25.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 281/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ Ottubru 2007

dwar it-tiġdid tal-ħażniet tal-Komunità ta’ vaċċin ħaj mitigat kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4699)

(2007/682/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 8(2) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tad-deni klassiku tal-ħnieżer (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni klassiku tal-ħnieżer huwa theddida għal ħnieżer domestiċi u selvaġġi (iċ-ċingjal) fil-Komunità.

(2)

Tifqigħat ta’ deni klassiku tal-ħnieżer f’intrapriżi tal-ħnieżer domestiċi jistgħu jwasslu għal telf ekonomiku u għal konsegwenzi serji fil-Komunità, b’mod partikolari jekk iseħħu f’żoni b’densità għolja ta’ ħnieżer.

(3)

Ir-regoli għall-applikazzjoni tat-tilqim ta’ emerġenza ta’ ħnieżer domestiċi u selvaġġi huma stabbiliti fid-Direttiva 2001/89/KE.

(4)

Il-Komunità xtrat 1 000 000 doża ta’ vaċċin ħaj mitigat kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer u għamlet arranġamenti biex taħżnu u tagħmlu disponibbli bla dewmien f’każ ta’ vaċċinazzjoni ta’ emerġenza tal-ħnieżer domestiċi.

(5)

Dawn id-dożi tpoġġew għad-dispożizzjoni tar-Rumanija fl-Lulju 2007. Għalhekk, dawn jeħtiġilhom jiġu sostitwiti bl-għan li tinżamm il-kapaċità Komunitarja li twieġeb malajr għal ħtieġa li jitwettaq tilqim ta’ emerġenza kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer.

(6)

Barra minn hekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-mard f’ċerti Stati Membri l-istokk ta’ vaċċin ħaj mitigat għandu jiġi sostitwit malajr meta jiżvojta biex tinżamm il-kapaċità Komunitarja li twieġeb għal emerġenza.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Komunità se tixtri malajr kemm jista’ jkun 1 000 000 doża ta’ vaċċin ħaj mitigat kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer.

2.   Il-Komunità se tagħmel arranġamenti għall-ħażna u għad-distribuzzjoni tal-vaċċin imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 2

Jekk l-istokk ta’ vaċċin imsemmi fl-Artikolu 1(1) jiżvojta, dan jista’ jiġi sostitwit b’1 000 000 doża sa erba’ darbiet matul perjodu ta’ ħames snin wara d-data ta’ l-ewwel xiri.

Artikolu 3

L-ispiża massima tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 u 2 ma għandhiex taqbeż l-EUR 1 500 000.

Artikolu 4

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(2) għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni bil-kooperazzjoni tal-fornituri magħżula permezz ta’ sejħa għall-offerti.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)   ĠU L 316, 1.12.2001, p. 5. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).