European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/647

10.2.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Jannar 2025

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tar-Rumanija

(C/2025/647)

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (1), flimkien mar-Regolament emendat (KE) Nru 1467/97 dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u d-Direttiva emendata tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli.

(2)

Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inklużi dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (macroeconomic imbalances procedure MIP), jekk applikabbli), u kif il-pjan ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġi estiż sa tliet snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)

Wara s-sottomissjoni tal-pjan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk dan jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)

Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali.

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAR-RUMANIJA

(5)

Fil-25 ta' Ottubru 2024, ir-Rumanija ppreżentat il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-preżentazzjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif miftiehem mal-Kummissjoni. L-iskadenza għall-preżentazzjoni ġiet estiża kif miftiehem mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti mir-Rumanija.

Proċess qabel is-sottomissjoni tal-pjan

(6)

Sabiex jiġi inkwadrat id-djalogu li jwassal għall-preżentazzjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni bagħtet it-trajettorja referenzjarja (5) lir-Rumanija, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fil-25 ta' Ottubru (6). It-trajettorja referenzjarja hi bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli 'l isfel jew jibqa' f'livelli prudenti fuq terminu medju, u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur referenzjarju fuq terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. F'konformità mal-Artikoli 6, il-punt (d), 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mal-parametru referenzjarju tad-defiċit, mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. It-trajettorja referenzjarja tar-Rumanija tistabbilixxi li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024 u jekk wieħed jassumi perjodu ta' aġġustament ta' 7 snin, in-nefqa netta ma għandhiex tikber b'aktar mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ta' 5,2 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2031) u ta' 5,5 % matul il-perjodu 2025–2028.

Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lir-Rumanija fil-21 ta' Ġunju 2024

 

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Medja 2025–2028

Medja 2025–2031

Tkabbir massimu fin-nefqa netta (annwali, %)

6,1

5,7

5,3

5,0

4,8

4,7

4,5

5,5

5,2

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, ir-Rumanija u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku bejn Lulju u Ottubru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mir-Rumanija u s-suppożizzjonijiet sottostanti tiegħu, u fuq is-sett previst ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu t-talba tar-Rumanija għal perjodu ta' aġġustament estiż. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq ir-riforma tat-taxxa, ir-riforma tal-amministrazzjoni tat-taxxa, ir-riforma tar-reġim tat-taxxa tal-mikrointrapriżi, u r-rieżamijiet tal-infiq. Dan indirizza wkoll it-twettiq previst ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża.

(8)

F'Ottubru 2024, f'konformità mal-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 36(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263, skont l-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija fil-pjan tagħha, ir-Rumanija kienet involuta fi proċess ta' konsultazzjoni mas-sħab soċjali. Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija fil-pjan tagħha, fis-16 ta' Ottubru 2024, il-pjan tpoġġa f'dibattitu pubbliku mar-rappreżentanti tan-negozju u mas-soċjetà ċivili.

Proċessi relatati oħra

(9)

Ir-Rumanija bħalissa hija soġġetta għal proċedura ta' defiċit eċċessiv (7). Fit-3 ta' April 2020, il-Kunsill, filwaqt li aġixxa fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/509 skont l-Artikolu 126(6) TFUE dwar l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fir-Rumanija minħabba nuqqas ta' konformità ppjanat mal-kriterju tad-defiċit tat-TFUE, u ħareġ Rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) TFUE bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern sa mhux aktar tard mill-2022. Fid-dawl tar-reċessjoni kbira fl-attività ekonomika marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, fit-18 ta' Ġunju 2021 il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) TFUE għar-Rumanija, li testendi l-iskadenza għall-korrezzjoni sal-2024. Fl-24 ta' Novembru 2021, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Rumanija kienet ħadet azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2021 skont l-Artikolu 126(7) TFUE, u qieset f'dak iż-żmien li ma kien meħtieġ l-ebda pass addizzjonali fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv. Madankollu, fl-2023, is-sottokomponenti kollha tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill indirizzati lir-Rumanija fl-2021 ma ntlaħqux b'marġni sinifikanti. Id-defiċit nominali kien ogħla b'mod sinifikanti (6,5 % tal-PDG kontra 4,4 % tal-PDG fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill), l-isforz strutturali kien ħafna inqas minn dak irrakkomandat, u t-tkabbir fin-nefqa netta kien ħafna ogħla minn dak irrakkomandat.

(10)

Għalhekk, fis-26 ta' Lulju 2024, il-Kunsill stabbilixxa li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva mir-Rumanija b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2021 (8). Din ir-Rakkomandazzjoni tikkoinċidi mar-Rakkomandazzjoni riveduta tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija (9). L-adozzjoni simultanja ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet, li hija mfassla u ġġustifikata mit-tranżizzjoni għall-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika, tiżgura l-konsistenza bejn il-perkorsi ta' aġġustament rakkomandati.

(11)

Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Rumanija qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B'mod partikolari, ir-Rumanija qiegħda tiffaċċa vulnerabbiltajiet relatati mal-kontijiet esterni, prinċipalment marbuta ma' defiċits tal-gvern kbar u li qegħdin jiżdiedu, filwaqt li pressjonijiet sinifikanti fuq il-prezzijiet u l-kostijiet żdiedu u l-azzjoni politika kienet batuta (10).

(12)

Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lir-Rumanija sensiela ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs, country-specific recommendations) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (11).

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI

(13)

F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:

Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali

(14)

L-attività ekonomika fir-Rumanija kibret bi 2,4 % fl-2023, xprunata mid-domanda domestika. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija li tikber b'1,4 % fl-2024, bid-deċellerazzjoni tirrifletti l-iżviluppi aktar baxxi fil-produzzjoni industrijali, fil-kostruzzjoni residenzjali, fit-teknoloġija tal-informazzjoni u fis-servizzi tat-trasport. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 2,5 %, appoġġat minn konsum privat reżiljenti u aċċellerazzjoni tal-investiment privat, bit-tnejn li huma megħjuna minn kundizzjonijiet finanzjarji aktar favorevoli. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 2,9 % peress li l-investiment iffinanzjat mill-UE fl-infrastruttura pubblika jenħtieġ li jipprovdi stimolu qawwi għat-tkabbir hekk kif il-programm RRF (RRF, Recovery and Resilience Facility) jidħol fl-istadju finali tiegħu. Matul il-perjodu tat-tbassir (jiġifieri, 2024–2026), it-tkabbir tal-PDG potenzjali fir-Rumanija huwa mistenni li jkun ta' medja ta' 2,2 %, xprunat mill-approfondiment tal-kapital u mit-tkabbir fil-produttività totali tal-fatturi. Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 5,6 % fl-2023 u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 5,5 % fl-2024, 5,5 % fl-2025 u 5,4 % fl-2026. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 12,8 % fl-2023 għal 9,0 % fl-2024, u li tilħaq 5,9 % fl-2025 u 5,3 % fl-2026.

(15)

Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tar-Rumanija kien jammonta għal 6,5 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni li jilħaq 8,0 % tal-PDG fl-2024, 7,9 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta' ebda bidla fil-politika, 7,9 % tal-PDG fl-2026. It-tbassir tal-Kummissjoni ma jirriflettix l-abbozz tal-baġit tar-Rumanija għall-2025, li għad irid jitfassal. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 48,9 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jiżdied għal 52,2 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Hu pprojettat li jiżdied għal 56,1 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u għal 59,7 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.

Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan

(16)

Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tar-Rumanija jkopri l-perjodu 2025-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq 7 snin.

(17)

Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(18)

Il-pjan jintrabat għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għat-tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 4,8 % matul is-snin 2025–2028. Barra minn hekk, ir-Rumanija tintrabat ma' sett ta' riformi u ta' investimenti bil-ħsieb li testendi l-perjodu ta' aġġustament għal 7 snin (2025–2031), li matulhom it-tkabbir medju tan-nefqa netta huwa pjanat li jkun ta' 4,4 %. It-tkabbir medju fin-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2031) huwa aktar baxx mit-tkabbir medju fin-nefqa netta fit-trajettorja referenzjarja trażmessa mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2024 (5,2 %). Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG reali potenzjali jonqos gradwalment minn 2,7 % fl-2024 għal 2,0 % fl-2031. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG tonqos minn 7,2 % fl-2024 għal 5,0 % fl-2025 u li gradwalment tonqos aktar għal 4,4 % fl-2031.

Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tar-Rumanija

 

Estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament

 

 

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Medja matul il-perjodu ta' validità tal-pjan 2025–2028

Medja matul il-perjodu ta' aġġustament 2025–2031

Tkabbir nett fin-nefqa (annwali, %)

14,3

5,1

4,9

4,7

4,3

4,2

3,9

3,8

4,8

4,4

Tkabbir fin-nefqa netta (kumulattiv, mis-sena bażi 2023,%)

14,3

20,2

26,0

31,9

37,6

43,3

49,0

54,7

mhux applikabbli

mhux applikabbli

Tkabbir tal-PDG potenzjali (%)

2,7

2,7

2,5

2,4

2,2

2,1

2,0

2,0

2,4

2,3

Inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

7,2

5,0

4,9

4,8

4,7

4,6

4,5

4,4

4,8

4,7

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tar-Rumanija u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(19)

Jekk il-perkors tan-nefqa netta li għalih sar impenn fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied minn 52,2 % tal-PDG fl-2024 għal 62,6 % tal-PDG fl-2029, qabel ma jonqos għal 61,4 % tal-PDG fl-2031, skont it-tabella li ġejja. Imbagħad, hu pprojettat li jonqos b'mod kontinwu għal livelli ferm inqas minn 60 % tal-PDG matul l-10 snin wara t-tmiem tal-perjodu kopert mill-pjan.

