kruċjali għall-implimentazzjoni u l-infurzar b'suċċess tal-politiki tal-UE;

2.

Jinnota li l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam għadu problema fl-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt negattiv ta' każijiet ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fuq il-foresti Ewropej, il-ħabitats selvaġġi, is-suq intern u l-azzjoni klimatika tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu valutazzjoni bir-reqqa tal-kawżi soċjoekonomiċi ta' fenomeni bħal dawn u jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u dik nazzjonali sabiex jiġu żviluppati b'mod effettiv miżuri konkreti u immedjati għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam sabiex jiġi evitat li dan isir xejra, filwaqt li jitqiesu l-obbligi skont id-direttivi dwar in-natura u l-miri skont l-istrateġija tal-bijodiversità li ġew approvati mill-Istati Membri; jesprimi tħassib li l-prezzijiet dejjem jogħlew tal-materjali u tal-enerġija u l-klassifikazzjoni żero għall-emissjonijiet tal-bijomassa skont l-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet jistgħu jżidu l-pressjoni fuq il-foresti lil hinn mil-livelli sostenibbli, inkluż bħala riżultat tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam peress li l-marġnijiet ta' profitt għoljin huma f'kuntrast mar-riskju negliġibbli, filwaqt li jitqiesu wkoll il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi eżistenti għall-persuni li jgħixu f'żoni remoti u rurali tal-UE;

3.

Jesprimi tħassib dwar kif il-prattika li kulma jmur qed tikber tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fl-UE se timmina l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità u l-istrateġija għall-foresti, peress li se tirrappreżenta n-nuqqas li jiġu protetti d-diversità ekoloġika unika u l-aħħar foresti primordjali u antiki li fadal, ir-restawr u l-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u l-ispeċijiet tal-flora u l-fawna selvaġġi, u se timmina l-miri għaż-żoni protetti b'mod effettiv u strett;

4.

Jisħaq fuq il-fatt li d-deforestazzjoni hija responsabbli għal 20 % tal-emissjonijiet tas-CO2 globali; huwa mħasseb dwar l-impatt negattiv li l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam għandu fuq id-deżertifikazzjoni, l-erożjoni tal-ħamrija u fenomeni bħall-għargħar; jisħaq fuq il-fatt li d-deforestazzjoni hija marbuta wkoll mal-estinzjoni ta' bosta speċijiet li jitilfu l-ħabitats tagħhom bħala riżultat tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam;

5.

Jistieden lill-prosekuturi u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jinvestigaw sa fejn tippermettilhom il-liġi l-każijiet kollha ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, kif ukoll it-trasport, il-ħżin, id-distribuzzjoni u l-bejgħ tal-injam illegali;

6.

Jissottolinja li l-kisba ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-protezzjoni u l-konservazzjoni tagħhom, ibbażata fuq indikaturi u livelli li jistgħu jitkejlu, hija kwistjoni ewlenija għall-futur tal-forestrija Ewropea; jappoġġja l-introduzzjoni ta' sistema ta' ċertifikazzjoni qrib in-natura biex tinżamm il-firxa sħiħa tad-diversità bijoloġika, jiġu żgurati l-produttività u r-reżiljenza fit-tul, u jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali, ekonomiċi u tas-soċjetà;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa biex jitwettaq kontroll bir-reqqa ħalli jiġi ttraċċat l-injam użat mill-kumpaniji Ewropej bil-għan li tiġi żgurata konformità sħiħa mar-Regolament tal-UE dwar l-Injam;

8.

