European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/1571

5.3.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq is-settur agrikolu u ż-żoni rurali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2024/1571)

Relatur:

Simo TIAINEN

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

23.2.2023

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

22.11.2023

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

48/0/0

Adozzjoni fil-plenarja

14.12.2023

Sessjoni plenarja Nru

583

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

182/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u r-riskji ta’ interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija kienu waħda mit-tħassib ewlieni għall-UE matul is-sena li għaddiet u ttieħdu firxa wiesgħa ta’ miżuri fil-livell tal-UE u mill-Istati Membri. Iż-żoni rurali u speċjalment is-settur agrikolu fl-UE ġew affettwati ħafna mill-prezzijiet għoljin tal-enerġija.

1.2.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jinnota li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri introduċew diversi miżuri biex jindirizzaw l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-KESE jinnota li minflok reazzjonijiet ta’ politika nazzjonali ad hoc, l-Istati Membri għandhom itejbu l-użu tal-istrumenti taħt il-Pjani Strateġiċi Nazzjonali tal-PAK biex jindirizzaw il-kriżi li tirriżulta minn bidliet rapidi fis-suq.

1.3.

Il-KESE jirrimarka li l-prezzijiet li qed jogħlew b’rata mgħaġġla u għalhekk l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla jippreżentaw ukoll sfida għall-mekkaniżmi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Għal din ir-raġuni, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra li tinkludi elementi kontroċikliċi fl-istrumenti tal-PAK wara l-2027.

1.4.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi kollha bl-għan li titnaqqas id-dipendenza mill-inputs u s-sorsi tal-enerġija bbażati fuq il-fossili. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza politika mtejba biex jiżdied il-pass tat-tranżizzjoni ekoloġika, speċjalment id-dekarbonizzazzjoni u l-enerġiji mhux fossili. Minbarra l-politiki agrikoli u rurali, politiki settorjali oħra jeħtieġ li jqisu aktar dawn l-objettivi.

1.5.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-idea li l-prattiki kuntrattwali fil-katina tal-provvista tal-ikel għandhom iqisu aħjar l-ispejjeż ogħla tal-produzzjoni fil-produzzjoni primarja. Il-kuntratti relatati mal-katina tal-provvista tal-ikel normalment ikunu riġidi u ma jqisux biżżejjed l-ispejjeż tal-produzzjoni li jinbidlu malajr. Il-KESE jiddikjara b’mod ċar li s-sitwazzjoni trid tittejjeb. Il-KESE jappella biex id-diversi liġijiet kuntrattwali u prattiki kuntrattwali jiġu armonizzati sabiex ikun hemm konsistenza u effiċjenza bejn l-Istati Membri. Il-KESE jenfasizza li l-kwalità tad-data statistika dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-marġnijiet tal-prezzijiet tal-bdiewa trid tittejjeb.

1.6.

Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija jaffettwaw in-negozju u l-attività ekonomika fiż-żoni rurali. L-inċertezza naqqset l-inċentivi għall-investiment u żiedet il-livell limitu għar-reklutaġġ tal-ħaddiema. Dan joħloq riskju ta’ inqas opportunitajiet ta’ impjieg speċjalment f’żoni rurali u rurali remoti, fejn rarament jeżistu opportunitajiet alternattivi ta’ impjieg. L-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija jappoġġja l-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ impjieg u jista’ joħloq ukoll sorsi ta’ introjtu alternattivi għall-agrikoltura u għal operaturi rurali oħra.

1.7.

Il-KESE jirrimarka li l-futur u l-prosperità taż-żoni rurali huma ta’ importanza kbira għas-sigurtà tal-ikel, l-awtonomija strateġika (1) u r-reżiljenza tal-Ewropa, kif ukoll għal taħlita ta’ enerġija sostenibbli li tikkontribwixxi għall-indipendenza enerġetika tal-UE. Il-KESE jqis li huwa importanti li jkun hemm impenn favur l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-viżjoni rurali fit-tul tal-UE (2). Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-importanza li tinżamm u tiġi żviluppata l-infrastruttura rurali madwar l-UE. Infrastruttura adatta u miżmuma tajjeb ittejjeb ir-reżiljenza u tippermetti aġġustament għal kriżi li qed tevolvi.

1.8.

