|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6832 |
29.11.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Ottubru 2024
dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tas-Slovakkja
(C/2024/6832)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Is-Slovakkja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. |
|
(3) |
Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f'termini ta' disa' fatturi ewlenin li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi ewlenin, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2024”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' fatturi ewlenin tal-kompetittività identifikati. |
|
(4) |
Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fit-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024, li fih identifikat lis-Slovakkja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat, jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fis-16 ta' Jannar 2024, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2024 tas-Slovakkja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta' April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta' Marzu 2024. |
|
(5) |
Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar it-tħaffif u l-kjarifika tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u d-Direttiva 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra. |
|
(6) |
Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(7) |
Fid-29 ta' April 2021, is-Slovakkja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fit-13 ta' Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għas-Slovakkja (9), li ġiet emendata fl-14 ta' Lulju 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li s-Slovakkja tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(8) |
Fl-24 ta' April 2024, is-Slovakkja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2024 u l-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2024, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (11). F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tas-Slovakkja dwar il-progress li sar fit-twettiq tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha. |
|
(9) |
Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għas-Slovakkja. Dan ivvaluta l-progress tas-Slovakkja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u evalwa l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovakkja. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tas-Slovakkja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għas-Slovakkja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għas-Slovakkja għall-finijiet ta' dak ir-Regolament ġew ippubblikati f'Marzu 2024. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-Slovakkja qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, is-Slovakkja qiegħda tiffaċċa vulnerabbiltajiet relatati mal-kompetittività tal-kost, il-bilanċ estern, is-suq tal-akkomodazzjoni u d-dejn tal-unitajiet domestiċi li baqgħu jippersistu minkejja titjib reċenti, u l-azzjoni ta' politika għadha ma waslitx. Is-Slovakkja kienet soġġetta għal analiżi fil-fond fl-2023, u l-vulnerabbiltajiet tagħha tqiesu li ma jammontawx għal żbilanċi makroekonomiċi peress li kienu mistennija li jonqsu fuq terminu medju. Dawk il-vulnerabbiltajiet naqsu, iżda mhux malajr daqskemm kien mistenni sena ilu. Barra minn hekk, it-titjib jidher li huwa ċikliku, u l-vulnerabbiltajiet strutturali jidhru li rabbew l-għeruq, filwaqt li hemm nuqqas ta' azzjoni politika. Id-defiċit kbir fil-kont kurrenti tjieb is-sena l-oħra, iżda huwa mistenni li jibqa' negattiv b'mod viżibbli, li jwassal għall-persistenza tal-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta negattiva b'mod sinifikanti. L-inflazzjoni sottostanti żammet ferm aktar soda milli mistenni u baqgħet ogħla mill-medja taż-żona tal-euro, filwaqt li l-kostijiet ta' unità lavorattiva qed ikomplu jikbru aktar milli fil-biċċa l-kbira tas-sħab kummerċjali. Dawk il-pressjonijiet fuq il-prezzijiet u l-kostijiet mhumiex mistennija li jonqsu b'mod sinifikanti din is-sena jew ta' wara, u potenzjalment ifixklu t-titjib fil-kompetittività u l-bilanċ kummerċjali. Is-self tal-unitajiet domestiċi żdied b'mod sinifikanti matul is-snin u naqas fl-2023 fost tnaqqis fil-kreditu ipotekarju. Il-prezzijiet tad-djar naqsu iżda għadhom kemxejn sopravalutati u huma mistennija li jerġgħu jiżdiedu hekk kif il-provvista tad-djar għadha ristretta. Id-domanda għall-akkomodazzjoni hija sostnuta minn interventi ta' politika bħall-allowances ipotekarji adottati reċentement