Jenfasizza bil-qawwa li l-Kummissjoni għandha tiżgura li ammonti adegwati ta' riżorsi finanzjarji fi ħdan il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali jiġu ddedikati għar-restawr tal-bijodiversità fiż-żoni milquta l-aktar gravement mill-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; ifakkar li skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, l-Istati Membri għandhom jilħqu mill-inqas 10 % tan-nefqa annwali fuq il-bijodiversità fil-qafas finanzjarju pluriennali; jinnota b'dispjaċir li l-mira ta' finanzjament għall-bijodiversità f'xi Stati Membri hija inferjuri sew għall-10 % miftiehma;

9.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti s'issa għadha ma tiddefinixxix la l-limiti jew il-meded bħala parametri riferenzjarji għall-kundizzjoni mixtieqa tal-foresti u lanqas biżżejjed kriterji b'rabta mas-saħħa tal-ekosistemi, il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima; jitlob, għaldaqstant, li l-indikaturi u l-limiti ġodda meħtieġa għal ġestjoni sostenibbli tal-foresti li tista' tiġi implimentata;

10.

Jistieden lill-Istati Membri kollha jiżguraw li s-sistemi ta' traċċar tal-injam ippreparat ikunu kompletament operattivi u li s-sanzjonijiet forestali jkunu proporzjonati u dissważivi sabiex jiġi skoraġġut b'mod effettiv il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jesprimi tħassib qawwi li l-penali attwalment mhumiex proporzjonali għall-valur tal-prodotti tal-injam u li l-operaturi xi drabi jirċievu biss penali ta' twissija jew penali amministrattiva baxxa ħafna; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu mezzi biex itejbu l-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-forestrija, iżidu n-numru tal-uffiċjali għall-infurzar tal-liġi meta neċessarju, biex jipproċedu b'mod effettiv b'azzjoni legali u jibdew proċedimenti kriminali f'każijiet ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, abbażi tal-evidenza miksuba mill-pulizija jew mogħtija lill-pulizija minn partijiet terzi; jitlob li jiġu previsti proċedimenti kriminali, inkluż kontra persuni privati, fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali;

11.

Jistieden lill-Istati Membri kollha jaqsmu l-aħjar prattiki tagħhom fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi bil-għan li jagħtu spinta lill-ġlieda kontra l-prattiki illegali relatati kollha;

12.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni ambjentali, kif ukoll il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja li jikkonċernaw il-pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti, jingħata f'konformità mar-Regolament ta' Aarhus;

13.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu vvalutati b'mod korrett l-impatti ambjentali tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti u li l-Istati Membri jirrevedu dawk li ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni nazzjonali;

14.

Jiddeplora l-attakki fuq l-uffiċjali forestali, il-gwardji forestali, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-attivisti ambjentali u l-ġurnalisti investigattivi, inklużi l-attakki fatali, u jfakkar li dawn l-attakki spiss jitwettqu jew minn individwi jew minn gruppi organizzati tajjeb u mgħammra tajjeb involuti fil-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, li jżidu l-vjolenza u l-intimidazzjonijiet frekwenti;

15.

Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE jieħdu azzjoni dissważiva u soda biex jiżguraw konformità sħiħa mal-liġi ambjentali nazzjonali u tal-UE; jinnota li d-dgħufijiet proċedurali u n-nuqqas ta' kontrolli jnaqqsu l-effettività fil-prattika tar-Regolament dwar l-Injam; iħeġġeġ lill-koleġiżlaturi tal-UE jaħtfu l-opportunità ppreżentata min-negozjati dwar il-proposta għal regolament dwar il-prodotti ħielsa mid-deforestazzjoni (COM(2021)0706), sabiex jieħdu t-tagħlimiet mill-implimentazzjoni u l-infurzar tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam u sabiex itejbu l-istatus tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet dwar il-kwantità u l-kwalità tal-kontrolli tagħhom, ir-relazzjonijiet u l-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra u ma' awtoritajiet nazzjonali oħra u mal-Kummissjoni; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod strett id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti attwalment fis-seħħ biex jipprojbixxu l-użu u t-tqegħid fis-suq tal-UE ta' injam illegali; jitlob li l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam jitqies bħala reat kriminali, ikun soġġett għal sanzjonijiet kriminali xierqa u li jiġi inkluż fil-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva riveduta dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tad-dritt kriminali, u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni Ewropea msaħħa fil-ġlieda kontra il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jitlob definizzjoni uniformi tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam bħala reat ambjentali fl-Istati Membri kollha sabiex tiġi garantita l-applikazzjoni ta' proċeduri u penali armonizzati għall-istess qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fl-UE kollha;

16.