Il-KESE jenfasizza li r-rwol tal-komunitajiet tal-enerġija lokali u reġjonali jrid jiġi rikonoxxut u promoss biex tinkiseb tranżizzjoni tal-enerġija ġusta u effiċjenti fiż-żoni rurali (3). Il-KESE jara ħafna opportunitajiet fil-komunitajiet tal-enerġija u jqis il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli b’mod partikolari interessanti ħafna minn perspettiva rurali. Il-promozzjoni tal-komunitajiet tal-enerġija lokali u reġjonali trid tkun akkumpanjata minn aċċess faċli, flessibbiltà burokratika u tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi. Huwa importanti li dawn it-tipi ta’ proġetti fiż-żoni rurali jiġu appoġġjati wkoll mill-fondi tal-UE.

1.9.

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-iffrankar tal-enerġija u tal-effiċjenza enerġetia fil-konsum privat kif ukoll f’dak pubbliku. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ rinnovazzjonijiet enerġetiċi tal-bini, investimenti f’makkinarju ġdid u teknoloġija oħra, kif ukoll operazzjonijiet agrikoli li jikkonsmaw inqas enerġija, fost affarijiet oħra.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-gwera illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat kriżi tal-enerġija bla preċedent għall-UE. Il-prezzijiet tal-enerġija bdew jiżdiedu malajr fil-ħarifa tal-2021 u żdiedu b’mod aktar mgħaġġel wara li faqqgħet il-gwerra fl-aħħar ta’ Frar 2022. Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija kkawżat diffikultajiet għan-nies u għan-negozji madwar l-UE. Iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u r-riskji ta’ interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija kienu waħda mit-tħassib ewlieni għall-UE matul is-sena li għaddiet u ttieħdu firxa wiesgħa ta’ miżuri fil-livell tal-UE u mill-Istati Membri. Fl-istess ħin, l-UE qed tniedi tranżizzjoni ambizzjuża lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Din l-Opinjoni għandha l-għan li teżamina aktar fil-fond l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq is-settur agrikolu u ż-żoni rurali, u tipprovdi rakkomandazzjonijiet biex jittaffew l-impatti negattivi.

2.2.

Is-settur agrikolu, li huwa settur strateġiku fl-UE u parti kruċjali taż-żoni rurali tagħna, ġie affettwat ħafna mill-prezzijiet għoljin tal-enerġija. Il-produzzjoni agrikola teħtieġ ħafna enerġija direttament jew indirettament permezz tal-użu ta’ inputs ta’ produzzjoni intensivi fl-enerġija, speċjalment fertilizzanti. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija affettwat b’mod sinifikanti l-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola u wasslet għal żieda fl-inċertezza tas-suq. Bħala riżultat ta’ din is-sitwazzjoni, ħafna bdiewa ffaċċjaw bilanċi ta’ flus kontanti li qed jiddgħajfu u diffikultajiet biex ikomplu l-attivitajiet tagħhom.

2.3.

Ħafna operazzjonijiet agrikoli huma staġjonali, u għalhekk il-konsum tal-enerġija tagħhom huwa staġjonali wkoll. Matul l-istaġun ta’ spiss ikun diffiċli li l-konsum tal-enerġija jiġi aġġustat minħabba żidiet fil-prezzijiet jew l-iskarsezza tal-enerġija. Matul l-istaġun tat-tkabbir ikunu jridu jitwettqu t-tisqija u prattiki oħra ta’ ġestjoni tal-ilma u l-makkinarju tal-għelieqi jkun irid jitħaddem fil-ħin mitlub. Żidiet rapidi fil-prezzijiet iġarrbu kostijiet mhux previsti u jistgħu joħolqu riskji għal-likwidità u l-profittabbiltà għall-azjendi agrikoli u operazzjonijiet rurali oħra.

2.4.

Fiż-żoni rurali, il-prezzijiet għoljin tal-enerġija wasslu għal żieda fl-ispejjeż għal ħtiġijiet bażiċi bħat-tisħin, l-elettriku, il-loġistika u t-trasport. Iż-żoni rurali spiss ikollhom aċċess limitat għall-infrastruttura tal-enerġija, u d-distanzi tal-ivvjaġġar spiss ikunu twal. Is-sitwazzjoni poġġiet piż sinifikanti fuq il-popolazzjoni rurali u l-kumpaniji rurali. L-introjtu medju fiż-żoni rurali huwa aktar baxx milli fiż-żoni urbani (4). Ir-residenti rurali għandhom riskju ogħla ta’ esklużjoni soċjali u faqar enerġetiku. Għamlitha wkoll diffiċli għall-kumpaniji rurali biex joperaw u jkunu kompetittivi. Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija għamluha aktar diffiċli għall-komunitajiet rurali biex jaċċessaw sorsi tal-enerġija affordabbli u affidabbli. Dan joħloq theddida dejjem akbar ta’ faqar rurali.