li jfixklu t-trażmissjoni tal-politika monetarja u huma fiskalment għaljin. L-aġġustament fiskali ġie ttardjat, u d-defiċit għoli tal-gvern huwa mbassar li jaggrava din is-sena, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern huwa mistenni li jiżdied fl-2024 u l-2025 minkejja t-tkabbir pożittiv tal-PDG, li jpoġġi pressjoni 'l fuq fuq id-domanda domestika. B'mod ġenerali, l-azzjoni politika ma kinitx biżżejjed biex tindirizza l-vulnerabbiltajiet identifikati, u dan wassal biex rabbew l-għeruq. Aġġustament fiskali jkun ta' kontribut għat-tnaqqis tal-inflazzjoni bażi u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni esterna kif ukoll għat-trażżin taż-żidiet fid-dejn tal-gvern; il-ftuħ tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv jenħtieġ li tirfed aġġustament bħal dan. Hija meħtieġa wkoll azzjoni biex tittejjeb il-kompetittività tal-prezzijiet u mhux tal-prezzijiet u biex jitnaqqsu r-riskji relatati mas-suq tal-akkomodazzjoni u l-akkumulazzjoni tad-dejn tal-unitajiet domestiċi, inkluż billi jiġi żviluppat suq tal-kiri li jiffunzjona. |
|
(11) |
Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tas-Slovakkja żdied minn 1,7 % tal-PDG fl-2022 għal 4,9 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 57,7 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 56,0 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2023 intitolata “Il-gwida tal-politika fiskali għall-2024”, il-Kummissjoni qiegħda tieħu l-ewwel pass biex tiftaħ proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa 2024 abbażi tad-data tal-eżiti għall-2023, f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja tas-Slovakkja, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha eċċeda l-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li, fid-dawl ta' dik il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fformulata skont l-Artikolu 126(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi f'Lulju 2024 li tiftaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv għas-Slovakkja, billi tipproponi li l-Kunsill jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat li tistabbilixxi l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fis-Slovakkja. |
|
(12) |
Fit-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (12) li s-Slovakkja tieħu azzjoni biex tiżgura politika fiskali prudenti fl-2023, b'mod partikolari billi tillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali għal taħt it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju (13), filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat ulterjuri għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, is-Slovakkja ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Is-Slovakkja ngħatat ukoll rakkomandazzjoni li għandha tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (14) kienet espansjonarja, b'6.1 % tal-PDG, f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta' 3,8 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi t-tnaqqis ta' 0,2 % tal-PDG fil-kost tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza mmirati għall-enerġija għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll it-tnaqqis ta' 0,1 % tal-PDG fil-kost tal-offerta ta' protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna. Għalhekk, il-kontribuzzjoni espansjonarja tan-nefqa attwali primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali li taqbeż it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju ma kinitx dovuta għall-appoġġ ta' emerġenza mmirat għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għall-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f'livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonarji ta' dħul) kien immotivat minn miżuri tal-enerġija ta' emerġenza mhux immirati, żidiet permanenti fil-pagi tas-settur pubbliku u benefiċċji soċjali, infiq ogħla fuq il-kura tas-saħħa u t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq ċerti oġġetti. Kumplessivament, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 ma kienx konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 3,2 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali ammonta għal 3,2 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda annwali ta' 0,8 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Is-Slovakkja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni. Huwa ffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, bħal investimenti fl-infrastruttura enerġetika u t-trasport b'emissjonijiet żero u l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini. Dak l-investiment pubbliku huwa parzjalment iffinanzjat mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni. |