Jenfasizza l-importanza ta' miżuri preventivi biex jitnaqqsu d-danni ambjentali u ekonomiċi u t-theddid għall-ħajja tal-bniedem ikkawżati mill-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jirrikonoxxi li sar xi progress reċenti fil-livell tal-Istati Membri, b'titjib irrappurtat fit-traċċar tal-injam ippreparat, u r-reviżjoni u t-tisħiħ tal-penali previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali intiża sabiex tiġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jenfasizza l-ħtieġa ta' pjanijiet ta' restawr adegwati ta' żoni ambjentali deterjorati fl-Istati Membri kkonċernati; ifakkar li approċċ Ewropew ikkoordinat u miżuri ta' prevenzjoni jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità u l-kompletezza tas-sistemi ta' monitoraġġ tal-foresti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jaslu għal konklużjonijiet sodi dwar l-effikaċja tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti fi ħdan in-network Natura 2000; jinnota li biex tiġi żgurata valutazzjoni sodisfaċenti tal-effikaċja tal-miżuri relatati ma' Natura 2000, il-monitoraġġ għandu jinvolvi l-ġbir ta' aktar data dwar żoni fi ħdan u barra n-network u dwar il-kwalità tal-ġestjoni tal-konservazzjoni;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament tal-UE dwar l-Injam sabiex testendi l-applikazzjoni tiegħu għall-injam u l-prodotti tal-injam kollha mibjugħa fis-suq Ewropew bil-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwi u tevita kompetizzjoni inġusta;

18.

Jenfasizza l-interess kbir tal-pubbliku fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, kif espress anke fil-Petizzjonijiet 1248/2019, 0408/2020, 0722/2020 u 1056/2021 indirizzati lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li b'denunċja taż-żidiet fil-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, spiss minħabba l-infurzar dgħajjef tal-leġiżlazzjoni tal-UE f'żoni protetti jew minħabba sistemi ta' sorveljanza bis-satelliti mwaqqfa, kif ukoll għadd dejjem ogħla ta' każijiet ta' aggressjoni fil-konfront ta' ħaddiema forestali, attivisti u ġurnalisti.

19.

Jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri xierqa ta' infurzar tal-liġi sabiex jiġġieldu l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, u jipproteġu d-difensuri ambjentali, il-ġurnalisti u l-informaturi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu t-twaqqigħ mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' kawżi relatati mal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jirrikonoxxi r-rwol attiv u l-involviment tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u d-difensuri tal-ambjent, fil-promozzjoni ta' azzjoni klimatika u l-protezzjoni tal-bijodiversità, u jappella biex l-UE tappoġġja dawn l-attivitajiet; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qafas ta' trasparenza stabbilit fl-Artikolu 13 tal-Ftehim ta' Pariġi;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fuq livell globali u tippromwovi l-implimentazzjoni ta' definizzjoni unika, ċara u rikonoxxuta internazzjonalment tat-tip ta' attivitajiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta' “qtugħ illegali tas-siġar għall-injam” bil-għan li jiġu indirizzati l-lakuni legali attwali li jippermettu n-nuqqas ta' konformità mal-istandard; jilqa' bħala l-ewwel pass il-proposta għal regolament dwar prodotti mingħajr deforestazzjoni;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw frekwentement id-data disponibbli bbażata kemm fuq il-monitoraġġ fuq il-post kif ukoll fuq teknoloġiji ta' telerilevament, bħall-immaġnijiet satellitari tas-siti forestali kollha ta' Natura 2000, jieħdu miżuri xierqa, inkluż it-tnedija ta' proċeduri ta' ksur, fejn tinsab evidenza ta' ħsara lil dawn is-siti jew il-qerda tagħhom, u jagħmlu dawn il-valutazzjonijiet u l-miżuri pubbliċi; jenfasizza li l-immaġnijiet bis-satellita huma aktar effettivi jekk jiġu kkombinati ma' data fuq il-post u għalhekk li d-data fuq il-post m'għandhiex tiġi traskurata; jistieden lill-Istati Membri jirrimedjaw il-ħsara li saret fuq ħabitats forestali protetti jew ħabitats ta' speċijiet forestali protetti f'sit ta' Natura 2000 milqut mid-deforestazzjoni u l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam;

