SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)

20 ta’ Marzu 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prodotti bijoċidali – Direttiva 98/8/KE – Regolament (UE) Nru 528/2012 – Applikabbiltà ratione temporis – Regoli tranżitorji – Aċċess għall-informazzjoni – Artikoli 66 u 67 – Talba għal aċċess għal rapport ta’ ekwivalenza teknika bejn sustanzi attivi fi prodotti bijoċidali stabbilita mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru – Protezzjoni tal-interessi kummerċjali – Direttiva 2003/4/KE – Applikabbiltà ratione materiae – Artikolu 4(2) – Kunċett ta’ ‘tagħrif dwar emissjonijiet fl-ambjent’”

Fil-Kawża C‑809/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Diċembru 2023, fil-proċedura

Sumitomo Chemical Agro Europe SAS

vs

Agence nationale de sécurité sanitaire de l’alimentation, de l’environnement et du travail (ANSES),

Compagnie européenne de réalisations antiparasitaires SAS France (CERA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Ħames Awla, u J. Passer (Relatur), Imħallef,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Sumitomo Chemical Agro Europe SAS, minn M. Grunchard, M. Ombredane, avukati, u K. Van Maldegem, advocaat,

–

għall-Agence nationale de sécurité sanitaire de l’alimentation, de l’environnement u du travail (ANSES), minn F. Pinet, avukat,

–

għall-Gvern Franċiż, minn M. de Lisi, B. Fodda, u B. Travard, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lindenthal, M. Noll-Ehlers u F. Thiran, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Settembru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 3), tal-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2012, L 167, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2017, L 280, p. 57 u fil-ĠU 2023, L 71, p. 43), kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 334/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2014 (ĠU 2014, L 103, p. 22, rettifika fil-ĠU 2017, L 81, p. 20) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 528/2012”), kif ukoll l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn minn naħa, Sumitomo Chemical Agro Europe SAS u min-naħa l-oħra, l-Agence nationale de sécurité sanitaire de l’alimentation, de l’environnement et du travail (l-Aġenzija Nazzjonali għas-Sigurtà Sanitarja tal-Ikel, tal-Ambjent u tax-Xogħol, Franza, iktar ’il quddiem, l-“ANSES”) u l-Compagnie européenne de réalisations antiparasitaires SAS France (iktar ’il quddiem “CERA”), dwar ir-rifjut ta’ aċċess għal rapport sħiħ ta’ din l-aġenzija li jikkonkludi favur l-ekwivalenza teknika bejn żewġ sustanzi attivi li jinsabu fil-prodotti bijoċidali kkummerċjalizzati minn Sumitomo Chemical Agro Europe u minn CERA.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tipprevedi, fl-Artikolu 4 tagħha, intitolat “Aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent”:

“1.   Kull Parti għandha tiżgura li, bla ħsara għall-paragrafi segwenti ta’ dan l-artikolu, l-awtoritajiet pubbliċi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-informazzjoni dwar l-ambjent li tintalab mingħandhom […]

[…]

4.   Talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda fil-każ li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jkun ser ikollu effetti sfavorevoli fuq:

[…]

d)

is-sigriet kummerċjali u industrijali meta dan is-sigriet huwa protett bil-liġi sabiex jitħares interess ekonomiku leġittimu. F’dan il-kuntest, l-informazzjoni fuq l-emissjonijiet li hija rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent għandha tiġi żvelata;

[…]

Ir-raġunijiet għal rifjut imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv b’kont meħud tal-interess li dan l-iżvelar ta’ informazzjoni mitluba jippreżenta lill-pubbliku u skont jekk din l-informazzjoni tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent.

[…]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 98/8

4

Id-Direttiva 98/8, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, tħassret b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2013 bir-Regolament Nru 528/2012, fil-verżjoni inizjali tiegħu, li huwa applikabbli minn din id-data.

5

L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-Kunfidenzjalità”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE tas‑7 ta’ Ġunju 1990 dwar il-libertà ta’ l-aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 402)], applikant jista’ jindika lill-awtorità kompetenti t-tagħrif li huwa jikkunsidra bħala sensittiv kummerċjalment u li l-iżvelar tiegħu jista’ jikkawżalu ħsara industrijalment jew kummerċjalment u li għalhekk ikun jixtieq li jibqa’ kunfidenzjali minn persuni oħra għajr l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni [Ewropea]. Trid tinħtieġ ġustifikazzjoni sħiħa f’kull każ. Mingħajr preġudizzju għat-tagħrif riferit fil-paragrafu 3 […], l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-kompożizzjoni sħiħa tal-formolazzjonijiet tal-prodott jekk mitluba mill-applikant”.

Ir‑Regolament Nru 528/2012

6

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 528/2012:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

(w)

‘ekwivalenza teknika’ tfisser similarità fir-rigward tal-kompożizzjoni kimika u l-profil ta’ periklu ta’ sustanza prodotta jew minn sors differenti mis-sors ta’ referenza, jew mis-sors ta’ referenza iżda wara bidla fil-proċess ta’ manifattura u/jew fil-post ta’ manifattura, meta mqabbla mas-sustanza tas-sors ta’ referenza li fir-rigward tagħha twettqet l-istima inizjali tar-riskji, kif stabbilit fl-Artikolu 54;

[…]”.

7

L-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonijiet għall-għotja ta’ awtorizzazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Prodott bijoċidali għajr dawk eliġibbli għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni simplifikata f’konformità mal-Artikolu 25 għandu jiġi awtorizzat sakemm jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-sustanzi attivi jkunu inklużi fl-Anness I jew approvati għat-tip ta’ prodott rilevanti u tkun issodisfata kwalunkwe kundizzjoni speċifikata għal dawk is-sustanzi attivi;

[…]

(c)

l-identità kimika, il-kwantità u l-ekwivalenza teknika tas-sustanzi attivi fil-prodott bijoċidali u, fejn ikun il-każ, kwalunkwe impurità tossikoloġika jew ekotossikoloġika sinifikanti u rilevanti u sustanzi li mhumiex attivi, u r-residwi tiegħu ta’ sinifikat tossikoloġiku jew ambjentali, li jirriżultaw minn użi mhux awtorizzati, jistgħu jiġu ddeterminati skont il-ħtiġijiet rilevanti fl-Annessi II u III;

[…]”.

8

L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament, intitolat “Evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 3(a) tiegħu:

“Fil-perijodu ta’ 365 jum imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti li tirċievi għandha:

(a)

tabbozza rapport tal-konklużjonijiet fil-qosor tal-valutazzjoni tagħha u r-raġunijiet li għalihom tkun awtorizzat il-prodott bijoċidali jew tkun irrifjutat li tagħti awtorizzazzjoni (‘ir-rapport tal-valutazzjoni’)”.

9

L-Artikolu 54 tal-istess regolament, intitolat “Valutazzjoni tal-ekwivalenza teknika”, huwa fformulat b’dan il-mod:

“1.   Fejn ikun meħtieġ li tiġi stabbilita l-ekwivalenza teknika ta’ sustanzi attivi, il-persuna li trid tistabbilixxi l-ekwivalenza (“l-applikant”) għandha tippreżenta applikazzjoni lill-[Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)].

2.   L-applikant għandu jippreżenta d-data kollha li l-[ECHA] teħtieġ għall-valutazzjoni tal-ekwivalenza teknika.

[…]

4.   Wara li l-applikant jingħata l-opportunità li jissottometti kummenti, l-[ECHA] għandha tieħu deċiżjoni fi żmien 90 jum minn mindu tirċievi l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u għandha tikkomunikaha lill-Istati Membri u lill-applikant.

5.   Fejn, fil-fehma tal-[ECHA], tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali sabiex titwettaq il-valutazzjoni tal-ekwivalenza teknika, l-[ECHA] għandha titlob lill-applikant jippreżenta tali informazzjoni f’limitu ta’ żmien speċifikat mill-Aġenzija. L-[ECHA] għandha tirrifjuta l-applikazzjoni jekk l-applikant jonqos li jippreżenta l-informazzjoni addizzjonali fil-limitu ta’ żmien speċifikat. Il-perijodu ta’ 90 jum imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jkun sospiż mid-data ta’ ħruġ tat-talba sakemm tasal l-informazzjoni. Is-sospensjoni ma għandhiex taqbeż il-180 jum ħlief fejn dan ikun ġustifikat min-natura tad-data mitluba jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

6.   Fejn ikun il-każ, l-[ECHA] tista’ tikkonsulta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li aġixxa bħala l-awtorità kompetenti li tevalwa għall-evalwazzjoni tas-sustanza attiva.