2.5.

Bidliet rapidi fis-suq ikollhom impatti fuq is-soċjetà kollha. It-taqlib fis-swieq tal-enerġija kien sors ewlieni ta’ inflazzjoni fl-UE. L-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur għall-elettriku, il-gass u fjuwils oħra kien bħala medja 60 % ogħla fl-2022 meta mqabbel mal-livell tal-prezzijiet fl-2020. Fl-agrikoltura, il-bidla korrispondenti fil-prezzijiet tal-enerġija kienet saħansitra ogħla. Il-prezzijiet ġenerali tal-enerġija fl-agrikoltura żdiedu b’86 % fl-istess perjodu ta’ sentejn (5).

3.   L-impatti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq is-settur agrikolu

3.1.

Il-pass tal-bidliet osservati fis-suq tal-enerġija tal-UE fl-2021 u l-2022 huwa rifless bl-aktar mod ċar fil-bidliet fil-prezzijiet tal-gass naturali. Il-prezz tal-gass naturali huwa indikatur suffiċjenti tal-iżvilupp ġenerali tal-prezz tal-enerġija, peress li l-gass huwa sors ewlieni ta’ enerġija għat-tisħin, u dak li jistabbilixxi l-prezzijiet tas-suq tal-elettriku tal-UE. Għall-agrikoltura, il-gass naturali huwa input importanti fil-produzzjoni tal-fertilizzanti tan-nitroġenu. Minbarra s-suq immexxi mill-gass naturali, l-iżvilupp globali tal-prezzijiet taż-żejt wassal għal żidiet rapidi fil-prezzijiet tal-fjuwil. Iż-żieda simultanja fil-prezzijiet taż-żejt u tal-gass għamlet l-impatt ħafna akbar fl-agrikoltura.

3.2.

Għall-bdiewa, l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jirriżulta mill-ispejjeż diretti tal-produzzjoni, l-inputs intermedji, u l-konsum tal-unitajiet domestiċi. Il-prezz ġenerali tal-enerġija fil-produzzjoni agrikola kien 86 % ogħla fl-2022 meta mqabbel mal-2020. L-ogħla żieda kienet fil-fjuwils għat-tisħin b’żieda ta’ 225 % meta mqabbla mal-2020. Iż-żieda komparabbli fil-prezz tal-fertilizzanti kienet ta’ 142 % u ta’ 72 % għall-elettriku (6).

3.3.

L-ispejjeż globali tal-produzzjoni tal-agrikoltura kienu ogħla b’mod sinifikanti minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-inputs. L-elastiċità tad-domanda għall-inputs agrikoli ewlenin hija baxxa ħafna, u dan jindika li l-bidliet fid-domanda huma iżgħar meta mqabbla mal-bidliet fil-prezzijiet.

3.4.

Fl-agrikoltura, bidliet rapidi fi żmien qasir fil-prezzijiet spiss ma tantx iħallu lok għal aġġustament, skont is-settur jew it-tip ta’ biedja. L-enerġija u l-fertilizzanti jiffurmaw sehem relattivament sinifikanti tal-użu totali tal-input fl-agrikoltura. Skont l-Eurostat (7), is-sehem tal-enerġija fis-settur agrikolu tal-UE kien ta’ 13,2 % fl-2022. Barra minn hekk, il-prezzijiet ta’ inputs agrikoli oħra żdiedu.

3.5.

Fl-agrikoltura tal-UE, l-ispejjeż tal-fertilizzanti fl-2022 żdiedu b’103 % meta mqabbla mal-2020. Peress li ż-żieda osservata fil-prezz hija kemxejn ogħla meta mqabbla mal-bidliet fl-ispejjeż, l-ammont totali ta’ fertilizzanti użati fil-produzzjoni kien aktar baxx fl-2022 meta mqabbel mal-2020. B’paragun, l-ispejjeż totali tal-enerġija kienu 66 % ogħla fl-istess perjodu. Għalhekk, l-użu tal-enerġija fl-agrikoltura kien ukoll aktar baxx fl-2022 (8).

