European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/6835

11.11.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Novembru 2024

li tadotta l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024

(C/2024/6835)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 314 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

Billi:

–

il-baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2024 ġie adottat definittivament fit-22 ta' Novembru 2023 (2);

–

fl-10 ta' Ottubru 2024, il-Kummissjoni ppreżentat proposta li fiha l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5 għall-baġit ġenerali għas-sena finanzjarja 2024;

–

il-Kunsill jeħtieġ li jipproċedi mingħajr dewmien bl-adozzjoni tal-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5 għall-baġit ġenerali għall-2024, bil-ħsieb li b'mod urġenti (a) jiżdied il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), inkluż fir-rigward tar-riprogrammazzjoni relatata mal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), (b) jiġu aġġornati l-ħtiġijiet għall-Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPAs), b'kont meħud tal-fatt li diversi ftehimiet u l-protokolli relatati mhux ser jiġu konklużi fl-2024, (c) iż-żieda fl-approprjazzjonijiet, marbuta mal-istimi l-aktar reċenti għall-aġġornament tar-remunerazzjoni fl-intestatura 7 u lil hinn minnha għal diversi aġenziji deċentralizzati, (d) l-aġġustament tal-kontribuzzjoni tal-UE lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta' Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl- Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA), l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), (e) it-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet wara l-introduzzjoni tat-traduzzjoni awtomatika u (f) l-aġġornament tan-naħa tad-dħul tal-baġit. Għaldaqstant, hu ġustifikat li tiġi prevista eċċezzjoni mill-perjodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2024 ġiet adottata fil-5 ta' Novembru 2024.

It-test sħiħ (3) huwa disponibbli għall-konsultazzjoni jew għat-tniżżil mis-sit web tal-Kunsill: https://www.consilium.europa.eu/mt/documents-publications/public-register/public-register-search/.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

VARGA M.


(1)   ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/mt.

(2)   ĠU L, 2024/207, 22.02.2024.

(3)  Dokument 14477/24 + ADD 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6835/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)