Tabella 3: Dejn tal-gvern estiż u żviluppi tal-bilanċ fil-pjan tar-Rumanija

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

2041

Dejn tal-gvern (% tal-PDG)

48,9

52,2

55,7

58,5

60,6

62,0

62,6

62,4

61,4

47,9

Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG)

-6,5

-7,9

-7,0

-6,4

-5,7

-5,0

-4,2

-3,4

-2,5

-1,6

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tar-Rumanija.

Għalhekk, skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż jinġieb taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG fuq terminu medju. Dan huwa plawżibbli peress li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-dejn ikun projettat li jibqa' taħt is-60 % tal-PDG sal-2041 skont it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(20)

Fuq il-bażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jonqos minn 7,9 % tal-PDG fl-2024 għal 2,5 % tal-PDG fl-2031, jiġifieri l-ewwel sena meta jkun taħt it-3 % tal-PDG. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2031). Barra minn hekk, fl-10 snin ta' wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2041), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikoli 6(b) u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali

(21)

Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ primarju strutturali, kif deskritt fil-pjan, huwa lineari, kif meħtieġ mill-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. B'riżultat ta' dan, l-aġġustament fiskali matul l-ewwel 4 snin tal-pjan huwa proporzjonali għall-isforz ta' aġġustament totali. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan hu konsistenti mal-klawżola ta' salvagwardja ta' ebda posponiment kif stabbilit fl-Artikolu 6, il-punt (c) u fid-dispożizzjoni tranżizzjonali fl-Artikolu 36(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 4: Żviluppi fil-bilanċ primarju strutturali fil-pjan tar-Rumanija

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG)

-4,1

-5,3

-4,3

-3,3

-2,3

-1,3

-0,3

0,7

1,7

Bidla fil-bilanċ primarju strutturali (punti perċentwali)

mhux applikabbli

1,0

1,0

1,0

1,0

1,0

1,0

1,0

1,0

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tar-Rumanija.

Konsistenza tal-pjan mal-proċedura ta' defiċit eċċessiv

(22)

Il-perkors tan-nefqa netta stabbilit fil-pjan huwa konformi mar-rekwiżiti skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv (b'mod partikolari mal-aġġustament strutturali annwali minimu stabbilit fl-Artikolu 3(4), it-tielet subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97).

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

(23)

Ir-rekwiżit tal-parti preventiva stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 rigward is-salvagwardja tar-reżiljenza għad-defiċit, li għandu l-għan li jipprovdi marġni komuni relatat mal-valur referenzjali tad-defiċit ta' 3 % tal-PDG, ma japplikax għar-Rumanija, peress li d-defiċit huwa ppjanat li jinġieb biss taħt it-3 % tal-PDG fl-aħħar sena tal-perjodu ta' aġġustament.

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn

(24)

Skont il-pjan, id-dejn tal-gvern ser ikun bejn 60 % u 90 % tal-PDG bejn l-2027 u l-2031. Madankollu, peress li skont il-pjan, id-defiċit tal-gvern ser ikun inqas minn 3 % tal-PDG fl-2031, li jirriżulta fi tħassir tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fis-sena wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, is-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn ma tapplikax matul il-perjodu kopert mill-pjan.

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(25)

Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet li jvarjaw mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni mibgħuta lir-Rumanija fil-21 ta' Ġunju. B'mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal ħames varjabbli, jiġifieri l-punt tat-tluq (bilanċ primarju strutturali fl-2024), it-tkabbir tal-PDG potenzjali u reali, it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG u jqis id-deprezzament preżunt tal-munita nazzjonali. Valutazzjoni ta' dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija pprovduta hawn taħt. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma' valutazzjoni ta' kull differenza kkunsidrata b'mod iżolat.

—

Il-pjan jassumi pożizzjoni inizjali agħar meta mqabbel mas-suppożizzjoni tal-Kummissjoni. Il-bilanċ primarju strutturali kien -4,4 % tal-PDG fil-gwida preċedenti mibgħuta lir-Rumanija f'Ġunju 2024 u huwa -5,3 % tal-PDG fil-pjan. Il-bilanċ primarju strutturali aktar baxx fil-pjan jirrifletti nfiq tal-gvern ogħla fl-ewwel tliet trimestri tas-sena, xprunat minn żidiet rapidi fil-pagi pubbliċi, fin-nefqa kapitali u fit-trasferimenti soċjali. Il-projezzjoni tal-bilanċ primarju tal-2024 fil-pjan hija qrib ħafna ta' dik tat-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni u hija realistika. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq. Din tikkontribwixxi għal tkabbir medju tan-nefqa netta aktar baxx matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.

—

Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali huwa aktar baxx fl-2024 u ogħla fl-2026–2028 meta mqabbel mal-gwida preċedenti ta' Ġunju 2024. B'mod ġenerali, is-serje hija stabbli b'mod simili għal dawk fil-gwida preċedenti. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan minn dak indikat fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-possibbiltà li jintużaw suppożizzjonijiet alternattivi ta' tkabbir potenzjali hija konformi mal-Artikolu 36(1)(f) tar-Regolament (UE) 2024/1263, dment li t-tkabbir kumulattiv matul il-perjodu ta' projezzjoni (jiġifieri sal-2041) ikun ġeneralment konformi mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, li huwa l-każ fil-pjan. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.

—

Il-pjan jassumi tkabbir tad-deflatur tal-PDG għall-2025 aktar baxx meta mqabbel mal-gwida preċedenti tar-rebbiegħa 2024, li jirriżulta f'rati ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG aktar baxxi matul il-perjodu ta' aġġustament bl-użu tar-regola ta' konverġenza lineari fuq terminu medju li tibda minn dak il-livell aktar baxx. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju aktar baxx fin-nefqa netta matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Din is-suppożizzjoni hija kawta u għalhekk debitament ġustifikata.

—

Il-Pjan iqis b'mod adegwat is-suppożizzjoni tiegħu ta' rata tal-kambju tar-RON deprezzabbli meta mqabbla mal-EUR fit-trajettorja tad-dejn. Din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq u tikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta aktar baxx matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.

Id-differenza li jifdal fis-suppożizzjonijiet ma għandhiex impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. B'mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħuda flimkien iwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta fil-pjan li huwa aktar baxx mit-trajettorja referenzjarja. Il-Kummissjoni ser tqis il-valutazzjoni ta' hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f'valutazzjonijiet futuri tal-konformità ma' din ir-rakkomandazzjoni.

Strateġija fiskali fil-pjan

(26)

Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta ser jitwettqu prinċipalment permezz ta' trażżin fl-infiq. Il-proporzjon tan-nefqa primarja tal-gvern mal-PDG hu pprojettat li jonqos minn 40,6 % fl-2024 għal 34,6 % fl-2031, jiġifieri, 6 punti perċentwali fuq 7 snin. Il-kategoriji kollha tan-nefqa huma pprojettati li jonqsu bħala sehem mill-PDG. Dan l-impenn huwa appoġġat sa ċertu punt mir-riformi tan-nefqa ppreżentati fil-pjan (rieżamijiet tan-nefqa, riformi tal-pensjonijiet, riforma tal-governanza tal-intrapriżi tal-Istat) iżda ser ikunu meħtieġa implimentazzjoni rigoruża u miżuri addizzjonali relatati ma' dawk inklużi fil-pjan biex jintlaħqu l-miri. L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta' politika għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali.

(27)

Fl-istess ħin, hemm riskji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan. Il-biċċa l-kbira ta' dawn l-impenji ser ikollhom jiġu implimentati minn gvern ġdid. Barra minn hekk, fl-20 ta' Novembru 2024, il-Ministru għax-Xogħol u s-Solidarjetà Soċjali ħabbar żieda ta' 12,1 % fil-valur tal-punt ta' referenza għall-pensjonijiet. Din it-tħabbira timplika żieda ħafna akbar (madwar 1 % tal-PDG) fil-pensjonijiet milli jidher li huwa preżunt fil-pjan, jiġifieri ffriżar nominali fil-pensjonijiet fl-2025.