3.6.

L-impatt tal-prezzijiet volatili tal-enerġija għandu konsegwenzi kemm fuq perjodu medju kif ukoll fit-tul. Fuq perjodu medju, iż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni minħabba l-enerġija tista’ żżid il-pass tal-bidla strutturali fl-agrikoltura, kemm f’termini ta’ abbandun tal-azjendi agrikoli kif ukoll f’termini ta’ bidliet fil-produzzjoni. Dawn l-impatti huma simili wkoll għal dawk li jaffettwaw negozji rurali oħra. Fuq perjodu twil, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija tħaffef il-pass tal-bidla lejn prattiki ta’ produzzjoni aktar effettivi jew effiċjenti li huma aktar ekonomiċi f’termini ta’ riżorsi naturali jew inputs.

4.   L-impatti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fiż-żoni rurali

4.1.

Il-fatturi speċifiċi li jaffettwaw l-inflazzjoni tal-enerġija jvarjaw skont ir-reġjun, il-pajjiż u ċ-ċirkostanzi individwali. L-impatt taż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija huwa akbar fiż-żoni rurali meta mqabbel maż-żoni periurbani u urbani. Dan jirriżulta speċjalment minn spejjeż ogħla ta’ distribuzzjoni u konsenja, kompetizzjoni limitata fost il-fornituri tal-enerġija, sfidi fl-infrastruttura tal-enerġija, u minħabba sussidji u differenzi fil-politika.

4.2.

Iż-żieda rapida fil-prezzijiet tal-enerġija u l-inflazzjoni ġeneralment għolja wasslu biex titnaqqas il-kapaċità tal-akkwist tal-konsumatur. B’mod ġenerali, il-pass tal-iżvilupp tal-pagi u tal-introjtu ma setax ilaħħaq mal-inflazzjoni li qed tiżdied b’rata mgħaġġla.

4.3.

Fl-2022, il-prezz medju tal-elettriku fl-UE li kellhom iħallsu l-konsumaturi kien 44 % ogħla meta mqabbel mal-2020. Il-prezz għall-konsumatur għall-gass kien 72 % ogħla u għall-enerġija tas-sħana 24 % ogħla fl-istess perjodu. Is-sehem relattiv tan-nefqa tal-konsum ġenerali fuq l-elettriku, il-gass u fjuwils oħra żdied mill-2020 għall-2022 (9).

4.4.

Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija wasslu għal għoli tal-ħajja ogħla għall-popolazzjoni rurali. Dan jista’ jaffettwa l-kapaċità tagħhom li jaffordjaw ħtiġijiet bażiċi bħat-tisħin, l-elettriku u t-trasport. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija qed tikkontribwixxi għall-faqar rurali. L-individwi jew l-unitajiet domestiċi ma jaffordjawx jixtru biżżejjed enerġija. Dan jista’ jirriżulta f’inqas aċċess għal tisħin, tkessiħ u tidwil affidabbli, u ħtiġijiet essenzjali oħra tal-enerġija. Il-faqar enerġetiku jista’ jkollu effetti negattivi fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, u l-kwalità ġenerali tal-ħajja fiż-żoni rurali, speċjalment fost il-popolazzjonijiet vulnerabbli u l-anzjani.

4.5.

Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija jaffettwaw in-negozju u l-attività ekonomika fiż-żoni rurali. Minbarra l-agrikoltura, ħafna negozji li joperaw f’żoni rurali sofrew minn din is-sitwazzjoni. L-inċertezza naqqset l-inċentivi għall-investiment u żiedet il-livell limitu għar-reklutaġġ tal-ħaddiema. Is-settur tat-turiżmu, li huwa importanti f’ħafna żoni rurali, sofra wkoll minn prezzijiet għoljin tal-enerġija. Dan joħloq riskju ta’ inqas opportunitajiet ta’ impjieg speċjalment f’żoni rurali u rurali remoti, fejn rarament jeżistu opportunitajiet alternattivi ta’ impjieg.

5.   Kummenti ġenerali

5.1.

