|
28.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 55/4 |
DEĊIŻJONI (UE) 2022/313TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ Frar 2022
li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lill-Ukrajna
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
|
(1) |
Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea (l-“Unjoni”) u l-Ukrajna qed ikomplu jiżviluppaw fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u s-Sħubija tal-Lvant. Ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna (2) (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), inkluż Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017. |
|
(2) |
Fir-rebbiegħa tal-2014, l-Ukrajna bdiet programm ambizzjuż ta’ riforma bil-għan li tistabbilizza l-ekonomija tagħha u ttejjeb l-għajxien taċ-ċittadini tagħha. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif ukoll riformi kostituzzjonali, elettorali u ġudizzjarji huma fost l-ogħla prijoritajiet fuq l-aġenda. L-implimentazzjoni ta’ dawk ir-riformi ġiet appoġġata minn ħames programmi konsekuttivi ta’ assistenza makrofinanzjarja, li taħthom l-Ukrajna rċeviet assistenza fil-forma ta’ self għal total ta’ EUR 5 biljun. L-aħħar assistenza mikrofinanzjarja, li saret disponibbli fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 skont id-Deċiżjoni (UE) 2020/701 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ipprovdiet EUR 1,2 biljun f’self lill-Ukrajna u tlestiet f’Settembru 2021. |
|
(3) |
L-ekonomija tal-Ukrajna ġiet affettwata mir-reċessjoni fl-2020, li ġiet ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u minn theddid fit-tul għas-sigurtà fil-fruntiera tagħha mar-Russja. Iż-żieda kontinwa ta’ inċertezza rriżultat f’telf reċenti ta’ fiduċja, li affettwat b’mod negattiv il-perspettiva ekonomika, u, min-nofs Jannar 2022, fit-telf ta’ aċċess għas-swieq kapitali internazzjonali. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament li qed jiddeterjoraw ikkontribwixxew għal diskrepanza mdaqqsa u li qed tiżdied fil-finanzjament estern residwu u huma ta’ piż kbir fuq l-investiment, u b’hekk idgħajfu r-reżiljenza tal-Ukrajna għal xokkijiet ekonomiċi u politiċi futuri. |
|
(4) |
Il-Gvern Ukren wera impenn qawwi biex jimplimenta aktar riformi b’enfasi, fl-istadju kritiku attwali, fuq terminu qasir fuq oqsma ta’ politika ewlenin bħar-reżiljenza u l-istabbiltà ekonomika, il-governanza u l-istat tad-dritt, u l-enerġija. |
|
(5) |
Impenn imġedded biex jitwettqu tali riformi u rieda politika qawwija, wasslu biex l-awtoritajiet Ukreni jaċċelleraw l-implimentazzjoni tar-riformi mis-sajf tal-2021. Dan ippermetta wkoll lill-Ukrajna tlesti b’suċċess l-operazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, peress li l-azzjonijiet ta’ riforma kollha miftiehma mal-Unjoni fil-Memorandum ta’ Qbil kienu ġew issodisfati. |
|
(6) |
Sabiex ikun hemm aktar flessibbiltà politika fil-kuntest tal-kriżi relatata mal-pandemija tal-COVID-19, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) approva Arranġament ta’ Riżerva ta’ 18-il xahar għall-Ukrajna b’aċċess ekwivalenti għal USD 5 biljun f’Ġunju 2020. Dak l-arranġament jiffoka fuq erba’ prijoritajiet: (i) il-mitigazzjoni tal-impatt ekonomiku tal-kriżi, inkluż billi jiġu appoġġati l-unitajiet domestiċi u n-negozji; (ii) l-iżgurar ta’ indipendenza kontinwa tal-bank ċentrali u rata tal-kambju flessibbli; (iii) is-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja filwaqt li jiġu rkuprati l-ispejjeż mir-riżoluzzjonijiet bankarji; u (iv) progress dwar il-miżuri ewlenin ta’ governanza u kontra l-korruzzjoni biex jiġu preservati u mfannda l-kisbiet reċenti. Minħabba rekord ta’ implimentazzjoni irregolari, l-ewwel rieżami tal-programm, li qabel ukoll dwar estensjoni tal-programm sal-aħħar ta’ Ġunju 2022, ma ġiex konkluż sa Novembru 2021. Dan ġab it-total tal-iżborżi taħt il-programm attwali tal-FMI għall-ekwivalenti ta’ USD 2,8 biljun s’issa. Żewġ reviżjonijiet oħra huma ppjanati li jitwettqu sa tmiem it-tieni kwart tal-2022. |
|
(7) |
Fid-dawl tar-riskji għoljin ta’ finanzjament tal-baġit u fil-kuntest ta’ rkupru kajman mill-kriżi relatata mal-pandemija tal-COVID-19 u ta’ inflazzjoni li qed taċċellera malajr, l-Ukrajna talbet programm ġdid ta’ assistenza makrofinanzjarja fit-tul sa EUR 2,5 biljun mill-Unjoni fis-16 ta’ Novembru 2021. Tali assistenza makrofinanzjarja ta’ emerġenza twieġeb, b’mod partikolari, għaż-żieda qawwija u mhux mistennija fil-ħtiġijiet finanzjarji esterni tal-Ukrajna, ikkawżata mit-telf de facto tal-aċċess għas-swieq finanzjarji, u għall-isfidi immedjati sottostanti. |
|
(8) |
Minħabba li l-Ukrajna hija pajjiż kopert mill-PEV, jenħtieġ li titqies bħala eliġibbli biex tirċievi l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta’ appoġġ mingħajr irbit u mhux speċifikat għall-bilanċ tal-pagamenti, bl-għan li tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-benefiċjarju u jenħtieġ li tirfed l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li fih miżuri qawwija ta’ aġġustament immedjat u ta’ riforma strutturali maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti tal-benefiċjarju fuq terminu qasir u r-reżiljenza ekonomika fit-terminu medju. |
