31981R2191



Official Journal L 213 , 01/08/1981 P. 0020 - 0023
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 23 P. 0027
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 23 P. 0027
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 13 P. 0205
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 13 P. 0205


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2191/81

tal-31 ta’ Lulju 1981

dwar l-għoti ta’ għajnuna għax-xiri tal-butir minn istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet li mhumiex hemm għall-qliegħ

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib [1], kif l-aħħar emendat bl-Att ta’ Adeżjoni tal-Greċja, u partikolarment Artikolu 12(3) u Artikolu 28 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 878/77 tas-26 ta’ April 19775 dwar ir-rati tal-kambju li jridu jiġu applikati fl-agrikoltura [2], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 850/81 [3], u partikolarment Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1723/81 ta’ l-24 ta’ Ġunju 1981 li jippreskrivi regoli ġenerali dwar miżuri sabiex jinżamm il-livell ta’ l-utilizzazzjoni tal-butir minn ċerti kategoriji ta’ konsumaturi u industriji [4] jiddisponi għall-possibbiltà li tingħata għajnuna rigward il-butir disponibbli fis-suq, sabiex dak il-prodott jinxtara bi prezz imnaqqas, partikolarment minn istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet li mhumiex hemm għall-qligħ;

Billi l-kwantitajiet relattivament żgħar ta’ butir fil-preżent fil-ħażniet pubbliċi dalwaqt iwasslu għas-sospensjoni ta’ bejgħ mill-ħażniet pubbliċi bis-saħħa tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1717/72 tat-8 ta’ Awissu 1972 dwar il-bejgħ tal-butir bi prezz imnaqqas lill-istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet li mhumiex hemm għall-qligħ [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3474/80 [6]; billi, f’dawn iċ-ċirkostanzi, għandu jsir rikors għar-Regolament (KEE) Nru 1723/81 billi ssir dispożizzjoni għall-għoti ta’ għajnuna fuq il-butir mixtri mill-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li mhumiex hemm għall-qligħ;

Billi, madankollu, l-għajnuna għandha tingħata biss għal butir li jilħaq il-ħtiġijiet ta’ l-ogħla kwalita’ imsemmijin f’Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 985/68 li jippreskrivi regoli ġenerali għal intervent fis-suq tal-butir u l-krema [7], kif l-aħħar emendat bl-Att ta’ Adeżjoni tal-Greċja; billi, għal raġunijiet ta’ kontroll, l-għajnuna għandha tiġi limitata għall-butir mixtri fl-Istat Membru tal-benefiċjarju minn fornitur approvat f’dak l-Istat Membru;

Billi għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat illi l-għajnuna skond dan ir-Regolament ma tkunx l-irdoppjar ta’ għajnuna għall-konsum dirett, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1269/79 tal-25 ta’ Ġunju 1969 [8], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 854/81 [9], jew l-irdoppjar tat-tnaqqis ta’ l-imposta speċjali, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 858/81 ta’ l-1 ta’ April 1981 [10], fil-każ tal-butir ta’ New Zealand fis-suq tar-Renju Unit;

Billi, sabiex tiġi faċilitata s-sorveljanza, għandhom ikunu speċifikati d-dettalji dwar il-marka li trid tidher fuq il-pakketti tal-butir li jikkwalifika għall-għajnuna;

Billi l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-metodi li jadottaw sabiex jimplimentaw il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament;

Billi Artikolu 4(1) tar-Regolament (KEE) Nru 878/77 jiddisponi illi, rigward l-effett fuq id-drittijiet u l-obbligi li jeżistu fil-mument meta tiġi mibdula r-rata rappreżentattiva, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1134/68 tat-30 ta’ Lulju 1968 li jippreskrivi regoli sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KEE) Nru 653/68 dwar kondizzjonijiet għal-bidliet fil-valur ta’ l-unit_ tal-kontijiet użata għall-politika komuni agrikola [11]; billi, skond Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 1134/68, is-somom imsemmijin fl-Artikolu msemmi, iridu jitħallsu bir-rata tal-kambju fis-seħħ meta titwettaq it-transazzjoni jew parti mit-transazzjoni; billi, madankollu, bis-saħħa ta’ Artikolu 4(3) tar-Regolament (KEE) Nru 878/77, jistgħu jsiru derogi għad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq; billi, rigward it-tisrif għall-munita nazzjonali ta’ l-għajnuna prevista f’dan ir-Regolament, ir-rata rapreżentattiva adottata għandha tkun ir-rata fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li fiha jkun validu l-voucher li jagħti l-jedd għall-għajnuna;

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Ħalib u l-Prodotti tal-Ħalib;

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Għandha tingħata għajnuna għall-butir mixtri minn istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet li mhumiex hemm għall-qligħ ta’ l-Istati Membri, bla ħsara għall-kondizzjonijiet preskritti f’dan ir-Regolament.

