Brussell, 17.12.2025

COM(2025) 793 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ġermanja

{SWD(2025) 430 final}


Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ġermanja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 ,u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Wara l-preżentazzjoni tal-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (“RRP”, recovery and resilience plan) tal-Ġermanja fit-28 ta’ April 2021, il-Kummissjoni pproponiet il-valutazzjoni pożittiva tagħha lill-Kunsill. Fit-13 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill approva l-valutazzjoni pożittiva permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni (id-“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021”) 2 . Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 ġiet emendata permezz ta’ Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Frar 2023 3 , tat-8 ta’ Diċembru 2023 4 u tas-16 ta’ Lulju 2024 5 u tat-8 ta’ Lulju 2025 6 .

(2)Fil-11 ta’ Diċembru 2025, il-Ġermanja għamlet talba motivata lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta biex tiġi emendata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 għar-raġuni li l-RRP ma għadux jista’ jinkiseb għalkollox minħabba ċirkustanzi oġġettivi. Fuq dik il-bażi, il-Ġermanja ppreżentat RRP emendat.

Emendi bbażati fuq l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241

(3)L-emendi fl-RRP ippreżentati mill-Ġermanja minħabba ċirkostanzi oġġettivi jikkonċernaw 35 miżura.

(4)Il-Ġermanja spjegat li erba’ miżuri ma għadhomx jistgħu jinkisbu, minħabba bidliet fid-domanda tas-suq. Dan jikkonċerna l-miżura 1.1.2 (Programm ta’ appoġġ għad-dekarbonizzazzjoni fl-industrija), il-miżura 1.2.6 (Appoġġ għall-promozzjoni ta’ propulsjoni ferrovjarja alternattiva), 2.1.3 (IPCEI Infrastruttura u Servizzi tal-Cloud tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (IPCEI CIS)) u l-miżura 7.1.2 (Programm ta’ appoġġ għal trasport heavy duty u light duty b’emissjonijiet żero). Abbażi ta’ dan, il-Ġermanja talbet li dawk il-miżuri jiġu emendati. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.

(5)Il-Ġermanja spjegat li miżura ma għadhiex tista’ tinkiseb minħabba bidliet fl-iskeda ta’ żmien. Dan jikkonċerna l-miżura 1.1.1 Proġetti tal-Idroġenu fil-qafas tal-IPCEIs. Abbażi ta’ dan, il-Ġermanja talbet li din il-miżura tiġi emendata. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.

(6)Il-Ġermanja spjegat li ġew emendati żewġ miżuri biex jiġu implimentati alternattivi aħjar sabiex tinkiseb l-ambizzjoni oriġinali tagħha. Dan jikkonċerna l-miżura 1.2.7 (Promozzjoni tal-industriji involuti fl-applikazzjonijiet tal-idroġenu u taċ-ċelloli tal-fjuwil fit-trasport) u l-miżura 6.1.3 (Diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni - modernizzazzjoni tar-reġistri). Abbażi ta’ dan, il-Ġermanja talbet li dawk il-miżuri jiġu emendati. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.