|
(10) |
Minħabba li t-telf tal-aċċess għas-suq u l-ħruġ tal-kapital ħolqu diskrepanza finanzjarja esterna residwa sinifikanti fil-bilanċ tal-pagamenti tal-Ukrajna lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali oħra, il-provvediment rapidu tal-assistenza makrofinanzjarja ta’ emerġenza mill-Unjoni lill-Ukrajna, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, titqies bħala rispons xieraq fuq terminu qasir għar-riskji mdaqqsa għall-pajjiż. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Ukrajna u jkollha l-għan li ssaħħaħ ir-reżiljenza immedjata tal-pajjiż, kif ukoll u fejn fattibbli fil-preżent, issaħħaħ l-aġenda ta’ riforma strutturali tal-Ukrajna, filwaqt li tissupplimenta r-riżorsi li huma disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI. |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jkollha l-għan li tappoġġja l-ħolqien mill-ġdid ta’ sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-Ukrajna, u b’hekk tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħha. |
|
(12) |
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija mistennija li timxi id f’id mal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju taħt l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(13) |
Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija bbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern residwu tal-Ukrajna, u tqis il-kapaċità tagħha ta’ awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riżervi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha. Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tikkumplimenta l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u l-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti ta’ finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fl-Ukrajna u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni. |
|
(14) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment f’konformità mal-prinċipji u l-objettivi ta’, u l-miżuri ewlenin meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u ta’ linji ta’ politika oħrajn rilevanti tal-Unjoni. |
|
(15) |
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tappoġġja l-politika esterna tal-Unjoni rigward l-Ukrajna. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jenħtieġ li jaħdmu mill-qrib matul l-operazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja kollha bil-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u li jiggarantixxu l-konsistenza tagħha. |
|
(16) |
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-impenn tal-Ukrajna fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, inkluż id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-impenn tagħha lejn il-prinċipji ta’ kummerċ miftuħ, ibbażat fuq regoli, u ġust. |
|
(17) |
Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun li l-Ukrajna tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fis-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, u jenħtieġ li jippromwovu r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklussiv, il-ħolqien tax-xogħol diċenti u l-konsolidazzjoni fiskali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimmonitorjaw regolarment kemm it-twettiq tal-prekondizzjoni kif ukoll il-kisba ta’ dawk l-objettivi. |
|
(18) |
Biex ikun żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbutin mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jiġu mħarsa b’mod effiċjenti, l-Ukrajna jenħtieġ li tieħu miżuri xierqa fir-rigward tal-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma’ dik assistenza. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjonijiet biex il-Kummissjoni twettaq verifiki, biex il-Qorti tal-Awdituri twettaq awditi u biex l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jeżerċita l-kompetenzi tiegħu. |
|
(19) |
Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħala awtorità baġitarja. |
|
(20) |
L-ammonti li għandhom jiġu pprovduti meħtieġa għall-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali. |
|
(21) |
Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi relatati ma’ dik l-assistenza u tipprovdihom bid-dokumenti rilevanti. |
|
(22) |
Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawn is-setgħat ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
|
(23) |
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun soġġetta għal kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika, li jiġu stabbiliti f’memorandum ta’ qbil (MtQ). Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta’ effiċjenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kundizzjonijiet mal-awtoritajiet Ukreni taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-proċedura konsultattiva, bħala regola ġenerali, tapplika fil-każijiet kollha għajr kif previst f’dak ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment sinifikanti tal-assistenza ta’ aktar minn EUR 90 miljun, huwa xieraq li għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu tintuża l-proċedura ta’ eżami kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta jitqies l-ammont ta’ assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Ukrajna, jenħtieġ li l-proċedura ta’ eżami tapplika għall-adozzjoni tal-MtQ, u għal kwalunkwe tnaqqis, suspensjoni jew tħassir tal-assistenza. |