|
(13) |
Fil-Programm ta' Stabbiltà 2024, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ta' 2,0 % fl-2024 u 3,1 % fl-2025, filwaqt li jipprojetta inflazzjoni mkejla skont l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ta' 3,2 % fl-2024 u 4,4 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 5,9 % tal-PDG fl-2024 u jonqos għal 5,4 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 58,6 % sa tmiem l-2024 u 59,8 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025 id-defiċit tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos gradwalment għal 5,2 % tal-PDG fl-2026, u jiżdied għal 5,5 % fl-2027. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż mhux ippjanat li jmur lura taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat matul il-perjodu tal-programm. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pproġettat li jiżdied għal 63,6 % fl-2026 u għal 67,8 % fl-2027. |
|
(14) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b'2,2 % fl-2024 u 2,9 % fl-2025, u l-inflazzjoni imkejla skont l-HICP ser tkun ta' 3,1 % fl-2024 u 3,6 % fl-2025. |
|
(15) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 5,9 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 58.5 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda tad-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment kontinwazzjoni tal-miżuri ta' appoġġ eżistenti għall-prezzijiet tal-enerġija u miżuri ġodda li jżidu n-nefqa bħal żieda permanenti fit-13-il pagament tal-pensjoni, żieda fin-nefqa fuq il-kura tas-saħħa, il-ħolqien ta' Ministeru ġdid għat-Turiżmu u l-Isport, emenda għall-Att dwar l-Edukazzjoni li tintroduċi dritt legali għall-ammissjoni fil-kindergarten għal tfal li għandhom aktar minn 3 snin u t-titjib tad-drittijiet tat-tfal bi bżonnijiet edukattivi speċjali, u l-introduzzjoni ta' kuntratti bbażati fuq il-prestazzjoni fl-universitajiet pubbliċi. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun restrittiva b'1,4 % tal-PDG fl-2024. |
|
(16) |
In-nefqa li tammonta għal 1,2 % tal-PDG mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) fl-ambitu tal-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,5 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità ser tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż tas-Slovakkja. |
|
(17) |
Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (15) li s-Slovakkja tiżgura politika fiskali prudenti, b'mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (16) fl-2024 għal mhux aktar minn 5,7 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta' proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tas-Slovakkja hija pprojettata li tiżdied b'6,2 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Dak l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali jikkorrispondi għal 0,2 % tal-PDG fl-2024. Hemm riskju li dan ma jkunx kompletament f'konformità ma' dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. |
|
(18) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li s-Slovakkja tieħu azzjoni biex tnaqqas b'mod gradwali l-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija fis-seħħ, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, is-Slovakkja tiżgura li tali miżuri ta' appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (17) tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta' 2,1 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun fil-livell ta' 0,4 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. B'mod partikolari, huwa preżunt li fl-2024 jibqa' fis-seħħ limitu massimu fuq il-prezzijiet tal-gass għall-unitajiet domestiċi. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawk il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta' 1,7 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (18) tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta' 0,2 % tal-PDG f'dik is-sena. Il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija mhumiex ipprojettati li jiġu eliminati gradwalment malajr kemm jista' jkun fl-2023 u l-2024. Hemm riskju li dan ma jkunx f'konformità ma' dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, l-iffrankar relatat mhuwiex ipprojettat li jintuża bis-sħiħ biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Hemm riskju li dan, ukoll, ma jkunx f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza għall-enerġija mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli u d-ditti huwa stmat fil-livell ta' 0,0 % tal-PDG fl-2024 (0,0 % fl-2023). |