[…]”.

10

L-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 528/2012, intitolat “Kunfidenzjalità”, jipprovdi:

“1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)] u r-regoli tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-[ECHA], adottat skont l-Artikolu 118(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22, u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84),], għandhom japplikaw għal dokumenti miżmuma mill-[ECHA] għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-[ECHA] u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrifjutaw l-aċċess għall-informazzjoni meta l-iżvelar tagħha jkun jimmina l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali jew tal-privatezza jew tas-sigurtà tal-persuni kkonċernati.

L-iżvelar tal-informazzjoni li ġejja għandha normalment titqies bħala li timmina l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali jew tal-privatezza jew tas-sigurtà tal-persuni kkonċernati:

(a)

dettalji tal-kompożizzjoni sħiħa tal-prodott bijoċidali;

(b)

it-tunnellaġġ preċiż tas-sustanza attiva jew tal-prodott bijoċidali mmanifatturati jew imqegħdin fis-suq;

(c)

rabtiet bejn il-manifattur ta’ sustanza attiva u l-persuna responsabbli għall-introduzzjoni ta’ prodott bijoċidali fis-suq jew bejn il-persuna responsabbli għall-introduzzjoni ta’ prodott bijoċidali fis-suq u d-distributuri tal-prodott;

(d)

l-ismijiet u l-indirizzi ta’ persuni involuti fl-ittestjar fuq vertebrati.

Madankollu, fejn tkun essenzjali azzjoni urġenti sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali, is-sikurezza jew l-ambjent jew għal raġunijiet ta’ interess pubbliku oħrajn li jipprevalixxu, l-[ECHA] jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżvelaw l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni, aċċess għall-informazzjoni li ġejja ma għandu fl-ebda każ jiġi rifjutat:

[…]

(j)

il-metodi tal-analiżi msemmija fl-Artikolu 19(1)(c);

[…]

4.   Kwalunkwe persuna li tibgħat informazzjoni relatata ma’ sustanza attiva jew prodott bijoċidali lill-[ECHA] jew awtorità kompetenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament tista’ titlob li l-informazzjoni fl-Artikolu 67(3) u (4) ma ssirx disponibbli, inkluża ġustifikazzjoni dwar għaliex l-iżvelar tal-informazzjoni jista’ jkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali ta’ dik il-persuna jew dawk ta’ kwalunkwe parti oħra kkonċernata”.

11

Skont l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 528/2012, intitolat “Aċċess pubbliku elettroniku”:

“1.   Mid-data li fiha l-Kummissjoni tadotta Regolament ta’ implimentazzjoni li jistipula li sustanza attiva hija approvata, kif jingħad fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), l-informazzjoni aġġornata li ġejja miżmuma mill-[ECHA] jew mill-Kummissjoni dwar dik is-sustanza attiva għandha ssir disponibbli pubblikament u faċilment mingħajr ħlas:

[…]

(h)

metodi analitiċi jekk msemmija fit-taqsimiet 5.2 u 5.3 tat-Titolu 1, u t-taqsima 4.2 tat-Titolu 2 tal-Anness II.

2.   Mid-data li fiha prodott bijoċidali jkun awtorizzat, l-[ECHA] għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, b’mod faċli u bla ħlas, l-informazzjoni aġġornata li ġejja:

(a)

it-termini u l-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni;

(b)

is-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali; u

(c)

metodi analitiċi msemmija fit-taqsimiet 5.2 u 5.3 tat-Titolu 1, u t-taqsima 5.2 tat-Titolu 2 tal-Anness III.

3.   Mid-data li fiha l-Kummissjoni tadotta Regolament ta’ implimentazzjoni li jistipula li sustanza attiva hija approvata, kif jingħad fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), ħlief f’każijiet fejn il-fornitur tad-data jippreżenta ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 66(4) aċċettata bħala valida mill-awtorità kompetenti jew mill-[ECHA] dwar għalfejn tali pubblikazzjoni tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali tiegħu jew ta’ kwalunkwe parti oħra kkonċernata, l-[ECHA] għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bla ħlas, l-informazzjoni aġġornata li ġejja dwar dik is-sustanza attiva:

[…]

(e)

ir-rapport ta’ evalwazzjoni.

4.   Mid-data li fiha prodott bijoċidali jkun awtorizzatt, l-[ECHA] għandha, ħlief fejn il-fornitur tad-data jippreżenta ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 66(4), aċċettata bħala valida mill-awtorità kompetenti, jew l-[ECHA], għala t-tali pubblikazzjoni hija potenzjalment ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali tiegħu jew ta’ kwalunkwe parti oħra konċernata, tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bla ħlas, l-informazzjoni aġġornata li ġejja:

(a)

sommarji ta’ studji, jew sommarji ta’ studji robusti, ta’ studji sottomessi b’appoġġ għall-awtorizzazzjoni tal-prodott bijoċidali; u

(b)

ir-rapport ta’ evalwazzjoni.”

12

L-Artikolu 91 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Miżuri transizzjonali rigward l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti bijoċidali ppreżentati skont id-Direttiva 98/8/KE”, jipprovdi:

“Applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti bijoċidali ppreżentati skont id-Direttiva 98/8/KE li l-evalwazzjoni tagħhom ma tkunx tlestiet sal‑1 ta’ Settembru 2013 għandhom jiġu evalwati mill-awtoritajiet kompetenti skont dik id-Direttiva.

[…]”.

13

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 528/2012 jipprovdi li, “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikoli 86, 89, 93, 95 u 92 ta’ dan ir-Regolament, id-Direttiva 98/8/KE hija b’dan imħassra b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2013”.

14

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 528/2012, dan tal-aħħar għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2013.

15

L-Anness III ta’ dan ir-regolament, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/525 tad‑19 ta’ Ottubru 2020 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2021, L 106, p. 3), jipprovdi, fit-Titolu 2 tiegħu, intitolat “Mikro-organiżmi”:

“Sett ta’ data bażika u sett ta’ data addizzjonali għas-sustanzi attivi

L-informazzjoni meħtieġa bħala appoġġ għall-approvazzjoni ta’ sustanza attiva hija elenkata fit-tabella ta’ hawn taħt.

[…]

Kolonna 1

Informazzjoni meħtieġa:

Kolonna 2

Id-data kollha hija CDS sakemm mhux indikata bħala ADS

Kolonna 3

Regoli speċifiċi għal adattament mill-kolonna 1

[…]

 

 

2. Identità tal-Prodotti Bijoċidali

 

 

[…]

 

 

2.5. Meta l-prodott bijoċidali jkun fih sustanza attiva li ġiet immanifatturata f’postijiet jew skont proċessi jew minn materja prima għajr dawk tas-sustanza attiva evalwata għall-fini tal-approvazzjoni skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, trid tiġi pprovduta evidenza li l-ekwivalenza teknika ġiet stabbilita skont l-Artikolu 54 ta’ dan ir-Regolament jew ġiet stabbilita, wara evalwazzjoni li bdiet qabel l‑1 ta’ Settembru 2013 minn awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 98/8/KE

 

 

[…]”

 

 

16

L-Anness VI tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji komuni għall-evalwazzjoni tad-dossiers għall-prodotti bijoċidali”, jipprevedi:

“ […]

VALUTAZZJONI

Prinċipji Ġenerali

[…]

21.

Fejn tkun rilevanti, l-ekwivalenza teknika għal kull sustanza attiva li tinsab fil-prodott bijoċidali għandha tiġi stabbilita b’referenza għal sustanzi attivi diġà inklużi fil-lista tas-sustanzi attivi approvati.

[…]”

Id‑Direttiva 2003/4

17

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu.”

18

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

[…]

(d)

il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovvduta fil-liġijiet nazzjonali jew Komunitarji sabiex tipproteġi intress ekonomiku leġittimu, inkluż l-interes pubbliku fiż-żamma tal-kunfidenzjalità u s-segretezza dwar it-taxxi;

[…]

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragraf 1u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent.

[…]”.