|
(24) |
Minħabba li l-għan ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ta’ emerġenza lill-Ukrajna bil-ħsieb li tappoġġa, b’mod partikolari, ir-reżiljenza u l-istabbiltà ekonomika tagħha, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan. |
|
(25) |
Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi assoċjati, jitqies li huwa xieraq li ssir eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika. |
|
(26) |
Sabiex tkun tista’ ssir applikazzjoni minnufih tal-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makrofinanzjarja ta’ ammont massimu ta’ EUR 1,2 biljun disponibbli lill-Ukrajna (l-“assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”), bil-ħsieb li tappoġġja l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Ukrajna u aġenda ta’ riforma sostantiva. L-ammont sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tingħata lill-Ukrajna fil-forma ta’ self. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għas-sena rilevanti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tal-bilanċ tal-pagamenti tal-Ukrajna kif identifikati fil-programm tal-FMI.
2. Sabiex tiffinanzja l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u li ssellifhom lill-Ukrajna. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.
3. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew mal-arranġamenti milħuqa bejn il-FMI u l-Ukrajna u mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tar-riformi ekonomiċi stabbiliti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inkluż id-DCFTA, maqbula skont il-PEV.
Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inklużi l-iżborżi tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.
4. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli għal perjodu ta’ tnax-il xahar, li jibda fl-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-MtQ imsemmi fl-Artikolu 3(1).
5. Jekk il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu ta’ żborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbel mal-previżjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tħassarha.
Artikolu 2
1. Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Ukrajna tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluża sistema parlamentari multipartitika, u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.
2. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jimmonitorjaw li l--prekundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 tiġi ssodisfata matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.
3. Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (6).
Artikolu 3
1. Il-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tilħaq ftehim mal-awtoritajiet Ukreni dwar politika ekonomika u kundizzjonijiet finanzjarji definiti b’mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom. Dawk il-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika u finanzjarji għandhom jiġu stabbiliti f’MtQ li għandu jinkludi perjodu taż-żmien għat-twettiq ta’ dawk il-kundizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-MtQ għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew mal-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku u ta’ riforma strutturali implimentati mill-Ukrajna bl-appoġġ tal-FMI.
2. Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw, b’mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fl-Ukrajna, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress fil-ftuħ reċiproku tas-swieq, l-iżvilupp ta’ kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom ukoll jitqiesu bil-mod dovut fit-tfassil tal-miżuri ta’ politika. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment il-progress li jsir biex jinkisbu dawk l-objettivi.
3. It-termini finanzjarji dettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stipulati fi ftehim dwar is-self li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna.
4. Il-Kummissjoni għandha tivverifika, f’intervalli regolari, li l-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu ssodisfati, inkluż jekk il-linji ta’ politika ekonomiċi tal-Ukrajna jkunux f’konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Għall-finijiet ta’ dik il-verifika, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.
Artikolu 4
1. Soġġett għall-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni f’żewġ pagamenti parzjali ugwali, u kull wieħed minnhom għandu jkun jikkonsisti f’self. Il-perjodu ta’ żmien għall-iżborż ta’ kull pagament parzjali għandu jiġi stabbilit fil-MtQ.