|
(19) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li s-Slovakkja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jonqos minn 3,2 % tal-PDG fl-2023 għal 3,0 % tal-PDG fl-2024. Dan it-tnaqqis huwa mmotivat minn tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 tal-fondi strutturali tal-Unjoni, li għalihom il-fondi kienu disponibbli sal-2023. Dan huwa dovut ukoll għall-posponiment tat-twassil ta' tagħmir militari sal-2025. B'kont meħud ta' dawk il-fatturi addizzjonali, l-investiment pubbliku fl-2024 huwa vvalutat bħala li jikkonforma ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità, hija mistennija li tonqos minn 3,2 % tal-PDG fl-2023 għal 2,0 % tal-PDG fl-2024. Dan it-tnaqqis huwa mmotivat minn tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 tal-fondi strutturali tal-Unjoni, li għalihom il-fondi kienu disponibbli sal-2023. |
|
(20) |
Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 5,4 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 ikun dovut prinċipalment għal dħul aktar b'saħħtu minħabba PDG nominali ogħla bis-saħħa ta' inflazzjoni aktar b'saħħitha. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 59,9 % sa tmiem l-2025. Politika fiskali prudenti jenħtieġ li tikkontribwixxi għal tnaqqis tal-inflazzjoni bażi – li hija ferm ogħla mill-medja taż-żona tal-euro, u li tista' twassal għal telf fil-kompetittività jekk tippersisti – u għal tisħiħ tal-pożizzjoni esterna. |
|
(21) |
Is-sistema fiskali tas-Slovakkja tista' tibbenefika minn taħlita ta' taxxi aktar favorevoli għat-tkabbir biex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġi promoss il-ħarsien tal-ambjent u s-sostenibbiltà fiskali u titjieb l-ekwità. Fil-preżent, it-taxxi fuq l-introjtu mix-xogħol bħala perċentwal tat-taxxi totali huma l-ħames l-ogħla fl-Unjoni fil-livell ta' 52,4 %. Is-Slovakkja għandha porzjon ta' taxxa relattivament għoli għal dawk b'introjtu aktar baxx, li hu diżinċentiv għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, f'kuntest fejn it-tassazzjoni tal-introjtu mix-xogħol hija inqas progressiva mill-medja tal-Unjoni. Id-dħul pubbliku u l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma milqutin b'mod negattiv minn distakk kbir fit-taxxi, fil-kontribuzzjonijiet soċjali u fil-pagamenti obbligatorji mhux fiskali bejn l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom, li jwassal għall-ogħla sehem ta' ħaddiema għal rashom li juru karatteristiċi ta' dipendenza fl-Unjoni. Fis-Slovakkja, id-dħul rikorrenti mit-taxxa fuq il-proprjetà għadu lura meta mqabbel ma' dak fl-Unjoni, u jammonta għal 0,4 % biss tal-PDG, meta mqabbel ma' medja ta' 1 % fl-Unjoni. Din id-diskrepanza tirriżulta mis-sistema ta' tassazzjoni Slovakka bbażata fuq l-erja, li tikkalkula t-taxxi fuq il-bażi tad-daqs tal-proprjetà u mhux fuq il-valur tas-suq, li jwassal għal dħul mit-taxxa qiegħed, mentri l-prezzijiet tad-djar għolew fl-aħħar snin. Fil-qasam tat-tassazzjoni ambjentali, is-Slovakkja marret partikolarment tajjeb fl-2022, fejn qabżet il-medja tal-Unjoni fejn jidħlu taxxi ambjentali, kemm f'relazzjoni mal-PDG kif ukoll bħala sehem mit-tassazzjoni totali. Madankollu, dan kien l-aktar dovut għal dħul mit-taxxa b'saħħtu fuq l-enerġija, li jirriżulta minn bażi għat-taxxa konsiderevoli. Min-naħa l-oħra, d-dħul li ġej minn taxxi fuq it-trasport, it-tniġġis u r-riżorsi kien inqas mill-medja tal-Unjoni, li jindika potenzjal biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju “min iniġġes iħallas”. Minkejja titjib notevoli fis-snin reċenti, id-distakk fil-konformità tal-VAT għadu ogħla mill-medja tal-Unjoni. Madankollu, is-Slovakkja rnexxielha ċċekknu b'mod sinifikanti mill-2010 sal-2021, bis-saħħa ta' rapportar mandatorju tat-tranżazzjonijiet domestiċi u intra-Unjoni kollha introdott fl-2014, flimkien ma' applikazzjoni usa' tal-mekkaniżmu tar-reverse charge. Miżuri għas-simplifikazzjoni tas-sistemi fiskali, tal-kontribuzzjonijiet soċjali u tal-pagamenti obbligatorji mhux fiskali, flimkien ma' miżuri biex jonqsu l-kostijiet amministrattivi u tal-konformità, jistgħu jixprunaw id-dħul pubbliku u jsostnu s-sostenibbiltà fiskali. F'dawn l-aħħar snin, is-Slovakkja adottat diversi miżuri mhux immirati b'effetti negattivi potenzjali fuq, pereżempju, il-prezzijiet tal-proprjetà u l-kompetittività tal-prezzijiet, li wassal ukoll għal distribuzzjoni inġusta tar-riżorsi. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni insuffiċjenti tar-rieżamijiet tal-infiq eżistenti fil-proċess baġitarju tipprevjeni ffrankar identifikat li jista' jkun ta' benefiċċju għall-finanzi pubbliċi. Addizzjonalment, aktar titjib fid-diġitalizzazzjoni tad-dipartimenti tat-taxxa, speċjalment fl-oqsma tal-fatturazzjoni elettronika u fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa mimlijin minn qabel, jista' jgħin biex ikompli jnaqqas it-telf fis-sistema fiskali, jaġevola l-konformità mar-regoli tat-taxxa u jnaqqas il-kostijiet. |