Sett ta' impenji ta' riforma u investiment fil-pjan biex jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali

(28)

Fil-pjan, ir-Rumanija tintrabat ma' sett ta' riformi u investimenti li għandhom l-għan li jtejbu t-tkabbir potenzjali u s-sostenibbiltà fiskali, biex jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali minn 4 għal 7 snin. Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament huwa magħmul minn diversi impenji mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP, Recovery and Resilience Plan); xi impenji mill-RRP bi speċifikazzjonijiet addizzjonali; kif ukoll xi riformi ġodda. Dan jinkludi l-miżuri li ġejjin (ara wkoll l-Anness II):

—

Riforma tal-pensjonijiet u riforma tal-pensjonijiet speċjali. Dawn iż-żewġ riformi huma miżuri eżistenti tal-RRP u jikkorrispondu għall-istadji importanti 213, 214, u 215 fir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi tal-RRP tar-Rumanija li diġà ġew adottati. L-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn ir-riformi tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għas-sostenibbiltà fiskali, iżda l-biċċa l-kbira tal-impatt ser jimmaterjalizza fuq perjodu twil. Ir-riforma tal-pensjonijiet speċjali tipprevedi allinjament gradwali tal-proporzjonijiet ta' sostituzzjoni tal-pensjonanti speċjali ma' dak prevalenti fis-sistema ġenerali. Ir-riforma tal-pensjonijiet tinvolvi reviżjoni sħiħa tas-sistema, b'kalkolu mill-ġdid tal-pensjonijiet kollha b'mod li jirrifletti aħjar il-prinċipju kontributorju. Ir-riforma tinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jħeġġu ħajja tax-xogħol itwal: din tipprovdi punti bonus għal perjodi ta' kontribuzzjoni twal u torbot l-età statutorja tal-irtirar mal-iżviluppi fl-istennija tal-għomor. L-impatt fiskali ta' dawn ir-riformi ġie kkwantifikat mill-Bank Dinji.

—

Riforma tal-paga minima. Dan l-impenn ta' riforma huwa addizzjonali għall-istadju importanti 392 tal-RRP li jiżgura l-iffissar tal-paga minima u jintroduċi sistema ġdida għall-iffissar tal-paga minima grossa, ibbażata fuq ir-rati tat-tkabbir tal-inflazzjoni u tal-produttività pprojettata minn istituzzjoni indipendenti, filwaqt li jiżgura li l-paga minima tibqa' f'ċerta medda meta mqabbla mal-paga medja. Ir-riforma għandha l-għan li ttejjeb il-prevedibbiltà tal-aġġornamenti tal-paga minima, u tappoġġa l-evitar ta' żidiet ad hoc b'impatt negattiv potenzjali fuq il-kompetittività tal-kostijiet. Ir-riforma ser tiġi implimentata fl-2025 u hija mistennija li tiġġenera dħul addizzjonali li ser ikun jiswa 0,1 % tal-PDG.

—

Riforma tas-sistema ta' remunerazzjoni tas-settur pubbliku. L-impenn ta' riforma huwa addizzjonali għall-istadju importanti 420 tal-RRP tar-Rumanija dwar l-iżvilupp ta' sistema ta' paga unitarja ġusta fis-settur pubbliku. L-objettiv tar-riforma huwa li tiġi żgurata politika tal-pagi ġusta u sostenibbli b'mod fiskali billi jiġu riveduti koeffiċjenti tal-ikklassifikar għal kull familja okkupazzjonali, skali tas-salarju għall-uffiċjali tal-gvern lokali, u limiti massimi tal-bonusijiet għal 20 % tas-salarju bażiku. Il-pjan jisħaq fuq il-ħtieġa li r-riforma tkun kompatibbli mas-sostenibbiltà fiskali, li għandha tiġi implimentata filwaqt li tirrispetta l-pakkett għall-kumpens totali tas-settur pubbliku inkluż fil-pjan, u d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar ir-responsabbiltà fiskali. Ir-riforma ser tiġi implimentata biss meta d-defiċit tal-gvern jitnaqqas għal anqas minn 5,0 % tal-PDG.

—

Riforma tat-tassazzjoni tal-mikrointrapriżi. Il-pjan jirreferi għall-istadju importanti 206 tal-RRP Rumen dwar ir-rieżami tal-qafas tat-taxxa. Dan jiġbor fil-qosor il-miżuri li diġà ttieħdu, li qegħdin jiġu rieżaminati fil-kuntest tat-tielet talba għall-pagament. L-objettiv ewlieni tar-riforma huwa li tnaqqas l-ambitu tar-reġim tal-mikrointrapriżi billi tagħmel il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà aktar stretti, filwaqt li żżomm is-sistema sempliċi kemm jista' jkun. Diġà ttieħdu xi miżuri fl-2022 u fl-2023, u l-pjan jispjega li l-passi li jifdal ser jibdew jiġu introdotti gradwalment mill-2025. Il-pjan jistma li din ir-riforma ser tiġġenera 0,1 % tad-dħul addizzjonali tal-PDG għall-gvern. Jista' jiġi ġġenerat dħul addizzjonali jekk ir-riforma tkun tikkonsisti fi tnaqqis deċiżiv tal-livell limitu tal-eliġibbiltà għar-reġim tat-taxxa tal-mikrointrapriżi, u allinjament mal-livell limitu tal-VAT. Dan iżomm is-sistema sempliċi u jagħmel l-amministrazzjoni tagħha aktar faċli.

—

Riforma tat-taxxa. Din hija miżura eżistenti tal-RRP u tikkonċerna l-istadji importanti 205, 207, 208 dwar ir-rieżami tal-qafas tat-taxxa, kif ukoll l-istadju importanti 237 dwar l-iżvilupp ta' mudell ta' valwazzjoni tal-proprjetà awtomatiku. Id-deskrizzjoni tal-objettivi ewlenin tar-riforma hija konformi ma' dik tal-RRP (aktar ġustizzja, sempliċità u prevedibbiltà tas-sistema tat-taxxa, inċentivi aħjar). Ir-riforma timmira lejn żieda fid-dħul tal-gvern ta' 1,1 % tal-PDG fl-2025, nett mill-impatt taż-żieda fil-porzjon tal-pensjonijiet bla taxxa (li huwa ekwivalenti għal tnaqqis fit-taxxa li jiswa 0,2 % tal-PDG). Sabiex tintlaħaq din il-mira, ser ikun hemm bżonn li jiġu implimentati miżuri ġodda sa tmiem l-ewwel trimestru tal-2025, li jirriżulta f'żieda ta' sena sħiħa fid-dħul tal-gvern b'1,7 % tal-PDG. Dawn il-miżuri għadhom mhumiex speċifikati iżda l-pjan jiddeskrivi proċess li jwassal għall-implimentazzjoni tar-riforma u jsemmi li l-oqsma kollha tat-tassazzjoni jistgħu jkunu soġġetti għal riforma.

—

Riforma tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Din ir-riforma tibni fuq l-impenji fl-istadji importanti 225 u 226 dwar it-titjib tat-taxxa u tal-proċessi tal-amministrazzjoni tat-taxxa. L-objettiv ewlieni tar-riforma huwa li żżid l-effiċjenza u l-kapaċità amministrattiva tal-ANAF (Agenția Națională de Administrare Fiscală), l-aġenzija tal-amministrazzjoni tat-taxxa, billi tingrana l-għodod diġitali u timplimenta mekkaniżmi ta' monitoraġġ aktar stretti. Dan jinkludi diversi miżuri, b'mod partikolari: l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' detezzjoni bikrija tal-frodi tal-VAT; l-introduzzjoni ta' għodod analitiċi biex tiġi indirizzata d-diskrepanza tal-VAT; monitoraġġ akbar tal-konformità diġitali; l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' kontroll tal-ippjanar tat-taxxa għal kontribwenti kbar u ta' daqs medju; l-integrazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-bażijiet tad-data interni; u l-emendar tal-leġiżlazzjoni dwar l-insolvenza biex jiġi żgurat kontroll akbar fuq is-sitwazzjonijiet tal-kumpaniji li jiddikjaraw lilhom infushom insolventi. L-impatt ta' din ir-riforma huwa stmat fil-pjan għal 0,5 % tal-PDG matul il-perjodu ta' 7 snin, li jidher li huwa plawżibbli.

—

Riforma tas-sistema tan-nefqa pubblika. Din ir-riforma hija addizzjonali għall-impenji fl-istadju importanti 202 dwar it-titjib tal-mekkaniżmu ta' programmazzjoni baġitarja, l-istadju importanti 234 dwar it-titjib tal-mekkaniżmu ta' programmazzjoni baġitarja, u l-istadju importanti 392 dwar l-iżgurar tal-iffissar tal-paga minima, kif ukoll il-mira 403 dwar it-tisħiħ tal-prevedibbiltà u l-effiċjenza tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-gvern. Ir-riforma għandha l-għan li żżid l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fiskali fl-użu tal-fondi pubbliċi. Din tinkludi miżuri għall-kontroll ta' kostijiet żejda mhux ġustifikati, l-implimentazzjoni ta' valutazzjonijiet sistematiċi tan-nefqa (rieżamijiet tal-infiq) u l-espansjoni tal-akkwist ċentralizzat. L-RRP u l-pjan, meta jittieħdu flimkien, jinkludu diversi miżuri biex ir-rieżamijiet tan-nefqa jiġu allinjati mal-aħjar prattika internazzjonali: it-titjib tas-sjieda tal-gvern u tal-impenn politiku għall-proċess, il-kiri ta' persunal kompetenti biex iwettaq ir-rieżamijiet, l-inklużjoni ta' miri ta' ffrankar kwantifikati, it-titjib tal-istruttura ta' governanza, u l-integrazzjoni aħjar tar-rieżamijiet mal-proċess baġitarju. Skont il-pjan, din ir-riforma hija stmata li tiġġenera ffrankar permanenti li jammonta għal 0,35 % tal-PDG, li jidher li huwa plawżibbli.