Ir-Regolament Nru 1907/2006

19

Il-premessa 117 tar-Regolament Nru 1907/2006 tistabbilixxi:

“Iċ-ċittadini ta’ l-UE għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi li jistgħu jkunu esposti għalihom, sabiex jippermetulhom jagħmlu deċiżjonijiet informati dwar l-użu, minnhom, tas-sustanzi kimiċi. Mezz trasparenti sabiex isir dan ikun li jingħataw aċċess liberu u faċli għad-data bażika miżmuma fid-database ta’ l-[ECHA], inklużi profili fil-qosor ta’ proprjetajiet perikolużi, ir-rekwiżiti ta’ l-ittikkettar u l-leġislazzjoni Komunitarja relevanti inkluż l-użu awtorizzat u l-miżuri ta’ l-immaniġġar tar-riskji. L-[ECHA] u l-Istati Membri għandhom jippermettu aċċess għal informazzjoni skond id-Direttiva [2003/4], ir-Regolament [Nru 1049/2001], u skond il-Konvenzjoni [ta’ Aarhus].”

Regolament (KE) Nru 1367/2006

20

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Fir-rigward ta’ l-ewwel u t-tielet inċiżi ta’ l-Arikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, b’eċċezzjoni għal investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja, għandu jitqies li jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fejn l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b’ mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.”

Id‑dritt Franċiż

21

Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L.300–1, L.300–2 u L.311–1 tal-Code des relations entre le public et l’administration (il-Kodiċi tar-Relazzjonijiet bejn il-Pubbliku u l-Amministrazzjoni) jirriżulta li l-amministrazzjonijiet huma obbligati jikkomunikaw id-dokumenti amministrattivi miżmuma minnhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mit-Titolu I tal-Ktieb III ta’ dan il-kodiċi.

22

Skont l-Artikolu L.311-6 tal-imsemmi kodiċi:

“Jistgħu jiġu kkomunikati biss lill-persuna interessata d-dokumenti amministrattivi:

1° Li l-komunikazzjoni tagħhom tippreġudika […] is-sigriet kummerċjali, li jinkludi s-sigriet tal-proċessi, tal-informazzjoni ekonomika u finanzjarja u tal-istrateġiji kummerċjali jew industrijali […]

[…]”.

23

L-Artikolu L.124-4 tal-code de l’environnement (il-Kodiċi dwar l-Ambjent) jipprevedi li:

“I.-Wara li tevalwa l-interess ta’ komunikazzjoni, l-awtorità pubblika tista’ tiċħad it-talba għal informazzjoni dwar l-ambjent li l-konsultazzjoni jew il-komunikazzjoni tagħha tippreġudika:

1° Lill-interessi msemmija fl-Artikoli L–311-5 sa L–311-8 tal-Kodiċi tar-Relazzjonijiet bejn il-Pubbliku u l-Amministrazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fil-punt (e) u (h) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu L–311-5;

[…]”.

24

L-Artikolu L.124-5 tal-Kodiċi dwar l-Ambjent jipprovdi li:

“[…]

II.-L-awtorità pubblika tista’ tirrifjuta t-talba għal informazzjoni dwar emissjonijiet ta’ sustanzi fl-ambjent biss fil-każ fejn il-konsultazzjoni jew il-komunikazzjoni tagħha jippreġudikaw:

1° It-tmexxija tal-politika esterna ta’ Franza, s-sigurtà pubblika jew id-difiża nazzjonali;

2° L-iżvolġiment tal-proċeduri ġudizzjarji jew l-investigazzjoni ta’ ksur li jista’ jagħti lok għal sanzjonijiet kriminali;

3° id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.”

25

L-Artikolu L.521-7 ta’ dan il-kodiċi, li kien applikabbli wkoll għall-informazzjoni dwar sustanzi attivi u prodotti bijoċidali skont l-Artikolu L.522-12 tal-imsemmi kodiċi li d-dispożizzjonijiet tiegħu kienu jittrasponu l-Artikolu 19 tad-Direttiva 98/8 qabel ma ġew imħassra, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 528/2012, jipprevedi:

“I.-Il-persuna li tkun bagħtet lill-awtorità amministrattiva informazzjoni li fir-rigward tagħha hija tinvoka s-sigriet kummerċjali tista’ tindika dik l-informazzjoni li hija tqis bħala kummerċjalment sensittiva, li l-iżvelar tagħha jista’ jikkawżalha preġudizzju, u li għaliha hija titlob is-sigriet fil-konfront ta’ kull persuna oħra minbarra l-awtorità amministrattiva. F’dan il-każ, għandhom jiġu pprovduti ġustifikazzjonijiet lill-awtorità amministrattiva li tevalwa l-fondatezza tat-talba.

[…]

II.-L-awtorità amministrattiva għandha tieħu l-passi kollha xierqa biex tiżgura li l-informazzjoni li hi jew l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea jew l-[ECHA] tkun rikonoxxuta bħala sigriet kummerċjali, tkun aċċessibbli biss għall-persuni li tkun ħatret. […]

[…]”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

26

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkummerċjalizza prodott bijoċidali msejjaħ “VectoBac”, intiż għall-kontroll tan-nemus u li s-sustanza attiva tiegħu hija l-Bacillus thuringiensis israelensis, serotip H14, razza AM65-52 (Bti-AM65-52). Din tal-aħħar ġiet inkluża fil-lista tas-sustanzi attivi u tar-rekwiżiti relatati approvati fuq livell Komunitarju għall-inklużjoni fil-prodotti bijoċidali li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 98/8.

27

Fit‑30 ta’ Awwissu 2013, skont l-indikazzjonijiet tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), CERA ppreżentat, quddiem l-ANSES, applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ tliet prodotti bijoċidali, imsejħa “Aquabac XT”, “Aquabac DF3000” u “Aquabac 200G”, li s-sustanza attiva tagħhom hija l-istess baċillu tal-istess serotip bħas-sustanza attiva msemmija fil-punt preċedenti, iżda li r-razza tagħhom hija BMP 144 (Bti-BMP 144). L-għan ta’ dawn il-prodotti huwa identiku għal dak tal-prodott Vectobac.

28

L-awtorizzazzjonijiet mitluba ngħataw permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tal-ANSES tad‑19 ta’ Awwissu 2019 abbażi ta’ rapport, stabbilit minn din tal-aħħar, li kkonkluda favur l-ekwivalenza teknika tas-sustanzi attivi Bti-BMP 144 u Bti-AM65-52.

29

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Frar 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet lill-ANSES tikkomunikalha dan ir-rapport.

30

L-ANSES bagħtitilha l-paġni 1, 2 u 23 tal-imsemmi rapport, li jikkorrispondu, rispettivament, għall-paġna ta’ quddiem, għas-sommarju u għal konklużjoni fil-forma ta’ tabella, iżda rrifjutat il-komunikazzjoni tal-paġni li kien fadal minħabba li dawn jinkludu informazzjoni koperta mis-sigriet kummerċjali.

31

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxiet lit-tribunal administratif de Melun (il-Qorti Amministrattiva ta’ Melun, Franza) sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-ANSES tat‑8 ta’ Awwissu 2021 li tirrifjuta l-aċċess għar-rapport inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, dik il-qorti annullat dik id-deċiżjoni sa fejn hija rrifjutat il-komunikazzjoni tal-punt 2.2 ta’ dan ir-rapport, li tinsab fil-paġni 21 u 22 tiegħu, ordnat lill-ANSES twettaq din il-komunikazzjoni u ċaħdet il-kumplament tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

32

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn talbitha, b’mod partikolari, tannulla l-imsemmija sentenza sa fejn dik ċaħdet il-kumplament tat-talbiet tagħha u, filwaqt li tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu, tilqa’ t-talba tagħha.

