IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.3.2025
COM(2025) 77 final
2025/0047(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd previsti mill-Protokoll għall-implimentazzjoni (2025–2029) tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju u l-Komunità Ewropea
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Abbażi tad-direttivi ta’ negozjati rilevanti, il-Kummissjoni wettqet negozjati mal-Gvern tar-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju (“il-Kosta tal-Avorju”) bil-ħsieb li tikkonkludi, f’isem l-Unjoni Ewropea, Protokoll ta’ Implimentazzjoni ġdid (2025–2029) tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju u l-Komunità Ewropea. L-objettiv huwa li l-bastimenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jidħlu fiż-żona tas-sajd tal-Kosta tal-Avorju u jistadu għat-tonn u għall-ispeċijiet assoċjati miegħu, b’mandat tall-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT). Wara t-tlestija ta’ dawn in-negozjati, ġie inizjalat Protokoll min-negozjaturi fil-21 ta’ Novembru 2024. Il-Protokoll il-ġdid ikopri perjodu ta’ 4 snin mid-data tal-applikazzjoni proviżorja stabbilita fl-Artikolu 20, jiġifieri mid-data ta’ meta jiġi ffirmat miż-żewġ Partijiet.
Il-Protokoll il-ġdid jipprevedi opportunitajiet tas-sajd fil-kategoriji li ġejjin:
—
25 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni tal-borża;
—
7 bastimenti tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ;
—
bastimenti ta’ appoġġ skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-ICCAT u fil-limiti stipulati mil-leġiżlazzjoni tal-Kosta tal-Avorju;
L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li dawn l-opportunitajiet tas-sajd jiġu allokati fost l-Istati Membri.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
L-objettiv ewlieni tal-Protokoll il-ġdid huwa li jipprovdi qafas aġġornat, jiġifieri li jqis il-prijoritajiet tal-Politika Komuni tas-Sajd riveduta u tad-dimensjoni esterna tagħha ħalli titkompla s-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosta tal-Avorju fil-qasam tas-sajd u ħalli din tissaħħaħ.
Il-Protokoll jagħti lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea opportunitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Kosta tal-Avorju skont l-aħjar parir xjentifiku disponibbli u skont ir-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), fil-limiti tal-kwantità żejda disponibbli. Il-Kummissjoni bbażat il-pożizzjoni tagħha parzjalment fuq ir-riżultati ta’ evalwazzjoni tal-Protokoll preċedenti (2018-2024) u fuq evalazzjoni li tħares lejn il-ġejjieni dwar jekk jenħtieġ li jiġi konkluż Protokoll ġdid. Dawn l-evalwazzjonijiet twettqu minn esperti esterni. L-objettiv huwa wkoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosta tal-Avorju ħalli jiġu promossi politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Kosta tal-Avorju u fl-Oċean Atlantiku, fl-interess tal-Partijiet. Barra minn hekk, din il-kooperazzjoni se tikkontribwixxi wkoll biex jiġu promossi kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol fl-attivitajiet tas-sajd.
Il-Protokoll il-ġdid jipprevedi opportunitajiet tas-sajd fil-kategoriji li ġejjin:
—
25 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni tal-borża;
—
7 bastimenti tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ;
—
bastimenti ta’ appoġġ skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-ICCAT u fil-limiti stipulati mil-leġiżlazzjoni tal-Kosta tal-Avorju;
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
In-negozjar ta’ Protokoll ġdid li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd mal-Kosta tal-Avorju jifforma parti mill-azzjoni esterna tal-Unjoni lejn il-pajjiżi tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), u jqis b’mod partikolari l-objettivi tal-Unjoni ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-iżvilupp uman u soċjali, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.
•Proporzjonalità
Il-proposta hija proporzjonata mal-objettiv li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza ġuridika, ambjentali, ekonomika u soċjali għall-attivitajiet tas-sajd li l-bastimenti tal-Unjoni jwettqu fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi, kif stabbilit fl-Artikolu 31 tar-Regolament li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd. Din tikkonforma ma’ dawn id-dispożizzjonijiet u mad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna finanzjarja lil pajjiżi terzi stabbiliti fl-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Fl-2023, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post tal-Protokoll tal-2018–2024 għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd mal-Kosta tal-Avorju, kif ukoll evalwazzjoni ex ante ta’ Protokoll ġdid possibbli. Il-konklużjonijiet ta’ dawn l-evalwazzjonijiet ex post u ex ante huma stabbiliti f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD) .