—

Riforma tas-sistema ta' finanzjament għan-negozji. Din hija miżura ġdida lil hinn minn dawk fl-RRP Rumen u għandha l-għan li tappoġġa l-ambjent tan-negozju, b'mod partikolari l-industrija tal-manifattura u l-SMEs (Small and Medium-sized Enterprises), u li toħloq mekkaniżmi ta' finanzjament tal-ekwità privata “li huma orjentati lejn il-prestazzjoni ekonomika”. Ir-riforma tipprevedi, b'mod partikolari, l-istabbiliment ta' Fond ta' Investiment għall-appoġġ tan-negozju tal-ekwità privata għall-SMEs, qafas legali ġdid biex jappoġġa investimenti strateġiċi fl-ekonomija għall-industrija tal-manifattura, u qafas legali ġdid biex jingħataw għotjiet bi skop speċjali lill-industrija tal-manifattura. L-impatt tar-riforma mhuwiex kwantifikat, iżda jista' jkun mistenni li jikkontribwixxi b'mod pożittiv, għalkemm marġinalment, għat-tkabbir potenzjali.

—

Riforma tas-sistema tan-nefqa tal-operaturi ekonomiċi tal-Istat/lokali (intrapriżi tal-Istat, SOEs (State-Owned Enterprises). Din ir-riforma hija miżura ġdida lil hinn minn dawk deskritti fl-RRP. L-għan ta' din ir-riforma huwa li tiġġenera ffrankar fl-SOEs kollha, permezz ta' titjib fl-effiċjenza u responsabbiltà akbar fid-deċiżjonijiet tal-infiq. Din ir-riforma tinkludi diversi miżuri, bħall-introduzzjoni ta' regoli dwar l-infiq u prattiki ġodda għall-ġestjoni aħjar tal-infiq kapitali, biex b'hekk tmur fid-direzzjoni t-tajba. Id-dħul addizzjonali potenzjali huwa stmat fil-pjan għal 0,25 % tal-PDG għall-perjodu kollu tal-pjan, li skont il-Kummissjoni jidher ambizzjuż.

(29)

F'konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, kull riforma u investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament hija dettaljata biżżejjed, frontloaded, marbuta biż-żmien u verifikabbli.

(30)

L-impenji tal-RRP li jirfdu l-estensjoni fihom riformi u investimenti sinifikanti mmirati lejn it-titjib tas-sostenibbiltà fiskali u t-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija. Barra minn hekk, ir-Rumanija timpenja ruħha li tkompli l-isforz ta' riforma matul il-perjodu kopert mill-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju u li żżomm il-livelli ta' investiment iffinanzjati fil-livell nazzjonali realizzati matul il-perjodu kopert mill-RRP (ara hawn taħt, it-Tabella 5). L-impenn ser jiġi mmonitorjat matul il-fażi ta' implimentazzjoni tal-pjan. Għaldaqstant, l-impenji skont l-RRP jistgħu jitqiesu għall-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament kif previst mill-Artikolu 36(1), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(31)

Is-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu l-estensjoni huwa mistenni li jtejjeb il-potenzjal tat-tkabbir u tar-reżiljenza tal-ekonomija tar-Rumanija b'mod sostenibbli kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-pjan ma jipprovdix stimi kwantifikati tal-impatt tar-riformi u l-investimenti fuq it-tkabbir potenzjali. Madankollu, ir-riformi fil-pensjonijiet (is-sistema ġenerali u l-pensjonijiet speċjali) jenħtieġ li maż-żmien jikkontribwixxu għal forza tax-xogħol akbar meta mqabbla max-xenarju ta' nuqqas ta' riforma u għalhekk iżidu l-PDG potenzjali. Barra minn hekk, il-pjan jipprevedi żieda kbira fl-investiment pubbliku, speċjalment fis-snin bikrin tal-perjodu kopert mill-pjan, minn 5,4 % tal-PDG fl-2023 għal 7,1 % fl-2025 u 7,3 % fl-2026. Dawn l-investimenti, fl-oqsma kollha inkluża l-infrastruttura ewlenija, ser jgħinu biex jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir u r-reżiljenza tal-ekonomija. Ir-rieżamijiet tal-infiq jenħtieġ li jgħinu wkoll fir-riallokazzjoni tar-riżorsi fil-baġit lejn prijoritajiet li jsaħħu t-tkabbir.

(32)

Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni huwa mistenni li jappoġġa s-sostenibbiltà fiskali kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Ir-riformi relatati man-naħa tad-dħul tal-baġit ser jiġġeneraw dħul addizzjonali sinifikanti għall-gvern. L-effett kumulattiv tar-riforma tat-taxxa, ir-riforma tal-amministrazzjoni tat-taxxa, u r-riforma tar-reġim tat-taxxa għall-mikrointrapriżi jenħtieġ li, meta jiġu implimentati bis-sħiħ, irendu dħul addizzjonali ta' madwar 2,0 % sa 2,5 % tal-PDG. Min-naħa tan-nefqa, ir-riformi mmirati lejn it-tisħiħ tar-rieżamijiet tal-infiq u l-ġestjoni tal-operaturi ekonomiċi tal-Istat/lokali (SOEs) huma mistennija li jiġġeneraw iffrankar ta' bejn 0,5 % u 1,0 % tal-PDG, anke jekk xi wħud mill-istimi fil-pjan jidhru għoljin. Barra minn hekk, il-liġi dwar il-paga unitarja għall-impjegati tas-settur pubbliku, jekk tiġi implimentata fil-pakkett previst fil-pjan, jenħtieġ li tippermetti tnaqqis sinifikanti tal-kont tal-pagi tas-settur pubbliku bħala sehem tal-PDG b'1,5 % tal-PDG bejn l-2024 u l-2031 skont il-pjan. Fl-aħħar, ir-riformi tal-pensjonijiet (is-sistema ġenerali u l-pensjonijiet speċjali) diġà ser jiġġeneraw tfaddil sa tmiem il-perjodu ta' 7 snin kopert mill-pjan, iżda l-biċċa l-kbira tat-tfaddil ser jimmaterjalizza fuq terminu itwal.

(33)

Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jikkontribwixxi għall-prijoritajiet komuni tal-UE kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-biċċa l-kbira tar-riformi li jirfdu t-talba għal estensjoni jikkontribwixxu għar-reżiljenza soċjali u ekonomika, billi jiżguraw l-istabbiltà fiskali, itejbu l-effiċjenza tas-settur pubbliku u jippromwovu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli. L-impenji fil-qasam tat-titjib tal-amministrazzjoni tat-taxxa u l-implimentazzjoni ta' rieżamijiet tal-infiq bir-reqqa jenħtieġ li maż-żmien jippermettu r-riallokazzjoni tar-riżorsi lejn prijoritajiet li jiffavorixxu l-prestazzjoni ekonomika u t-titjib soċjali. Ir-riforma tal-mekkaniżmu għall-iffissar tal-paga minima jenħtieġ li tiżgura livell xieraq għall-paga minima li jirrispetta l-prijoritajiet soċjali u ekonomiċi. Ir-riformi tal-pensjonijiet (is-sistema ġenerali u l-pensjonijiet speċjali) ser jiżguraw is-sostenibbiltà tas-sistema u jżidu l-ekwità u l-ġustizzja fil-livell tal-pensjonijiet. Fl-aħħar, it-titjib fid-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa jenħtieġ li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni diġitali. Il-prijoritajiet komuni l-oħrajn tal-UE, jiġifieri l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża, mhumiex indirizzati direttament mis-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni, għalkemm din tal-ewwel hija indirizzata fl-RRP tar-Rumanija.

(34)

Is-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jindirizza wħud mis-CSRs rilevanti (12) maħruġa bħala parti mis-Semestru Ewropew kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/1263. B'mod partikolari, ir-riformi huma mistennija jikkontribwixxu għas-CSR li nħarġet fl-2023 dwar l-indirizzar tar-rakkomandazzjoni fiskali li titlob lir-Rumanija tikkoreġi d-defiċit eċċessiv tagħha u tindirizza l-iżbilanċi eċċessivi. Fix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-pjan, id-defiċit tal-kont kurrenti hu pprojettat li jonqos minn 7,7 % tal-PDG fl-2024 għal 4,1 % tal-PDG fl-2031. Il-biċċa l-kbira tal-impatt ġej mit-tnaqqis fid-defiċit tal-gvern, li huwa appoġġat mir-riformi li jirfdu t-talba għal perkors ta' aġġustament estiż. It-tkabbir aktar bil-mod fl-infiq tal-gvern u fil-politiki tal-introjtu prudenti (żidiet moderati fil-pensjonijiet u fil-pagi pubbliċi, riforma tal-paga minima) huma mistennija li jappoġġaw il-kompetittività.

(35)

Ir-riforma tal-paga minima u r-riforma tal-pensjonijiet huma mistennija jgħinu biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tas-CSR mill-2019 dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat l-iffissar tal-paga minima abbażi ta' kriterji oġġettivi, konsistenti mal-ħolqien tal-impjiegi u mal-kompetittività. Ir-riformi dwar ir-ristrutturar tas-sistema tan-nefqa pubblika (rieżamijiet tal-infiq) u r-riforma tas-sistema tal-pagi tas-settur pubbliku huma mistennija li jgħinu biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tas-CSR mill-2019 u l-2020 dwar il-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza tal-akkwist pubbliku u l-kwalità u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika. Barra minn hekk, ir-riforma tal-pensjonijiet u r-riforma tal-pensjonijiet speċjali ser jgħinu fl-indirizzar tas-CSR li nħarġet fl-2019 dwar l-iżgurar tas-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi u l-vijabbiltà fit-tul tal-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru, filwaqt li r-riforma tat-taxxa u r-riforma tal-amministrazzjoni tat-taxxa ser jikkontribwixxu biex jindirizzaw is-CSRs mill-2019 u 2020 dwar l-iżgurar tas-sostenibbiltà fiskali u t-tisħiħ tal-konformità mat-taxxa u l-ġbir tat-taxxa. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament għandhom jgħinu wkoll biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tas-CSR mill-2022 u l-2023 dwar it-twettiq ta' politiki fiskali bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern.