2. L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni mogħtija f’forma ta’ self għandhom jiġu pprovduti, fejn meħtieġ, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/947.
3. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali, soġġetti għat-twettiq tal-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-prekondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1); |
|
(b) |
rekord sodisfaċenti kontinwu tal-implimentazzjoni ta’ arranġament ta’ kreditu mill-FMI mhux prekawzjonarju; |
|
(c) |
l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika ekonomika u tal-kundizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-MtQ. |
Ir-rilaxx tat-tieni pagament parzjali ma għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel pagament parzjali.
4. Fejn il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, ma jiġux sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tissospendi jew tikkanċella temporanjament l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F’tali każijiet, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għas-sospensjoni jew it-tħassir.
5. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi żborżata lill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu maqbula fil-MtQ, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi tal-Ukrajna bħala l-benefiċjarju aħħari.
Artikolu 5
1. L-operazzjonijiet ta’ teħid u għoti b’self relatati mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u ma għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, jew jesponu lill-Unjoni għal ebda riskju fir-rata tal-kambju jew tal-imgħax, jew għal ebda riskju kummerċjali ieħor.
2. Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, u jekk l-Ukrajna titlob dan, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar ir-rimborż bikri fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-self u li din tkun appoġġjata minn klawżola korrispondenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet tat-teħid ta’ self.
3. Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, u jekk l-Ukrajna titlob dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tiffinanzja mill-ġdid it-teħid ta’ self tagħha inizjali kollu jew parti minnu jew tista’ tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid jew ta’ ristrutturar għandhom jitwettqu skont il-paragrafi 1 u 4 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta’ kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.
4. L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni li jkunu relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti jew tat-teħid ta’ self skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġġarrbu mill-Ukrajna.
5. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar żviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.
Artikolu 6
1. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).
2. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata taħt ġestjoni diretta.
3. Il-ftehim dwar is-self imsemmi fl-Artikolu 3(3) għandu jkun fih id-dispożizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
li jiżguraw li l-Ukrajna tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jkun intuża kif suppost, li din tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni legali biex tirkupra kwalunkwe fondi pprovduti skont din id-Deċiżjoni li jkunu ġew miżapproprjati; |
|
(b) |
li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jipprevedu miżuri speċifiċi biex jipprevjenu u jikkumbattu l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f’konformità mar-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (8) u (Euratom, KE) Nru 2185/96 (9) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) kif ukoll, għal dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa rigward l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (11); |
|
(c) |
li jawtorizzaw espressament lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post inklużi operazzjonijiet forensiċi diġitali u intervisti; |
|
(d) |
li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, jew lir-rappreżentanti tagħha, biex iwettqu kontrolli, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post; |
|
(e) |
li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri biex jagħmlu awditjar matul u wara l-perjodu ta’ disponibilità tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditjar ta’ dokumenti u awditjar fuq il-post, bħal pereżempju valutazzjonijiet operazzjonali; |
|
(f) |
li jiżguraw li l-Unjoni tkun intitolata għal ħlas lura bikri tas-self meta jkun stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, Ukrajna tkun ħadet sehem f’xi att ta’ frodi jew ta’ korruzzjoni jew f’xi attività illegali oħra li tkun ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni; |
|
(g) |
li jiżguraw li l-kostijiet kollha mġarrba mill-Unjoni relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti jew tat-teħid ta’ self skont din id-Deċiżjoni għandhom jitħallsu mill-Ukrajna. |
4. Qabel l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, permezz ta’ valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Ukrajna, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza.
Artikolu 7
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 8
1. Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena ta’ qabel, inkluża evalwazzjoni ta’ dik l-implimentazzjoni. Dak ir-rapport għandu:
|
(a) |
jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni; |
|
(b) |
jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-Ukrajna, kif ukoll il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika msemmija fl-Artikolu 3(1); |
|
(c) |
jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika stabbiliti fil-MtQ, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tal-Ukrajna u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. |
2. Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta’ disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja kompluta tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.
Artikolu 9
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2022.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
A. PANNIER-RUNACHER
(1) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2022.
(2) Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3).
(3) Id-Deċiżjoni (UE) 2020/701 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar il-forniment ta’ assistenza makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 165, 27.5.2020, p. 31).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).
(7) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(10) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).