22.

Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni jeħtieġ li tinforza l-konformità mad-dritt tal-UE; jifhem li l-oneru tal-provi biex tintwera l-eżistenza ta' ksur huwa f'idejn il-Kummissjoni, li jaf ma tiddependi fuq l-ebda preżunzjoni f'każijiet ta' ksur; jenfasizza, madankollu, li filwaqt li l-Kummissjoni kkonfermat li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tibqa' prijorità, it-tul ta' xi każijiet ta' ksur, anke meta l-Kummissjoni jkollha biżżejjed evidenza, jissuġġerixxi mod ieħor; jiddikjara li huwa irresponsabbli li fi żmien meta l-leġiżlazzjoni ambjentali hija l-leġiżlazzjoni l-aktar miksura u l-Patt Ekoloġiku Ewropew ġab miegħu inizjattivi ġodda, id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni huwa konsistentement u kontinwament nieqes mill-persunal; jiddeplora l-fatt li l-assi insostitwibbli qed jintilfu minħabba n-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u t-tnaqqis fil-baġit tal-UE għall-persunal; jipproponi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu l-prioritajiet tagħhom b'mod tajjeb;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sistematiku mill-iżviluppi teknoloġiċi disponibbli kollha, bħat-telerilevament, sabiex tiżgura konformità sħiħa mar-Regolament tal-UE dwar l-Injam u b'hekk tkun tista' teżamina b'mod komprensiv il-qagħda tal-foresti tal-Ewropa;

24.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu u jiżviluppaw kooperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha fil-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta' reati kriminali fil-forestrija u l-kummerċ fl-injam ippreparat li ġej minn tali attivitajiet; jissottolinja li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri għandhom jivvalutaw b'mod sistematiku l-effettività tal-kooperazzjoni tal-pulizija u jtejbuha b'mod perjodiku;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jevalwaw b'attenzjoni l-konsegwenzi potenzjalment negattivi li l-promozzjoni tal-bijomassa tal-foresti bħala fattur mexxej fil-qasam tal-enerġija jaf ikollha fuq il-foresti tal-UE, b'mod partikolari fi ħdan il-qafas tan-negozjati tal-pakkett “Lesti għall-Mira ta' 55 %” u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (10) (RED III).

26.

Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-fenomenu tal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-konsegwenzi tiegħu, inkluż fl-akkwist pubbliku ekoloġiku u t-trasparenza għall-konsumaturi fir-rigward tal-ismijiet tal-kumpaniji li jinnegozjaw l-injam maqtugħ illegalment;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni tkun viġilanti dwar l-implimentazzjoni xierqa tar-Regolament dwar l-Injam, id-Direttiva dwar il-Ħabitats, id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika u l-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (11), kif ukoll ir-Regolament ta' Aarhus, peress li d-diskrepanza fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE tirrappreżenta fattur abilitanti li jwassal għall-kriminalità ambjentali; jinnota li l-ksur ta' dawn jista' jwassal għal diżastri ambjentali u ekoloġiċi bħad-degradazzjoni u l-erożjoni tal-ħamrija, l-uqigħ tal-art, l-għargħar, l-estinzjoni ta' speċijiet selvaġġi uniċi, id-deforestazzjoni u l-għajbien tal-aħħar foresti primarji u antiki li fadal fl-UE;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-problemi leġiżlattivi attwali u ttejjeb il-kontrolli tagħha bil-għan li telimina kwalunkwe lakuna legali li tippermetti l-użu ta' injam maħsud illegalment fl-UE bħalma hu attwalment il-każ b'tekniki bħat-taħlit ta' injam maħsud b'mod legali ma' injam maħsud b'mod illegali sabiex tiġi ċċertifikata l-oriġini ta' dan l-injam;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-politika kummerċjali tagħha biex twaqqaf il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam fil-livell internazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li l-importazzjoni ta' injam maħsud illegalment minn pajjiżi mhux tal-UE tfixkel is-suq Ewropew u toħloq sitwazzjoni inġusta għall-produtturi Ewropej; ifakkar li l-użu ta' dan l-injam illegali jagħmel ħsara wkoll lil dawk il-komunitajiet li minnhom jinħasad dan l-injam u jippromwovi wkoll it-tkomplija tal-ħsad illegali tal-injam u r-reati kollha assoċjat miegħu; jilqa' s-sett ta' regoli ta' diliġenza dovuta obbligatorji għal kumpaniji li jixtiequ jqiegħdu ċerti komoditajiet fis-suq tal-UE proposti mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal regolament dwar prodotti mingħajr deforestazzjoni;

30.

Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-proġetti mmirati lejn il-promozzjoni tal-ġestjoni tal-foresti qrib in-natura u l-protezzjoni, ir-restawr u l-konservazzjoni ambjentali, filwaqt li jiġu appoġġjati l-komunitajiet dipendenti fuq ir-riżorsi tal-forestrija billi jiġu żviluppati ktajjen tal-provvista qosra u l-ekoturiżmu; jissuġġerixxi l-iżvilupp ta' governanza tal-foresti demokratika u proġetti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali, li qed jaħdmu mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u l-komunitajiet lokali, li huma l-aktar milquta direttament u indirettament mill-bidliet ambjentali u l-effetti soċjoekonomiċi negattivi tal-produzzjoni u l-kummerċ tal-injam ippreparat;

31.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jesploraw aktar possibbiltajiet ta' kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-prevenzjoni tiegħu; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprovdi pjattaforma ta' kooperazzjoni għall-Istati Membri biex jiżviluppaw u jtejbu aktar l-għodod diġitali nazzjonali għall-monitoraġġ tal-foresti, għar-rappurtar ta' każijiet ta' qtugħ illegali tas-siġar u biex jippermettu intervent transfruntier rapidu u effettiv kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam;

32.

Jistieden lill-Istati Membri jassumu r-responsabbiltà primarja tagħhom għall-protezzjoni tal-ambjent, inklużi l-foresti u jiżguraw is-sikurezza tal-uffiċjali forestali; ifakkar li l-korruzzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet pubbliċi tibqa' fattur importanti li jwassal għall-impunità għall-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u reati kontra l-attivisti ambjentali;

33.

Jistieden lill-Istati Membri biex, kemm jista' jkun, jarmonizzaw ir-regoli tagħhom dwar il-kontroll tal-injam maħsud illegalment bil-għan, sabiex jimpedixxu li r-rotot ta' distribuzzjoni ta' injam illegali jiġu sfruttati taħt il-leġiżlazzjoni ta' dawk l-Istati Membri fejn il-kontrolli huma dgħajfa;

34.

Jistieden lill-prosekuturi, l-investigaturi, il-gwardji u l-esperti finanzjarji jgħaqqdu l-forzi u jiġbru flimkien l-għarfien espert tagħhom bil-għan li l-kriminalità organizzata tiġi individwata, investigata u mressqa quddiem il-liġi malajr u b'suċċess;

35.