(36)

Il-pjan jiżgura li l-livell ġenerali ppjanat ta' investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment realizzat bħala medja matul il-perjodu kopert mill-RRP jinżamm, kif meħtieġ mill-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 5: Investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali skont il-pjan (% tal-PDG)

Livell medju matul il-perjodu kopert mill-RRP (2021 sa 2026)

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Medja matul id-durata tal-pjan (2025–2028)

4,1

5,3

5,6

4,8

4,3

4,1

3,6

3,2

5,0

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tar-Rumanija.

(37)

Fl-aħħar nett, is-sett ta' impenji ta' riforma u investiment li jirfdu estensjoni jista' jitqies bħala konsistenti mal-impenji fl-RRP u l-Ftehim ta' Sħubija miftiehma skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Jiġifieri, f'konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, kull impenn huwa mistenni li jopera b'mod kontinwu u kumplimentari mal-RRP jew mal-Ftehim ta' Sħubija tal-politika ta' koeżjoni Ewropea tar-Rumanija, u li jirrispondi għas-CSRs, u għal prijorità komuni waħda jew aktar tal-UE.

(38)

Bħala konklużjoni, is-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament huwa vvalutat bħala li jissodisfa, meħuda flimkien, il-kriterji fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1263. B'riżultat ta' dan, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż minn 4 sa 7 snin, kif ippreżentat fil-pjan.

Intenzjonijiet oħrajn ta' riforma u ta' investiment fil-pjan li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(39)

Minbarra s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw investimenti oħrajn biex jirrispondu għal xi wħud mill-isfidi identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, inklużi dawk li jappartjenu għall-MIP, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE.

(40)

Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, li tinkludi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi riformi u investiment biex tiġi appoġġata d-dekarbonizzazzjoni ta' industriji kbar (azzar u sustanzi kimiċi), permezz tal-elettrifikazzjoni tal-proċessi ta' produzzjoni u l-bidla għall-użu ta' idroġenu rinnovabbli jew fjuwils tal-idroġenu rinnovabbli. Il-baġit totali tal-iskema huwa ta' EUR 1 biljun, b'pagamenti li għandhom isiru fil-perjodu 2025-2031. Il-finanzjament ta' din l-iskema għandu jinkiseb permezz tal-bejgħ ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (kwoti tas-CO2). Il-pjan jinkludi wkoll programm ta' investiment għar-riabilitazzjoni tal-infrastruttura tal-irrigazzjoni (EUR 2,3 biljun) u tal-infrastruttura tad-drenaġġ (EUR 34 miljun) ewlenin. Dawn il-miżuri ser jgħinu biex jiġu indirizzati s-CSRs li nħarġu fl-2022 u fl-2023 relatati mal-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u li titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija, billi l-enerġija rinnovabbli tiġi implimentata aktar malajr u billi titjieb il-kapaċità tal-grilja biex tkun tista' topera kapaċità ġdida fis-suq. L-aspetti relatati mal-ekwità tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali mhumiex deskritti fil-pjan.

(41)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi skema ġdida ta' Appoġġ mill-Istat għall-investimenti biex jappoġġaw l-iżvilupp reġjonali, permezz ta' proġetti ta' investiment fuq skala kbira mmirati lejn setturi ta' livell għoli u l-appoġġ għad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi fir-reġjuni li huma anqas favoriti. Il-baġit totali allokat huwa ta' EUR 450 miljun. Il-pjan jinkludi wkoll skema ta' għajnuna mill-Istat għal investimenti strateġiċi, b'għotjiet, ħelsien mit-taxxa u miżuri ta' simplifikazzjoni amministrattiva (it-tqassir tal-iskadenzi għall-permessi, l-għoti dirett ta' art għall-implimentazzjoni ta' investimenti fid-dominju pubbliku jew privat li huwa proprjetà tal-awtoritajiet pubbliċi statali/lokali, il-forniment ta' infrastruttura tat-trasport u l-utilitajiet meħtieġa għall-investimenti). Il-baġit totali tal-iskema huwa ta' EUR 1 biljun, b'pagamenti li għandhom isiru fil-perjodu 2025–2031. Is-setturi li ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema huma: l-industrija tal-ikel, l-industrija kimika, l-industrija farmaċewtika, l-industrija metallurġika, l-industrija tad-difiża, l-industrija tal-kostruzzjoni tal-metall, il-kostruzzjoni ta' makkinarju u installazzjonijiet, il-manifattura ta' makkinarju u tagħmir, u t-tagħmir elettriku. Dawn il-miżuri ser jgħinu biex jindirizzaw is-CSR dwar l-għoti ta' appoġġ ta' likwidità lill-ekonomija għan-negozji li nħareġ fl-2020.

(42)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan isemmi l-parteċipazzjoni tar-Rumanija f'inizjattivi tal-infrastruttura tranżnazzjonali tat-trasport tal-enerġija mmirati lejn iż-żieda tas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa, inkluż il-Kuritur tan-Nofsinhar, il-Kuritur BRUA (il-Bulgarija - ir-Rumanija - l-Ungerija - l-Awstrija), u l-Kuritur Trans-Balkan.

(43)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet tad-difiża, il-pjan jirreferi għal inizjattivi ġodda biex jiġi regolat il-qafas legali ġenerali għall-għoti ta' faċilitajiet għal investimenti b'impatt sinifikanti fil-qasam tal-manifattura. Waħda minn dawn il-faċilitajiet hija skema ta' għajnuna mill-Istat li għandha l-għan li tkopri, fost l-oħrajn, l-industrija tad-difiża.

(44)

Il-pjan jipprovdi xi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u l-RRP tar-Rumanija u l-benefiċċji tagħhom għar-Rumanija, u jisħaq fuq il-komplementarjetà bejn il-fondi nazzjonali u dawk Ewropej, speċjalment rigward proġetti ta' infrastruttura u żvilupp rurali maġġuri, u li s-suċċess tal-użu tal-fondi Ewropej jiddependi fuq il-ġestjoni effiċjenti tal-fondi Ewropej u l-fondi allokati permezz tal-baġit ġenerali kkonsolidat tar-Rumanija.

(45)

Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku tar-Rumanija relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Fir-rigward ta' tranżizzjoni ġusta, ekoloġika u diġitali, il-pjan jirreferi għall-iskema ta' għajnuna għad-dekarbonizzazzjoni tal-proċessi ta' produzzjoni industrijali permezz tal-elettrifikazzjoni tal-proċessi ta' produzzjoni u l-bidla għall-użu tal-idroġenu rinnovabbli jew tal-fjuwils tal-idroġenu rinnovabbli. Fir-rigward tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jirrapporta b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġi implimentat programm ta' investiment għar-riabilitazzjoni tal-infrastruttura tal-irrigazzjoni ewlenija, l-iskema ta' għajnuna mill-Istat biex tappoġġa proġetti ta' investiment fis-settur tal-manifattura, u investimenti biex jiġi żgurat l-iżvilupp reġjonali inklużi proġetti ta' investiment fuq skala kbira. Dwar l-akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet tad-difiża, il-pjan jirrapporta l-ħtieġa li tiġi implimentata bis-sħiħ l-iskema ta' għajnuna mill-Istat għal investimenti strateġiċi, b'għotjiet, ħelsien mit-taxxa u forom oħrajn ta' appoġġ, li ser jappoġġaw lis-settur tad-difiża, fost l-oħrajn.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(46)

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tar-Rumanija jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL

(47)

Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tar-Rumanija u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(48)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

(49)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet tad-difiża.

(50)

Il-Kunsill jistenna li r-Rumanija tkun lesta taġġusta l-istrateġija fiskali tagħha kif meħtieġ biex tiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħha. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan.

(51)

Il-Kunsill iqis li aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet ta' sorveljanza annwali tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta huma meħtieġa fil-ħin għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali.

(52)

Il-Kunsill japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u investiment ippreżentati mir-Rumanija fil-pjan fuq terminu medju tagħha li jirfed l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament u jilqa' l-isforzi biex jiġi kkwantifikat l-impatt fuq it-tkabbir u s-sostenibbiltà fiskali. Il-Kunsill jaqbel mal-Kummissjoni li s-sett ta' impenji ta' riforma u investimenti ppreżentati mir-Rumanija jiġġustifikaw estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament minn 4 għal 7 snin. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li tindika l-issodisfar, meħuda flimkien, tal-kriterji fl-Artikolu 14, b'kont meħud ukoll tad-dispożizzjoni tranżizzjonali tal-Artikolu 36, il-punt (1d), tar-Regolament (UE) 2024/1263 mis-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li tindika li l-impenji ta' riforma u investiment huma mistennija jtejbu l-potenzjal tat-tkabbir u r-reżiljenza tal-ekonomija b'mod sostenibbli u jappoġġaw is-sostenibbiltà fiskali. Il-Kunsill jirrakkomanda li r-Rumanija timplimenta bis-sħiħ is-sett ta' impenji ta' riformi u investimenti biex tippreserva l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament.