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni u l-Istati Membri introduċew diversi miżuri biex jindirizzaw l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn il-miżuri jinkludu, fost l-oħrajn, il-pakketti ta’ appoġġ eċċezzjonali lill-bdiewa l-aktar affettwati mis-sitwazzjoni fl-Ukrajna fl-2022 u l-kostijiet tal-input persistentement għoljin fl-2023, limiti massimi miżjuda għal ammonti limitati ta’ għajnuna lill-bdiewa, flessibbiltà u appoġġ possibbli għall-kumpaniji affettwati miż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija, u t-tneħħija temporanja tad-dazji tal-fertilizzanti bl-eċċezzjoni tal-fertilizzanti li joriġinaw mir-Russja u mill-Belarussja. Il-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew jinkoraġġixxu l-investimenti f’sorsi alternattivi tal-enerġija fl-agrikoltura wkoll. Hemm inċentivi dejjem akbar biex tittejjeb il-biedja ta’ preċiżjoni. It-teknoloġiji għaljin ser jagħtu l-frott fi ftit żmien u jipprovdu redditi dejjem akbar fuq perjodu qasir.

5.2.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni bl-għan li titnaqqas id-dipendenza mill-inputs u s-sorsi tal-enerġija bbażati fuq il-fossili. Abbażi tal-Komunikazzjoni dwar L-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti (10), il-Kummissjoni se tippromovi aċċess aħjar għal fertilizzanti u nutrijenti organiċi minn flussi ta’ skart riċiklat, speċjalment f’reġjuni fejn l-użu ta’ fertilizzanti organiċi huwa baxx, tappoġġja l-konverżjoni tal-industrija Ewropea tal-fertilizzanti tan-nitroġenu f’waħda bbażata fuq l-ammonijaka prodotta bl-użu ta’ idroġenu rinnovabbli u mingħajr fossili, u tiżgura li jkun hemm ambjent regolatorju stabbli u fattibbli li jirregola l-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u b’hekk tiżgura li jkun jista’ jiżviluppa malajr suq għal fertilizzanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju bbażati fuq l-idroġenu. Jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel aktar enfasi fuq il-promozzjoni tal-użu ta’ fertilizzanti organiċi fil-PAK futura permezz ta’ skemi ambjentali li jippremjaw lill-bidwi.

5.3.

Il-KESE jinnota li minflok reazzjonijiet ta’ politika nazzjonali ad hoc, l-Istati Membri għandhom itejbu l-użu tal-istrumenti taħt il-Pjani Strateġiċi Nazzjonali tal-PAK biex jindirizzaw il-kriżi li tirriżulta minn bidliet rapidi fis-suq. Rieżami (11) jiżvela li 14-il Stat Membru biss jimplimentaw strumenti ta’ ġestjoni tar-riskju tal-PAK fil-Pjani Strateġiċi Nazzjonali tal-PAK tagħhom. Dawn l-istrumenti għandhom jinkludu assigurazzjonijiet tal-ispejjeż jew miżuri oħra mmirati lejn l-ispejjeż. L-istrumenti attwalment approvati skont il-pjani prinċipalment jissupplimentaw l-iskemi tal-assigurazzjoni mmirati lejn it-telf tal-għelejjel jew eżiti oħra relatati mat-temp. Madankollu, hemm ukoll eżempju wieħed ta’ għodda għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu li qed tintuża fil-pjani strateġiċi nazzjonali approvati tal-PAK.

5.4.

Il-KESE jirrimarka li l-prezzijiet li qed jogħlew b’rata mgħaġġla u għalhekk l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla jippreżentaw ukoll sfida għall-mekkaniżmi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Is-sussidji diretti tal-PAK spiss huma ġġustifikati bħala għodda biex jiġu stabbilizzati l-introjti tal-bdiewa fl-isfond ta’ bidliet rapidi fis-suq. Madankollu, il-PAK attwali ma tistax tqis biżżejjed l-impatt tal-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla fuq l-agrikoltura. Għal din ir-raġuni, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra li tinkludi elementi kontroċikliċi b’biżżejjed finanzjament fl-istrumenti tal-PAK wara l-2027. Il-miżuri antiċikliċi jorbtu l-livelli ta’ appoġġ aktar mill-qrib mal-iżviluppi tas-suq u jsaħħu x-xibka ta’ sikurezza kontra ż-żieda fl-ispejjeż u t-tnaqqis fil-profitti.

