31.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1235

tas-26 ta’ Awwissu 2020

li tawtorizza lill-Greċja tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2020) 5742)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2020/698 jestendi l-limitu taż-żmien għall-ħruġ ta’ kard tas-sewwieq ġdida skont ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament u tal-Kunsill (2) għal xahrejn wara li tasal it-talba, fejn is-sewwieq japplika għat-tiġdid tal-kard tas-sewwieq bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020.

(2)

L-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2020/698 jestendi l-limitu għas-sostituzzjoni ta’ kard tas-sewwieq għal xahrejn wara li tasal it-talba, meta s-sewwieq japplika għal tali sostituzzjoni bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020.

(3)

B’ittra bid-data tal-24 ta’ Lulju 2020, il-Greċja ppreżentat talba motivata għal awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ xahrejn għall-perjodu bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 kif speċifikat fl-Artikoli 4(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2020/698. Il-Greċja pprovdiet informazzjoni addizzjonali biex issostni t-talba tagħha fit-28 ta’ Lulju 2020.

(4)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Greċja, it-tiġdid u s-sostituzzjoni tal-kards tas-sewwieq x’aktarx li se jibqgħu imprattikabbli fil-Greċja lil hinn mill-31 ta’ Awwissu 2020 minħabba l-miżuri li din ħadet biex tevita jew trażżan it-tixrid tal-COVID-19.

(5)

Il-Greċja adottat għadd ta’ miżuri straordinarji rigward il-persunal tas-settur pubbliku inkluż il-persunal tal-Ministeri u tas-servizzi tat-trasport reġjonali bħala tweġiba għat-tifqigħa tal-COVID-19. Dawk il-miżuri kellhom impatt fuq il-kapaċità li jiġu mġedda u sostitwiti l-kards tas-sewwieq tat-takografu. Fost dawk il-miżuri kien hemm il-“liv speċjali għall-impjegati taċ-ċivil”, introdott mil-leġiżlazzjoni Griega u li affettwa konsiderevolment l-għadd ta’ persuni disponibbli għall-kompiti inkwistjoni.

(6)

Matul l-evoluzzjoni tal-pandemija fil-Greċja, il-miżuri ġew gradwalment aġġustati, illaxkati u finalment tneħħew. B’mod ġenerali, il-miżuri rriżultaw f’nuqqas serju ta’ persunal fis-settur pubbliku u f’dewmien twil fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għat-tiġdid u għas-sostituzzjoni tal-kards tas-sewwieq.

(7)

In-nuqqas ta’ persunal ikkawża wkoll dewmien fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ta’ assistenza teknika għall-produzzjoni tal-kards tas-sewwieq tat-takografu. L-awtorità kompetenti tal-Ministeru għall-Infrastruttura u t-Trasport ippubblikat sejħa għall-offerti miftuħa għal kuntratt ta’ sentejn għall-ħruġ ta’ kards intelliġenti tat-takografu. Dak il-kuntratt finalment ingħata fit-30 ta’ Ġunju 2020, iżda l-kuntrattur għandu bżonn tul ta’ żmien minimu qabel joħroġ il-kards. Sa dak iż-żmien, l-uniku mod biex jinħarġu l-kards intelliġenti tat-takografu huwa permezz ta’ assistenza reċiproka pprovduta mill-Awtorità Pollakka tal-Ħruġ ta’ Kards (CIA Pollakka), iżda li l-għajnuna hija limitata għal massimu ta’ 6 000 kard.

(8)

Barra minn hekk, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Greċja, il-laboratorju uniku responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikat tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 mhuwiex f’pożizzjoni li jagħmel arranġamenti għal testijiet tal-interoperabilità qabel il-ġimgħa 39 tal-2020. Il-kards jistgħu jinħarġu biss ladarba dawk it-testijiet jitlestew b’suċċess.

(9)

B’riżultat taċ-ċirkostanzi deskritti fil-premessi 5 sa 8, aktar minn 11 000 applikazzjoni għat-tiġdid jew is-sostituzzjoni tal-kards tas-sewwieq bħalissa huma pendenti u ma jistgħux jiġu pproċessati fil-ħin.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Greċja tiġi awtorizzata tapplika estensjoni għall-perjodi bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 kif speċifikat fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2020/698.

(11)

Il-Greċja qablet li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u notifikata bl-Ingliż,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Greċja hi awtorizzata tapplika estensjoni ta’ xahrejn għall-perjodi bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 kif speċifikat fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2020/698.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 165, 27.5.2020, p. 10.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).