(53)

Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment, minbarra l-valutazzjoni tas-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(54)

Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali mir-Rumanija li għandhom jinkludu, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti usa' fil-kuntest tas-Semestru Ewropew kif ukoll l-implimentazzjoni tas-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament.

(55)

F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lir-Rumanija, u għandu jiġi approvat is-sett ta' riformi u ta' investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament għal 7 snin.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li r-Rumanija:

1.

Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

2.

Timplimenta s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali għal 7 snin, kif stabbilit fl-Anness II ta' din ir-Rakkomandazzjoni, sal-iskadenzi indikati.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).

(4)  In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(5)  Gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi trajettorji mingħajr u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri 4 u 7 snin, rispettivament). Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkolata abbażi tal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainability Monitor 2023 tal-Kummissjoni (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Din hija bbażata fuq it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill 2024 Ageing Report(https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).

(6)   https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#romania.

(7)  Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv tar-Rumanija jinsabu hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/corrective-arm-excessive-deficit-procedure/excessive-deficit-procedures-overview/romania_en.

(8)  ĠU L, 1.8.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dec/2024/2130/oj.

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fir-Rumanija, 26.11.2024, COM(2024) 957 final.

(10)   “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment”, COM (2024) 600 final, Appendiċi 4.

(11)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tar-Rumanija.

(12)  CSRs meqjusa “rilevanti” huma rakkomandazzjonijiet: i) adottati mill-Kunsill mill-2019 'il quddiem, ii) li għalihom l-Istat Membru jkun għadu ma għamilx progress “sħiħ” jew “sostanzjali” fl-indirizzar tagħhom u ma jkunux skaduti (ivvalutati bħala “Mhux Ivvalutati / L-ebda Input x'Jiżdied”), kif ivvalutat fl-aħħar eżerċizzju ta' sorveljanza tas-Semestru Ewropew (disponibbli fuq CeSaR (europa.eu)), iii) mhux marbuta ma' PST purament fiskali u iv) li ma jkoprux l-istess sfida iżda b'mod riformulat.


ANNESS I

Rati massimi ta' tkabbir nominali tan-nefqa netta

(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)

Ir-Rumanija

Snin

2025

2026

2027

2028

Rati ta' tkabbir (%)

Annwali

5,1

4,9

4,7

4,3

Kumulattiv (*1)

20,2

26,0

31,9

37,6


(*1)  Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi jiġu kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.


ANNESS II

Sett ta' riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament għal 7 snin

Ir-Rumanija

 

Objettivi ewlenin

Deskrizzjoni u twaqqit tal-passi ewlenin (1)

Indikatur(i) ta' monitoraġġ

Riforma tal-Pensjonijiet

(Miżura eżistenti tal-RRP: C8.R6,0.M214)

L-objettiv ewlieni tar-riforma huwa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistema ġenerali tal-pensjonijiet. Ir-riforma tinkludi l-elementi li ġejjin: formula ta' kalkolu ġdida għall-pensjonijiet, regola ġdida ta' indiċjar tal-pensjonijiet u mekkaniżmu għall-prevenzjoni ta' żidiet ad hoc fil-pensjonijiet, tnaqqis fl-opportunitajiet ta' rtirar bikri, inċentivi għall-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol, żieda awtomatika fl-età tal-irtirar standard f'konformità mal-istennija tal-għomor, allinjament tal-età statutorja tal-irtirar għall-irġiel u għan-nisa għal 65 sena sal-2035.

L-att normattiv li jirriforma s-sistema ġenerali tal-pensjonijiet daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2024.

L-istadju importanti C8.R6,0.M214 tal-RRP rilevanti ntlaħaq b'mod sodisfaċenti

L-implimentazzjoni tal-liġi f'konformità mal-Pjan.

Ir-Riforma tal-Pensjonijiet Speċjali (Miżura tal-RRP eżistenti: C8.R6,0.M215)

Il-qafas leġiżlattiv il-ġdid jirrevedi l-pensjonijiet speċjali sabiex jallinjahom aħjar mal-prinċipju kontributorju. Ma tinħoloq l-ebda kategorija ġdida ta' pensjonijiet speċjali, u l-kategoriji eżistenti jiġu simplifikati. Il-pensjonijiet speċjali huma kkalkolati abbażi tal-prinċipju kontributorju, it-tul tas-servizz, u l-aġġustament tal-perċentwal marbut mal-qligħ. Il-perjodu ta' kontribuzzjoni minimu huwa simili għal dak applikat fis-sistema tal-pensjonijiet ġenerali. L-ebda pensjoni speċjali ma tista' taqbeż l-introjtu li wieħed ikun qala' matul il-perjodu tal-kontribuzzjoni.

L-att normattiv li jirrevedi l-pensjonijiet speċjali biex jallinjahom mal-prinċipju kontributorju daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2024.

L-istadju importanti C8.R6,0.M215 tal-RRP rilevanti ntlaħaq b'mod sodisfaċenti

Riforma tal-Paga Minima

[Żieda mal-istadju importanti C13.R5,0.M392 tal-RRP]

L-istabbiliment ta' mekkaniżmu għall-iffissar tal-paga minima bbażat fuq kriterji oġġettivi li jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività nazzjonali, li jinvolvi l-aġġustament tal-paga minima grossa f'konformità mar-rata tal-inflazzjoni u mar-rata tat-tkabbir tal-produttività mbassra.

Jekk il-proporzjon il-ġdid bejn il-paga minima grossa aġġustata u l-paga medja grossa mbassra għas-sena ta' wara jkun anqas minn 45 %, il-paga minima grossa tista' tiġi aġġustata wkoll b'0 % - 50 % tar-rata tat-tkabbir tal-produttività mbassra, iżda l-proporzjon qatt ma għandu jaqbeż il-50 %.

Sal-ewwel trimestru tal-2025:

Id-dħul fis-seħħ tal-att li jirregola s-sistema l-ġdida għall-iffissar tal-paga minima.

Id-dħul fis-seħħ tal-att normattiv

Riforma tal-Pagi fis-Settur Pubbliku

[Żieda mal-istadju importanti C14.R4,0.M420 tal-RRP]

Li tiġi żgurata politika tal-pagi ġusta u sostenibbli billi jiġu riveduti l-koeffiċjenti tal-ġerarkija għal kull familja okkupazzjonali tas-settur pubbliku, jiġu introdotti mill-ġdid it-tabelli tas-salarji għall-uffiċjali tal-amministrazzjoni lokali, tiġi riveduta s-sistema ta' kwoti u l-iffissar ta' limitu massimu tal-ammont monetarju ta' kwoti għal 20 % tas-salarju bażiku.

Li tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali tas-sistema ta' remunerazzjoni tal-uffiċjali tas-settur pubbliku. Għal dan il-għan, ir-riforma ser tidħol fis-seħħ biss wara li d-defiċit baġitarju, f'termini tal-ASE, jaqa' taħt il-5 % tal-PDG (inkluż jekk dan jimplika l-emendar tat-twaqqit ta' din ir-riforma skont l-RRP). Is-sistema l-ġdida ser tiġi implimentata b'rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Fiskali-Baġitarja. Ir-riforma ser tiżgura li l-kont tal-pagi tas-settur pubbliku jibqa' inkluż fil-pakkett fil-pjan strutturali baġitarju fuq terminu medju.

Meta d-defiċit tal-gvern ikun anqas minn 5 % tal-PDG:

Pass 1: L-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-qafas legali l-ġdid għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali pubbliċi, sabiex jiġi żgurat li l-kont tal-pagi tas-settur pubbliku jibqa', bħala sehem tal-PDG, f'konformità jew anqas minn dak inkluż fil-projezzjonijiet tal-pjan fiskali fuq terminu medju.

Pass 2: L-aderenza rigoruża mal-projezzjonijiet tal-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju (MTFSP, Medium-Term Fiscal-Structural Plan) fir-rigward tal-kont tal-pagi tas-settur pubbliku bħala sehem mill-PDG, għas-snin kollha koperti mill-pjan.

Id-dħul fis-seħħ tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid, wara li d-defiċit tal-gvern ikun tnaqqas għal anqas minn 5 % tal-PDG.

It-tnaqqis fil-kont tal-pagi tas-settur pubbliku, bħala sehem tal-PDG, b'1,5  punt perċentwali bejn l-2024 u l-2031, f'konformità mal-projezzjonijiet tal-pjan fiskali fuq terminu medju.

Ir-Riforma tat-Taxxa tal-Mikrointrapriżi

[Żieda mal-istadju importanti u l-mira C8.R4,0.M206 tal-RRP]

It-tnaqqis gradwali tal-ambitu tar-reġim tat-taxxa għall-mikrointrapriżi. Tiġi żgurata konformità sħiħa mal-objettivi tal-istadju importanti 206 tal-RRP, inkluż billi jiġi rrieżaminat il-livell limitu ta' eliġibbiltà għar-reġim (u possibbilment jiġi allinjat mal-livell limitu tal-VAT fuq terminu medju), u tiġi aġġornata r-rata tat-taxxa għall-mikrointrapriżi. Meta mqabbla mas-sistema fis-seħħ bħalissa, ir-riforma tiġġenera dħul addizzjonali ta' mill-inqas 0,1  % tal-PDG fl-2025 u lil hinn.