Mill-evalwazzjoni ħareġ li s-settur tas-sajd tal-Unjoni huwa interessat ferm fil-possibbiltà li jeżerċita l-attività tiegħu fil-Kosta tal-Avorju u li Protokoll ġdid huwa fl-interess taż-żewġ Partijiet. Barra minn hekk, Protokoll ġdid se jgħin biex jissaħħu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza u se jikkontribwixxi għat-titjib tal-governanza tas-sajd fir-reġjun.
Għall-Unjoni, huwa importanti li żżomm strument li jippermetti kooperazzjoni settorjali mill-qrib ma’ dan l-attur ewlieni tal-governanza tal-oċeani fil-livell subreġjonali, minħabba d-daqs taż-żona tas-sajd li taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu. It-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Kosta tal-Avorju iservi wkoll biex jinbnew l-alleanzi fil-qafas tal-ICCAT. Barra minn hekk, għall-flotta tal-UE dan ifisser li jinżamm l-aċċess għal żona importanti tas-sajd fejn ikunu jistgħu jintużaw strateġiji tal-qbid skont qafas legali internazzjonali pluriennali. Barra minn hekk, il-qagħda u t-tagħmir u s-servizzi tal-Port ta’ Abidjan f’żona fil-qalba ta’ żona sfruttata ħafna jagħmluh ċentru loġistiku u port ewlieni tal-iżbark u tat-trażbord, li jikkontribwixxi għar-rilevanza tal-Protokoll il-ġdid previst, kemm għas-settur tas-sajd tal-UE kif ukoll għall-pajjiż sieħeb. Għall-awtoritajiet tal-Kosta tal-Avorju, l-għan huwa li jinżammu relazzjonijiet mal-Unjoni sabiex tissaħħaħ il-governanza tal-oċeani, li jirċievu appoġġ settorjali speċifiku b’opportunitajiet ta’ finanzjament pluriennali, u li tinbeda l-industrijalizzazzjoni tas-settur tal-ipproċessar tal-pajjiż permezz tal-attività tal-bastimenti, bħala parti mid-diversifikazzjoni tal-ekonomija tiegħu.
•Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati
L-Istati Membri, ir-rappreżentanti tas-settur, l-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili, kif ukoll l-amministrazzjoni tas-sajd u s-soċjetà ċivili tal-Kosta tal-Avorju ġew ikkonsultati bħala parti mill-valutazzjoni. Ġew organizzati wkoll konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni qabbdet konsulent indipendenti jagħmel l-evalwazzjonijiet ex post u ex ante, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(10) tar-Regolament li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd.
•Valutazzjoni tal-impatt
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
Il-Ftehim innegozjat jinkludi klawżola dwar il-konsegwenzi tal-ksur tal-elementi essenzjali tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Samoa, relatati mad-drittijiet tal-bniedem.
4.L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
L-abbozz tar-Regolament ma għandu l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, għall-evalwazzjoni u għar-rapportar
Din il-proċedura qed tinbeda b’mod parallel mal-proċeduri marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija għas-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju u l-Komunità Ewropea, kif ukoll ma’ dawk marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tiegħu. Dan ir-Regolament japplika malli jkunu jistgħu jinbdew l-attivitajiet tas-sajd, jiġifieri mid-data tal-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll.
2025/0047 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd previsti mill-Protokoll għall-implimentazzjoni (2025–2029) tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju u l-Komunità Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fis-17 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 242/2008 li kkonkluda l-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju u l-Komunità Ewropea, (“il-Ftehim”). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fit-18 ta’ April 2008.
(2)L-aħħar Protokoll li jimplimenta l-Ftehim skada fil-31 ta’ Lulju 2024.
(3)Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, Protokoll ta’ Implimentazzjoni ġdid tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju u l-Komunità Ewropea għal perijodu ta’ 4 snin (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”).
(4)Wara dawn in-negozjati, il-Protokoll ġie inizjalat fil-21 ta’ Novembru 2024.
(5)Fil-[...], il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) […], rigward l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll il-ġdid, dment li tiġi konkluża f’data iktar tard.
(6)Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perjodu kollu tal-applikazzjoni tal-Protokoll.
(7)Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-aktar fis possibbli minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tal-Kosta tal-Avorju u l-ħtieġa li titnaqqas kemm jista’ jkun l-interruzzjoni ta’ dawn l-attivitajiet.
(8)Il-Protokoll se jibda japplika fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu sabiex ikunu jistgħu jitkomplew l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika minn dik l-istess data,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti skont il-Protokoll (2025–2029) għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri kif ġej:
(a)25 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun:
Spanja:
[14]
bastimenti
Franza:
[11]
bastimenti
(b)7 bastimenti tas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ:
Spanja:
[5]
bastimenti
Il-Portugall:
[2]
bastimenti
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mid-data tal-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President