33

Dik il-qorti tippreċiża li l-estratti mhux ikkomunikati tar-rapport inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw:

–

il-parti I, dwar il-metodoloġija użata mill-ANSES biex tiddetermina jekk is-sustanza attiva fil-prodotti Aquabac hijiex teknikament ekwivalenti għal dik fil-prodott VectoBac u

–

l-ewwel sezzjoni tal-Parti II li timplimenta din il-metodoloġija għas-sustanzi attivi inkwistjoni u li fiha informazzjoni relatata ma’, l-ewwel nett, l-identità u d-dettalji personali tal-applikant u tal-manifattur tas-sustanza attiva inkluża fil-prodotti Aquabac, it-tieni nett, il-post tal-fabbrika li fiha dan jiġi mmanifatturat, it-tielet nett, l-isem tal-mikro-organiżmu attiv, ir-raba’ nett, il-klassifikazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, il-ħames nett, il-proċess ta’ manifattura tiegħu, is-sitt nett, il-kontenut tas-sustanza attiva inkluża fil-prodotti bijoċidali inkwistjoni, is-seba’ nett, l-identità tat-tossini u l-metaboliti rilevanti, ir-residwi tal-fermentazzjoni u l-kontaminanti, it-tmien nett, il-“profil ta’ analiżi” li jqabbel il-kompożizzjoni ta’ ħames lottijiet tal-prodotti bijoċidali inkwistjoni, id-disa’ nett, il-metodi ta’ analiżi għall-identifikazzjoni tal-mikroorganiżmu pur attiv fil-mikroorganiżmu attiv kif finalment immanifatturat, u, l-għaxar nett, il-metodi ta’ analiżi għad-determinazzjoni tal-impuritajiet u t-tossini, ir-residwi tal-fermentazzjoni u tal-kontaminanti f’dan il-mikroorganiżmu.

34

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li r-rapport mitlub ġie stabbilit fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali Aquabac ippreżentati minn CERA qabel l‑1 ta’ Settembru 2013 u li l-ANSES applikat l-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 528/2012 u għalhekk eżaminat dawn l-applikazzjonijiet, u sussegwentement ħarġet dawn l-awtorizzazzjonijiet, konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 98/8. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti tfittex li tiddetermina, fl-ewwel lok, jekk talba għal aċċess għal dan ir-rapport għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl tar-regoli ta’ kunfidenzjalità previsti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva jew fid-dawl tal-Artikoli 66 u 67 ta’ dan ir-regolament.

35

Fit-tieni lok, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 98/8, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(3)(f) u (k) tagħha.

36

Fit-tielet lok, anki jekk jitqies li t-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 528/2012, id-domandi ta’ din il-qorti jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 66(3)(j) ta’ dan ir-regolament kif ukoll tal-Artikolu 67(1)(h), paragrafu 3(e), u paragrafu 4, tiegħu.

37

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 528/2012 ma jagħmlux riferiment għad-Direttiva 2003/4, filwaqt li l-Artikolu 19 tad-Direttiva 98/8 kien jipprevedi li dan kien japplika bla ħsara għad-Direttiva 90/313, fejn din tal-aħħar tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2003/4. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti tistaqsi jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellux l-intenzjoni li jiddefinixxi, fir-Regolament Nru 528/2012, sistema speċifika u eżawrjenti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tal-informazzjoni dwar il-prodotti bijoċidali u s-sustanzi attivi tagħhom u, għalhekk, li jeskludi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4.

38

Fir-raba’ lok, ir-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi wkoll mill-kwistjoni dwar jekk il-kwalifika “tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, jekk tiġi preżunta applikabbli, tistax tapplika għall-informazzjoni miżmuma mill-awtorità kompetenti wara l-eżami tal-ekwivalenza teknika ta’ sustanza attiva ma’ sustanza attiva approvata.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Meta l-awtorità nazzjonali kompetenti, li tkun irċeviet applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sabiex prodott bijoċidali jitqiegħed fis-suq qabel l‑1 ta’ Settembru 2013 u li, skont l-Artikolu 91 tar-Regolament (UE) Nr 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, tkun eżaminat din l-applikazzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidal li, wara l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni, issirilha applikazzjoni minn terz għal aċċess għal informazzjoni relatata mal-prodott bijoċidali li tkun awtorizzat u s-sustanza attiva li fih, b’mod partikolari l-ekwivalenza teknika tagħha ma’ sustanza attiva awtorizzata, għandha din l-awtorità teżamina din l-applikazzjoni għal aċċess fid-dawl tar-regoli ta’ kunfidenzjalità previsti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 19 tad-Direttiva 98/8, jew dawk previsti mill-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 528/2012?

2)

Jekk tali applikazzjoni għall-aċċess tkun irregolata mid-Direttiva 98/8, li l-Artikolu 19 tagħha japplika bla ħsara għad-Direttiva 2003/4/KE […]:

a)

il-punt (k) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li jipprevdi li ladarba tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni sabiex il-prodott bijoċidali jitqiegħed fis-suq, il-kunfidenzjalità ma tapplika taħt l-ebda ċirkostanza għall-‘metodi ta’ l-analiżi riferiti fl-Artikolu 5(1)(c)’, jippermetti lill-applikant jikseb kwalunkwe informazzjoni ddettaljata relatata ma’ dawn il-metodi, inkluż jekk l-iżvelar tagħha jista’ jimmina sigriet tan-negozju, jew informazzjoni ġenerali biss relatata man-natura ta’ dawn il-metodi u, fejn applikabbli, il-konklużjonijiet li jistgħu jinsiltu[;]

b)

l-‘informazzjoni fiżika u kimika li tirrigwarda s-sustanza attiva u l-prodott bijoċidali’, li ma tistax tibqa’ kunfidenzjali ladarba tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni taħt il-punt (f) tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 19, tippermetti lill-applikant li jirrikjedi komunikazzjoni ta’ data ddettaljata relatata mal-kompożizzjoni tas-sustanza attiva jew tal-prodott bijoċidali, anki li tista’ tiżvela direttament jew indirettament il-metodi ta’ manifattura?

3)

Jekk, min-naħa l-oħra, tali talba għal aċċess hija rregolata mir-Regolament Nru 528/2012:

a)

il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, permezz tal-Artikoli 66 u 67 ta’ dan ir-regolament, li ma jirreferux għad-Direttiva 2003/4, li jiddefinixxi reġim speċifiku u eżawrjenti għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ informazzjoni dwar il-prodotti bijoċidali u s-sustanzi attivi tagħhom u, b’hekk, iwarrab id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4 sa fejn dawn jipprevedu, minn naħa, li s-sigriet tan-negozju ma jistax jipprevjeni l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni relatata ma’ emissjonijiet fl-ambjent u, min-naħa l-oħra, jekk l-iżvelar ta’ informazzjoni oħra relatata mal-ambjent tista’ tagħmel ħsara lill-interessi kummerċjali ta’ kumpannija, l-awtorità amministrattiva kompetenti għandha, qabel rifjut possibbli ta’ komunikazzjoni, tibbilanċja l-interess ta’ din l-impriża u l-interess tal-pubbliku[;]

b)

il-komunikazzjoni ta’ rapport li jevalwa l-ekwivalenza teknika bejn sustanza attiva approvata u s-sustanza attiva li tinsab fi prodott bijoċidali, redatt fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq għal dan il-prodott, hija rregolata mill-punt (e) tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 528/2012, li jipprevedi l-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ sustanzi attivi approvati sakemm ma jkunx mitlub trattament kunfidenzjali mill-applikant, permezz tal-punt (b) tal-paragrafu 4 ta’ dan l-istess artikolu, li jipprevedi l-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ prodott bijoċidali awtorizzat sakemm ma jkunx mitlub trattament kunfidenzjali mill-applikant, jew minn regoli oħra[;]

c)

il-punt (j) tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 528/2012, li jipprevedi li ladarba tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott bijoċidali, aċċess għal ‘metodi tal-analiżi msemmija fl-Artikolu 19(1)(c)’ ma għandu “fl-ebda każ jiġi rifjutat”, tagħmilha possibbli li tinkiseb xi informazzjoni ddettaljata relatata ma’ dawk il-metodi, inkluż jekk l-iżvelar tagħha jista’ jimmina s-sigriet tan-negozju, jew biss informazzjoni ġenerali relatata man-natura ta’ dawn il-metodi u, fejn applikabbli, il-konklużjonijiet li għamlu possibbli li jinsiltu[;]

d)

il-punt (h) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 67 tal-istess regolament, li jipprevedi li mid-data tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, il-‘metodi analitiëi jekk msemmija fit-[…] taqsima 4.2 tat-Titolu 2 tal-Anness II’, għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu fir-realtà għad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4.3 tat-Titolu 2 tal-Anness II li għalihom irreferiet qabel l-intervent tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/525 tad‑19 ta’ Ottubru 2020 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali? Jekk ikun hemm raġuni sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati bħala li jirreferu għad-dispożizzjonijiet li bħalissa huma fis-seħħ fit-Taqsima 4.2. tat-Titolu 2 tal-Anness II, u jekk wieħed jassumi li dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli għal sustanza attiva li ma kinitx is-suġġett ta’ approvazzjoni iżda li hija rrikonoxxuta bħala teknikament ekwivalenti għal sustanza attiva approvata, il-komunikabbiltà mal-prinċipju ta’ “metodi ta’ analiżi għall-analiżi tal-mikroorganiżmu kif manifatturat” imsemmija f’din it-Taqsima 4.2 tippermetti lill-applikant jikseb kwalunkwe informazzjoni dettaljata relatata ma’ dawn il-metodi, inkluż jekk l-iżvelar tiegħu jista’ jpoġġi f’dubju s-sigriet tan-negozju, jew biss informazzjoni ġenerali relatata man-natura ta’ dawn il-metodi u, jekk ikun il-każ, mal-konklużjonijiet li huma permessi li jinsiltu?