2. Kull Stat Membru jista’ jagħżel minn fost l-istituzzjonijiet u l-organizzazjonijiet li mhumiex hemm għall-qligħ fit-territorju tiegħu lil dawk, minn issa ’l quddiem imsejħa l-"benefiċjarji", illi jkunu sejrin jirċievu l-butir bil-prezz imnaqqas.

3. Din il-għajnuna tista’ tingħata biss għal:

(a) butir, li jiġi mixtri fl-Istat Membru li fih ikun jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-benefiċjarju, minn fornitur, pakkjatur jew importatur, minn issa ’l quddiem imsejħa l-"fornitur", approvat għal dan il-għan mill-korp kompetenti f’dak l-Istat Membru; u

(b) - butir illi, fl-Istat Membru li jipproduċih, jikkorrispndi għad-definizzjoni u l-klassifika mogħtijin f’Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 985/68 u li l-ippakkjar tiegħu ikun immarkat kif mitlub, skond ir-regoli fl-Istat Membru fejn il-benefiċjarju jagħmel ix-xirja, jew

- butir ta’ New Zealand mibjugħ fir-Renju Unit li jikkorrispondi għal butir ta’ l-ogħla kwalità f’dak l-Istat Membru.

4. Fornitur jista’ biss jiġi approvat għall-għanijiet tal-paragrafu 3 (a) jekk jintrabat li:

(a) iżomm reġistri li juru partikolarment l-ismijiet tal-fabbrikant tal-butir, l-ismijiet u l-indirizzi tal-benefiċjarji u l-kwantitajiet ta’ butir li jkunu ġew mibjugħa lilhom kif ukoll in-numri tas-serje tal-vouchers korrispondenti msemmijin f’Artikolu 3; u

(b) joqgħod għall-proċeduri ta’ sorveljanza stabbiliti mill-Istat Membru interessat, partikolarment rigward il-verifika tar-reġistri u l-kontroll fuq il-kwalità tal-butir.

L-approvazzjoni għandha tiġi rtirata jekk ikun konfermat ksur serju ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1. L-ammont ta’ għajnuna huwa b’dan stabbilit għal 170 ECU għal kull 100 kilogramma ta’ butir.

2. L-ammont ta’ għajnuna għandu jissarraf fil-munita nazzjonali bir-rata rappreżentattiva fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar kalendarju li għalih ikun validu l-voucher imsemmi f’Artikolu 3.

3. L-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax tingħata b’żieda ma’ l-għajnuna mogħtija skond ir-Regolament (KEE) Nru 1269/79 u lanqas, barra minn hekk, fil-każ tar-Renju Unit, ma tista’ tiġi kombinata mat-tnaqqis fl-imposta speċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE) Nru 858/81.

Għal dan l-effett:

(a) l-Istati Membri li jagħtu għajnuna bis-saħħa tar-Regolament (KEE) Nru 1269/79 għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw illi l-butir li jikkwalifika għall-għajnuna prevista f’dan ir-Regolament ma jistax jikkwalifika għall-għajnuna prevista fir-Regolament (KEE) Nru 1269/79;

(b) rigward il-butir ta’ New Zealand li jkun ikkwalifika għat-tnaqqis mill-imposta speċjali, l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi mnaqqsa bl-ammont tat-tnaqqis imsemmi ta’ l-imposta speċjali.

Artikolu 3

1. Għandha tingħata għajnuna lill-fornitur tal-butir, fuq talba tiegħu bil-miktub u fuq is-sottomissjoni ta’ voucher li jkollu n-numru tas-serje maħruġ mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru.

Għajr f’każi ta’ forza maġġuri, l-applikazzjoni għall-għajnuna u d-dokumenti ta’ sostenn li jkun hemm magħha, kif previst fil-paragrafu 7, iridu jintbgħatu fi żmien 12-il xahar mill-ewwel jum tax-xahar kalendarju li għalih il-voucher ikun validu.

2. Il-voucher għandu jinħareġ bla ħsara għal:

(a) garanzija bil-miktub mill-benefiċjarju lill-awtorità kompetenti li l-butir ikun disponibbli biss għall-konsumaturi li għalihom hija stess hi responsabbli u li jħallas lura l-ammont tal-għajnuna fejn jiġi stabbilit li l-butir mixtri skond dan ir-Regolament ikun intuża mhux għall-għan li għalih kien maħsub;

(b) garanzija li fuq talba jitqegħdu għad-dispożizzjoni ta’ l-awtorità kompetenti ir-reġistri li jgħinu biex l-użu tal-butir ikun sostanzjat;

(ċ) it-twettiq xieraq ta’ l-irbit li jkun sar waqt kull allokazzjoni ta’ qabel.