(7)Il-Ġermanja spjegat li ġew emendati 28 miżura biex jiġu implimentati alternattivi aħjar li jippermettu li jitnaqqas il-piż amministrattiv u tiġi ssimplifikata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, filwaqt li xorta jintlaħqu l-objettivi ta’ dawk il-miżuri. Dan jikkonċerna l-miżura 1.1.4 (Riċerka dwar il-protezzjoni tal-klima relatata mal-proġett), il-miżura 1.1.5 (Proġetti ewlenin għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-kuntest tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Idroġenu), il-miżura 1.1.6 (Appoġġ federali għal networks effiċjenti għat-tisħin), il-miżura 1.2.1 (Appoġġ għall-bini ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar), il-miżura 1.2.3 (Appoġġ għas-sostituzzjoni tal-flotta ta’ vetturi privati), il-miżura 1.2.4 (Estensjoni tal-perjodu ta’ reġistrazzjoni inizjali għall-għoti ta’ eżenzjoni mit-taxxa ta’ għaxar snin għal vetturi purament elettriċi), il-miżura 1.2.5 (Appoġġ għax-xiri ta’ karozzi tal-linja bi propulsjoni alternattiva), il-miżura 1.3.2 (Laboratorji muniċipali tal-ittestjar fil-ħajja reali għat-tranżizzjoni tal-enerġija), il-miżura 1.3.3 (Rinnovazzjoni tal-bini: finanzjament federali għal bini effiċjenti fl-enerġija), il-miżura 2.1.1 (Politika tad-data innovativa għall-Ġermanja), 2.1.2 (IPCEI Mikroelettronika u Konnettività), il-miżura 2.2.1 (Programm ta’ investiment għall-manifatturi/fornituri tal-vetturi), il-miżura 2.2.2 (Programm Federali “Nibnu aktar networks tas-CET”), il-miżura 2.2.3 (Ċentru ta’ Riċerka dwar id-Diġitalizzazzjoni u t-Teknoloġija tal-Bundeswehr), il-miżura 3.1.1 (Programm ta’ investiment għall-apparat tal-għalliema), il-miżura 3.1.2 (Pjattaforma tal-edukazzjoni), il-miżura 3.1.3 (Ċentri edukattivi ta’ eċċellenza), il-miżura 3.1.4 (Modernizzazzjoni tal-faċilitajiet edukattivi u ta’ taħriġ tal-Forzi Armati Federali), il-miżura 4.1.1 (Programm ta’ investiment, “Finanzjament għall-indukrar tat-tfal” 2020/21: il-Fond speċjali “Espansjoni tal-kura matul il-ġurnata għat-tfal”), il-miżura 4.1.5 (Ħarsa Ġenerali lejn il-Pensjoni Diġitali), il-miżura 5.1.2 (Programm għal sptarijiet li jibqgħu validi fil-futur), il-miżura 6.1.1 (ekosistema tal-identità Ewropea), il-miżura 6.1.2 (Diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni - Implimentazzjoni tal-Att dwar l-Aċċess Online), il-miżura 6.2.1 (Programm konġunt tal-gvern federali u tal-Länder għal amministrazzjoni effiċjenti li tkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u għan-negozji), il-miżura 6.2.2 (Espansjoni tas-servizzi ta’ konsulenza tal-PD - Berater der öffentlichen Hand GmbH), il-miżura 6.2.3 (Tħaffif fil-proċeduri tal-ippjanar u tal-approvazzjoni fis-settur tat-trasport), il-miżura 7.1.1 ((scale-up): Rinnovazzjoni tal-bini: finanzjament federali għal bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija) u l-miżura 7.1.3 (Pjattaforma diġitali minn tarf sa tarf biex jitħaffu l-ippjanar u l-approvazzjoni). Abbażi ta’ dan, il-Ġermanja talbet li dawk il-miżuri jiġu emendati. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.

(8)Wara t-tnaqqis fil-livell ta’ implimentazzjoni tal-miżuri f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Ġermanja talbet li tuża r-riżorsi liberati bit-tnaqqis fil-livell tal-implimentazzjoni tagħhom biex iżżid il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ miżura waħda. Dan jikkonċerna l-miżura 1.2.7 (Promozzjoni tal-industriji involuti fl-applikazzjonijiet tal-idroġenu u taċ-ċelloli tal-fjuwil fit-trasport). Abbażi ta’ dan, il-Ġermanja talbet li jiżdied il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ miżura waħda.

Tqassim tal-istadji importanti u tal-miri

(9)It-tqassim tal-istadji importanti u tal-miri marbut mal-pagamenti parzjali jenħtieġ li jiġi emendat biex jitqiesu l-emendi tal-RRP u l-iskeda ta’ żmien indikattiva ppreżentata mill-Ġermanja.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni

(10)Il-Kummissjoni vvalutat l-RRP emendat skont il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241.