5.5.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-idea li l-prattiki kuntrattwali fil-katina tal-provvista tal-ikel għandhom iqisu aħjar il-varjazzjoni fl-ispejjeż tal-produzzjoni fil-produzzjoni primarja. Il-kuntratti relatati mal-katina tal-provvista tal-ikel normalment ikunu riġidi u ma jqisux biżżejjed l-ispejjeż tal-produzzjoni li jinbidlu malajr. Il-KESE jiddikjara b’mod ċar li s-sitwazzjoni għandha tittejjeb. Il-KESE jappella biex id-diversi liġijiet kuntrattwali u prattiki kuntrattwali jiġu armonizzati sabiex ikun hemm konsistenza u effiċjenza bejn l-Istati Membri.

5.6.

Il-Patt Ekoloġiku tal-UE u l-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tagħha għandhom l-għan li jnaqqsu l-użu ta’ fertilizzanti inorganiċi tan-nitroġenu fl-agrikoltura. It-tnaqqis tad-dipendenza tal-agrikoltura tal-UE mill-fertilizzanti tan-nitroġenu bbażati fuq il-fossili huwa objettiv ewlieni. It-tisħiħ tal-użu ta’ nutrijenti riċiklati u ta’ sorsi tan-nitroġenu mhux fossili jkun ta’ benefiċċju għall-ambjent u jipprovdi opportunitajiet ġodda ta’ negozju u innovazzjoni fil-livell reġjonali (12). Dan huwa importanti wkoll biex jintlaħaq l-għan tan-newtralità karbonika sal-2050.

5.7.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza politika mtejba biex jiżdied il-pass tat-tranżizzjoni ekoloġika, speċjalment id-dekarbonizzazzjoni u l-enerġiji mhux fossili. Minbarra l-politiki agrikoli u rurali, politiki settorjali oħra jeħtieġ li jqisu aktar dawn l-objettivi. Dan jeħtieġ ukoll użu aħjar ta’ skemi ta’ kapital ta’ investiment u ta’ kapital ta’ riskju barra mill-baġit tal-UE. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-politika, il-verifika rurali jenħtieġ li tiġi applikata għall-iskemi ta’ politika kollha.

5.8.

Il-KESE jirrimarka li l-futur u l-prosperità taż-żoni rurali huma ta’ importanza kbira għas-sigurtà tal-ikel, l-awtonomija strateġika (13) u r-reżiljenza tal-Ewropa, kif ukoll għal taħlita ta’ enerġija sostenibbli li tikkontribwixxi għall-indipendenza enerġetika tal-UE. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw liż-żoni rurali fl-espansjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli sostenibbli, inkluż billi jitneħħew l-ostakli eżistenti, jiġu deċentralizzati s-sistemi tal-produzzjoni u tal-ħżin, jissaħħu l-grilji tal-enerġija u jitħarrġu professjonisti kwalifikati, kif ukoll billi jiġi promoss l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħala mezz ta’ kontribut għall-awtonomija enerġetika, id-diversifikazzjoni tal-introjtu, u l-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku u t-tibdil fil-klima.

5.9.

Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-importanza li tinżamm u tiġi żviluppata l-infrastruttura rurali madwar l-UE. Infrastruttura adatta u miżmuma tajjeb ittejjeb ir-reżiljenza u tippermetti aġġustament għal kriżi li qed tevolvi. Element essenzjali tal-infrastruttura huwa network komprensiv tal-broadband fiż-żoni rurali kollha. Il-broadband inaqqas il-ħtieġa għall-ivvjaġġar lejn ix-xogħol u lura, u b’hekk joħloq kundizzjonijiet aħjar għax-xogħol mill-bogħod. Barra minn hekk, itejjeb il-kundizzjonijiet operattivi tal-intrapriżi rurali u b’hekk jikkontribwixxi direttament għall-impjiegi rurali.

5.10.

Il-KESE jenfasizza li l-enerġija rinnovabbli u l-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija lokali u l-komunitajiet tal-enerġija huma parti importanti mill-viżjoni rurali fit-tul tal-UE (14). Il-KESE jqis li huwa importanti li jkun hemm impenn favur l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-viżjoni rurali fit-tul tal-UE. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrikonoxxi s-sinifikat ta’ inizjattivi bħall-Patt Rurali (15), li jsaħħaħ il-governanza f’diversi livelli, jiffaċilita l-kollaborazzjoni fost il-partijiet interessati, u jikkontribwixxi b’mod attiv għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-iżvilupp sostenibbli fis-settur agrikolu u fiż-żoni rurali.