4)

Fl-aħħar nett, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4 japplikaw għal din it-tilwima, il-kwalifika ‘tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent’ fis-sens tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li tinkludi informazzjoni dwar in-natura, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-data u l-post ta’ dawn l-emissjonijiet, kif ukoll l-informazzjoni relatata mal-effetti tagħhom, f’terminu bejn wieħed u ieħor fit-tul, fuq l-ambjent, tista’ tapplika għall-informazzjoni prodotta jew riċevuta mill-awtorità kompetenti fil-kuntest tal-eżami tal-ekwivalenza teknika ta’ sustanza attiva ma’ sustanza attiva approvata, jew tista’ tapplika biss għall-informazzjoni relatata mal-prodott bijoċidali li fih tkun tinsab tali sustanza, sakemm ikun dan il-prodott, fil-komponenti kollha tiegħu, li jinxtered fl-ambjent, u mhux biss is-sustanza attiva?”.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

40

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ prodott bijoċidali tkun tressqet taħt id-Direttiva 98/8 u tkun ġiet investigata, u sussegwentement approvata, mill-awtorità nazzjonali kompetenti konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva, talba għal aċċess għall-informazzjoni dwar dan il-prodott u, b’mod partikolari, dwar l-ekwivalenza teknika bejn is-sustanza attiva li tinsab fih u sustanza attiva approvata, għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 98/8 jew tal-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 528/2012, fil-każ fejn din it-talba għal aċċess tressqet wara d-data li fiha dan ir-regolament sar applikabbli.

41

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-talba għal aċċess inkwistjoni fil-kawża prinċipali tressqet fl‑11 ta’ Frar 2021. Din tirrigwarda l-prodotti bijoċidali Aquabac li għalihom intalbet l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, fit‑30 ta’ Awwissu 2013.

42

Sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li, fir-realtà, it-talbiet għal awtorizzazzjoni ġew ippreżentati fis‑6 ta’ Ottubru 2013, u għalhekk wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 528/2012, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa biss tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika kif deskritta mill-qorti tal-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-elementi utli għas-soluzzjoni tal-kawża li tkun tressqet quddiemha (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, État belge, C‑35/19, EU:C:2019:894, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Konsegwentement, huwa abbażi tal-elementi fattwali indikati mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) fid-deċiżjoni tar-rinviju li hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula.

44

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 528/2012, dan tal-aħħar sar applikabbli mill-1 ta’ Settembru 2013. Huwa b’effett minn din id-data li d-Direttiva 98/8 tħassret, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 96 ta’ dan ir-regolament, bla ħsara għall-Artikoli 86, 89 sa 93 u 95 tal-imsemmi regolament.

45

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 528/2012 fil-fatt jipprovdi li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti bijoċidali ppreżentati skont id-Direttiva 98/8 li l-evalwazzjoni tagħhom ma tkunx tlestiet sal‑1 ta’ Settembru 2013 għandhom jiġu evalwati mill-awtoritajiet kompetenti skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

46

Barra minn hekk, mill-punt 2.5 tat-Titolu 2 tal-Anness III tar-Regolament Nru 528/2012, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Delegat Nru 2021/525 jirriżulta li, meta ekwivalenza teknika hija meħtieġa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni mwettqa skont dan ir-regolament, il-prova għandha tiġi pprovduta li din l-ekwivalenza ġiet stabbilita skont l-Artikolu 54 tiegħu “ jew ġiet stabbilita, wara evalwazzjoni li bdiet qabel l‑1 ta’ Settembru 2013 minn awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 98/8”.

47

Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott bijoċidali. Min-naħa l-oħra, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 29 u 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda waħda mill-miżuri tranżitorji previsti fl-Artikoli 89 sa 93 u 95 tar-Regolament Nru 528/2012 ma tikkonċerna applikazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri applikazzjoni għal aċċess għall-informazzjoni dwar prodott bijoċidali awtorizzat u s-sustanza attiva li jkun fih, b’mod partikolari fir-rigward tal-ekwivalenza teknika tiegħu ma’ sustanza attiva approvata.

48

Barra minn hekk, kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott bijoċidali u l-applikazzjoni għal aċċess għal informazzjoni dwar prodott bijoċidali awtorizzat huma s-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri distinti.

49

Għaldaqstant, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji applikabbli għal talba għal aċċess għal informazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imressqa wara l‑1 ta’ Settembru 2013, dwar sustanza attiva li tinsab fi prodott bijoċidali awtorizzat taħt id-Direttiva 98/8, u, b’mod partikolari, għall-ekwivalenza teknika bejn tali sustanza attiva u sustanza attiva oħra approvata, l-evalwazzjoni tal-imsemmija applikazzjoni hija rregolata mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 96 u 97 tar-Regolament Nru 528/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li talba għal aċċess għall-informazzjoni dwar sustanza attiva li tinsab fi prodott bijoċidali awtorizzat u, b’mod partikolari, dwar l-ekwivalenza teknika tagħha ma’ sustanza attiva approvata, li tressqet wara d-data li fiha dan ir-regolament sar applikabbli, għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, anki meta tali applikazzjoni tikkonċerna prodott bijoċidali awtorizzat konformement mad-Direttiva 98/8 jew, jekk ikun il-każ, skont l-istess regolament abbażi ta’ ekwivalenza teknika stabbilita minn awtorità kompetenti maħtura konformement mal-Artikolu 26 ta’ din d-direttiva.

Fuq it-tieni domanda

51

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

52

Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat il-punt (c) tat-tielet domanda, imbagħad, flimkien, il-punti (b) u (d) ta’ din id-domanda, qabel ma tingħata risposta għall-punt (a) tagħha.

Fuq il-punt (c) tat-tielet domanda

53

Permezz tal-punt (c) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 66(3)(j) tar-Regolament Nru 528/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, b’risposta għal talba għal aċċess ibbażata fuq din id-dispożizzjoni, l-awtorità kompetenti hija obbligata tikkomunika kull informazzjoni ddettaljata dwar il-metodi ta’ analiżi msemmija fl-Artikolu 19(1)(c) ta’ dan ir-regolament, inkluż meta l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jippreġudika s-sigriet kummerċjali, jew biss informazzjoni ġenerali dwar in-natura ta’ dawn il-metodi u, jekk ikun il-każ, il-konklużjonijiet li huma ppermettew li jinsiltu.

54

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 528/2012, l-ECHA u l-awtoritajiet kompetenti jirrifjutaw l-aċċess għall-informazzjoni meta l-iżvelar tagħha jkun jimmina l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, tal-ħajja privata jew tas-sigurtà tal-persuni kkonċernati. It-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jelenka l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha huwa, bħala prinċipju, ikkunsidrat bħala li jikkawża tali preġudizzju.

55

L-Artikolu 66(3)(j) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, minkejja l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 66, ladarba tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni, l-aċċess għall-“metodi tal-analiżi msemmija fl-Artikolu 19(1)(c)”, tal-imsemmi regolament fl-ebda każ ma għandu jiġi rrifjutat.

56

Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 83 u 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-kliem inekwivokabbli tal-Artikolu 66(3) tar-Regolament Nru 528/2012 u, b’mod iktar partikolari, mill-espressjoni “fl-ebda każ”, jirriżulta li, ladarba tingħata l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-metodi ta’ analiżi msemmija fl-Artikolu 19(1)(c) tar-Regolament Nru 528/2012 ma jistax jiġi rrifjutat għal kwalunkwe raġuni.