|
(22) |
F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tas-Slovakkja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li s-Slovakkja tkompli timplimenta r-riformi u taċċellera l-investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti filwaqt li tiżgura governanza effettiva u kapaċità amministrattiva b'saħħitha. Is-Slovakkja tiffaċċa bosta ostakli li jfixklu l-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, b'ħafna proġetti kbar ta' investiment f'riskju li ma jiġux implimentati. L-implimentazzjoni tal-investimenti sejra lura speċjalment fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, tar-rinnovazzjoni tal-bini, tad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, tal-ħarsien tan-natura u tal-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma. Hemm ukoll riformi li bdew u li mhumiex mexjin kif ippjanat, pereżempju fil-qasam tal-ippjanar tal-pajsaġġ, u jistgħu jippreżentaw ostakli addizzjonali. L-amministrazzjoni pubblika Slovakka tbati minn effettività strutturalment baxxa, u minn nuqqas ta' kapaċità amministrattiva f'diversi livelli tal-gvern għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti kumplessi. Ostakli oħrajn li jridu jiġu indirizzati huma marbuta, pereżempju, mal-akkwist pubbliku u ma' proċessi twal għall-ħruġ ta' permessi, li jikkawżaw dewmien sostanzjali. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(23) |
Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), is-Slovakkja hija meħtieġa li tagħmel rieżami tal-programm tagħha appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. Is-Slovakkja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm disparitajiet reġjonali sinifikanti fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali bejn ir-reġjun kapitali u r-reġjuni l-oħrajn. Huwa kruċjali li titħaffef l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni u li jkomplu jiġu implimentati l-prijoritajiet miftiehma fil-programmi, li għadhom rilevanti. Huwa partikolarment importanti li tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, u li titjieb is-sħubija u s-sjieda, inkluż permezz ta' involviment aktar b'saħħtu tal-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili. Sabiex tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali u ekonomika ta' komunitajiet Rom marġinalizzati, billi jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom, jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja mingħajr segregazzjoni, u tiġi sostnuta l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, huma meħtieġa aktar sforzi. Fl-istess ħin, l-investimenti ppjanati fl-ilma tax-xorb u fl-infrastruttura tal-ilma mormi jridu jitlestew. Addizzjonalment, l-investimenti ppjanati fl-ekonomija ċirkolari, fl-immaniġġjar tal-iskart u f'effiċjenza fl-enerġija akbar fil-binjiet pubbliċi u residenzjali huma kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika. Huwa essenzjali wkoll li jsir aktar progress fl-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u fid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija. Il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol iridu jissaħħu biex jiġi miġġieled il-qgħad fit-tul. F'dan ir-rigward huma kruċjali skemi effettivi ta' taħriġ mill-ġdid u ta' tagħlim għall-adulti. Finalment, huwa essenzjali li tiġi pprovduta edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta' kwalità u affordabbli għat-tfal ta' taħt it-3 snin biex tingħata spinta lill-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà. |
|
(24) |
Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, għandha tingħata aktar attenzjoni lill-potenzjal li tingħata spinta lill-investiment fl-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali, speċjalment meta jitqies l-arretrat ta' investimenti f'dak il-qasam mill-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti. Is-Slovakkja tista' tuża wkoll il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilita bir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), fl-oqsma tat-teknoloġiji diġitali u l-innovazzjonijiet intensivi fit-teknoloġija, it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, u l-bijoteknoloġija biex tappoġġa t-trasformazzjoni tal-industrija. |