Sal-ewwel trimestru tal-2025:

It-tħejjija u d-dħul fis-seħħ sa tmiem l-ewwel trimestru tal-2025 ta' liġi li temenda r-reġim tat-tassazzjoni tal-mikrointrapriżi, sabiex dan isir konformi mal-istadju importanti 206 tal-RRP.

Id-dħul fis-seħħ ta' att normattiv li jemenda l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà għar-reġim tat-taxxa għall-mikrointrapriżi, sabiex dan isir konformi mal-istadju importanti 206 tal-RRP u jiġi ġġenerat 0,1  % tal-PDG fi dħul addizzjonali.

Rieżami tal-Qafas tat-Taxxa

[Żieda mal-istadji importanti u mal-miri C8.R4,0.M207, C8.R4,0.M208, C8.I7,0.M237 tal-RRP]

L-implimentazzjoni ta' riforma tat-taxxa li tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni fiskali u tippromwovi inċentivi ekonomiċi aħjar. L-impatt baġitarju tar-riforma fl-2025 għandu jkun mill-inqas 1,1  % tal-PDG, nett mill-impatt taż-żieda tal-livell limitu mhux taxxabbli għad-dħul mill-pensjoni (0,2  % tal-PDG). Għalhekk, il-miżuri l-ġodda għandhom impatt totali ta' 1,3  % tal-PDG fl-2025. Peress li l-miżuri ser jiġu implimentati sa tmiem l-ewwel trimestru tal-2025, l-impatt permanenti ta' sena sħiħa tal-miżuri l-ġodda għandu jkun ta' 1,7  % tal-PDG.

L-operazzjonalizzazzjoni tas-sistema ta' informazzjoni għall-valutazzjoni tal-proprjetajiet soġġetti għat-taxxi fuq il-proprjetà, bil-karatteristiċi li ġejjin:

—

L-interoperabbiltà ta' bażijiet tad-data li jkun fihom informazzjoni dwar il-proprjetajiet miżmuma minn diversi istituzzjonijiet.

—

L-operazzjonalizzazzjoni ta' dipartiment iddedikat fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi.

—

Il-ħolqien ta' Reġistru tal-Prezzijiet tal-Bejgħ tal-Proprjetà għall-proprjetajiet residenzjali, l-iżvilupp ta' mudell ta' valwazzjoni tal-massa għall-proprjetajiet residenzjali.

—

L-istabbiliment ta' mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-valur taxxabbli tal-proprjetà immobbli bl-użu ta' mekkaniżmi ta' valutazzjoni tal-valur fis-suq.

Sal-ewwel trimestru tal-2025:

Pass 1: It-tħejjija ta' Rapport, li jibni fuq ir-rapport tal-Bank Dinji dwar it-tassazzjoni (imħejji skont l-istadju importanti 205 tal-RRP) li jistabbilixxi żewġ xenarji għar-riforma tat-taxxa, b'miżuri speċifikati bis-sħiħ. Il-miżuri għandhom ikopru l-oqsma tat-tassazzjoni u tal-kontribuzzjonijiet soċjali kollha.

Pass 2: L-adozzjoni mill-gvern ta' memorandum li jinkludi miżuri tat-taxxa speċifiċi bbażati fuq ir-rapport imsemmi hawn fuq. Il-miżuri għandhom ikunu konformi mal-istadji importanti 207, 208, u 237 tal-RRP, u mal-objettiv 1 tar-riforma tat-taxxa.

Pass 3: Il-gvern jorganizza dibattitu pubbliku dwar l-emendi għall-Kodiċi Fiskali.

Pass 4: L-implimentazzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-miżuri sa mhux aktar tard mill-1 ta' April 2025.

Sar-raba' trimestru tal-2025:

Pass 5: Kif imsemmi fl-istadju importanti 237 tal-RRP, l-iżvilupp ta' sistema tal-IT biex jiġi implimentat il-mudell awtomatizzat ta' valutazzjoni tal-proprjetà għat-tassazzjoni fuq il-proprjetà immobbli, l-appoġġ għall-approċċ il-ġdid ibbażat fuq il-valur fis-suq, u l-operazzjonalizzazzjoni ta' dipartiment speċjalizzat b'responsabbiltajiet fil-qasam tat-tassazzjoni fuq il-proprjetà.

Pass 1: Rapport mill-awtoritajiet

Pass 2: L-adozzjoni ta' memorandum mill-gvern, f'konformità mal-objettivi ewlenin tar-riforma,

Pass 3: Dibattitu pubbliku mas-settur privat.

Pass 4: Id-dħul fis-seħħ tal-miżuri f'konformità mal-Objettiv 1 tar-riforma.

Pass 5: Rapport mill-awtoritajiet.

Riforma tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa

[Żieda mal-istadji importanti u mal-miri C8.I2,0.M225 C8.I2,0.M226 tal-RRP

C8.I2,0 M226a

C8.I3,0 M227]

L-objettiv ewlieni huwa li tittejjeb l-amministrazzjoni tat-taxxa u li jiġi ġġenerat dħul tal-gvern addizzjonali li jammonta għal mill-inqas 0,5  % tal-PDG fl-2026.

B'mod partikolari, ir-riforma għandha l-għan li:

Ittejjeb l-Unità Kontra l-Frodi tal-ANAF b'għodda ta' monitoraġġ f'ħin reali għall-identifikazzjoni ta' xiri taxxabbli ta' riskju għoli relatat ma' tranżazzjonijiet intrakomunitarji, ta' tranżitu, u domestiċi.

Timplimenta għodod analitiċi u modulu ddedikat kontra l-frodi biex tiġi indirizzata u analizzata d-diskrepanza tal-VAT. Iżżid il-kapaċità tal-identifikazzjoni ta' irregolaritajiet fi ħdan sistemi bħal e-Invoice, SAF-T, e-AMEF, e-DU, e-VAT, DAC-7, u CESOP.

Tespandi l-programm ta' "Analiżi ta' Previżjoni" biex ikopri firxa usa' ta' kontribwenti, u ssaħħaħ l-effiċjenza tal-ispezzjonijiet tat-taxxa għall-VAT u t-taxxa korporattiva fuq l-introjtu.

Tistabbilixxi sistema ta' klassifikazzjoni tar-riskju tal-kontribwenti u l-iżvilupp ta' għodda tal-IT għall-ġestjoni u l-analiżi ta' volumi kbar ta' data għad-determinazzjoni tal-kategoriji tar-riskju tal-kontribwenti.

Timmodernizza u tiżgura l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-amministrazzjoni tal-kontribwenti ma' dawk ta' istituzzjonijiet statali oħrajn biex ittejjeb il-ġestjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa u l-aċċess f'ħin reali għall-assi u t-tranżazzjonijiet. Tfassal mill-ġdid is-sistema ta' informazzjoni biex jitnaqqas id-dewmien fl-awditjar u fl-ispezzjonijiet tat-taxxa.

Temenda l-leġiżlazzjoni dwar l-insolvenza biex jinkiseb kontroll aħjar fuq il-kumpaniji li jiddikjaraw l-insolvenza u titnaqqas id-diskrepanza tal-VAT.

Timplimenta mekkaniżmu ta' pagament awtomatiku biex tiżdied il-konformità volontarja u tintroduċi mekkaniżmi flessibbli għall-bejgħ ta' beni mobbli permezz ta' ċentri tal-bejgħ bl-imnut.

Tistabbilixxi dipartiment speċjalizzat biex iwettaq analiżi tar-riskju bl-użu ta' mudelli, toperazzjonalizza moduli kontra l-frodi, tikkwantifika d-diskrepanza tal-VAT, u ssaħħaħ il-kapaċità tal-ANAF ta' kontra l-evażjoni.

Sal-ewwel trimestru tal-2025 (ir-raba' trimestru tal-2026 għall-APIC):

Pass 1: L-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu ta' detezzjoni bikrija għall-frodi tal-VAT assoċjat max-xiri intrakomunitarju, it-tranżiti, u t-tranżazzjonijiet domestiċi.

Sat-tieni trimestru tal-2025:

Pass 2: L-implimentazzjoni ta' moduli kontra l-frodi għall-analiżi u l-identifikazzjoni ta' tranżazzjonijiet b'suspett ta' frodi karusell (CARUSEL, INDFISC, TRANSPRISC, COMRISC, u RORISC).

Sat-tieni trimestru tal-2025:

Pass 3: It-tlestija ta' seba' proġetti ta' diġitalizzazzjoni, inklużi e-invoice, SAF-T, e-AMEF, e-DU, e-VAT, DAC-7, u CESOP.

Sal-ewwel trimestru tal-2025:

Pass 4: It-tisħiħ tas-sorveljanza tal-mekkaniżmu tal-ippjanar tat-taxxa għal kontribwenti kbar u l-estensjoni ta' dan il-mekkaniżmu għal kontribwenti ta' daqs medju wara l-implimentazzjoni tal-APIC.

Sar-raba' trimestru tal-2025:

Pass 5: L-integrazzjoni u l-konsolidazzjoni ta' bażijiet tad-data; l-iżvilupp ta' sistema ġdida bbażata fuq il-kunċett ta' tfassil ta' profili ta' 360 grad tal-kontribwenti; l-iżgurar tal-interoperabbiltà mas-sistemi ta' informazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Istat.