3. Il-voucher għandu jindika, partikolarment:

(a) l-isem u l-indirizz ta’ l-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni interessata u, fejn xieraq, ta’ l-aġent awtorizzat;

(b) l-akbar numru ta’ konsumaturi li għalihom l-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni interessata tkun responsabbli;

(ċ) l-akbar kwantità ta’ butir li għalih jagħti l-jedd;

(d) ix-xahar u s-sena li fihom ikun validu.

4. Il-kwantità massima ta’ butir imsemmi fil-paragrafu 3 (ċ) għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tan-numru massimu ta’ konsumaturi interessati u l-konsum medju normali, kif stabbilit mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru.

5. Voucher għandu jkun validu għax-xahar kalendarju indikat fuqu; il-kunsinna trid issir matul dak ix-xahar.

6. L-awtorità kompetenti tista’ toħroġ vouchers biss rigward perjodu ta’ żmien li ma jaqbiżx is-sitt xhur.

7. Il-voucher ma jagħtix jedd għall-għajnuna għajr jekk:

(a) ikun fih attestazzjoni mill-benefiċjarju li tiċċertifika li l-kwantità tal-butir kienet attwalment mixtrija u li l-kunsinna tagħha ttieħdet permezz ta’ dak il-voucher; jew

(b) ikollu miegħu kopja tal-fattura b’riċevuta jew tal-karta tal-kunsinna, kontro-firmata mill-benefiċjarju.

8. Il-ħlas ta’ l-għajnuna għandu jsir mill-awtoritajiet kompetenti fi żmien 60 jum mid-data li fiha jkunu ntbagħtu d-dokumenti kollha ta’ sostenn, għajr fil-każi ta’ forza maġġuri jew fejn ikunu nbdew investigazzjonijiet amministrattivi dwar il-jedd għall-għajnuna. F’dawn il-każijiet, il-ħlas għandu jsir biss meta l-jedd għall-għajnuna jkun gie aċċettat.

9. Id-dokumenti kollha ta’ sostenn u rapport tal-kontrolli msemmijin f’Artikolu 6 għandhom jintbagħtu lid-dipartiment jew lill-aġenzija msemmija f’Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70 responsabbli għall-ħlas tal-għajnuna.

Artikolu 4

1. Il-butir għandu jiġi kunsinnat lill-benefiċjarju f’pakkjar b’kitba ċara u li ma titħassarx ta’ waħda jew iktar mill-endorsjar li ġej:

,

,

,

,

,

,

.

2. Kull pakkett jew porzjon individwali li jkun fl-ippakkjar għandu juri fuqu wieħed jew iktar mill-endorsjar li ġej:

,

,

,

,

,

,

.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati biex jistabbilixxu kwantità minima ta’ butir li rigward tiegħu tista’ ssir applikazzjoni għall-għajnuna.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jiġu mħarsa u, partikolarment, il-kontrolli tad-dokumenti kummerċjali u tar-reġistri tal-ħażna tal-fornitur.

Dawn il-kontrolli għandhom jitwettqu mill-inqas darba kull 12-il xahar,

Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni:

(a) fi żmien tliet xhur dwar il-proċedura tal-kontrolli adottata għall-butir fl-istadji differenti tal-marketing u dwar il-miżuri meħuda skond l-Artikolu 2(3)(a);

(b) qabel l-20 jum ta’ kull xahar, il-kwantitajiet li għalihom matul ix-xahar ta’ qabel:

- ikunu nħarġu vouchers,

- tkun tħallset għajnuna.

Artikolu 7

Ir-Regolament (KEE) Nru 1717/72 huwa b’dan sospiż, għajr rigward il-butir mibjugħ skond id-dispożizzjonijiet tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-31 ta’ Lulju 1981.

Għall-Kummissjoni

Gaston Thorn

Il-President

[1] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 13

[2] ĠU L 106, tad-29.4.1977, p. 27.

[3] ĠU L 90, ta’ l-4.4.1981, p. 1.

[4] ĠU L 172, tat-30.4.1981, p. 14.

[5] ĠU L 181, tad-9.8.1972, p. 11

[6] ĠU L 363, tat-30.12.1980, p. 50.

[7] ĠU L 169, tat-18.7.1968, p. 1

[8] ĠU L 161, tad-29.6.1979, p. 8.

[9] ĠU L 90, ta’ l-4.4.1981, p. 18

[10] ĠU L 90, ta’ l-4.4.1981, p. 14.

[11] ĠU L 188, ta’ l-1.8.1968 p. 1.

--------------------------------------------------