|
(25) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u minn fondi oħrajn tal-Unjoni, is-Slovakkja tiffaċċa bosta sfidi addizzjonali relatati mal-qafas ġuridiku u kontra l-korruzzjoni, in-nuqqas ta' trasparenza u kompetizzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti, is-suq tax-xogħol, il-ksib insuffiċjenti ta' ħiliet bażiċi, in-nuqqas ta' inklużjoni u r-rati baxxi ta' applikazzjoni għall-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-konservazzjoni ta' riżorsi naturali, u l-qafas tal-ekonomija ċirkolari. |
|
(26) |
Il-bidliet leġiżlattivi reċenti, b'mod partikolari l-emendi għall-Kodiċi Kriminali u ż-żarmar tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali, iwasslu għal tħassib serju dwar l-indipendenza u l-integrità tas-sistema tal-ġustizzja u tal-infurzar tal-liġi fis-Slovakkja. Mingħajr salvagwardji xierqa, dawk l-iżviluppi jirriskjaw li jdgħajfu l-kapaċità tas-sistema tal-ġustizzja kriminali u l-effettività tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż id-deterrenza, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' korruzzjoni u frodi fil-livelli għolja. Is-sitwazzjoni tirriskja li tiġi affettwata aktar mir-riorganizzazzjoni prevista tal-pulizija speċjalizzata fl-indirizzar tal-korruzzjoni (NAKA). Barra minn hekk, it-tkeċċija reċenti ta' bosta membri tal-Kunsill Ġudizzjarju qabel tmiem it-terminu tagħhom u n-nuqqas ta' salvagwardji biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-Kunsill Ġudizzjarju joħolqu lok għal tħassib. Dawk l-iżviluppi jirriskjaw li jfixklu l-ambjent tan-negozju u regolatorju tas-Slovakkja, u għalhekk il-kompetittività tagħha. |
|
(27) |
Is-sistema ta' governanza frammentata fis-Slovakkja u l-koordinazzjoni dgħajfa bejn id-diversi saffi tal-amministrazzjoni pubblika jfixklu l-ambjent tan-negozju u, speċjalment l-abbiltà tal-pajjiż li jimplimenta b'mod effettiv il-politiki u l-proġetti ta' investiment. Barra minn hekk, il-provvediment ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità u l-indipendenza finanzjarja tal-gvernijiet lokali u reġjonali huma ġeneralment dgħajfin. Dan, flimkien ma' użu ulterjuri ta' proċeduri leġiżlattivi rapidi, jirriżultaw f'nuqqas ta' prevedibbiltà fil-qafas regolatorju. Fl-istess ħin, filwaqt li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jfittex li jissimplifika l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi, għadhom jippersistu sfidi marbutin man-nuqqas ta' trasparenza u ta' kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku. Dan joħroġ biċ-ċar mill-fatt li fl-2023, 33 % tal-kuntratti ta' akkwist pubbliku ngħataw lil offerenti uniċi. B'riżultat ta' dawk l-isfidi, l-akkwist pubbliku ma jintużax suffiċjentement u strateġikament għall-avvanz ta' objettivi ta' politika importanti, li joħnoq il-progress fit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u jfixkel il-kapaċità tas-Slovakkja li ttejjeb il-potenzjal ekonomiku tagħha. Il-bidliet reċenti proposti fil-qafas tal-akkwist pubbliku u leġiżlazzjoni ġdida dwar l-investimenti strateġiċi jistgħu jkomplu jfixklu t-trasparenza u l-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku u jirriskjaw li jnaqqsu s-salvagwardji xierqa, speċjalment fir-rigward ta' investimenti fuq skala kbira. |
|
(28) |
Proporzjon relattivament għoli ta' studenti żgħażagħ tas-Slovakkja ma għandhomx livell minimu ta' profiċjenza f'ħiliet bażiċi fl-oqsma tal-matematika, tal-qari u tax-xjenza. L-istħarriġ tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti tal-2022 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi juri li s-Slovakkja hija wieħed mill-pajjiżi bl-agħar prestazzjonijiet fil-ħiliet bażiċi, bi prestazzjoni dgħajfa minn aktar minn 30 % tal-istudenti fil-matematika u fil-qari, u nuqqas fis-sehem ta' studenti eċċellenti, li jdgħajjef il-potenzjal ta' innovazzjoni u l-kompetittività fit-tul tal-pajjiż. Ir-riżultati juru wkoll distakk sinifikanti fil-ksib għal studenti minn sfondi soċjoekonomiċi żvantaġġati, inkluż mill-komunitajiet marġinalizzati Rom, li 62,6 % minnhom ma jiksbux il-ħiliet bażiċi fil-matematika. Dan jikkorrispondi ma' disparitajiet usa' fis-sistema edukattiva Slovakka. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza Slovakk fih ħafna miżuri fil-qasam tal-edukazzjoni, imma ma jimmirax b'mod suffiċjenti lejn żieda fis-sehem tat-tfal b'ħiliet bażiċi. L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-professjonisti tat-tagħlim jistgħu jibbenefikaw minn aktar fokus fuq sostenn tal-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi fost l-istudenti. Barra minn hekk, il-professjoni ta' tagħlim hija insuffiċjentement attraenti biex tindirizza n-nuqqas ta' persunal kwalifikat u hemm lok fejn titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tal-għalliema u li tiżdied id-disponibbiltà ta' assistenti tat-tagħlim, kif ukoll it-tagħlim bejn il-pari u opportunitajiet ta' mentoraġġ. Barra minn hekk, hemm potenzjal kbir biex tiżdied l-attendenza tat-tfal fl-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (early childhood education and care, ECEC) billi tiżdied id-disponibbiltà ta' postijiet ECEC u billi jingħata inċentiv lill-ġenituri għall-użu tagħhom. Filwaqt li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza Slovakk jappoġġa żieda fir-rata tal-indukrar tat-tfal mill-età ta' 3 snin, skont id-data tal-Eurostat (21) 1 % biss tat-tfal taħt l-età ta' 3 snin ipparteċipaw fl-ECEC fl-2023, li hija l-inqas rata fl-Unjoni. Żieda fil-parteċipazzjoni fl-ECEC tgħin biex tħejji t-tfal aħjar biex jitgħallmu ħiliet aktar tard fil-ħajja, tnaqqas it-tluq bikri mill-iskola, u trawwem il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ġenituri, b'mod partikolari n-nisa. |
|
(29) |
L-assorbiment nett tal-karbonju tas-Slovakkja fl-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija hu mbassar li jonqos b'mod sinifikanti, li jindika li l-pajjiż mhuwiex ser jilħaq il-mira ta' -6 821 kt ta' ekwivalent ta' CO2 sal-2030 taħt ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22). Dan imur id f'id mal-valutazzjoni insuffiċjenti tar-riskju klimatiku u mal-isfidi fil-konverżjoni ta' informazzjoni dwar ir-riskji klimatiċi f'soluzzjonijiet prattiċi. Sabiex dik ix-xejra titreġġa' fis-snin li ġejjin, ser ikun importanti li jsir progress fil-miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima, inklużi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, u li dawn jiġu integrati fil-politiki nazzjonali rilevanti, sabiex jitlesta l-iżżonar ta' żoni naturali protetti u biex jiġi promoss l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali. Fl-istess ħin hija meħtieġa azzjoni politika ulterjuri biex titrawwem it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Is-Slovakkja hija f'riskju li ma tilħaqx il-mira tal-2025 tagħha għall-iskart solidu muniċipali, li fl-2020 kienet għadha 19,2-il punt perċentwali bogħod mill-mira ta' 55 % fl-2025, kif ukoll il-mira ta' skart mill-imballaġġ, li fl-2020 kienet għadha 5,3 punti perċentwali bogħod mill-mira ta' 65 % fl-2025 (23). Is-Slovakkja tista' tibbenefika minn titjib fl-immaniġġjar tal-iskart tar-riżorsi biex tnaqqas ir-rimi f'landfill u żżid l-użu mill-ġdid ta' skart muniċipali u mill-imballaġġ, u l-użu ta' materjal ċirkolari fl-industrija u fil-kostruzzjoni. |
|
(30) |
Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. Fil-każ tas-Slovakkja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba' u l-ħames rakkomandazzjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. |
|
(31) |
Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta' żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (3). Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) jgħinu jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet marbuta mas-suq tal-akkomodazzjoni, mad-dejn tal-unitajiet domestiċi u mal-pożizzjoni esterna. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (3) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-kompetittività tal-kostijiet. Ir-rakkomandazzjonijiet (1) u (3) jikkontribwixxu kemm għall-indirizzar tal-iżbilanċi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro, f'konformità mal-premessa 30, |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li fl-2024 u fl-2025 is-Slovakkja tieħu azzjoni biex:
|
1. |
Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. F'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta (24) fl-2025 għal rata konsistenti, fost l-oħrajn, mat-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż lejn il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat u ż-żamma tad-dejn tal-gvern estiż f'livell prudenti fuq terminu medju. Tagħmel it-taħlita ta' taxxi aktar effiċjenti, inkluż billi tnaqqas id-diżinċentivi fis-suq tax-xogħol, u tagħmel użu aktar b'saħħtu tat-tassazzjoni ambjentali u rikorrenti fuq il-proprjetà. Tnaqqas il-miżuri ta' nfiq li jiswew ħafna flus, inkluż billi timplimenta rieżamijiet tal-infiq. Tkompli ssaħħaħ il-konformità mat-taxxa, inkluż billi tkompli tiddiġitalizza l-amministrazzjoni tat-taxxa. Tnaqqas ir-riskji relatati mad-dejn tal-unitajiet domestiċi billi tappoġġa l-provvista tad-djar u l-espansjoni tas-suq tal-kiri. |