57

Din l-aħħar dispożizzjoni teżiġi, skont il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq għal prodott bijoċidali li ma huwiex wieħed mill-prodotti ammissibbli għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ssemplifikata, li, b’mod partikolari, l-identità kimika, il-kwantità u l-ekwivalenza teknika tas-sustanzi attivi fil-prodott bijoċidali jkunu jistgħu jiġu ddeterminati konformement mar-rekwiżiti applikabbli ddefiniti fl-Annessi II u III ta’ dan ir-regolament.

58

L-Artikolu 19(1)(c) tar-Regolament Nru 528/2012 isemmi għalhekk espliċitament, fost l-elementi li huma s-suġġett ta’ evalwazzjoni mwettqa konformement mal-metodi ta’ analiżi msemmija f’dan l-Artikolu 19 u li tista’ twassal għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodott bijoċidali inkwistjoni, l-ekwivalenza teknika tas-sustanzi attivi li jinsabu f’dan il-prodott. Konsegwentement, sa fejn l-Artikolu 66(3)(j) ta’ dan ir-regolament jipprojbixxi kull rifjut ta’ aċċess għall-“metodi ta’ analiżi msemmija fl-Artikolu 19(1)(c)”, tiegħu, huwa jkopri neċessarjament il-metodi li ppermettew li tiġi stabbilita, fost oħrajn, din l-ekwivalenza, kif iddefinita fl-Artikolu 3(1)(w) tal-imsemmi regolament u msemmija, b’mod partikolari, fil-punt 2.5 tat-Titolu 2 tal-Anness III tal-istess regolament.

59

Barra minn hekk, sa fejn l-Artikolu 66(3)(j) tar-Regolament Nru 528/2012 jipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tiżgura l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-metodi ta’ analiżi li ntużaw għall-finijiet tal-għoti tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ikkonċernata, din id-dispożizzjoni ma tistax, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, tiġi interpretata bħala li tirreferi biss għall-provvista ta’ informazzjoni ġenerali dwar in-natura ta’ dawn il-metodi. Għall-kuntrarju, hija għandha tiġi interpretata bħala li tobbliga li tingħata informazzjoni preċiża u kompleta dwar l-imsemmija metodi. Min-naħa l-oħra, u kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali, l-imsemmi obbligu huwa limitat għall-metodi ta’ analiżi u għalhekk ma jestendix għar-riżultati jew għall-konklużjonijiet miksuba wara l-applikazzjoni ta’ dawn il-metodi.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-punt (c) tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 66(3)(j) tar-Regolament Nru 528/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, ladarba tingħata l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott bijoċidali, l-awtorità kompetenti ma tistax tirrifjuta l-aċċess mitlub għall-informazzjoni dwar il-metodi ta’ analiżi li ppermettew li tiġi stabbilita l-ekwivalenza teknika tas-sustanzi attivi li jinsabu f’dan il-prodott. Din l-informazzjoni għandha tkun preċiża u kompleta, iżda ma testendix għar-riżultati jew għall-konklużjonijiet miksuba wara l-applikazzjoni ta’ dawn il-metodi.

Fuq il-punti (b) u (d) tat-tielet domanda

61

Permezz tal-punti (b) u (d) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 528/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni sħiħa jew parzjali ta’ rapport li jistabbilixxi l-ekwivalenza teknika bejn sustanza attiva approvata u s-sustanza attiva li fiha prodott bijoċidali, ippreparat fl-okkażjoni tal-eżami ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1(h), tal-paragrafu 3(e) jew tal-paragrafu 4(b) ta’ dan l-Artikolu 67. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan l-imsemmi Artikolu 67(1)(h), li jeżiġi t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-“metodi analitiċi […] msemmija fit-[…]taqsima 4.2 tat-Titolu 2 tal-Anness II”, għandux jiġi interpretat bħala li jirreferi fir-realtà għall-punt 4.3 tat-Titolu 2 tal-Anness II tar-Regolament Nru 528/2012, li kien il-punt 4.2 ta’ dan it-titolu li sar il-punt 4.3 tiegħu wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat 2021/525.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 528/2012 jimponi fuq l-ECHA u, fil-paragrafu 1 tiegħu, fuq il-Kummissjoni t-tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr ħlas ta’ ċerta informazzjoni u ma huwiex indirizzat għalhekk, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

63

Madankollu, l-imsemmi Artikolu 67 jistabbilixxi qafas normattiv ta’ referenza fil-qasam tat-trasparenza li huwa wkoll rilevanti għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, taħt ir-Regolament Nru 528/2012, tal-fondatezza ta’ talba għal aċċess għall-informazzjoni dwar prodott bijoċidali awtorizzat konformement mad-Direttiva 98/8 jew abbażi ta’ ekwivalenza teknika stabbilita, skont il-punt 2.5 tat-Titolu 2 tal-Anness III ta’ dan ir-regolament, minn awtorità kompetenti maħtura konformement mal-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva.

64

L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 528/2012 jipprevedi li l-informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr ħlas, minn naħa, “[m]id-data li fiha l-Kummissjoni tadotta Regolament ta’ implimentazzjoni li jistipula li sustanza attiva hija approvata”, konformement mal-paragrafi 1 u 3 tiegħu u, min-naħa l-oħra, “[m]id-data li fiha prodott bijoċidali jkun awtorizzatt”, konformement mal-paragrafi 2 u 4 tiegħu

65

F’dan il-każ, it-talba għal aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni ma taqax taħt l-ewwel, iżda taħt it-tieni xenarju. Fil-fatt, din l-applikazzjoni ma tikkonċernax dokumenti relatati mal-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ sustanza attiva, irregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 528/2012, iżda dokumenti li jaqgħu taħt proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ prodotti bijoċidali, abbażi ta’ ekwivalenza teknika ta’ sustanza attiva li tinsab fihom ma’ sustanza oħra diġà approvata u inkluża fil-lista tal-Unjoni tas-sustanzi attivi approvati, li tappartjeni għall-Kapitoli IV sa VI ta’ dan ir-regolament.

66

Minħabba f’hekk, la l-paragrafu 1(h) u lanqas il-paragrafu 3(e) tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 528/2012 ma jistgħu japplikaw fil-kuntest tal-kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

67

Fir-rigward tat-tieni każ imsemmi fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, u, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 67(4)(b) tar-Regolament Nru 528/2012, li jirreferi għar-“rapport ta’ evalwazzjoni”, għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett huwa ddefinit mill-Artikolu 30(3)(a) ta’ dan ir-regolament bħala r-“rapport[,stabbilit mill-awtorità kompetenti li tirċievi,] tal-konklużjonijiet fil-qosor tal-valutazzjoni […] u r-raġunijiet li għalihom tkun awtorizzat il-prodott bijoċidali jew tkun irrifjutat li tagħti awtorizzazzjoni”.

68

Ċertament, l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza teknika bejn is-sustanza attiva li tinsab fi prodott bijoċidali u sustanza attiva diġà approvata tikkostitwixxi stadju preliminari għall-awtorizzazzjoni ta’ tali prodott, jekk tkun saret applikazzjoni f’dan is-sens. F’dan ir-rigward, qabel kollox, l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 528/2012, li jirregola l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza teknika, jirreferi għall-“valutazzjoni” li għandha twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-ekwivalenza teknika bejn is-sustanzi attivi. Sussegwentement, mill-punt 2.5 tat-Titolu 2 tal-Anness III ta’ dan ir-regolament, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Delegat Nru 2021/525, jirriżulta li tali ekwivalenza teknika tista’ tiġi stabbilita, wara “evalwazzjoni” li tkun bdiet qabel l-1 ta’ Settembru 2013, minn awtorità kompetenti maħtura konformement mal-Artikolu 26 tad-Direttiva 98/8. Fl-aħħar nett, l-Anness VI tar-Regolament Nru 528/2012, li jiddefinixxi, skont it-titolu tiegħu, il-prinċipji komuni ta’ evalwazzjoni tal-fajls tal-prodotti bijoċidali, jippreċiża, fil-punt 21 tiegħu, li, “[f]ejn tkun rilevanti, l-ekwivalenza teknika għal kull sustanza attiva li tinsab fil-prodott bijoċidali għandha tiġi stabbilita b’referenza għal sustanzi attivi diġà inklużi fil-lista tas-sustanzi attivi approvati”. Madankollu, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li d-deċiżjonijiet meħuda mill-ECHA skont l-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament jew mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, sabiex tiġi stabbilita din l-ekwivalenza teknika, jikkostitwixxu “rapport tal-valutazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 30(3)(a) tal-imsemmi regolament.

