|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1536 |
30.7.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1536
tad-29 ta’ Lulju 2025
li jistabbilixxi l-proċedura dwar il-mobilizzazzjoni tal-kapaċità msaħħa ta’ emerġenza tat-Task Force tal-UE għas-Saħħa
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11a(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (“l-ECDC”) stabbilixxa t-Task Force tal-UE għas-Saħħa (“l-EUHTF”), li tinkludi kapaċità permanenti u kapaċità msaħħa ta’ emerġenza biex tappoġġa l-prevenzjoni tal-epidemiji, it-tħejjija għalihom u r-rispons għalihom. |
|
(2) |
Il-kapaċità permanenti tikkoordina l-attivitajiet kollha tal-EUHTF u timmaniġġja l-proċeduri tal-EUHTF, il-modalitajiet ta’ ħidma, l-objettivi, il-kompiti u l-ippjanar annwali tax-xogħol. Il-kapaċità msaħħa ta’ emerġenza sservi biex tingrana sal-massimu r-riżorsi kollha fl-EUHTF, jiġifieri kemm il-kapaċità permanenti kif ukoll il-grupp ta’ esperti, biex tiffaċilita r-rispons għal emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni. |
|
(3) |
Jekk il-Kummissjoni tirrikonoxxi emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-kapaċità msaħħa ta’ emerġenza għandha tiġi mobilizzata wara talba konġunta mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Din il-mobilizzazzjoni jenħtieġ li titwettaq mill-ECDC. |
|
(4) |
Il-mobilizzazzjoni tal-kapaċità msaħħa ta’ emerġenza għandha l-għan li tiffaċilita r-rispons tal-EUHTF matul emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni bl-involviment tal-esperti tal-EUHTF addizzjonali għall-kapaċità permanenti u l-assistenza tagħhom lill-Istati Membri li jippreżentaw talba għall-assistenza. Tali assistenza tista’ tinkludi l-iskjerament ta’ esperti tal-EUHTF f’dawk l-Istati Membri jew appoġġ mill-bogħod. |
|
(5) |
Matul emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkonsultaw lil xulxin fil-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/2371 dwar il-ħtieġa li tintalab il-mobilizzazzjoni tal-kapaċità msaħħa ta’ emerġenza. |
|
(6) |
Ladarba tiġi mobilizzata l-kapaċità msaħħa ta’ emerġenza , jenħtieġ li kwalunkwe Stat Membru jkun jista’ jippreżenta talba għal assistenza lill-ECDC. Jenħtieġ li l-ECDC jinforma lill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u lill-Kummissjoni bit-talbiet għall-assistenza riċevuti mill-Istati Membri. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-ECDC jinforma perjodikament lill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u lill-Kummissjoni dwar l-eżiti ewlenin tal-attivitajiet imwettqa mill-kapaċità msaħħa ta’ emerġenza li tassisti lill-Istati Membri. |
|
(8) |
Il-proċedura prevista f’dan ir-Regolament hija f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-theddid transfruntier serju għas-saħħa, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Wara r-rikonoxximent ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2022/2371, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin fil-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/2371 biex jivvalutaw il-ħtieġa li tintalab il-mobilizzazzjoni tal-kapaċità msaħħa ta’ emerġenza.
2. Jekk mill-inqas żewġ Stati Membri u l-Kummissjoni jaqblu dwar il-ħtieġa li tintalab il-mobilizzazzjoni tal-kapaċità msaħħa ta’ emerġenza, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tippreżenta talba konġunta għall-mobilizzazzjoni lill-ECDC u tinforma lill-aġenziji rilevanti l-oħra tal-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri permezz tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa b’dik it-talba konġunta.
Artikolu 2
1. Wara li jirċievi t-talba konġunta f’konformità mal-Artikolu 1(2), l-ECDC għandu jimmobilizza l-kapaċità msaħħa ta’ emerġenza u mingħajr dewmien jinforma lill-Istati Membri kollha permezz tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa dwar id-dettalji prattiċi għall-preżentazzjoni ta’ talbiet għall-assistenza mill-esperti tal-EUHTF lill-ECDC.
2. L-ECDC għandu jinforma lill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u lill-Kummissjoni dwar it-talbiet tal-Istati Membri għall-assistenza mill-esperti tal-EUHTF. L-ECDC għandu jivvaluta l-ħtiġijiet għall-assistenza u jikkoordina mal-Kummissjoni u mal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa biex jipprijoritizza t-talbiet riċevuti, u b’hekk iqis il-ħtiġijiet tal-Istati Membri li jkunu talbu l-assistenza u r-riżorsi tal-EUHTF.
Artikolu 3
Il-mobilizzazzjoni tal-kapaċità msaħħa ta’ emerġenza għandha tintemm bit-terminazzjoni tal-emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni li matulha tkun ġiet mobilizzata.
Artikolu 4
L-ECDC għandu jimmonitorja l-attivitajiet kollha li jitwettqu mill-kapaċità msaħħa ta’ emerġenza u għandu jħejji rapporti ta’ kull xahar lill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u lill-Kummissjoni dwar l-eżiti ewlenin tal-attivitajiet imwettqa mill-kapaċità msaħħa ta’ emerġenza.
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/851/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE, (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2371/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1536/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)