|
2. |
Tiżgura governanza effettiva, issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva għall-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, taċċellera l-investimenti u żżomm il-momentum fl-implimentazzjoni tar-riformi. Tindirizza l-isfidi rilevanti biex tippermetti l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż tal-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu ta' dawk il-programmi, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, tieħu azzjoni biex tindirizza aħjar il-ħtiġijiet fir-rigward tal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, filwaqt li tikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tittejjeb il-kompetittività. |
|
3. |
Issaħħaħ l-effettività, l-indipendenza u l-integrità tas-sistema ġudizzjarja u ta' kontra l-korruzzjoni, inkluż billi tiżgura li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji adegwati għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni effettivi ta' każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli. Ittejjeb il-kompetittività u l-produttività, inkluż billi tiżgura t-trasparenza u l-kompetizzjoni fil-proċessi tal-akkwist pubbliku, sabiex tippromwovi governanza tajba u ttejjeb l-effettività tan-nefqa pubblika. Issaħħaħ it-tagħlim tal-ħiliet bażiċi, inkluż għat-tfal minn sfondi żvantaġġati, pereżempju minn komunitajiet Rom emarġinati, u żżid id-disponibbiltà u l-użu ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli u ta' kwalità għolja għat-tfal taħt l-età ta' 3 snin. Issaħħaħ il-ġestjoni tal-iskart tar-riżorsi u l-użu mill-ġdid tal-iskart muniċipali u mill-imballaġġ, u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali billi tintegra soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u tiffinalizza l-iżżonar ta' żoni naturali protetti. |
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
NAGY I.
(1) ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).
(8) Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(9) ST 10156/21; ST 10156/21 ADD 1).
(10) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-13 ta' Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għas-Slovakkja (ST 11205/23 INIT; ST 11205/23 ADD 1).
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj).
(12) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2022 tas-Slovakkja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2022 tas-Slovakkja (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 205).
(13) Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju tas-Slovakkja fl-2023 huwa stmat fil-livell ta' 12,4 % f'termini nominali, abbażi tar-rata ta' tkabbir potenzjali reali medja ta' 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(14) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta' emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Sinjal negattiv tal-indikatur jindika politika fiskali espansjonarja filwaqt li sinjal pożittiv tal-indikatur jindika politika fiskali restrittiva.
(15) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2023 tas-Slovakkja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2023 tas-Slovakkja (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 233).
(16) In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(17) Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(18) Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali tal-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (ii) il-miżuri ta' darba, (iii) in-nefqa fuq il-qgħad ċikliku u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli fl-ambitu tal-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni, meta mqabbla mar-rata ta' tkabbir tal-PDG nominali potenzjali fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.
(19) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).
(20) Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).
(21) Stħarriġ tal-EU SILC.
(22) Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta' gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/841/oj).
(23) ŻEE u ETC/CE (2022). Early Warning Assessment Related to the 2025 Targets for Municipal and Packaging Waste (https://www.eea.europa.eu/publications/country-profiles-early-warning-assessments).
(24) Skont l-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6832/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)