69

Għalhekk jidher li la l-Artikolu 67(1)(h) tar-Regolament Nru 528/2012, la l-Artikolu 67(3)(e) ta’ dan ir-regolament, u lanqas l-Artikolu 67(4)(b) tiegħu ma jeżiġu t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ rapport bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-punt (d) tal-ewwel parti tat-tielet domanda, kif imfakkar fit-tieni sentenza tal-punt 61 ta’ din is-sentenza.

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punti (b) u (d) tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 67(1)(h), l-Artikolu 67(3)(e) u l-Artikolu 67(4)(b) tar-Regolament Nru 528/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet il-komunikazzjoni ta’ rapport li jistabbilixxi l-ekwivalenza teknika bejn sustanza attiva li tinsab fi prodott bijoċidali awtorizzat u sustanza attiva approvata, imfassal mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru fl-okkażjoni tal-eżami ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott.

Fuq il-punt (a) tat-tielet domanda

72

Permezz tal-punt (a) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 528/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jiddefinixxu sistema speċifika u eżawrjenti ta’ aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru dwar il-prodotti bijoċidali u, b’mod partikolari, dwar l-ekwivalenza teknika bejn is-sustanza attiva li tinsab fih u sustanza attiva approvata, ta’ natura li teskludi l-applikazzjoni, minn dawn l-awtoritajiet, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4.

73

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 528/2012, peress li, kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament ma huwiex indirizzat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, huwa biss l-Artikolu 66 tiegħu li huwa rilevanti għall-eżami tal-punt (a) tat-tielet domanda.

74

Konformement mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 528/2012, l-iżvelar tad-“dettalji tal-kompożizzjoni sħiħa tal-prodott bijoċidali” huwa, bħala prinċipju, ikkunsidrat bħala li jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali. B’eċċezzjoni għal din ir-regola, “fejn tkun essenzjali azzjoni urġenti sabiex jiġu protetti […] l-ambjent jew għal raġunijiet ta’ interess pubbliku oħrajn li jipprevalixxu”, l-awtoritajiet kompetenti huma madankollu obbligati, skont it-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li jiżvelaw din l-informazzjoni. Barra minn hekk, ladarba tingħata l-awtorizzazzjoni, l-aċċess bl-ebda mod ma jiġi rrifjutat għall-informazzjoni li taqa’ taħt waħda mit-tlettax-il kategorija msemmija fl-Artikolu 66(3) tar-Regolament Nru 528/2012, li fosthom hemm, fil-punt (j), il-“metodi tal-analiżi msemmija fl-Artikolu 19(1)(c)”, tiegħu.

75

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tagħha, ikunu obbligati jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ kull applikant, u mingħajr ma dan ikun obbligat jiddikjara interess, l-informazzjoni dwar l-ambjent kollha li taqa’ taħt waħda mis-sitt kategoriji ta’ informazzjoni msemmija fl-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 2, li huma jkollhom jew li jinżammu f’isimhom, ħlief jekk it-talba tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 4 tal-istess direttiva.

76

B’applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva 2003/4, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li talba għall-informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda jekk l-iżvelar tagħha jippreġudika “il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kummerċjali jew industrijali meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovvduta fil-liġijiet nazzjonali jew [tal-Unjoni] sabiex tipproteġi interess ekonomiku leġittimu”. Is-sentenza ta’ qabel tal-aħħar tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva tipprevedi, f’dan ir-rigward, li “[f’]kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut”.

77

Barra minn hekk, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa eċċezzjoni għad-deroga prevista fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. B’hekk, skont l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali ma tistax tiġġustifika iċ-ċaħda ta’ talba għal aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent li tirrigwarda t-“tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”.

78

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-artikolazzjoni tal-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 528/2012 mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mill-Artikolu 19 tad-Direttiva 98/8 li kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan kien japplika “[m]ingħajr preġudizzju għad-Direttiva [90/313]”, la l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 528/2012 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tiegħu ma jinkludu preċiżazzjoni analoga li tirrigwarda d-Direttiva 2003/4 li ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 90/313.

79

Madankollu, din l-assenza ta’ preċiżjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li teskludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/4 għat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti mfassla għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ dan ir-regolament jew, jekk ikun il-każ, konformement mal-miżuri tranżitorji previsti mill-imsemmi regolament, tad-Direttiva 98/8.

80

L-ewwel nett, ir-Regolament Nru 528/2012 ma jispeċifikax li d-dispożizzjonijiet tiegħu fil-qasam tal-kunfidenzjalità jidderogaw, billi jillimitawh, mis-sistema ġenerali ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 66(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi espressament li r-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll ir-regoli adottati mill-Bord tat-Tmexxija tal-ECHA skont l-Artikolu 118(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 “għandhom japplikaw għal dokumenti miżmuma mill-[ECHA] għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament”.

81

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà irrilevat li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006 jżid mar-Regolament Nru 1049/2001 regoli speċifiċi dwar talbiet ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 79). Issa, dan l-Artikolu 6 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, regola analoga għal dik prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4.

82

Barra minn hekk, il-premessa 117 tar-Regolament Nru 1907/2006 tipprovdi li “[l]-[ECHA] u l-Istati Membri għandhom jippermettu aċċess għal informazzjoni skond id-Direttiva [2003/4], ir-Regolament [Nru 1049/2001], u skond il-Konvenzjoni [ta’ Aarhus]”.

83

It-tieni nett, l-użu tal-avverbju “fil-prinċipju” fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 528/2012 jagħti x’jifhem li l-informazzjoni li taqa’ taħt waħda mill-erba’ kategoriji elenkati fih ma għandhiex, fi kwalunkwe każ, tiġi protetta kontra l-iżvelar u li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, it-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 2 jeżiġi espressament li dawn l-awtoritajiet iwettqu bbilanċjar tal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u ta’ dik tal-interessi pubbliċi moqdija bl-iżvelar tal-imsemmija informazzjoni.

84

Għalhekk, ma jidhirx li, permezz tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 528/2012 fil-qasam tal-kunfidenzjalità, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jipprevedi sistema speċifika u eżawrjenti ta’ natura li teskludi l-aċċess għat-tagħrif dwar emissjonijiet fl-ambjent, konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/4. F’dan ir-rigward, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2009 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-Tqegħid fis-Suq u l-Użu tal-Prodotti Bijoċidali [KUMM (2009) 267 finali] jirriżulta li d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kunfidenzjalità tad-Direttiva 98/8 kellhom jiġu ftit emendati u allinjati ma’ dawk tar-Regolament Nru 1907/2006, b’mod li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tagħhom mill-ECHA.

85

It-tielet nett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni kuntrarja twassal sabiex jiġu injorati l-impenji internazzjonali meħuda mill-Unjoni minħabba l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li tipprevedi, fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tagħha, li s-sigriet kummerċjali u industrijali ma jistax jiġi invokat kontra l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet li hija rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent.

86

Issa, mill-premessa 5 tad-Direttiva 2003/4 jirriżulta li l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar wieġbet preċiżament għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

87

B’hekk, billi jipprevedi li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali ma tistax tiġi invokata kontra l-iżvelar tat-“tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, jippermetti implimentazzjoni konkreta ta’ din ir-regola mfakkra fil-punt 85 ta’ din is-sentenza u tal-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għall-informazzjoni dwar l-ambjent miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew għalihom (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 57).

88

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punt (a) tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 528/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jiddefinixxix sistema speċifika u eżawrjenti ta’ aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru dwar il-prodotti bijoċidali u, b’mod partikolari, dwar l-ekwivalenza teknika bejn is-sustanza attiva li tinsab fih u sustanza attiva approvata, ta’ natura li teskludi l-applikazzjoni, minn dawn l-awtoritajiet, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4.

