23.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 393/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1747

tal-20 ta’ Novembru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika, rigward l-emendar tal-Appendiċijiet 2-C-1 u 2-C-2 għall-Anness 2-C dwar il-Vetturi bil-Mutur u l-Partijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (1) (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2019.

(2)

L-Anness 2-C għall-Ftehim, dwar il-Vetturi bil-Mutur u l-Partijiet, jipprevedi fl-Appendiċi 2-C-1 lista ta’ Regolamenti tan-NU applikati miż-żewġ Partijiet u fl-Appendiċi 2-C-2 lista ta’ Regolamenti tan-NU applikati minn waħda mill-Partijiet u li għadhom mhumiex ikkunsidrati mill-Parti l-oħra.

(3)

Mill-iffirmar tal-Ftehim u bħala riżultat tal-progress fid-diskussjonijiet regolatorji fil-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), iż-żewġ Partijiet fil-preżent japplikaw żewġ Regolamenti tan-NU addizzjonali li ma kinux elenkati fl-Appendiċi 2-C-1. Barra minn hekk, żewġ Regolamenti tan-NU li kienu elenkati fl-Appendiċi 2-C-2 huma fil-preżent applikati miż-żewġ Partijiet u għandhom jiġu ttrasferiti fl-Appendiċi 2-C-1. Għalhekk l-Appendiċijiet 2-C-1 u 2-C-2 jenħtieġ li jiġu aġġornati f’konformità mal-Artikolu 9 tal-Anness 2-C għall-Ftehim. Tali aġġornament ser iżid iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-qafas regolatorju għar-relazzjonijiet kummerċjali preferenzjali bejn il-Partijiet.

(4)

Skont il-paragrafu 3 u s-subparagrafu 4(b) tal-Artikolu 23.2 tal-Ftehim, f’konformità mal-proċeduri legali domestiċi rispettivi tal-Partijiet, il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta deċiżjonijiet biex jemenda l-Appendiċijiet 2-C-1 u 2-C-2 għall-Anness 2-C għall-Ftehim.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, peress li d-deċiżjoni proposta tal-Kumitat Konġunt tkun vinkolanti għall-Unjoni.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika, fir-rigward tal-emendar tal-Appendiċijiet 2-C-1 u 2-C-2 għall-Anness 2-C għall-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat Konġunt (2).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)   ĠU L 330, 27.12.2018, p. 3.

(2)  Ara d-dokument ST 12431/20 fuq http://register.consilium.europa.eu