|
30.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 345/36 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1729
tal-24 ta’ Settembru 2021
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 540(3) ta’ dak il-Ftehim li matulu l-profili tad-DNA u l-marki tas-swaba’ jistgħu jiġu skambjati mar-Renju Unit
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 87(2), il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (1),
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (2) (“it-TCA”) jipprevedi kooperazzjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kompetenti tal-Istati Membri, minn naħa waħda, u tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra, li tikkonċerna t-tqabbil awtomatizzat tal-profili tad-DNA, id-data dattiloskopika u d-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Bħala prerekwiżit għal tali kooperazzjoni, l-ewwel jenħtieġ li r-Renju Unit jieħu l-miżuri ta’ implimentazzjoni neċessarji u ssirlu evalwazzjoni mill-Unjoni. |
|
(2) |
Abbażi ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali dwar iż-żjara ta’ evalwazzjoni u, fejn applikabbli, prova pilota, l-Unjoni għandha tiddetermina d-data jew id-dati minn meta l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu tali data lir-Renju Unit skont it-TCA. |
|
(3) |
Ir-Renju Unit irid jgħaddi wkoll minn evalwazzjoni fir-rigward tat-tiftix u t-tqabbil ta’ profili tad-DNA u data dattiloskopika, li fir-rigward tagħhom diġà jkunu diġà ġew stabbiliti kuntatti mar-Renju Unit stabbiliti f’konformità mal-acquis ta’ “Prüm” tal-Unjoni, kif jinsab fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI (3) u 2008/616/ĠAI (4). |
|
(4) |
Permezz tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, l-elementi bażiċi tat-Trattat tas-27 ta’ Mejju 2005 bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Olanda u r-Repubblika tal-Awstrija dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità transkonfinali u l-migrazzjoni illegali, ġew trasposti fil-qafas legali tal-Unjoni. Id-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet amministrattivi u tekniċi neċessarji għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta’ data dwar id-DNA, data dattiloskopika u data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. Dawn id-deċiżjonijiet jiffurmaw l-acquis ta’ Prüm u huma vinkolanti f’konformità mat-Trattati u dawn id-deċiżjonijiet. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 540(2) tat-TCA, l-Unjoni għandha tiddetermina d-data jew id-dati minn meta l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu d-data personali lir-Renju Unit abbażi ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali taż-żjara ta’ evalwazzjoni u, fejn applikabbli, tal-prova pilota. |
|
(6) |
Sakemm joħroġ l-eżitu tal-evalwazzjoni u d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 540(2) tat-TCA, sabiex tiġi evitata lakuna fil-kooperazzjoni kontinwa fir-rigward tal-profili tad-DNA u d-data dattiloskopika, l-Artikolu 540(3) tat-TCA jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu tali data lir-Renju Unit sat-30 ta’ Settembru 2021. |
|
(7) |
Huwa improbabbli li l-proċess imsemmi fil-premessi 3, 5 u 6 jiġi ffinalizzat sat-30 ta’ Settembru 2021. Għaldaqstant, dan ifisser li hemm riskju sinifikanti li tinħoloq lakuna fil-kooperazzjoni dwar id-data tad-DNA u d-data dattiloskopika mill-1 ta’ Ottubru 2021. Dan jippreżenta riskji konkreti għas-sigurtà interna tal-Unjoni. |
|
(8) |
L-Unjoni diġà evalwat lir-Renju Unit fir-rigward tal-iskambju ta’ profili tad-DNA u data dattiloskopika fil-kuntest tal-qafas Prüm tal-Unjoni meta r-Renju Unit kien għadu Stat Membru. L-Unjoni ma taf bl-ebda miżura leġiżlattiva jew regolatorja meħuda mir-Renju Unit peress li dawk l-evalwazzjonijiet ikollhom effett fuq l-eżitu tal-evalwazzjoni li għaddejja skont it-TCA. |
|
(9) |
F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa xieraq li tiġi adottata l-pożizzjoni f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja. Dik il-pożizzjoni jenħtieġ li tkun li l-Unjoni taqbel ma’ estensjoni sat-30 ta’ Ġunju 2022 tal-perijodu li matulu l-Istati Membri jistgħu jissoktaw jiskambjaw data kif imsemmi fl-Artikoli 530, 531 u 534 tat-TCA u, f’każ ta’ tqabbil, jipprovdu aktar data personali disponibbli kif imsemmi fl-Artikolu 536 tat-TCA. |
|
(10) |
L-Artikolu 527 tat-TCA jiddikjara li l-objettiv tat-Titolu II tal-Parti Tlieta (Infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali) tat-TCA għandu jistabbilixxi kooperazzjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tar-Renju Unit, minn naħa, u l-Istati Membri, min-naħa l-oħra, dwar it-trasferiment awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, data dattiloskopika u ċerta data domestika dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. |
|
(11) |
It-TCA huwa vinkolanti għall-Istati Membri kollha bis-saħħa tad-Deċiżjoni (UE) 2021/689, li hija bbażata fuq l-Artikolu 217 TFUE bħala l-bażi legali sostantiva tagħha. L-Artikolu 540(3) tat-TCA jagħti s-setgħa lill-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja biex jestendi l-perijodu għall-forniment ta’ data personali lir-Renju Unit darba sa massimu ta’ disa’ xhur, jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2022. |
|
(12) |
Id-Danimarka u l-Irlanda huma marbuta bl-Artikolu 540 tat-TCA bis-saħħa tad-Deċiżjoni (UE) 2021/689 u għalhekk qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni li timplimenta t-TCA, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja skont l-Artikolu 540(3) tat-TCA għandha tkun il-qbil dwar l-estensjoni sat-30 ta’ Ġunju 2022 tal-perijodu li matulu l-Istati Membri jistgħu jissoktaw jiskambjaw data kif imsemmi fl-Artikoli 530, 531 u 534 tat-TCA, u jipprovdu aktar data personali disponibbli lir-Renju Unit kif imsemmi fl-Artikolu 536 tat-TCA.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
G. DOVŽAN
(1) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2.
(2) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).