Sar-raba' trimestru tal-2026:

Pass 6: L-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu ta' ġbir modern li jipprovdi lill-kontribwenti bl-għażla li jagħżlu pagament rikorrenti tal-obbligazzjonijiet ta' taxxa ddikjarati.

Sar-raba' trimestru tal-2025:

Pass 7: L-istabbiliment u l-operazzjonalizzazzjoni ta' struttura speċjalizzata magħmula minn esperti fl-IT, fl-ekonometrija, u fl-analiżi finanzjarja għall-kwantifikazzjoni tar-riskji u tad-diskrepanzi fit-taxxa.

Passi 1-7: Rapporti mill-awtoritajiet.

Il-proporzjon tad-dħul mal-PDG għandu jiżdied b'mill-inqas 0,5  % tal-PDG fl-2026 meta mqabbel mal-2024, nett mill-impatt ta' miżuri ġodda li jinfluwenzaw il-bażijiet għat-taxxa u r-rati tat-taxxa meħuda fl-2025 u fl-2026. Dan ser jiġi vvalutat f'April 2027 abbażi tal-kontijiet nazzjonali.

Ristrutturar tas-Sistema tan-Nefqa Pubblika / Rieżamijiet tan-Nefqa

[Żieda mal-istadji importanti C8.R3.M202, C8.I5,0.M234, C13.R5,0.M392, u C14.R1,0.T403 tal-RRP]

Il-ħolqien ta' bażi tad-data dwar il-kostijiet medji tax-xiri u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' kontroll għall-monitoraġġ u l-indirizzar ta' żidiet mhux ġustifikati fin-nefqa. Din il-bażi tad-data sservi wkoll biex jiġi ċċentralizzat l-akkwist ta' oġġetti u servizzi speċifiċi, jitnaqqsu l-kostijiet u jiġu introdotti normi tan-nefqa għall-istituzzjonijiet pubbliċi.

It-twettiq ta' rieżamijiet tan-nefqa pubblika kull sena, l-istabbiliment ta' miri obbligatorji ta' ffrankar u l-identifikazzjoni ta' miżuri biex dawn jintlaħqu, f'konformità mal-iskeda ta' żmien tal-istrateġija tar-rieżami tan-nefqa.

Titjib fl-effiċjenza tan-nefqa pubblika fuq beni u servizzi standardizzati fl-amministrazzjoni pubblika ċentrali. Fis-sistema tal-kura tas-saħħa, l-implimentazzjoni tal-akkwist ċentralizzat ta' apparati mediċi u materjali konsumabbli għas-sistema ta' emerġenza.

L-aġġornament u l-immodernizzar tas-sistema tal-IT użata biex tiżviluppa u timmaniġġa l-baġit nazzjonali biex tinkiseb ġestjoni tad-data baġitarja aħjar, trasparenza baġitarja akbar, monitoraġġ u rapportar imtejbin. Barra minn hekk, jiżdied l-għadd ta' persunal speċjalizzat involut fir-rieżamijiet tan-nefqa. Rieżami tal-qafas legali għat-tisħiħ tar-responsabbiltajiet tal-Ministeru għall-Finanzi u tal-awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rieżamijiet tan-nefqa.

Sar-raba' trimestru tal-2025:

Pass 1: Tinħoloq bażi tad-data u jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' kontroll għal żidiet li jaqbżu l-20 % meta mqabbla mal-kostijiet medji tal-istituzzjonijiet pubbliċi.

Kull sena koperta mill-pjan (2025-2031):

Pass 2: Jitwettqu rieżamijiet tan-nefqa tematika annwali u jiġu applikati konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet fil-proċess tal-ippjanar tal-baġit, f'konformità mal-iskeda annwali stabbilita.

Gradwalment, mir-raba' trimestru tal-2024 għat-tieni trimestru tal-2030:

Pass 3: L-espansjoni tal-kategoriji ta' beni u servizzi li ser jiġu akkwistati ċentralment, b'enfasi fuq setturi ta' prijorità b'livelli ta' nfiq għoljin. Jiżdied is-sehem tal-proċeduri ta' akkwist mogħtija mill-ONAC (Oficiul Național pentru Achiziții Centralizate), meta mqabbla mal-proċeduri ta' akkwist kollha mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti kollha fir-Rumanija, b'medja ta' 0,25  % fis-sena matul is-7 snin li ġejjin.

Sar-raba' trimestru tal-2025:

Pass 4: L-operazzjonalizzazzjoni tal-istruttura speċjalizzata fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi biex jiġu mmonitorjati s-sistemi tan-nefqa pubblika bl-użu ta' indikaturi tal-prestazzjoni u l-parteċipazzjoni f'korsijiet ta' taħriġ speċjalizzati organizzati bl-appoġġ tal-Bank Dinji.

Sar-raba' trimestru tal-2025:

Pass 5: L-istabbiliment ta' qafas legali għall-implimentazzjoni ta' indikaturi tal-prestazzjoni fil-livell tal-awtoritajiet pubbliċi ċentrali u lokali.

Pass 1: Rapport mill-awtoritajiet

Pass 2: Il-pubblikazzjoni ta' żewġ rieżamijiet tan-nefqa fis-sena dwar setturi jew attivitajiet speċifiċi. Ir-rieżamijiet jinkludu miri ta' ffrankar obbligatorji.

Pass 3: Rapport mill-awtoritajiet, li juri ż-żieda fis-sehem tal-proċeduri ta' akkwist mogħtija mill-ONAC.

Pass 4: Rapport mill-awtoritajiet

Pass 5: Id-dħul fis-seħħ tal-att normattiv sar-raba' trimestru tal-2025.

Riforma tal-Finanzjament tan-Negozju (miżura ġdida)

It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-Ministeru għall-Investimenti u l-Proġetti Ewropej biex jiġu allokati fondi għall-appoġġ tal-SMEs fil-forma ta' ekwità privata, biex jitrawwem l-iżvilupp ekonomiku fit-tul, jiġu attirati l-investituri, u jinħolqu l-impjiegi.

Sat-tieni trimestru tal-2026:

Riforma tal-Qafas Istituzzjonali għall-Allokazzjoni tal-Fondi għall-Appoġġ tal-Ambjent tan-Negozju - Fond ta' Investiment tal-Ekwità Privata għall-Appoġġ tal-SMEs.

Id-dħul fis-seħħ tal-liġi li toperazzjonalizza l-fond, flimkien ma' leġiżlazzjoni speċifika dwar l-għotjiet, il-krediti tat-taxxa, u l-krediti ta' investiment għall-industrija tal-manifattura.

Riforma tas-Sistema tan-Nefqa għall-intrapriżi tal-istat (miżura ġdida)

It-twettiq ta' analiżijiet dijanjostiċi tal-operaturi ekonomiċi mmirati lejn:

—

It-tnaqqis tat-telf u tal-pagamenti arretrati.

—

L-aġġornament tat-tariffi mitluba għal servizzi mwettqa u t-tnaqqis tal-ispejjeż operazzjonali, li jwasslu għal tnaqqis fis-sussidji/fit-trasferimenti mill-baġit tal-istat, żieda fil-profitti netti, u żieda fid-dħul tal-baġit tal-istat.

—

L-identifikazzjoni ta' assi mhux produttivi/mhux funzjonali, filwaqt li jiġu proposti miżuri għall-użu u/jew għad-disponiment tagħhom.

—

L-introduzzjoni ta' regoli tal-infiq, speċjalment għal kategoriji ta' spejjeż mhux relatati direttament mal-proċess tal-produzzjoni jew mal-għoti ta' servizz.

Ir-riforma għandha tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju tal-indipendenza tal-intrapriżi tal-istat flimkien mar-rekwiżit li dawn isegwu l-profittabbiltà.

Meta jittieħdu flimkien, dawn il-miżuri għandhom jirriżultaw fi trasferimenti/sussidji aktar baxxi mill-gvernijiet ċentrali u lokali lill-SOEs li jammontaw għal 0,25  % tal-PDG għall-perjodu kollu tal-pjan.

Sat-tielet trimestru tal-2025:

Pass 1: It-twettiq ta' analiżi dijanjostika tas-sistema tan-nefqa operazzjonali, tas-sistema tad-dħul, u tal-mekkaniżmi għall-aġġornament tat-tariffi, kif ukoll tas-sistema ta' sussidji għall-operaturi ekonomiċi.

Sar-raba' trimestru tal-2025:

Pass 2: L-istabbiliment tal-qafas regolatorju għat-tisħiħ tas-sistema tan-nefqa operazzjonali, it-titjib tal-ġestjoni tal-assi pubbliċi, l-introduzzjoni ta' regoli tan-nefqa, u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-baġit tal-gvern estiż sar-raba' trimestru tal-2025.

Pass 1: Rapport mill-awtoritajiet.

Pass 2: Id-dħul fis-seħħ tal-qafas regolatorju.

Ir-riforma għandha tirriżulta fi trasferimenti aktar baxxi minn gvernijiet ċentrali u lokali lill-SOEs li jammontaw għal 0,25  % tal-PDG għall-perjodu kollu tal-pjan (meta mqabbel mal-livell fl-2023).


(1)  It-twaqqit tal-miżuri tal-RRP huwa indikattiv u jikkorrispondi għall-impenji fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill rilevanti.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/647/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)