Ifakkar li l-fondi tal-UE jistgħu jkunu disponibbli għall-kumpens għal servizzi forestali ambjentali u klimatiċi, it-titjib tar-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti, ir-restawr, il-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-foresti, u l-kumpens għal żoni tal-foresti ta' Natura 2000, inkluż għas-sidien forestali żgħar;

36.

Jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta' sorveljanza regolari (inkluża għassa tas-sigurtà/tal-pulizija u sorveljanza tal-ajru) fil-foresti u f'żoni fejn l-injam jiġi ttrasportat, jew fejn il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam jew it-trasport u l-kummerċ ta' injam minn tali attivitajiet ġie rrappurtat; jenfasizza l-ħtieġa tas-sensibilizzazzjoni tal-pulizija dwar ir-reat ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u jistieden lill-Istati Membri jwettqu taħriġ speċjali għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi biex jgħammruhom b'għodod prattiċi u jipprovduhom bil-ħiliet u l-għarfien li jeħtieġu għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' attività ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, kif ukoll il-protezzjoni ta' attivisti ambjentali, informaturi u persunal responsabbli għall-ġestjoni tal-foresti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw sabiex jiżguraw l-użu intelliġenti tar-riżorsi għall-prevenzjoni tal-implimentazzjoni irregolari ta' din il-miżura;

37.

Ifakkar li l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam spiss huwa marbut ma' forom oħra ta' kriminalità, bħat-traffikar illeċitu, il-korruzzjoni, il-frodi, il-ħasil tal-flus, li fil-biċċa l-kbira għandhom dimensjoni transfruntiera; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-informazzjoni dwar il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam titqies bħala essenzjali għall-investigazzjoni ta' tipi oħra ta' reati serji kif ukoll li din l-informazzjoni tiġi kondiviża mal-Europol sabiex jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet transfruntiera;

38.

Jenfasizza li l-istabbiliment ta' Prosekutur Ekoloġiku tal-UE, permezz tal-estensjoni tal-mandat tal-UPPE, f'konformità mal-Artikolu 86(4) tat-TFUE, huwa mod kif jittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u biex jiġu miġġielda r-reati ambjentali serji b'dimensjoni transfruntiera;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni talloka finanzjament għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam;

40.

Jenfasizza l-importanza li tiżdied id-disponibbiltà ta' data trasparenti u ta' kwalità għolja u jieħu nota tal-mira tal-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti biex jittejjeb il-ġbir armonizzat tad-data f'dan ir-rigward; jemmen li huwa essenzjali li nibnu fuq strutturi eżistenti, b'mod partikolari l-inventarji nazzjonali tal-foresti u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Foresti għall-Ewropa sabiex jittejjeb ir-rispons operazzjonali tal-forzi tal-pulizija fl-indirizzar tal-aspetti tal-kriminalità tal-forestrija; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' data f'waqtha, frekwenti u komparabbli fl-Istati Membri kollha kemm għall-varjabbli bażiċi kif ukoll għal varjabbli applikati relatati mal-foresti; jappoġġja, għaldaqstant, il-proposta għal qafas għall-Osservazzjoni, ir-Rappurtar u l-Ġbir tad-Data fil-qasam tal-Foresti għall-UE kollha; jistieden lill-Istati Membri jiġbru d-data dwar attivitajiet ta' spezzjoni, l-għadd ta' każijiet ta' ksur stabbiliti u t-tipi u d-daqs tas-sanzjonijiet imposti;

41.

Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-għodod disponibbli għar-rappurtar, jiġifieri permezz ta' kampanji ta' komunikazzjoni mmirati; jistieden lill-Istati Membri jinkludu n-nozzjoni tal-preservazzjoni tal-foresti fil-kurrikuli akkademiċi għat-tfal, bħala parti mill-konservazzjoni tal-wirt naturali;

42.