Kontribuzzjoni għat-tranżizzjoni ekoloġika inkluża l-bijodiversità

(11)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (e) u mal-kriterju 2.5 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat jinkludi miżuri li fil-biċċa l-kbira jikkontribwixxu (klassifikazzjoni A) għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mir-riforma. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 44,9 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP emendat u 48 % tal-kostijiet stmati totali tal-miżuri fil-kapitolu REPowerEU kkalkolat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241. F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2021-2030.

(12)Il-miżuri mneħħija jew imnaqqsa ma għandhomx impatt sinifikanti fuq l-ambizzjoni ġenerali tal-RRP fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-kontribuzzjoni għall-klima tal-RRP modifikat naqset minn 46,3 % għal 44,9 % meta mqabbla mal-valutazzjoni emendata.

Kontribuzzjoni għat-tranżizzjoni diġitali

(13)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (f) u mal-kriterju 2.6 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat fih miżuri li jikkontribwixxu fil-biċċa l-kbira (klassifikazzjoni А) għat-tranżizzjoni diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 45,8 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP emendat ikkalkolata f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament.

(14)Il-miżuri mneħħija jew imnaqqsa ma għandhomx impatt sinifikanti fuq l-ambizzjoni ġenerali tal-RRP fir-rigward tat-tranżizzjoni diġitali. Il-kontribuzzjoni diġitali tal-RRP modifikat naqset minn 46,1 % għal 45,8 % meta mqabbla mal-valutazzjoni emendata.

Kwalunkwe kriterju ieħor ta’ valutazzjoni

(15)Il-Kummissjoni tqis li l-emendi mressqa mill-Ġermanja ma jaffettwawx il-valutazzjoni pożittiva tal-RRP stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 rigward ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-RRP mal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3), il-punti (a), (b), (c), (d), (da), (db), (g), (h), (i), (j) u (k).

Valutazzjoni pożittiva

(16)Wara l-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni tal-RRP emendat, bis-sejba li l-RRP jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) u l-Anness V ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat, l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat.

Kontribuzzjoni finanzjarja

(17)Il-kostijiet totali stmati tal-RRP emendat tal-Ġermanja huma ta’ EUR 30 591 028 678. Peress li l-ammont tal-kost totali stmat tal-RRP emendat huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata disponibbli għall-Ġermanja, il-kontribuzzjoni finanzjarja ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 4a tar-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 , u mal-Artikolu 20(4) u l-Artikolu 21a(6) tar-Regolament (UE) 2021/241 li hija allokata għall-RRP emendat għall-Ġermanja jenħtieġ li tkun ta’ EUR 30 324 665 082. Għalhekk, il-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għall-Ġermanja tibqa’ l-istess.

(18)Għalhekk id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li jiġi sostitwit kompletament.

(19)Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura marbuta mal-għoti ta’ fondi tal-Unjoni skont kwalunkwe programm tal-Unjoni ħlief għall-Faċilità jew għal proċeduri relatati ma’ distorsjonijiet tal-operazzjoni tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma tirkibx fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP

Il-valutazzjoni tal-RRP emendat tal-Ġermanja fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata.

Artikolu 2

Emendi

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ġermanja hija emendata kif ġej:

L-Anness huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. .

Artikolu 3
Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj
(2)    Ara d-dokumenti ST 10158/21 INIT; ST 10158/21 ADD 1.
(3)    Ara d-dokumenti ST 5536/23 INIT.
(4)    Ara d-dokumenti ST 15572/23 INIT.
(5)    Ara d-dokumenti ST 11674/24 INIT; ST 11674/24 COR 1; ST 11674/24 COR 2(sk); ST11674/24 ADD1.
(6)    Ara d-dokumenti ST 10517/25 INIT; ST 10517/25 ADD 1.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit, (ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1755/oj ).