5.11.

Il-KESE jenfasizza li r-rwol tal-komunitajiet tal-enerġija lokali u reġjonali jrid jiġi rikonoxxut u promoss biex tinkiseb tranżizzjoni tal-enerġija ġusta u effiċjenti fiż-żoni rurali (16). Il-komunitajiet tal-enerġija huma forom ġodda ta’ produzzjoni u konsum tal-enerġija. Il-KESE jara ħafna opportunitajiet fil-komunitajiet tal-enerġija u jqis il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli b’mod partikolari interessanti ħafna minn perspettiva rurali. Hemm diversi eżempji ta’ komunitajiet tal-enerġija li jiffunzjonaw tajjeb bħal Wildpoldsried (17), Elektrizitätswerke Schönau (18), Mutterscholz (19), u Claremorris u l-Ko-Op tad-Distrett tal-Enerġija tal-Punent (20).

5.12.

L-investimenti fil-bijogass, fl-enerġija mir-riħ, fl-enerġija solari u f’enerġija rinnovabbli oħra jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza mill-fjuwils fossili u tittejjeb l-awtosuffiċjenza ġenerali tal-enerġija fl-UE. Dawn l-investimenti għandhom jissaħħu, speċjalment fl-azjendi agrikoli. Abbażi ta’ dawn l-investimenti, il-grilji tal-enerġija lokali u reġjonali jistgħu jistabbilizzaw is-suq tal-enerġija u jipprovdu xbieki ta’ sikurezza biex jiġi miġġieled it-taqlib fis-suq, speċjalment għall-konsumaturi rurali, il-bdiewa u n-negozji fuq skala żgħira.

5.13.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi ffrankata l-enerġija u li tittejjeb l-effiċjenza enerġetika. Minbarra benefiċċji oħra, l-iffrankar tal-enerġija jista’ jgħin biex jirreżisti aħjar kriżijiet futuri. Hemm ħafna possibbiltajiet biex tiġi ffrankata l-enerġija, bħal iżolament aħjar tal-bini, effiċjenza enerġetika aħjar, użu aktar intelliġenti tal-elettriku, għażliet differenti ta’ mobbiltà u xogħol mill-bogħod. Fl-agrikoltura, dawn il-possibbiltajiet jinkludu l-biedja ta’ preċiżjoni, u metodi ta’ produzzjoni u makkinarju aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil u tal-enerġija, fost affarijiet oħra.

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “L-awtonomija strateġika u s-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ikel” (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 56).

(2)  https://rural-vision.europa.eu/index_mt

(3)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tranżizzjoni diġitali u tal-enerġija fiż-żoni rurali” (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 59).

(4)  Eurostat regional yearbook – 2023 edition (Annwarju reġjonali tal-Eurostat – edizzjoni tal-2023) (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Eurostat (https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/prc_hicp_manr/default/table), kalkoli proprji.

(6)  Kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura, Eurostat (https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/apri_pi15_ina/default/table), kalkoli proprji (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura (https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/aact_eaa01/default/table) (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura (https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/aact_eaa01/default/table), kalkoli proprji (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Nefqiet tal-konsum tal-unitajiet domestiċi, Eurostat (https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/nama_10_co3_p3/default/table), kalkoli proprji (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  COM(2022) 590 final.

(11)  Thünen – Dokument ta’ ħidma 191a.

(12)  Rapport ta’ informazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-benefiċċji tat-trobbija estensiva tal-bhejjem u l-fertilizzanti organiċi fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku.

(13)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “L-awtonomija strateġika u s-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ikel” (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 56).

(14)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE (COM(2021) 345 final).

(15)  https://ruralpact.rural-vision.europa.eu/rural-pact_en

(16)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tranżizzjoni diġitali u tal-enerġija fiż-żoni rurali” (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 59).

(17)  Dibattitu tematiku dwar Il-Patt Rurali #1: L-enerġiji rinnovabbli fiż-żoni rurali (https://www.eesc.europa.eu/mt/agenda/our-events/events/rural-pact-1-renewable-energies-rural-areas).

(18)  https://www.ews-schoenau.de/ews/geschichte/

(19)  Muttersholtz, Territoire à énergie positive.

(20)  https://claremorris-energy-coop.com/


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1571/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)