Jisħaq fuq il-fatt li l-litigazzjoni ambjentali tirrikjedi li l-professjonisti tal-liġi jkollhom għarfien u kompetenzi speċifiċi; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-Istati Membri jsaħħu l-komponent ambjentali tal-istudji universitarji fil-qasam tal-liġi;

43.

Jenfasizza li l-użu ta' teknoloġiji ta' telerilevament bħall-immaġnijiet satellitari biex jikkomplementa l-ġbir ta' data tal-inventarju minn fuq il-post u l-ispezzjonijiet jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali biex dawn jidentifikaw attività ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam b'aktar preċiżjoni u ħeffa; jenfasizza l-ħtieġa li din id-data tiġi kkalibrata ma' data miġbura permezz ta' monitoraġġ ibbażat fuq il-post sabiex jiġi żgurat li s-sejbiet huma preċiżi; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-għodod li jitpoġġew għad-dispożizzjoni miċ-Ċentru Satellitari tal-UE biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jinnota li filwaqt li l-qtugħ tal-foresti jista' jiġi identifikat permezz tal-immaġnijiet satellitari, jibqa' sfida li ssir distinzjoni bejn il-qtugħ legali u l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam; jenfasizza li l-effikaċja tar-riżorsi bbażati fuq is-satelliti għat-trażżin tal-qtugħ illegali tas-siġar tiddependi fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet li jużaw l-informazzjoni u jikkoordinawha ma' għodod u bażijiet ta' data oħra (ibbażati fuq l-art) ta' monitoraġġ; jemmen li l-immaġnijiet satellitari jistgħu jikkomplementaw l-ispezzjonijiet fuq il-post u d-data tal-inventarju fuq il-post bħala assi prezzjuż għall-identifikazzjoni tal-qtugħ illegali tas-siġar u jistgħu jgħinu biex indirettament tiġi dedotta l-eżistenza ta' qtugħ illegali tas-siġar għall-injam permezz tal-preżenza ta' toroq barra miż-żoni permessi;

44.

Ifakkar fir-rwol essenzjali li l-innovazzjoni teknoloġika għandha fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u kontra l-kriminalità ambjentali b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni talloka finanzjament għall-appoġġ teknoloġiku għall-Istati Membri, li jippermetti lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi nazzjonali jużaw l-aqwa għodod;

45.

Jisħaq fuq il-fatt li missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni f'żoni milquta mill-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam tgħin fil-valutazzjoni tar-realtà fuq il-post, tal-fatturi ewlenin li jwasslu għall-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-effetti fuq il-popolazzjoni lokali, kif ukoll fl-identifikazzjoni tal-mod kif wieħed jipproċedi f'każijiet speċifiċi;

46.

Jappella lill-Kummissjoni tiżgura li l-UE ma tappoġġjax inizjattivi u proġetti li jwasslu għall-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u d-deforestazzjoni, jew li għandhom effetti dannużi oħra bħal dawn fuq l-ambjent;

47.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.

(2)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

(3)  ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.

(4)  ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.

(5)  ĠU L 356, 8.10.2021, p. 1.

(6)  https://www.europol.europa.eu/crime-areas-and-statistics/crime-areas/environmental-crime

(7)  In-Nota ta' Briefing għall-Awtoritajiet Kompetenti (AK) li jimplimentaw ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam Ġunju – Settembru 2020 tiddikjara: “Għad li l-injam fornit lill-IKEA minn VGSM ġie ċċertifikat mill-Kunsill tal-Amministrazzjoni Forestali (FSC), ir-rapport jiddikjara li 'l fuq min-nofs tal-injam maħsud fi Velyky Bychkiv minn April sa Ġunju 2018 ma kienx konformi mal-istandards tal-FSC u kien fil-fatt maqtugħ illegalment”.

(8)  Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport: Studju dwar l-Iskemi ta' Ċertifikazzjoni u Verifika fis-Settur tal-Foresti u għall-Prodotti bbażati fuq l-Injam, Lulju 2021;

(9)  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.

(10)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(11)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).