|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2258 |
10.11.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2258
tal-31 ta’ Ottubru 2025
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fis-sitt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jemendaw l-Annessi A u B għal dik il-Konvenzjoni dwar prodotti miżjudin bil-merkurju u proċessi ta’ manifattura li fihom jintużaw il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (1) (il-“Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 (2) u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 27 flimkien mal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet għandha s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet li jadottaw Annessi ġodda għall-Konvenzjoni u li jemendaw l-Annessi eżistenti tiegħu. |
|
(3) |
Is-sitt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (il-“COP 6”), li għandha sseħħ mit-3 sas-7 ta’ Novembru 2025, hija mistennija tadotta deċiżjoni waħda jew aktar biex temenda l-Annessi A u B tal-Konvenzjoni. L-Anness A fih lista ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju li huma soġġetti jew għal projbizzjoni tal-manifattura, tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni f’data speċifikata jew għal miżuri li jirregolaw il-merkurju. L-Anness B fih lista ta’ proċessi tal-manifattura li jużaw il-merkurju jew komposti tal-merkurju (“proċessi tal-merkurju”) li huma soġġetti għal obbligu li jitwaqqaf l-użu tal-merkurju f’data speċifika jew għal rekwiżiti li jirregolaw il-merkurju. |
|
(4) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-COP 6, peress li l-atti previsti tal-COP 6 ser ikollhom effetti legali. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-COP 6 tkun li tappoġġa l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jkunu konsistenti mal-acquis tal-Unjoni, b’hekk bl-għan li jitnaqqas id-distakk bejn id-dritt tal-Unjoni u l-Konvenzjoni. Jenħtieġ li dan jinkludi appoġġ għall-projbizzjoni tal-amalgama dentali filwaqt li tinżamm l-eżenzjoni għall-amalgama dentali meħtieġa għal ħtiġijiet mediċi speċifiċi, kif stipulat fl-Artikolu 10(2a) tar-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa wkoll deċiżjonijiet rigward il-proċessi tal-merkurju li huma diġà pprojbiti skont ir-Regolament (UE) 2017/852. Jenħtieġ li dawk id-deċiżjonijiet jew jeliminaw gradwalment dawk il-proċessi sa dati speċifikati jew inkella jintroduċu rekwiżiti aktar stretti li jirregolaw l-użu tal-merkurju għal dawk il-proċessi, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fis-sitt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (il-“Konvenzjoni”) għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni ta’:
|
(a) |
deċiżjonijiet li jemendaw l-Anness A għall-Konvenzjoni konsistenti mal-acquis tal-Unjoni dwar l-amalgama dentali; u |
|
(b) |
deċiżjonijiet li jemendaw l-Anness B għall-Konvenzjoni sabiex jiġi żgurat li l-proċessi tal-merkurju li diġà huma pprojbiti skont ir-Regolament (UE) 2017/852 jitneħħew gradwalment sa dati speċifikati jew ikunu soġġetti għal rekwiżiti li jirregolaw l-użu tal-merkurju aktar stretti. |
Artikolu 2
Fid-dawl ta’ żviluppi fis-sitt laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jaqblu dwar l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri matul il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BJERRE
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/939/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-Merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/852/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2258/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)