Fuq ir-raba’ domanda

89

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “tagħrif dwar emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jistax japplika għall-informazzjoni li tinsab f’rapport stabbilit mill-awtorità kompetenti wara l-eżami tal-ekwivalenza teknika ta’ sustanza attiva, inkluża fi prodott bijoċidali awtorizzat, ma’ sustanza attiva approvata.

90

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jinkludi b’mod partikolari r-rilaxx fl-ambjent ta’ prodotti jew ta’ sustanzi bħalma huma l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew il-prodotti bijoċidali u s-sustanzi li dawn il-prodotti jinkludu, sakemm dan ir-rilaxx ikun effettiv jew prevedibbli f’kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 81).

91

Min-naħa l-oħra, hija ppreċiżat li l-kunċett ta’ “tagħrif dwar emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri mhux biss l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet bħala tali, jiġifieri l-indikazzjonijiet dwar in-natura, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-data u l-post ta’ dawn l-emissjonijiet, iżda wkoll id-data dwar l-effetti ftit jew wisq fit-tul tal-imsemmija emissjonijiet fuq l-ambjent (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 87).

92

Għal dawn il-finijiet, il-pubbliku għandu jkollu aċċess mhux biss għall-informazzjoni dwar l-emissjonijiet inkwantu tali, iżda wkoll għal dik li tirrigwarda l-konsegwenzi ftit jew wisq fit-tul ta’ dawn l-emissjonijiet fuq l-istat tal-ambjent, bħall-effetti tal-imsemmija emissjonijiet fuq l-organiżmi mhux fil-mira. Fil-fatt, l-interess tal-pubbliku li jaċċedi għall-informazzjoni relatata mal-emissjonijiet fl-ambjent huwa preċiżament mhux biss li jsir jaf x’jiġi rrilaxxat jew x’jista’ jiġi prevedibbilment irrilaxxat fl-ambjent, iżda wkoll li jifhem il-mod kif l-ambjent jgħaddi mir-riskju li jiġi affettwat mill-emissjonijiet inkwistjoni (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 86).

93

Għalhekk taqa’ taħt il-kunċett ta’ “tagħrif dwar emissjonijiet fl-ambjent” data li tirriżulta minn studji li għandhom l-għan li jevalwaw l-emissjonijiet konkreti jew prevedibbli tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni fl-ambjent f’ċirkustanzi rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu ta’ dan il-prodott jew ta’ din is-sustanza, jew li janalizzaw l-effetti ta’ dawn l-emissjonijiet, bħal studji intiżi li jiddeterminaw it-tossiċità, l-effetti u aspetti oħra ta’ prodott jew ta’ sustanza fil-kundizzjonijiet realistiċi l-iktar sfavorevoli li jistgħu raġonevolment ikunu preżenti, kif ukoll studji mwettqa f’kundizzjonijiet kemm jista’ jkun simili għall-prattika agrikola normali u għall-kundizzjonijiet prevalenti fiż-żona fejn dan il-prodott jew din is-sustanza ser jintużaw (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 89 u 91).

94

Jaqgħu wkoll taħt dan il-kunċett l-informazzjoni dwar ir-residwi preżenti fl-ambjent wara l-applikazzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-istudji dwar il-grad tal-kurrent tas-sustanza waqt din l-applikazzjoni (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, EU:C:2016:890, punt 95).

95

Min-naħa l-oħra, hija eskluża l-informazzjoni li ma tikkonċernax l-emissjonijiet tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni fl-ambjent, kif ukoll id-data li tirrigwarda emissjonijiet ipotetiċi, jiġifieri emissjonijiet li ma humiex konkreti jew prevedibbli f’ċirkustanzi li jirrappreżentaw kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2016, Bayer CropScience u Stichting De Bijenstichting, C‑442/14, EU:C:2016:890, punti 77 sa 80 u 100).

96

Issa, kif jirrileva l-Gvern Franċiż, l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza teknika ta’ sustanza attiva, li tinsab fi prodott bijoċidali, ma’ sustanza attiva approvata ma għandhiex l-għan, a priori, li tistudja l-eventwali effetti fuq is-saħħa jew l-ambjent marbuta mal-emissjoni ta’ sustanza fl-ambjent, iżda sempliċement tipparaguna żewġ sustanzi billi tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni dwar il-kompożizzjoni eżatta tagħhom u l-proċessi ta’ manifattura.

97

Barra minn hekk, kif osserva wkoll il-Gvern Franċiż, l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tingħata lill-prodott li fih is-sustanza fir-rigward tar-riskji jew tal-perikoli li jista’ jippreżenta f’kundizzjonijiet normali jew realistiċi ta’ użu. Dawn il-kundizzjonijiet ma humiex dawk relatati mal-emissjoni tas-sustanza waħedha, iżda dawk relatati mal-prodott bijoċidali li jinkorporaha.

98

Għalhekk jidher li rapport ta’ ekwivalenza teknika ta’ sustanza attiva, li tinsab fi prodott bijoċidali, ma’ sustanza attiva approvata, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax, bħala prinċipju, tinkludi “tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4.

99

Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-rapport inkwistjoni fil-kawża prinċipali fihx tali informazzjoni.

100

B’mod partikolari, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk dan ir-rapport fihx informazzjoni dwar in-natura, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-data jew il-post ta’ emissjonijiet prevedibbli, f’ċirkustanzi rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet normali jew realistiċi ta’ użu, tas-sustanza attiva li tinsab fil-prodotti Aquabac jew, jekk ikun il-każ, l-informazzjoni dwar ir-residwi li jistgħu jkunu preżenti fl-ambjent wara l-applikazzjoni ta’ dawn il-prodotti.

101

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “tagħrif dwar emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jistax, bħala prinċipju, japplika għall-informazzjoni li tinsab f’rapport stabbilit mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wara l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza teknika ta’ sustanza attiva, li tinsab fi prodott bijoċidali awtorizzat, ma’ sustanza attiva approvata.

Fuq l‑ispejjeż

102

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 96 u 97 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 334/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2014,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

talba għal aċċess għall-informazzjoni dwar sustanza attiva li tinsab fi prodott bijoċidali awtorizzat u, b’mod partikolari, għall-ekwivalenza teknika tagħha ma’ sustanza attiva approvata, li tressqet wara d-data li fiha dan ir-regolament sar applikabbli, għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, anki meta tali applikazzjoni tikkonċerna prodott bijoċidali awtorizzat konformement mad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali, jew, jekk ikun il-każ, skont l-istess regolament abbażi ta’ ekwivalenza teknika stabbilita minn awtorità kompetenti maħtura konformement mal-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva.

 

2)

L-Artikolu 66(3)(j) tar-Regolament Nru 528/2012, kif emendat mir-Regolament Nru 334/2014,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ladarba tingħata l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott bijoċidali, l-awtorità kompetenti ma tistax tirrifjuta l-aċċess mitlub għall-informazzjoni dwar il-metodi ta’ analiżi li ppermettew li tiġi stabbilita l-ekwivalenza teknika tas-sustanzi attivi li jinsabu f’dan il-prodott. Din l-informazzjoni għandha tkun preċiża u kompleta, iżda ma testendix għar-riżultati jew għall-konklużjonijiet miksuba wara l-applikazzjoni ta’ dawn il-metodi.

 

3)

L-Artikolu 67(1)(h), l-Artikolu 67(3)(e) u l-Artikolu 67(4)(b) tar-Regolament Nru 528/2012, kif emendat mir-Regolament Nru 334/2014,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet il-komunikazzjoni ta’ rapport li jistabbilixxi l-ekwivalenza teknika bejn sustanza attiva li tinsab fi prodott bijoċidali awtorizzat u sustanza attiva approvata, imfassal mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru fl-okkażjoni tal-eżami ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott.

 

4)

L-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 528/2012, kif emendat mir-Regolament Nru 334/2014,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jiddefinixxix sistema speċifika u eżawrjenti ta’ aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru dwar il-prodotti bijoċidali u, b’mod partikolari, dwar l-ekwivalenza teknika bejn is-sustanza attiva li tinsab fih u sustanza attiva approvata, ta’ natura li teskludi l-applikazzjoni, minn dawn l-awtoritajiet, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE.

 

5)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “tagħrif dwar emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jistax, bħala prinċipju, japplika għall-informazzjoni li tinsab f’rapport stabbilit mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wara l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza teknika ta’ sustanza attiva, li tinsab fi prodott bijoċidali awtorizzat, ma’ sustanza attiva approvata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.